Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62013CJ0377

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2014.
    Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ Stat Membru’ — Tribunal Arbitral Tributário — Direttiva 69/335/KEE — Artikoli 4 u 7 — Żieda fil-kapital ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju — Taxxa tal-boll fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1984 — Tneħħija ta’ din it-taxxa tal-boll sussegwentement, imbagħad introduzzjoni mill-ġdid tagħha.
    Kawża C‑377/13.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:1754

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    12 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ Stat Membru’ — Tribunal Arbitral Tributário — Direttiva 69/335/KEE — Artikoli 4 u 7 — Żieda fil-kapital ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju — Taxxa tal-boll fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1984 — Tneħħija ta’ din it-taxxa tal-boll sussegwentement, imbagħad introduzzjoni mill-ġdid tagħha”

    Fil-Kawża C‑377/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

    Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta SA

    vs

    Autoridade Tributária e Aduaneira,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta SA, minn F. Fernandes Lourenço, avukat,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, J. Menezes Leitão u A. Cunha, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Guerra e Andrade u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-8 ta’ April 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4, 7 u 10(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 11), hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 122).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta SA (iktar ’il quddiem “Ascendi”) u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (awtorità tat-taxxa u tad-dwana), dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, tas-6 ta’ Awwissu 2012, li tirrifjuta lil Ascendi l-ħlas lura ta’ taxxi tal-boll li hija ħallset għal erba’ operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital li hija wettqet bejn ix-xhur ta’ Diċembru 2004 u Novembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    B’mod konformi mal-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 69/335 kellha bħala għan li tippromwovi l-moviment liberu tal-kapital, meqjus bħala libertà fundamentali essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mis-sitt sat-tmien premessi tagħha, din id-direttiva fittxet li tarmonizza d-dazju li għalih huma suġġetti l-kontribuzzjonijiet ta’ kumpanniji fl-Unjoni billi jiġi stabbilit dazju wieħed fuq il-ġbir tal-kapital li jista’ jiġi applikat biss darba waħda fis-suq intern u billi titneħħa kull taxxa indiretta oħra li għandha l-istess karatteristiċi ta’ dan id-dazju uniku.

    4

    Għal dan il-għan, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 69/335 ipprovda li l-“Istati Membri għandhom jimponu ħlas fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpanniji ta’ kapital [kumpanniji b’kapital azzjonarju] taxxa armonizzata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 9 u hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘dazju kapitali’”.

    5

    Id-Direttiva 85/303 wettqet ċerti emendi sostanzjali għad-Direttiva 69/335, b’mod partikolari għal-Artikoli 4(2) u 7 tagħha. It-tieni sar-raba’ premessi tad-Direttiva 85/303 jipprovdu:

    “[b]illi l-effetti komuni tad-dazju kapitali huma ta’ ħsara għar-ragruppament u l-iżvilupp ta’ intrapriżi; billi dawn l-effetti huma partikolarment ta’ ħsara fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti fejn hemm bżonn importanti li għandha tingħata prijorità lill-istimulazzjoni ta’ l-investiment;

    [b]illi l-aħjar soluzzjoni sabiex jintlaħqu dawn l-oġġettivi tkun li jitneħħew dazju kapitali; billi, madankollu, it-telf ta’ dħul li sussegwentement jirriżulta minn din il-miżura m’huwiex aċċettabbli għal ċerti Stati Membri; billi l-Istati Membri għandhom għalhekk jingħataw l-opportunità li jkunu jistgħu jeżentaw minn jew bla ħsara għad-dazju kapitali kull jew parti mit-transazzjonijiet li jsiru fi ħdanha [...];

    [b]illi għandu jkun hemm eżenzjoni mandatorja għat-transazzjonijiet li bħalissa huma bla ħsara għar-rata mnaqqsa ta’ dazju kapitali.”

    6

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/335, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Direttiva 85/303 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 69/335”), jipprovdi:

    “1.   L-operazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għad-dazju kapitali:

    [...]

    (ċ)

    żieda fil-kapital ta’ kumpanija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip;

    [...]

