Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62012CJ0177

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal‑24 ta’ Ottubru 2013.
Caisse nationale des prestations familiales vs Salim Lachheb u Nadia Lachheb.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Cour de cassation (il-Lussemburgu).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Benefiċċju tal-familja — Bonus għall-ulied — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-għoti ta’ benefiċċju bħala bonus awtomatiku għall-ulied — Nuqqas ta’ kumulu tal-benefiċċji tal-familja.
Kawża C‑177/12.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:689

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Benefiċċju tal-familja — Bonus għall-ulied — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-għoti ta’ benefiċċju bħala bonus awtomatiku għall-ulied — Nuqqas ta’ kumulu tal-benefiċċji tal-familja”

Fil-Kawża C‑177/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2012, fil-proċedura

Caisse nationale des prestations familiales

vs

Salim Lachheb,

Nadia Lachheb,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President ta’ Awla, E. Juhász, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Caisse nationale des prestations familiales, minn A. Rodesch, avukat,

għal S. u N. Lachheb, minn C. Rimondini, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE, tal-Artikoli 1(u)(i), 3 u 4(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15 ).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn il-Caisse nationale des prestations familiales (iktar ’il quddiem il-“CNPF”) u S. u N. Lachheb, residenti Franċiżi fejn wieħed minnhom jaħdem fil-Lussemburgu u l-ieħor jaħdem fi Franza, fir-rigward ta’ deċiżjoni tal‑CNPF li tinkludi benefiċċju bl-isem ta’ “bonus għall-ulied” fil-bażi ta’ kalkolu intiż sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ benefiċċji tal-familja li minnhom għandhom jibbenefikaw S. u N. Lachheb minn fuq l-Istat Lussemburgiż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-ewwel, il-ħames it-tmien u l-għaxar premessi tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdu kif ġej:

“Billi d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg;

[...]

Billi huwa meħtieġ, fl-ambitu ta’ dak il-koordinament, li tkun iggarantita fl-ugwaljanza tat-trattament tal-Komunità taħt il-leġislazzjonijiet varji nazzjonali lill-ħaddiema li jgħixu fl-Istati Membri u d-dipendenti tagħhom u dawk li jkomplu jgħixu warajhom;

[...]

Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk;

[...]

Billi minħabba l-garanzija ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha okkupati fit-territorju ta’ l-Istat Membru jkun effettiv kemm jista’ jkun, huwa sewwa li tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tfittex impjieg jew impjieg għal rasha.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi d-definizzjonijiet applikabbli fil-kuntest tiegħu.

5

B’hekk l-Artikolu 1(u) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“i)

it-terminu benefiċċju tal-familja jfisser il-benefiċċji kollha in natura u fi flus intenzjonati li jlaħħqu ma’ l-ispejjeż tal-familja taħt il-leġislazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4(1)(h), li teskludi l-kumpensi speċjali tat-twelid jew adozzjoni tat-tfal irreferuti fl-Anness II;

ii)

kumpensi tal-familja jfissru l-benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija esklussivament b’riferenza għan-numru u, fejn meħtieġ, bl-età tal-membri tal-familja.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni li għalih japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”

7

Skont l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71, dan japplika għal-leġiżlazzjonijiet kollha dwar l-oqsma ta’ sigurtà soċjali li jikkonċernaw il-benefiċċji tal-familja.

8

Skont l-Artikolu 4(2) tiegħu, dan ir-regolament japplika għall-iskemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm dawk kontributorji kif ukoll dawk non-kontributorji, kif ukoll għall-skemi li jikkonċernaw l-obbligi tal-persuna li timpjega jew tas-sid ta’ vapur fejn jidħlu l-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1.

9

L-Artikolu 5 tar-regolament imsemmi huwa fformulat bil-kliem li ġejjin:

“[L]-Istati Membri jispeċifikaw il-leġislazzjoni u l-iskemi li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 4(1) u (2), il-benefiċċji non-kontributorji speċjali li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 4(2a), il-benefiċċji minimi li għalihom hemm riferenza fl-Artikolu 50 u l-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fl-Artikoli 77 u 78 fid-dikjarazzjonijiet li għandhom ikunu notifikati u ppubblikati skond l-Artikolu 97.”

