Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CJ0457
Judgment of the Court (Grand Chamber), 12 March 2014.#S. v Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel and Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel v G.#Request for a preliminary ruling from the Raad van State (Netherlands).#Articles 20 TFEU, 21(1) TFEU and 45 TFEU — Directive 2004/38/EC — Right to move and reside freely within the territory of the Member States — Beneficiaries — Right of residence of a third-country national who is a family member of a Union citizen in the Member State of which that citizen is a national — Union citizen residing in the Member State of which he is a national — Professional activities — Regular travel to another Member State.#Case C‑457/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Marzu 2014.
S. vs Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel vs G.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
Artikoli 20 TFUE, 21(1) TFUE u 45 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ moviment liberu u dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Benefiċjarji — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità tiegħu — Ċittadin tal-Unjoni resident u ċittadin tal-istess Stat Membru — Attivitajiet professjonali — Spostament regolari lejn Stat Membru ieħor.
Kawża C‑457/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Marzu 2014.
S. vs Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel vs G.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
Artikoli 20 TFUE, 21(1) TFUE u 45 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ moviment liberu u dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Benefiċjarji — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità tiegħu — Ċittadin tal-Unjoni resident u ċittadin tal-istess Stat Membru — Attivitajiet professjonali — Spostament regolari lejn Stat Membru ieħor.
Kawża C‑457/12.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:136
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
12 ta’ Marzu 2014 ( *1 )
“Artikoli 20 TFUE, 21(1) TFUE u 45 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ moviment liberu u dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Benefiċjarji — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità tiegħu — Ċittadin tal-Unjoni resident u ċittadin tal-istess Stat Membru — Attivitajiet professjonali — Spostament regolari lejn Stat Membru ieħor”
Fil-Kawża C‑457/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ottubru 2012, fil-proċeduri
S.
vs
Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel,
u
Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel
vs
G.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), viċi-President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Borg Barthet u C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal S., minn G. G. A. J. Adang, bħala aġent, |
— |
għal G., minn E. T. P. Scheers, advocaat, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. S. Schillemans u C. Wissels, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u C. Thorning, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, kif ukoll minn A. Wiedmann, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam u N. Grünberg, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn K. Pawłowska, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn G. Facenna, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 TFUE, 21(1) TFUE u 45 TFUE kif ukoll ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi rispettivament bejn O. u l-Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (Ministru tal-Immigrazzjoni, tal-Integrazzjoni u tal-Ażil, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u S. u G., ċittadini ta’ Stati terzi u membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea ta’ nazzjonalità Olandiża, fir-rigward tar-rifjut tal-Ministru li jagħtihom attestazzjoni li tiċċertifika r-residenza regolari tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2004/38
3 |
Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
|
4 |
L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi li: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.” |
5 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur […] 2. Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.” |
6 |
L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 huwa fformulat kif ġej: “1. Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:
2. Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).” |
7 |
Skont l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, “[i]d-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni”. |
8 |
Skont l-Artikolu 16(1) u (2) tal-imsemmija direttiva: “1. Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. [...] 2. Il- paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.” |
Id-dritt Olandiż
9 |
Il-Liġi dwar iċ-ċittadini barranin (Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), u d-Digriet tal-2000 dwar iċ-ċittadini barranin (Vreemdelingenbesluit 2000, Stb. 2000, Nru 497) ittrasponew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt Olandiż. |
10 |
L-Artikolu 1 al-Liġi dwar iċ-ċittadini barranin tal-2000 jipprovdi: “Fis-sens tal-liġi preżenti u tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tagħha, [...]
|
11 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi jipprovdi: “Persuna barranija għandha d-dritt li tirrisjedi b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi biss: [...]
|
12 |
Skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmija liġi, il-Ministru għandu jipprovdi lill-barrani li jirrisjedi legalment skont id-dritt tal-Unjoni, fit-territorju Olandiż, dokument li juri l-legalità tar-residenza tiegħu (iktar ’il quddiem id-“dokument”). |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Is-sitwazzjoni ta’ S.