    2.   Is-segwenti transazzjonijiet jistgħu, sakemm kienu ġew intaxxati bir-rata ta’ 1 % sal-1 ta’ Lulju 1984, jissoktaw ikunu bla ħsara għad-dazju kapitali:

    (a)

    żieda fil-kapital ta’ kumpanija kapitali permezz tal-kapitalizzazzjoni tal-profitti jew ta’ riservi permanenti jew temporanji;

    [...]”

    7

    Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw mid-dazju kapitali transazzjonijiet, barra dawk li għalihom saret referenza fl-Artikolu 9, li huma sal-1 ta’ Lulju 1984, eżenti jew intaxxati b’kull rata ta’ [0.50] % jew inqas.

    L-eżenzjoni għandha tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li kienu applikabbli, f’dik id-data, għall-għoti tal-eżenzjoni jew, skont kif inhu l-każ, għal imposizzjoni ta’ rata ta’ [0.50] % jew inqas.

    [...]

    2.   L-Istati Membri jistgħu jew jeżentaw mid-dazju kapitali kull transazzjoni barra dawk li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1, jew iżżomm dazju fuqhom b’rata waħda li ma taqbiżx il-1 %.

    [...]”

    8

    L-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 69/335 jipprovdi:

    “Barra d-dazju kapitali, l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda ntaxxar affattu, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu għal profit:

    (a)

    fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;

    [...]”

    9

    It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 85/303 ġie stabbilit għall-1 ta’ Jannar 1986.

    10

    Id-Direttiva 69/335 tħassret bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, p. 11). Madankollu dan it-tħassir seħħ wara li seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    Id-dritt nazzjonali

    11

    L-Artikolu 145 tat-tariffa ġenerali dwar it-taxxa tal-boll (Tabela Geral do Imposto de Selo, iktar ’il quddiem it-“TGIS”), approvata bid-Digriet-Liġi Nru 21196, tat-28 ta’ Novembru 1932, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1984, jipprovdi:

    “Tisħiħ jew żieda fil-kapital ta’ soċjetajiet jew kumpanniji, fuq l-ammont taż-żieda:

    a)

    soċjetajiet ċivili – 5 għal kull elf (bolla);

    b)

    kumpanniji b’kapital azzjonarju [...] – 2 fil-mija (bolla);

    c)

    soċjetajiet jew kumpanniji oħra – 7 għal kull elf (bolla).

    1.   Għas-soċjetajiet jew kumpanniji previsti taħt a) u c), tiżdied il-bolla prevista fl-Artikolu 93.

    2.   Huwa eżentat mid-dazju, it-tisħiħ jew iż-żieda fil-kapital azzjonarju mwettaq bi flus.”

    12

    Sussegwentement, id-Digriet-Liġi Nru 223/91, tat-18 ta’ Ġunju 1991, li emenda l-kliem tal-Artikolu 145(2) tat-TGIS, eżenta mit-taxxa tal-boll “it-tisħiħ jew iż-żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju”, b’mod li eżenta mit-taxxa tal-boll iż-żidiet fil-kapital azzjonarju, irrispettivament mill-mod li bih din iż-żieda ssir.

    13

    Skont id-Digriet-Liġi Nru 322-B/2001, tal-14 ta’ Diċembru 2001, permezz taż-żieda ta’ Artikolu 26.3 għat-TGIS, iż-żidiet kollha fil-kapital azzjonarju tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, irrispettivament minn kif dawn iż-żidiet saru, ġew suġġetti għat-taxxa tal-boll bir-rata ta’ 0.40 % fuq l-ammont taż-żieda.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    14

    Bejn il-15 ta’ Diċembru 2004 u d-29 ta’ Novembru 2006, Ascendi, kumpannija b’kapital azzjonarju, wettqet erba’ operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital tagħha bil-konverżjoni f’kapital azzjonarju ta’ krediti miżmuma mill-azzjonisti tagħha minħabba t-twettiq minn dawn tal-aħħar, qabel dawn l-operazzjonijiet, ta’ servizzi anċillari favur din il-kumpannija. Għal dawn id-diversi żidiet fil-kapital, Ascendi sostniet ammont totali ta’ EUR 205 381.95 bħala taxxa tal-boll kif ukoll spejjeż notarili u ta’ reġistrazzjoni.

