Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0226

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-16 ta' Jannar 2014.
    Constructora Principado SA vs José Ignacio Menéndez Álvarez.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Audiencia Provincial de Oviedo - Spanja.
    Rechtsmittel - Wettbewerb - Kartell - Branche der Industriesäcke aus Kunststoff - Geldbußen - Durch das Gericht begangene Verletzung des Grundrechts auf ein faires Verfahren innerhalb angemessener Fr.
    Kawża C-226/12.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:10

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    16 ta’ Jannar 2014 ( *1 )

    “Direttiva 93/13/KEE — Kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Kuntratt ta’ bejgħ ta’ immobbli — Klawżoli inġusti — Kriterji ta’ evalwazzjoni”

    Fil-Kawża C‑226/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Oviedo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

    Constructora Principado SA

    vs

    José Ignacio Menéndez Álvarez,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Menéndez Álvarez, minnu nnifsu,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u S. Šindelková, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u J. Baquero Cruz kif ukoll minn M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 15, 2 p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Constructora Principado SA (iktar ’il quddiem “Constructora Principado”) u J. I. Menéndez Alvarez fir-rigward tar-rimbors ta’ ċerti somom imħallsa minn dan tal-aħħar skont kuntratt ta’ bejgħ ta’ immobbli li huwa kkonkluda ma’ din il-kumpannija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi:

    “1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

    2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

    [...]

    Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

    3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

    4

    Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”

    5

    L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsira ta’ kondizzjoni, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. [...]”

    Id-dritt Spanjol

    6

    Fi Spanja, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti ġiet żgurata, l-ewwel nett, bil-Liġi Ġenerali Nru 26/1984 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti (Ley General 26/1984 para la Defensa de los Consumidores y Usuarios), tad-19 ta’ Lulju 1984 (BOE Nru 176, tal-24 ta’ Lulju 1984, p. 21686).

    7

    Il-Liġi Ġenerali Nru 26/1984 ġiet, sussegwentement, emendata bil-Liġi Nru 7/1998 dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti (Ley 7/1998 sobre Condiciones Generales de la Contratación), tat-13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal-14 ta’ April 1998, p. 12304), li ttrasponiet id-Direttiva fid-dritt intern Spanjol.

    8

    Fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, il-Liġi Ġenerali 26/1984, kif emendata bil-Liġi 7/1998, ipprovdiet fl-Artikolu 10a(1) tagħha:

    “Huma kkunsidrati klawżoli inġusti d-dispożizzjonijiet kollha li ma jkunux ġew innegozjati individwalment u l-prattiki kollha li ma jkunux ġew miftiehma espressament, li, kontra r-rekwiżit tal-bona fide, jikkawżaw żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur. Fi kwalunkwe każ, jitqiesu bħala klawżoli inġusti d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel dispożizzjoni addizzjonali ta’ din il-liġi.

    Il-fatt li ċerti elementi ta’ klawżola jew li klawżola iżolata tkun ġiet innegozjata individwalment ma jeskludix l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għal-kumplament tal-kuntratt.

    Meta l-kummerċjant jippretendi li klawżola standard tkun ġiet innegozjata b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

    In-natura inġusta ta’ klawżola għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha li fih ikun ġie konkluż, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha ta’ dan il-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li fuqu dan jiddependi.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9

    Fis-26 ta’ Ġunju 2005, J. I. Menéndez Álvarez ikkonkluda ma’ Constructora Principado kuntratt li jirrigwarda l-bejgħ ta’ appartament (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”). Il-Klawżola 13 ta’ dan il-kuntratt kienet redatta kif ġej:

    “Ix-xerrej huwa responsabbli għat-taxxa muniċipali fuq il-valur miżjud ta’ beni ta’ natura urbana, u dan ittieħed inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-prezz tal-immobbli li jifformaw is-suġġett tal-kuntratt.

    Ix-xerrej huwa responsabbli wkoll għal-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni individwali għad-diversi servizzi ta’ konsum bħal dawk tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku, tad-dranaġġ, eċċ., anki meta dawn intalbu mill-bejjiegħ.”