13 |
S. għandha ċ-ċittadinanza Ukrajna. Hija tqis li tista’ tibbenefika, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, minn dritt li tirrisjedi għand ħatinha (iktar ’il quddiem “sponsor S”), li għandu n-nazzjonalità Olandiża. S issostni, fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, li hija tieħu ħsieb in-neputi tagħha, it-tifel ta’ sponsor S. |
14 |
Dan tal-aħħar jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, sa mill-1 ta’ Ġunju 2002, għandu xogħol imħallas minn persuna li timpjega stabbilita f’dan l-Istat Membru, u jqatta’ 30 % mill-ħin tiegħu fil-ġimgħa sabiex jipprepara u jwettaq vjaġġi ta’ xogħol fil-Belġju. Għaldaqstant l-isponsor B imur il-Belġju tal-inqas darba fil-ġimgħa. |
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2009, l-iStaatssecretaris van Justitie (Segretarju tal-Istat tal-Ġustizzja) ċaħad it-talba ta’ S. intiża sabiex tikseb id-dokument ta’ residenza. |
16 |
Permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2009, il-Ministru ddikjara infondat l-ilment ta’ S. kontra din id-deċiżjoni. |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2010, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage iddikjara infondat ir-rikors ippreżentat minn S. kontra d-deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2009. |
18 |
S. appellat minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State. |
Is-sitwazzjoni ta’ G.
19 |
G. li għandha n-nazzjonalità Peruvjana, iżżewġet fis-6 ta’ Marzu 2009 ċittadin Olandiż (iktar ’il quddiem “sponsor G”). G. sostniet, fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, li hija u sponsor G għandhom tifla u li barra minn hekk hija l-omm ta’ tifel milqugħ fil-familja fformata minnha u l-isponsor G. |
20 |
Sponsor G jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi u sa mill-2003 jwettaq xogħol imħallas għal impriża stabbilita fil-Belġju. Fil-kuntest ta’ dan ix-xogħol, din il-persuna tivvjaġġa bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju kuljum. |
21 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009, l-iStaatssecretaris van Justitie ċaħad it-talba ta’ G. intiża sabiex tikseb id-dokument ta’ residenza. Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2010, il-Ministru ddikjara infondat l-ilment ta’ G. kontra din id-deċiżjoni. |
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2011, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage ddikjara infondat ir-rikors ippreżentat minn G. kontra d-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2010, annulla din id-deċiżjoni u ordna lill-Ministru jadotta deċiżjoni ġdida filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija sentenza. |
23 |
Il-Ministru appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. |
Id-domandi preliminari
24 |
Peress li S. u G. huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabel xejn, dwar il-punt jekk din id-direttiva tagħtihomx dritt ta’ residenza fl-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin tal-Unjoni. |
25 |
Skont il-qorti tar-rinviju, huwa konċepibbli li permezz tal-kliem “jiċċaqilqu”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, wieħed jifhem il-fatt li wieħed imur, mingħajr ma jirrisjedi, fi Stat Membru differenti minn dak ta’ fejn iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità u li jerġa’ jmur. Huwa wkoll konċepibbli li l-kliem “jingħaqdu magħhom” fis-sens tal-istess Artikolu 3(1) għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-fatt li jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ fejn dan għandu n-nazzjonalità. |
26 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) u (2) tagħha, jidhru li jeskludu tali interpretazzjoni peress li jsemmu espressament “Stat Membru ieħor” u “l-Istat Membru ospitanti” bħala l-Istat Membru fir-rigward ta’ liema jista’ jintalab dritt ta’ residenza. Is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C-434/09, Ġabra p. I-3375), tikkonferma li l-imsemmija Artikoli 6 u 7 jirregolaw is-sitwazzjoni legali ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru li ma għandux in-nazzjonalità tiegħu. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju sussegwentement tfakkar li mis-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, Ġabra p. I-4265), u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, Ġabra p. I-10719), jirriżulta li l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li juża d-dritt ta’ moviment liberu għandu jkollu, meta dan tal-aħħar jerġa’ lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, tal-inqas l-istess drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza bħal dawk li jirrikonoxxilu d-dritt tal-Unjoni jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jagħżel li jidħol u jirrisjedi fi Stat Membru ieħor. L-imsemmija qorti madankollu tesprimi dubji dwar jekk din il-ġurisprudenza tapplikax f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali. Hija tenfasizza f’dan ir-rigward li ċ-ċittadini kkonċernati ta’ Stati terzi li ma rrisjedewx qabel, skont id-dritt tal-Unjoni, mal-isponsor tagħhom rispettiv fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità ta’ dawn il-persuni. |