    15

    Fit-28 ta’ Marzu 2008, Ascendi talbet lill-Autoridade Tributária e Aduaneira tħallasha lura l-ammonti mħallsa bħala taxxa tal-boll fuq dawn l-operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital. Din it-talba ġiet miċħuda bid-deċiżjoni kkontestata.

    16

    Ascendi ressqet it-tilwima quddiem it-Tribunal Arbitral Tributário (tribunal ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali).

    17

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tribunal Arbitral Tributário qies, qabelxejn, li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 267 TFUE, sabiex jitqies li huwa qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

    18

    Sussegwentement, it-Tribunal Arbitral Tributário jistaqsi dwar jekk id-Digriet-Liġi Nru 322-B/2001, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, huwiex kompatibbli mal-Artikoli 4, 7 u 10(a) tad-Direttiva 69/335. Għal dan il-għan, huwa jirreferi, qabelxejn, għall-argumentazzjoni ta’ Ascendi, li tfakkar li, fil-Portugall, l-operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital huma eżenti mit-taxxa tal-boll sa mill-1991, skont id-Digriet-Liġi Nru 223/91, u li fil-każ speċifiku ta’ żidiet fil-kapital imwettqa bi flus, l-eżenzjoni stess kienet tmur lura sa Mejju 1984. Issa, l-introduzzjoni mill-ġdid, matul is-sena 2001, bid-Digriet-Liġi Nru 322-B/2001, ta’ taxxa tal-boll tikser, skont Ascendi, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

    19

    It-Tribunal Arbitral Tributário jenfasizza li din l-argumentazzjoni hija kkontestata mill-Autoridade Tributária e Aduaneira. Skont din tal-aħħar, fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 jeżiġi biss mill-Istati Membri li jeżentaw mid-dazju fuq il-kapital l-operazzjonijiet li, fid-data tal-1 ta’ Lulju 1984, kienu eżenti jew intaxxati b’rata ugwali jew inqas minn 0.50 %. Din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax l-operazzjonijiet taż-żieda fil-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imwettqa b’xi mod li ma huwiex dak ta’ kontribuzzjoni bi flus. Fil-fatt, fl-1 ta’ Lulju 1984, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprevedi, fir-rigward ta’ tali operazzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ taxxa tal-boll b’rata ogħla minn 0.50 %.

    20

    It-Tribunal Arbitral Tributário jqis, fl-aħħar nett, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax toħroġ b’mod ċar risposta. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Optimus – Telecomunicações (C-366/05, EU:C:2007:366), l-operazzjoni ta’ żieda fil-kapital twettqet permezz ta’ kontribuzzjonijiet fi flus. Issa, din l-operazzjoni, b’mod kuntrarju għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet eżenti mit-taxxa tal-boll fl-1 ta’ Lulju 1984.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikoli 4(1)(ċ) u (2)(a), 7(1) u 10(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE [...], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet-Liġi Nru 322-B/2001, tal-14 ta’ Diċembru 2001, li ssuġġettat għal taxxa tal-boll iż-żidiet tal-kapital tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju permezz tal-konverżjoni, f’kapital azzjonarju, tal-pretensjonijiet tal-azzjonisti fir-rigward ta’ servizzi anċillari mwettqa preċedentement favur il-kumpannija, minkejja li dawn is-servizzi anċillari twettqu b’kontribuzzjoni bi flus, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, fl-1 ta’ Lulju 1984, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet issuġġettat lil dawn iż-żidiet tal-kapital, imwettqa b’dan il-mod, għal taxxa tal-boll, bir-rata ta’ 2 %, u li, f’din l-istess data, hija kienet teżenta mit-taxxa tal-boll iż-żidiet tal-kapital imwettqa b’kontribuzzjoni fi flus?”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    22

    B’mod preliminari, għandu jiġi eżaminat il-punt dwar jekk it-Tribunal Arbitral Tributário għandux jitqies li huwa qorti jew tribunal ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    23

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddetermina jekk l-organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, liema kwistjoni taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex kontradittorji, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (sentenza Belov, C-394/11, EU:C:2013:48, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali jistgħu jirrikorru għall-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk kawża tkun pendenti quddiemhom u jekk ikunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura li l-iskop tagħha huwa li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Syfait et, C-53/03, EU:C:2005:333, punt 29, u Belov, EU:C:2013:48, punt 39).