10

Bit-titolu “Regoli ġenerali”, l-Artikolu 13 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[...]”

11

L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”

12

L-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.

2.   Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru.”

13

L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

14

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament Nru 118/97 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), jipprovdi:

“a)

L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras, ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament [Nru 1408/71], sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji.

b)

Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

i)

fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

[...]”

15

Għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament Nru 574/72 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU L 284, p. 1), fejn dawn ir-regolamenti l-ġodda saru applikabbli fl‑1 ta’ Mejju 2010, skont l-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 987/2009. Madankollu, fid-dawl ta’ żmien il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn jibqgħu irregolati bir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72.

Id-dritt Lussemburgiż

16

Il-Liġi tal‑21 ta’ Diċembru 2007 li jintroduċi l-liġi dwar il-bonus għall-ulied, (Mémorial A 2007, p. 3949) emenda, mis-sena 2008, is-sistema tal-moderazzjoni tat-taxxa għall-ulied previst mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża. L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, li jinsab taħt it-Titolu II tagħha, jipprovdi:

“Għandha tiġi introdotta l-Liġi tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-bonus għall-ulied.

L-artikoli tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq għandhom il-portata li ġejja:

‘Artikolu 1. Għal kull wild ħaj, jew fid-dar komuni ta’ missieru u ta’ ommu, jew fid-dar ta’ missieru jew ommu liema ġenitur jiżgura waħdu l-edukazzjoni u t-trobbija, u li għandu d-dritt għall-benefiċċji tal-familja skont l-Artikolu 1 tal-Liġi emendata tad‑19 ta’ Ġunju 1985 dwar il-benefiċċji tal-familja u li tistabbilixxi l-Caisse nationale des prstations familiales [Fond nazzjonali tal-benefiċċji tal-familja] [(Mémorial A 1985, p. 680)], għandu jingħata bonus għall-ulied bħala bonus awtomatiku tal-moderazzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 122 tal-Liġi emendata tal‑4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-taxxa fuq id-dħul.

Artikolu 2. Il-bonus għall-ulied huwa ffissat għal [EUR] 922.5 fis-sena. Dan jitħallas matul is-sena ta’ taxxa li magħha huwa marbut skont metodi li għandhom jiġu ddeterminati mir-regolament Grandukali msemmi fl-Artikolu 6.

Il-ħlas isir mill-[CNPF] fejn il-persuna li tirċievi l-benefiċċji tal-familja ddefiniti fl-Artikolu 5(1) u (4) tkun meħlusa mid-dejn, jew, fil-każ ta’ ġenitur li jiżgura waħdu l-edukazzjoni u t-trobbija tal-wild tkun żgurata minn wieħed lill-ġenitur li jirċievi dawn il-benefiċċji msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) tal-Liġi emendata tad‑19 ta’ Ġunju 1985 dwar il-benefiċċji tal-familja u li tistabbilixxi l-Caisse nationale des prestations familiales, flimkien mal-ħlas tal-benefiċċji tal-familja.

[...]

Artikolu 4. Barra minn hekk huma applikabbli għall-eżekuzzjoni ta’ din il-liġi, ħlief fil-każ ta’ adattament terminoloġiku jekk ikun hemm lok, l-Artikoli 23(2) sa (3), 24, 26, 27, 28, 29, 30, 31 tal-Liġi emendata tad‑19 ta’ Ġunju 1985 dwar il-benefiċċji tal-familja u li tistabbilixxi l-Caisse nationale des prestations familiales u l-Artikoli 208(4), 273(5), 276, 278(l) u (2), 291, 292a, 302(4), 311, 333, 334(1) tal-Kodiċi tal-assigurazzjonijiet soċjali.

Artikolu 5. L-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Liġi emendata tad‑19 ta’ Ġunju 1985 dwar il-benefiċċji tal-familja u li tistabbilixxi l-Caisse nationale des prestations familiales tintemm b’‘tal-bonus għall-ulied’ li tiddaħħal wara ‘bidu tas-sena skolastika’.

Artikolu 6. Regolament Grandukali jista’ jispeċifika l-metodi ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi.’

[...]”