    10

    Fl-ewwel lok, J. I. Menéndez Álvarez ħallas somma totali ta’ EUR 1 223.87, li minnhom EUR 1 000 tħallsu bħala taxxa muniċipali fuq il-valur miżjud ta’ beni ta’ natura urbana (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq il-qligħ kapitali”) u EUR 223.87 tħallsu għall-konnessjoni tal-appartament mas-sistema tal-ilma u tad-dranaġġ.

    11

    Fit-tieni lok, J. I. Menéndez Álvarez ressaq quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Oviedo azzjoni kontra Constructora Principado għall-ksib ta’ rimbors ta’ dawn l-ammonti. Din it-talba kienet ibbażata fuq il-fatt li l-Klawżola 13 tal-kuntratt, skont liema x-xerrej kellu jħallas l-istess, kellha titqies li kienet inġusta skont l-Artikolu 10a tal-Liġi Ġenerali 26/1984, kif emendata bil-Liġi 7/1998, sa fejn din ma kinitx ġiet innegozjata u sa fejn din wasslet għal żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti.

    12

    Bħala risposta, Constructora Principado sostniet li din il-klawżola ġiet innegozjata mal-bejjiegħ u li ma kien hemm ebda żbilanċ sinjifikattiv ladarba l-ammont tas-somom pretiżi ġie inkluż fil-prezz totali mħallas minn dan tal-aħħar għall-akkwist tal-appartament tiegħu.

    13

    B’sentenza tat-28 ta’ Settembru 2011, il-Juzgado de Primera Instancia no 2 Oviedo laqa’ l-azzjoni, billi kkunsidra li l-klawżola inkwistjoni hija inġusta, peress li din taffettwa l-interessi tal-konsumatur billi timponi fuqu ħlasijiet li ma humiex l-oneru tiegħu, u peress li, barra minn hekk, ma ġiex stabbilit li din kienet is-suġġett ta’ negozjati speċifiċi ma’ dan tal-aħħar.

    14

    Constructora Principado appellat minn din is-sentenza filwaqt li sostniet li l-klawżola inkwistjoni kienet ġiet innegozjata individwalment, billi din il-klawżola tispeċifika hija stess li l-ħlas tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali mill-konsumatur ittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz tal-immobbli mibjugħ. Din il-kumpannija tenniet ukoll li ma kienx hemm żbilanċ sinjifikattiv bejn il-partijiet sa fejn l-evalwazzjoni ta’ tali żbilanċ ma tistax tkun limitata għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ klawżola speċifika, iżda għandha tinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu u eżami tal-klawżoli kollha.

    15

    J. I. Menéndez Álvarez talab li s-sentenza tal-ewwel istanza tiġi kkonfermata. Fil-fehma tiegħu, l-ammont ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali li huwa ħallas u l-proporzjon li jirrappreżenta dan l-ammont meta mqabbel mal-prezz tal-appartament huma irrilevanti. L-iżbilanċ karatteristiku tan-natura inġusta tal-klawżola 13 huwa kkostitwit biss mill-fatt li din il-klawżola tagħmel lill-konsumatur responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa li ma huwiex legalment suġġett għaliha.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Oviedo ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Fil-każ ta’ klawżola kuntrattwali li tgħaddi lill-konsumatur obbligu ta’ ħlas li legalment huwa tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, l-iżbilanċ imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jirriżulta mis-sempliċi fatt li obbligu ta’ ħlas li legalment huwa tal-bejjiegħ jew tal-fornitur huwa mgħoddi lill-konsumatur, jew il-fatt li d-Direttiva teżiġi li l-iżbilanċ huwa sinjifikattiv jimplika, fost oħrajn, li r-riperkussjoni ekonomika fuq il-konsumatur għandha tkun sinjifikattiva meta mqabbla mal-ammont totali tal-operazzjoni?”