    24

    Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju li t-tribunali ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali huma stabbiliti mil-liġi. It-tribunali ta’ arbitraġġ jidhru, fil-fatt, fil-lista ta’ qrati nazzjonali, fl-Artikolu 209 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża. Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011, tal-20 ta’ Jannar 2011, dwar is-sistema legali tal-arbitraġġ fiskali, jipprovdi li l-arbitraġġ fiskali jikkostitwixxi mezz alternattiv ta’ soluzzjoni ġudizzjarja ta’ tilwimiet fiskali u l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet-liġi jagħti kompetenza ġenerali lit-tribunal ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali sabiex jevalwa l-legalità tal-likwidazzjoni ta’ kull taxxa.

    25

    Barra minn hekk, bħala element tas-sistema ta’ soluzzjoni ġudizzjarja ta’ tilwimiet fil-qasam fiskali, it-tribunali ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali jissodisfaw ir-rekwiżit tal-permanenza.

    26

    Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li l-kompożizzjoni tal-formazzjonijiet ġudizzjarji tat-Tribunal Arbitral Tributário hija effimera u l-attività tagħhom tintemm wara li jkunu ddeċidew, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fit-totalità tiegħu, it-Tribunal Arbitral Tributário għandu, bħala element ta’ din is-sistema, karatteristika ta’ permanenza.

    27

    Fir-rigward tan-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni, għandu jitfakkar li dan l-element huwa nieqes fil-kuntest ta’ arbitraġġ konvenzjonali, peress li ma hemm l-ebda obbligu, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, għall-partijiet kontraenti sabiex dawn jirreferu t-tilwim tagħhom għall-arbitraġġ u l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat la huma involuti fl-għażla tat-triq tal-arbitraġġ u lanqas ma huma mitluba jintervjenu ex officio fil-kors tal-proċedura quddiem l-arbitru (sentenza Denuit u Cordenier, C‑125/04, EU:C:2005:69, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Merck Canada, C‑555/13, EU:C:2014:92, point 17).

    28

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari li jkunu tressqu quddiemha minn tribunal ta’ arbitraġġ li huwa stabbilit mil-liġi, li d-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti għall-partijiet u li l-ġurisdizzjoni tiegħu ma tiddependix mill-approvazzjoni tagħhom (digriet Merck Canada, EU:C:2014:92, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 28 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-Tribunal Arbitral Tributário, li d-deċiżjonijiet tiegħu huma permanenti għall-partijiet skont l-Artikolu 24(1) tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011, huwa differenti minn qorti tal-arbitraġġ f’sens strett. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni tiegħu tirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011 u ma huwiex, għalhekk, suġġett għall-espressjoni minn qabel tar-rieda tal-partijiet li jressqu t-tilwima tagħhom għall-arbitraġġ (ara, bħala analoġija, is-sentenza Danfoss, 109/88, EU:C:1989:383, punt 7). Barra minn hekk, meta l-persuna taxxabbli rikorrenti tressaq it-tilwima tagħha għall-arbitraġġ fiskali, il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal Arbitral Tributário hija, skont l-Artikolu 4(1) tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011, ta’ natura obbligatorja għall-awtorità tat-taxxa u tad-dwana.

    30

    In-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem it-tribunali ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali hija, fir-rigward tagħha, iggarantita mill-Artikoli 16 u 28 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) tiegħu, it-tribunali ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali “jiddeċiedu skont id-dritt ikkostitwit, l-użu tal-ekwità huwa pprojbit”.

    31

    Fir-rigward tal-indipendenza tat-tribunali ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali, jirriżulta, minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-arbitri li jikkostitwixxu t-Tribunal Arbitral Tributário li quddiemu tressqet it-tilwima fil-kawża prinċipali, inħatru, skont l-Artikolu 6 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011, mill-Conselho Deontológico do Centro de Arbitragem Administrativa (kunsill deontoloġiku taċ-ċentru ta’ arbitraġġ amministrattiv) minn fost l-arbitri li jidhru fil-lista stabbilita minn din l-istituzzjoni.