17

L-Artikolu 29 tal-Liġi tad‑19 ta’ Ġunju 1985 dwar il-benefiċċji tal-familja u li tistabbilixxi l-Caisse nationale des prestations familiales, li għaliha jirreferi l-Artikolu 4 tal-Liġi tal‑21 ta’ Diċembru dwar il-bonus għall-ulied għall-implementazzjoni ta’ din tal-aħħar, sar, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat‑13 ta’ Mejju 2008 li tintroduċi status wieħed (Mémorial A 2008, p. 790), l-Artikolu 317 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali. Skont l-imsemmi Artikolu 29:

“Fi kwalunkwe każ, huwa dovut biss benefiċċju wieħed tal-istess natura għal kull wild.

Huma previsti permezz ta’ regolament Grandukali l-prevenzjoni jew ir-restrizzjoni tal-kumulu, li jammonta għall-ogħla allokazzjoni, tal-benefiċċji previsti f’dan il-ktieb ma’ dawk previsti għall-istess finijiet minn ordinament mhux Lussemburgiż.”

18

L-Artikolu 1 tar-Regolament Grandukali tad‑19 ta’ Diċembru 2008 li jiffissa l-metodi ta’ ħlas tal-bonus għall-ulied mis-sena 2009 (Mémorial A 2008, p. 3305, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Grandukali tad‑19 ta’ Settembru 2008”) adottat skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-bonus għall-ulied, jipprovdi:

“Mill-ewwel ta’ Jannar 2009, għandu jitħallas il-bonus għall-ulied permezz ta’ ħlasijiet ta’ kull xahar ta’ [EUR] 76.88 għal kull wild għal kull xahar li matulu l-wild benefiċjarju msemmi fl-Artikolu 1 tal-Liġi tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-bonus għall-ulied jagħti lok għad-dritt għall-allokazzjonijiet tal-familja sħaħ. [...]

B’eċċezzjoni għall-parafrafu 1, il-bonus huwa integrat mad-differenzjal li jammonta għal [EUR] 76,88 għal kull wild għal kull xahar li matulu l-wild benefiċjarju jagħti lok għad-dritt għal benefiċċji tal-familja differenzjali mogħtija bis-saħħa ta’ affiljazzjoni obbligatorja mas-sigurtà soċjali Lussemburgiża. Id-differenzjal jitħallas annwalment jew kull sitt xhur fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ ħlas ta’ benefiċċji mhux Lussemburgiżi rċevuti matul il-perijodu ta’ referenza.

Il-ħlas tal-bonus għandu jsir skont l-istess metodi bħall-allokazzjonijiet tal-familja.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

S. u N. Lachheb jirrisjedu flimkien ma’ wliedhom f’Mondelange (Franza). Mill-atti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, S. Lachheb huwa impjegat fil-Lussemburgu filwaqt li martu taħdem fi Franza, u, min-naħa l-oħra, S. u N. Laccheb għandhom dritt, skont il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, għall-ħlas ta’ “suppliment differenzjali” mill-CNPF, li l-ammont tiegħu jikkorrispondi għad-differenza bejn il-benefiċċji tal-familja li għalihom għandhom dritt min-naħa tal-Istat li fih S. Lachheb għandu impjieg, jiġifieri l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, u dawk il-benefiċċji li jistgħu jippretendu mill-Istat ta’ residenza tagħhom, jiġifieri r-Repubblika Franċiża.

20

Fuq oppożizzjoni ta’ S. u N. Lachheb, il-kumitat direttur tal-CNPF ikkonferma deċiżjoni tal-president ta’ dan tal-aħħar li, mix-xahar ta’ April 2009, kien ħa inkunsiderazzjoni l-bonus għall-ulied, dovut lil S. u N. Lachheb skont il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża għall-kalkolu tad-differenzjal previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Grandukali tad‑19 ta’ Diċembru 2008.