    Fuq id-domanda preliminari

    17

    Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “żbilanċ sinifikanti”, li jinsab fost il-kriterji ġenerali stipulati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva għad-definizzjoni ta’ klawżola inġusta, għandux jiġi interpretat bħala li jimplika li l-ispejjeż mgħoddija lill-konsumatur permezz ta’ tali klawżola jkollhom, fil-konfront tiegħu, effett ekonomiku sinjifikattiv fid-dawl tal-ammont tal-operazzjoni inkwistjoni jew jekk humiex biss l-effetti ta’ tali klawżola fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

    18

    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, huma biss il-klawżoli f’kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur li ma jkunux ġew innegozjati individwalment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    19

    Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk il-klawżola 13 tal-kuntratt ġietx innegozjata individwalment. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar l-allokazzjoni tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, li jipprovdu, inter alia, li jekk il-kummerċjant jallega li klawżola standard ġiet innegozjata individwalment, il-piż tal-prova jaqa’ fuq dan tal-aħħar.

    20

    Minbarra din l-osservazzjoni preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar f’dan il-qasam tkopri l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva u fl-Anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, filwaqt li hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tipprovdi lill-qorti tar-rinviju indikazzjonijiet li din tal-aħħar imbagħad hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (ara s-sentenza tas-14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    21

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi stabbilit jekk klawżola toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, “żbilanċ sinifikanti” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn kuntratt, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli applikabbli tad-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ qbil f’dan is-sens bejn il-partijiet. Huwa permezz ta’ tali analiżi komparattiva li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ (ara s-sentenza Aziz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

    22

    Għalhekk, jidher li l-kwistjoni ta’ jekk jeżistix tali żbilanċ sinjifikattiv ma tistax tkun limitata għal evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva, ibbażata fuq paragun bejn l-ammont totali tal-operazzjoni li hija s-suġġett tal-kuntratt, minn naħa waħda, u l-ispejjeż li għalihom huwa responsabbli l-konsumatur skont din il-klawżola, min-naħa l-oħra.

    23

    Għall-kuntrarju, żbilanċ sinjifikattiv jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha l-konsumatur, bħala parti għall-kuntratt inkwistjoni, jinsab skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu skont dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew ukoll tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu supplimentari, li ma huwiex previst mir-regoli nazzjonali.

    24

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni u b’riferiment, għaċ-ċirkustanzi kollha madwar il-konklużjoni tagħha, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha ta’ dan il-kuntratt (ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, punt 40). Minn dan jirriżulta li, f’din il-perspettiva, għandhom jiġu evalwati wkoll il-konsegwenzi li l-imsemmija klawżola jista’ jkollha fil-kuntest tad-dritt li japplika għal tali kuntratt, fatt li jimplika eżami tas-sistema legali nazzjonali (ara s-sentenza Aziz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

    25

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, fil-kuntest tal-Artikolu 5 tad-Direttiva, li l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni għandha, għal konsumatur, importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx li jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-kummerċjant (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb, C‑92/11, punt 44).

    26

    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ewwel obbligu impost fuq il-konsumatur bil-klawżola 13 tal-kuntratt, jiġifieri l-ħlas tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali, jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dan għandu l-effett li jittrasferixxi lill-konsumatur, bħala xerrej, dejn fiskali li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, huwa l-oneru tal-kummerċjant, bħala bejjiegħ u bħala benefiċjarju tal-vantaġġ ekonomiku suġġett għal tassazzjoni, jiġifieri l-qligħ kapitali li jsir minħabba ż-żieda fil-valur tal-immobbli mibjugħ. Għalhekk jidher li, filwaqt li l-kummerċjant jieħu vantaġġ minn tali żieda fil-valur tal-beni li huwa jbigħ, il-konsumatur għandu jħallas mhux biss prezz ta’ bejgħ li jinkorpora l-qligħ kapitali miksub minn dan il-beni, iżda wkoll taxxa marbuta ma’ dan il-qligħ. Barra minn hekk, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn J. I. Menéndez Álvarez, l-ammont ta’ din it-taxxa ma jkunx magħruf fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, iżda jiġi stabbilit a posteriori mill-awtorità kompetenti, u, jekk dan huwa l-każ, dan jimplika inċertezza tal-konsumatur dwar l-estent tal-obbligu kkuntrattat.