    32

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011 jipprevedi li l-arbitri jkunu suġġetti għall-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) ta’ dan id-Digriet-Liġi jipprevedi, bħala każ ta’ impediment għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ arbitru, l-eżistenza ta’ kwalunkwe rabta familjari jew professjonali bejn l-arbitru u xi waħda mill-partijiet fit-tilwima. B’dan il-mod huwa żgurat li t-tribunal ta’ arbitraġġ ikkonċernat ikollu l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li tkun adottat id-deċiżjoni milquta b’kontestazzjoni (ara s-sentenza RTL Belgium, C‑517/09, EU:C:2010:821, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Devillers, C‑167/13, EU:C:2013:804, punt 15).

    33

    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Digriet-Liġi Nru 10/2011, it-tribunali ta’ arbitraġġ fil-qasam fiskali jippronunzjaw ruħhom fl-ambitu ta’ proċedura li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja.

    34

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-organu tar-rinviju għandu l-elementi kollha neċessarji sabiex jiġi kklassifikat bħala qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    35

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq id-domanda preliminari

    36

    Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4, 7 u 10(a) tad-Direttiva 69/335 jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tintroduċi mill-ġdid taxxa tal-boll fuq operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li kienu suġġetti għal tali taxxa fl-1 ta’ Lulju 1984, iżda li ġew, sussegwentement, eżentati minnha.

    37

    Skont Ascendi, operazzjonijiet, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu diġà eżenti mit-taxxa tal-boll fl-1 ta’ Lulju 1984, skont it-dritt nazzjonali applikabbli.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew fuq l-evalwazzjoni tal-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li dan il-kompitu huwa esklużivament tal-qorti tar-rinviju (ara s-sentenzi Angelidaki et, C-378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 48, u van Delft et, C-345/09, EU:C:2010:610, punt 114).

    39

    Issa, mit-termini tad-domanda preliminari jirriżulta li, fl-1 ta’ Lulju 1984, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ssuġġettat operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għal taxxa tal-boll bir-rata ta’ 2 %.

    40

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 69/335 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar, qabelxejn, li din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta għal taxxa tal-boll operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju. Sa fejn tolqot il-ġbir ta’ kapital bħala tali, din it-taxxa tal-boll tikkostitwixxi dazju fuq il-kapital, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 69/335.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335, li jipprevedi biss taxxi indiretti li ma jinkludux id-dazju fuq il-kapital, hija irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    42

    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335. Fil-fatt, id-diversi żidiet fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija b’kapital azzjonarju kkonċernata saru “bil-kontribuzzjoni ta’ assi ta’ kull tip”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, bil-konverżjoni f’kapital azzjonarju ta’ krediti miżmuma mill-azzjonisti ta’ din il-kumpannija, minħabba t-twettiq minn dawn tal-aħħar, qabel dawn iż-żidiet, ta’ servizzi anċillari favur din il-kumpannija.

    43

    Fir-rigward tal-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335, din id-dispożizzjoni tipprevedi li dawn “għandhom ikunu soġġetti għad-dazju kapitali”.

    44

    Madankollu, minkejja l-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1), jirriżulta mill-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva li ma hemm ebda obbligu li operazzjonijiet li jaqgħu taħt l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu ssuġġettati għad-dazju fuq il-kapital.

    45

    Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335 jipprovdi l-obbligu ċar u mingħajr kundizzjoni, għall-Istati Membri, li jeżentaw mid-dazju fuq il-kapital kull operazzjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva li, fl-1 ta’ Lulju 1984, kienet eżenti jew intaxxata b’rata ugwali jew inqas minn 0.50 % (ara s-sentenzi Optimus – Telecomunicações, EU:C:2007:366, punt 30, u Pak-Holdco, C‑372/10, EU:C:2012:86, punt 28). Dan l-obbligu kif ukoll l-obbligi l-oħra li jirriżultaw mid-Direttiva 69/335 jorbtu lir-Repubblika Portugiża sa mill-1 ta’ Jannar 1986, data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni Ewropea.