21

Fuq rikors ta’ S. u N. Lachheb, il-Conseil arbitral de la sécurité sociale (Bord ta’ arbitraġġ tas-sigurtà soċjali) biddel din id-deċiżjoni, permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Frar 2011, billi rrifjuta, abbażi tal-Artikolu 95 tal-Kostituzzjoni li japplika r-Regolament Grandukali tad‑19 ta’ Diċembru 2008 minħabba n-nuqqas ta’ konformità tiegħu mal-Liġi tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-bonus għall-ulied, fejn din il-liġi tiggarantixxi li l-moderazzjonijiet tat-taxxa għall-ulied li jagħtu lok għad-dritt għall-allokazzjonijiet tal-familja jitħallsu bħala sussidji għall-ulied bħala ħlas awtomatiku. L-imsemmi Conseil arbitral iddikjara li S. u N. Lachheb kellhom dritt sabiex ikomplu jirċievu, mix-xahar ta’ April 2009, il-bonus għall-ulied previst bis-saħħa tal-bonus awtomatiku ta’ moderazzjoni tat-taxxa.

22

Il-CNPF appellat fil-kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn sostniet ħames aggravji fejn l-ewwel tlieta minnhom kienu bbażati fuq il-ksur, iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni, l-applikazzjoni żbaljata jew l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 1(u)(i), 3(1), 4(1)(h), u 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72.

23

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-bonus għall-ulied previst mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża huwa kkunsidrat minnha bħala benefiċċju tal-familja li fil-konfront tagħha japplikaw ir-regoli dwar nuqqas ta’ kumulu previsti f’dan is-sens.

24

Skont l-imsemmija qorti, il-mekkaniżmu tas-suppliment differenzjali, meħud mid-dritt tal-Unjoni u li għalih jagħmel riferiment ir-Regolament Grandukali tad‑19 ta’ Diċembru 2008, huwa rilevanti jekk jiġi applikat għal benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h), tar-Regolament Nru 1408/71. Min-naħa l-oħra, jekk il-mekkaniżmu ta’ suppliment differenzjali jiġi applikat għal vantaġġi li ma jikkostitwixxux benefiċċji ta’ sigurtà soċjali fis-sens tal-imsemmi regolament, din l-applikazzjoni, li għandha bħala effett li ċċaħħad parti mill-ħaddiema transkonfinali li jiċċaqilqu minn Stati Membri oħra lejn il-Lussemburgu sabiex jeżerċitaw attività professjonali mill-ħlas sħiħ tal-bonus għall-ulied filwaqt li dan jingħata kollu kemm hu lill-ħaddiema li jirrisjedu fil-Lussemburgu, tista’ tikkostitwixxi miżura diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, tal-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71.

25

Peress li kellha dubji fir-rigward tal-kwalifika, bħala benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71, ta’ benefiċċju bħall-bonus għall-ulied previst mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, il‑Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Benefiċċju bħal dak previst bil-Liġi, tal-21 ta’ Diċembru 2007, dwar il-bonus għat-tfal [għall-ulied], jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i), u 4(1)(h) tar-Regolament [Nru 1408/71]?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun waħda negattiva, l-Artikoli 18 [TFUE] u 45 [TFUE], [l-Artikolu ]7 tar-Regolament [Nru 1612/68] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-għoti ta’ benefiċċju bħal dak previst bil-Liġi, tal-21 ta’ Diċembru 2007, dwar il-bonus għat-tfal [għall-ulied], lill-ħaddiema li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u jirrisjedu flimkien mal-membri tal-familja tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi sospiż sal-ammont tal-benefiċċji tal-familja previsti għall-membri tal-familja tagħhom mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi li l-benefiċċju kkonċernat għandu jiġi suġġett għar-regoli antikumulu tal-benefiċċji tal-familja previsti fl-[Artikolu] 76 tar-Regolament [Nru 1408/71] u [fl-Artikolu ]10 tar-Regolament tal-Kunsill [Nru 574/72]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li benefiċċju bħal dak tal-bonus għall-ulied introdott bil-Liġi tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-bonus għall-ulied jikkostitwixxi benefiċċju għall-familja fis-sens ta’ dan ir-regolament.

27

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li skont il-kliem tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li jsemmi espressament il-“leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali”, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament huwa estiż għal-leġiżlazzjonijiet kollha tal-Istati Membri fir-rigward tal-oqsma ta’ sigurtà soċjali elenkati fil-punti a) sa h) ta’ din l-istess dispożizzjoni.