28 |
Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 56 TFUE, moqri fid-dawl tad-dritt fundamentali tar-rispett tal-ħajja tal-familja, jista’ jipprekludi l-Istat Membru ta’ oriġni ta’ prestatarju ta’ servizzi stabbilit f’dan l-istess Stat, li jforni servizzi lil destinatarji stabbiliti fi Stati Membri oħra, milli jirrifjuta d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu lill-konjuġi ta’ dan il-prestatarju, ċittadin ta’ Stat terz. Madankollu, hija tenfasizza li, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq, dik fil-kawżi prinċipali ma hijiex kwistjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni li jipprovdu prestazzjonijiet ta’ servizzi transkonfinali mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom, iżda ta’ ħaddiema li jmorru fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tagħhom. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju, b’riferiment għas-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C-34/09, Ġabra p. I-1177) kif ukoll għal dik tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C-256/11, Ġabra p. I-11315), tistaqsi, fl-aħħar nett, dwar il-punt jekk, abbażi tal-Artikoli 20 TFUE u 21(1) TFUE, dritt ta’ residenza setax jingħata favur ċittadini ta’ Stati terzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
31 |
Id-domandi magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jindikaw ebda dispożizzjoni preċiża li l-interpretazzjoni tagħha hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha fil-kawżi prinċipali. Id-domandi msemmija jirreferu biss, b’mod ġenerali, għad-dritt tal-Unjoni. |
32 |
Madankollu, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li tinkludi t-talba għal deċiżjoni preliminari, kif riprodotti fil-punti 24 sa 29 ta’ din is-sentenza, id-domandi għandhom jiġu mifhuma fis-sens li huma intiżi sabiex jinstab, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll l-Artikoli 20 TFUE, 21(1) TFUE u 45 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu Stat Membru milli jirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, meta l-imsemmi ċittadin ikollu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru u jkun jirrisjedi f’dan l-istess Stat, iżda jkun imur b’mod regolari fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu. |
Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38
33 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini ta’ Stati terzi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 huma mhux drittijiet proprji tal-imsemmija ċittadini, iżda drittijiet derivati, miksuba fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-familja, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara s-sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga u Ymeraga-Tafarshiku, C‑87/12, punt 31). |
34 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 37 sa 43 tas-sentenza ta’ llum fil-kawża O. u B. (C‑456/12), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 jagħtu dritt ta’ residenza proprja favur ċittadin tal-Unjoni u dritt ta’ residenza derivat favur membri tal-familja tiegħu biss meta l-imsemmi ċittadin jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu. B’hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jistgħux ikunu ta’ bażi għal dritt ta’ residenza derivat favur ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-imsemmi ċittadin. |
35 |
Minn dak li jippreċedi jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru milli jirrifjuta, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jirrikonoxxi dritt ta’ residenza derivat favur ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jirrisjedi fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu. |
Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE
36 |
Il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, sussegwentement, jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, jistax jibbenefika minn dritt ta’ residenza ibbażat fuq l-Artikolu 45 TFUE. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward għas-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 46 tas-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 56 TFUE, moqri fid-dawl tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludi li l-Istat Membru ta’ oriġini ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit f’dan l-istess Stat Membru, li jipprovdi servizzi lil persuni li jirċievu servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra, jirrifjuta d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu lill-konjuġi ta’ dan il-fornitur li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz. |
38 |
Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċittadin tal-Unjoni, fil-kawża li tikkonċerna lil G., jaħdem għal kumpannija stabbilita fi Stat Membru differenti minn fejn joqgħod. Iċ-ċittadin tal-Unjoni, fil-kawża li tikkonċerna lil S., imur regolarment fi Stat Membru differenti minn dak fejn għandu r-residenza tiegħu fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu anki jekk il-kumpannija li tħaddmu hija stabbilita fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu. |
39 |
Ċittadini tal-Unjoni, li jinsabu fis-sitwazzjonijiet tal-isponsors S. u G., jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE. Fil-fatt, kull ċittadin tal-Unjoni li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol jeżerċita attivitajiet professjonali fi Stat Membru differenti minn dak tar-residenza tiegħu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 31; tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C-212/05, Ġabra p. I-6303, punt 17, u tas-16 ta’ April 2013, Las, C‑202/11, punt 17). |
40 |
Ċertament, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 56 TFUE fis-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq, hija trasponibbli għall-Artikolu 45 TFUE. L-effettività tad-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema tista’ fil-fatt teħtieġ li dritt ta’ residenza derivat jingħata lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja tal-ħaddiem, ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin. |
41 |
Madankollu, il-finalità u l-ġustifikazzjoni ta’ tali dritt ta’ residenza hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut ta’ rikonoxximent huwa ta’ natura li jippreġudika l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, punt 68; Ymeraga u Ymeraga-Tafarshiku, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, kif ukoll tal-10 ta’ Ottubru 2013, Alokpa et, C‑86/12, punt 22). |
42 |
Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat liċ-ċittadin tal-Istat terz ikkonċernat, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni huwiex neċessarju sabiex jiġi ggarantit lil dan tal-aħħar l-eżerċizzju effettiv tal-libertà fundamentali ggarantita mill-Artikolu 45 TFUE. |
43 |
F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza invokata mill-qorti tar-rinviju skont liema ċ-ċittadin tal-Istat terz ikkonċernat jieħu ħsieb wild iċ-ċittadin tal-Unjoni tista’ tikkostitwixxi, kif jirriżulta mis-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq, element rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju għall-finijiet tal-evalwazzjoni jekk ir-rifjut tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza favur l-imsemmi ċittadin tal-Istat terz jistax ikollu natura dissważiva fuq l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat għandu skont l-Artikolu 45 TFUE. Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm fis-sentenza Carpenter, iċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li l-wild ikkonċernat kien taħt ir-responsabbiltà taċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, ġie kkunsidrat bħala determinanti, f’din is-sentenza kienet il-konjuġi taċ-ċittadin tal-Unjoni li kienet tieħu ħsieb il-wild. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li jista’ jidher li wieħed jippreferi li ċ-ċittadin ta’ Stat terz, axxendent dirett tal-konjuġi taċ-ċittadin tal-Unjoni jieħu ħsieb il-wild, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex tiġi kkonstatata tali natura dissważiva. |
44 |
Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi fuq membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat terz, dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin, meta l-imsemmi ċittadin ikun jirrisjedi f’dan l-aħħar Stat, iżda jkun imur regolarment fi Stat Membru ieħor bħala ħaddiem fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li r- rifjut tal-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza għandu effett dissważiv fuq l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li l-ħaddiem ikkonċernat għandu skont l-Artikolu 45 TFUE, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika. |
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma għadx hemm lok li tingħata interpretazzjoni tal-Artikoli 20 TFUE u 21(1) TFUE. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, li jistabbilixxu b’mod ġenerali d-dritt, għal kull ċittadin tal-Unjoni, li jmur minn post għal ieħor u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, hija espressa b’mod speċifiku fl-Artikolu 45 TFUE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Gardella, C‑233/12, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li:
|
Fuq l-ispejjeż
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru milli jirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta l-imsemmi ċittadin ikollu n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru u jkun joqgħod f’dan l-istess Stat, iżda jkun imur regolarment fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu. |
L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat terz, dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru tan-nazzjonalità ta’ dan iċ-ċittadin, meta l-imsemmi ċittadin ikun jirrisjedi f’dan l-aħħar Stat, iżda jkun imur regolarment fi Stat Membru ieħor bħala ħaddiem fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li r-rifjut ta’ tali dritt ta’ residenza għandu effett dissważiv fuq l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li l-ħaddiem ikkonċernat għandu skont l-Artikolu 45 TFUE, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.