    27

    Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li, qabelxejn, tivverifika jekk, fid-dawl tad-dritt intern Spanjol, il-fatti tal-kawża prinċipali jikkorrispondux għas-sitwazzjoni deskritta fil-punt preċedenti. Imbagħad, din għandha tevalwa jekk il-klawżola 13 tal-kuntratt, sa fejn din timponi fuq il-konsumatur obbligu supplimentari li ma huwiex previst mir-regoli tad-dritt nazzjonali, tikkostitwixxix preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha l-konsumatur, bħala parti għall-kuntratt inkwistjoni, jinsab skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli. Jekk meħtieġ, huwa finalment il-kompitu tagħha li tivverifika jekk l-informazzjoni riċevuta mill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tissodisfax ir-rekwiżiti previsti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva.

    28

    Fir-rigward tat-tieni obbligu impost fuq il-konsumatur mill-klawżola 13 tal-kuntratt, jiġifieri l-ħlas ta’ somom li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni individwali għad-diversi servizzi ta’ konsum bħal dawk tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku u tad-dranaġġ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn jinkludux l-ispejjeż ta’ konnessjoni ma’ dawn il-faċilitajiet ġenerali indispensabbli sabiex tiġi żgurata n-natura abitabbli ta’ akkomodazzjoni, spejjeż li, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, huma r-responsabbiltà tal-bejjiegħ fuq il-bażi tal-obbligu kuntrattwali tiegħu li jipprovdi akkomodazzjoni konformi mal-iskop intiż tagħha, jiġifieri fi stat ta’ abitazzjoni. Jekk dan huwa l-każ, huwa l-kompitu tagħha li tevalwa jekk din il-klawżola kuntrattwali, sa fejn din tillimita d-drittijiet li l-konsumatur għandu, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, taħt il-kuntratt u sa fejn din timponi fuqu obbligu supplimentari li ma huwiex previst minn dawn ir-regoli, tikkostitwixxix preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li d-dritt nazzjonali jipprevedi għal dan il-konsumatur bħala parti għall-kuntratt.

    29

    Għandu jingħad ukoll li l-indikazzjoni, fil-klawżola 13 tal-kuntratt, li r-responsabbiltà tal-konsumatur għat-taxxa fuq il-qligħ kapitali ttieħdet inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ, ma tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi l-prova ta’ korrispettiv li minnu bbenefika l-konsumatur. Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-istħarriġ tal-klawżoli inġusti, il-prova ta’ tnaqqis fil-prezz inkambju għall-aċċettazzjoni, mill-konsumatur, ta’ obbligi supplimentari ma tistax tiġi pprovduta permezz tal-inklużjoni, mill-kummerċjant, ta’ sempliċi dikjarazzjoni f’dan is-sens fi klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment.

    30

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretata fis-sens li:

    l-eżistenza ta’ “żbilanċ sinifikanti” ma teħtieġx neċessarjament li l-ispejjeż imposti fuq il-konsumatur bi klawżola kuntrattwali jkollhom fil-konfront tiegħu effett ekonomiku sinjifikattiv fid-dawl tal-ammont tal-operazzjoni inkwistjoni, iżda tista’ tirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha dan il-konsumatur, bħala parti għall-kuntratt, jinsab skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu skont dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew ukoll tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu supplimentari, li ma huwiex previst mir-regoli nazzjonali;

    huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà tal-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv, tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt, b’riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    31

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    L-eżistenza ta’ “żbilanċ sinifikanti” ma teħtieġx neċessarjament li l-ispejjeż imposti fuq il-konsumatur bi klawżola kuntrattwali jkollhom fil-konfront tiegħu effett ekonomiku sinjifikattiv fid-dawl tal-ammont tal-operazzjoni inkwistjoni, iżda tista’ tirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha dan il-konsumatur, bħala parti għall-kuntratt, jinsab skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa għandu skont dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew ukoll tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu supplimentari, li ma huwiex previst mir-regoli nazzjonali;

     

    huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà tal-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv, tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt, b’riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Fuq