    46

    Madankollu, sa fejn operazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335 kienu, fl-1 ta’ Lulju 1984, suġġetti għal dazju fuq il-kapital, b’rata ogħla minn 0.50 %, ir-Repubblika Portugiża setgħet, b’mod konformi mal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, tiddeċiedi li tkompli tissuġġetta dan it-tip ta’ operazzjonijiet għad-dazju fuq il-kapital fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, fl-1 ta’ Jannar 1986 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Logstor ROR Polska, C‑212/10, EU:C:2011:404, punt 34).

    47

    Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata wkoll il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru, wara li jkun irrinunzja, matul is-sena 1991, għall-ġbir ta’ dazju fuq il-kapital fuq operazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335, setax jiddeċiedi li jintroduċi mill-ġdid tali dazju matul is-sena 2001.

    48

    Peress li l-Artikoli 4(1) u 7(1) u (2) tad-Direttiva 69/335 ma jipprevedux espressament is-sitwazzjoni ta’ taxxa abolita, imbagħad introdotta mill-ġdid wara l-1 ta’ Lulju 1984, għandha tintuża interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, billi jitfittex l-għan segwit minnhom.

    49

    Issa, jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessi tad-Direttiva 85/303 li d-Direttiva 69/335 hija intiża sabiex tillimita, jew tħassar, id-dazju fuq il-kapital. Fid-dawl ta’ dan l-għan, jirriżulta minn din it-tielet premessa li huwa biss għal raġunijiet ta’ diffikultajiet baġitarji li kien ikollhom jiffaċċjaw, fil-każ tat-tneħħija tad-dazju fuq il-kapital, li l-Istati Membri li ma rrinunzjawx għall-ġbir tiegħu setgħu jżommu tali dazju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Logstor ROR Polska, EU:C:2011:404, punt 36).

    50

    Ir-riferiment għad-data tal-1 ta’ Lulju 1984, li sar fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 69/335, ma jistax jikkostitwixxi għall-Istati Membri li, f’din id-data, issuġġettaw l-operazzjonijiet inkwistjoni għal dritt fuq il-kapital, b’rata ogħla minn 0.50 %, awtorizzazzjoni ta’ introduzzjoni mill-ġdid ta’ tali dazju wara li jkunu rrinunzjaw għaliha. Fil-fatt, ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li d-dazju fuq il-kapital jitħassar, filwaqt li l-possibbiltà li dan jinżamm kienet biss eċċezzjoni mmotivata mill-biża’ ta’ telf ta’ dħul mill-Istati Membri. Għalhekk, anki jekk it-telf ta’ dħul baġitarju seta’ jiġġustifika ż-żamma tad-dazju fuq il-kapital lil hinn mill-1 ta’ Lulju 1984, fil-limiti esposti fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, dan ma setax jiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dan id-dazju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Logstor ROR Polska, EU:C:2011:404, punti 37 sa 39).

    51

    B’mod kuntrarju għal dak li l-Gvern Portugiż isostni, l-obbligu ta’ “standstill” li jirriżulta mid-Direttiva 69/335 jikkonċerna kemm l-operazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva kif ukoll dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1) tagħha. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-obbligu jirriżulta mill-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 69/335, interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din tal-aħħar. Issa, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-obbligi li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 69/335 jikkonċernaw kull operazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, kull operazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 4 tagħha, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din hijiex imsemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu tal-aħħar.

    52

    Konsegwentement, għad-domanda li saret għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 4(1)(ċ) u 7(1) u (2) tad-Direttiva 69/335 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu l-introduzzjoni mill-ġdid minn Stat Membru ta’ dazju fuq il-kapital fuq operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital azzjonarju li jaqgħu taħt l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li kienu suġġetti għal tali dazju fl-1 ta’ Lulju 1984, iżda ġew, sussegwentement, eżentati minnu.

    Fuq l-ispejjeż

    53

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 4(1)(ċ) u 7(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva 85/303/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1985, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu l-introduzzjoni mill-ġdid minn Stat Membru ta’ dazju fuq il-kapital fuq operazzjonijiet ta’ żieda fil-kapital azzjonarju li jaqgħu taħt l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li kienu suġġetti għal tali dazju fl-1 ta’ Lulju 1984, iżda ġew, sussegwentement, eżentati minnu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Fuq