28

B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-distinzjoni bejn benefiċċji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tistrieħ essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari, l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu, u mhux fuq il-fatt li benefiċċju huwiex ikkwalifikat jew le minn leġiżlazzjoni nazzjonali dwar benefiċċju ta’ sigurtà soċjali (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C-78/91, Ġabra p. I-4839, punt 14). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tispeċifika li karatteristiċi li huma biss proċedurali ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala elementi rilevanti għall-ikklassifikar tal-benefiċċji (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Petersen, C-228/07, Ġabra p. I-6989, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk il-fatt li benefiċċju jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali fiskali ma huwiex deċiżiv għall-evalwazzjoni tal-elementi kostituttivi tiegħu.

29

Għal din l-evalwazzjoni, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi eżaminat jekk il-bonus għall-ulied, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandux jitqies li huwa wieħed mill-“benefiċċji tas-sigurtà soċjali” fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali fil-każ fejn huwa jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, u fejn huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C-503/09, Ġabra p. I-6497, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Bħal ma jsostnu l-CNPF u l-Kummissjoni, il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, jingħata awtomatikament meta wild huwa dipendenti u sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż marbuta mat-trobbija ta’ dan il-wild u jikkorrispondi, min-naħa l-oħra, għal ħlas b’rata fissa, mogħti awtomatikament, mingħajr ebda rabta mad-dħul jew mat-taxxi dovuti mill-persuna li qed titlobhom. Barra minn hekk, benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali effettivament jikkostitwixxi benefiċċju ta’ sigurtà soċjali.

32

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-metodu ta’ finanzjament ta’ benefiċċju huwa irrilevanti għall-kwalifika tiegħu bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali, hekk kif jipprova l-fatt li, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-benefiċċji mhux kontributtivi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (ara s-sentenza Hughes, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tispeċifika li l-mekkaniżmu ġuridiku li għalih jirrikorri l-Istat Membru sabiex jimplementa l-benefiċċju ma huwiex importanti għall-kwalifika tiegħu bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2001, Offermanns, C-85/99, Ġabra p. I-2261, punt 46).

33

Fit-tieni lok, għandha tiġi ddeterminata preċiżament in-natura tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Sabiex issir distinzjoni bejn id-diversi kategoriji ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju kopert minn kull benefiċċju (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 27).

34

B’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, “benefiċċji familjari/tal-familja tfisser il-benefiċċji kollha materjali jew fi flus bil-ħsieb li jilħqu l-ispejjeż tal-familja”. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċċji tal-familja huma intiżi sabiex jgħinu soċjalment lill-ħaddiema li għandhom l-oneru ta’ familja billi s-soċjetà tikkontribwixxi għal dawn l-oneri (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 1985, Kromhout, 104/84, Ġabra p. 2205, punt 14, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2013, Hliddal u Bornand, C‑216/12 u C‑217/12, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

L-espressjoni “bil-ħsieb li jilħqu l-ispejjeż tal-familja”, li tinsab fl‑Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi, b’mod partikolari, kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja, intiża sabiex ittaffi l-ispejjeż li jirriżultaw mit-trobbija tal-ulied (sentenzi Offermanns, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u tas‑7 ta’ Novembru 2002, Maaheimo, C-333/00, Ġabra p. I-10087, punt 25).

36

Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, bħal ma jenfasizzaw il-CNPF u l-Kummissjoni, u bħal ma jirriżulta mill-atti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-bonus għall-ulied, li jitħallas għal kull wild dipendenti, jirrappreżenta kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja intiż sabiex itaffi mill-ispejjeż li jirriżultaw mit-trobbija tal-ulied u għalhekk jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.

37

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja tieħu l-forma ta’ benefiċċju fi flus imħallas taħt id-dritt fiskali nazzjonali u li l-benefiċċju għall-ulied joriġina minn moderazzjoni tat-taxxa għall-ulied ma jqiegħedx inkwistjoni l-kwalifika bħala “benefiċċju tal-familja” ta’ tali benefiċċju, skont il-prinċipju mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li benefiċċju, bħall-bonus għall-ulied fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71.

39

Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li benefiċċju bħall-bonus għall-ulied introdott bil-Liġi tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-bonus għall-ulied jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens ta’ dan ir-regolament.

Fuq it-tieni domanda

40

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li benefiċċju bħall-bonus għall-ulied introdott bil-Liġi tal-21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-bonus għall-ulied jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq