EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0476

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Settembru 2013.
HK Danmark vs Experian A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret.
Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 21(1) — Direttiva 2000/78/KE — Artikolu 6(1) u (2) — Skema professjonali ta’ rtirar — Progressività tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet skont l-età.
Kawża C‑476/11.

Rapporti tal-qorti - ġenerali

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:590

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 21(1) — Direttiva 2000/78/KE — Artikolu 6(1) u (2) — Skema professjonali ta’ rtirar — Progressività tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet skont l-età”

Fil-Kawża C‑476/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Settembru 2011, fil-proċedura

HK Danmark, li qed taġixxi għal Glennie Kristensen,

vs

Experian A/S,

fil-preżenza ta’:

Beskæftigelsesministeriert,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal HK Danmark, li qed taġixxi għal G. Kristensen, minn T. Sejr Gad, avukat,

għal Experian A/S, minn T. Brøgger Sørensen, avukat,

għall-Beskæftigelsesministeriert, minn P. Biering, avukat,

għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent, assistit minn P. Biering, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta u S. Martínez-Lage Sobredo, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u C. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u C. Barslev, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn HK Danmark (iktar ’il quddiem “HK”), li qed taġixxi għal G. Kristensen, u Experian A/S (iktar ’il quddiem “Experian”), dwar il-legalità tal-iskema professjonali ta’ rtirar applikata minn din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 4, 13 u 25 tad-Direttiva 2000/78 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett għal drittijiet umani u libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u tirrispetta drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali [, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

[…]

(4)

Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet, iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.

[…]

(13)

Din id-Direttiva ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ [paga] fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [157 TFUE], lanqas għal ebda tip ta’ pagament mill-Istat bl-iskop li jipprovdi aċċess għall-impjieg jew li jżomm l-impjieg.

[…]

(25)

Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

4

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru [tistabbilixxi qafas] ġenerali biex tikkumbatti [d-]diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

5

L-Artikolu 2(1) u (2)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdu:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-‘prinċipju ta’ trattament ugwali’ għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għal kwalunkwe mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall- finijiet tal-paragrafu 1:

a)

diskriminazzjoni diretta għandha tkun ikkunsidrata li sseħħ meta persuna waħda hija trattata b’mod inqas favorevoli milli oħra hi, kienet jew se tkun trattata f’sitwazzjoni simili, għal kwalunkwe mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.   Fil-limiti tal-poteri konferiti fuq il-Kummissjoni, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għandha tapplika għall-persuni kollha, fir-rigward tas-setturi pubbliċi u privati, inkluż korpi pubbliċi, fir-rigward ta’:

[…]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 6 ta’ l-istess direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

[…]

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

8

Ir-Renju tad-Danimarka ħa l-opportunità, li hija disponibbli fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, li jiġi estiż it-terminu ta’ transpożizzjoni ta’ din tal-aħħar f’dak li jirrigwarda l-kriterji dwar l-età u dwar id-diżabbiltà, terminu li, konsegwentement, jiskadi fit-2 ta’ Diċembru 2006.

Il-leġiżlazzjoni Daniża

9

Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fid-dritt Daniż bil-Liġi Nru 1417, li temenda l-Liġi dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol (lov nr. 1417 om ændring af lov om forbud mod forskelsbehandling på arbejdsmarkedet m. v.), tat-22 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem il-“Liġi kontra d-diskriminazzjoni”).

10

L-Artikolu 6a ta’ din il-liġi għandu l-għan li jimplementa l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78. Dan huwa fformulat kif ġej:

“Bla ħsara għall-Artikoli 2 sa 5, din il-liġi ma tipprojbixxix li jiġu stabbiliti limiti ta’ età għall-aċċess għal skemi professjonali ta’ sigurtà soċjali jew għall-użu, fil-kuntest ta’ dawn l-iskemi, ta’ kriterji ta’ età fil-kalkolu attwarjali. L-użu ta’ kriterji ta’ età ma għandux jagħti lok għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

G. Kristensen ġiet impjegata fid-dipartiment tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ ta’ Experian fid-19 ta’ Novembru 2007, fl-età ta’ 29 sena. Il-punt 5.1 tal-kuntratt tax-xogħol tagħha kien jistipula d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar l-irtirar:

“5.1

[G. Kristensen taqa’] mid-19 ta’ Awwissu 2008 taħt l-iskema ta’ rtirar obbligatoju ta’ [Experian] ġestita minn Scandia. [Experian] tħallas żewġ terzi tal-primjum, filwaqt li [G. Kristensen tikkontribwixxi] għall-parti [tagħha] sa terz tal-primjum.

Fir-rigward tal-iskema ta’ rtirar ta’ [Experian], [G. Kristensen għandha tikkonkludi] kuntratt distint ma’ Scandia (permezz ta’ Willis), li jiġġestixxi l-iskema ta’ rtirar. L-assigurazzjoni għax-xjuħija u l-assigurazzjoni għall-mard jiskadu fl-istess żmien tal-kuntratt tax-xogħol.

Rati applikabbli:

Inqas minn 35 sena: parti tal-impjegat ta’ 3 % u l-parti ta’ [Experian] ta’ 6 %;

Minn 35 sa 44 sena: parti tal-impjegat ta’ 4 % u l-parti ta’ [Experian] ta’ 8 %;

Iktar minn 45 sena: parti tal-impjegat ta’ 5 % u l-parti ta’ [Experian] ta’ 10 %.”

12

Mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-iskema professjonali ta’ rtirar deskritta fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma ġietx imposta la permezz tal-liġi u lanqas permezz ta’ ftehim kollettiv, iżda tirriżulta esklużivament mill-kuntratt tax-xogħol konkluż bejn Experian u l-impjegati tagħha.

13

Is-salarju riċevut minn G. Kristensen kien magħmul mis-salarju bażiku miftiehem, jiġifieri DKK 21 500 (kroner Daniżi) fix-xahar, miżjud b’kontribuzzjoni ta’ min jimpjega għall-irtirar ta’ 6 % biex b’hekk is-salarju tagħha inkluża l-kontribuzzjoni ta’ min jimpjega għall-irtirar laħħaq total ta’ DKK 22 790 fix-xahar. Kieku G. Kristensen kellha età bejn 35 u 45 sena, hija kien ikollha DKK 23 220 fix-xahar, inkluża l-kontribuzzjoni ta’ min jimpjega għall-irtirar, u kieku l-persuna kkonċernata kellha iktar minn 45 sena kienet tirċievi salarju ta’ DKK 23 650, inkluża l-kontribuzzjoni ta’ min jimpjega għall-irtirar.

14

G. Kristensen irriżenjat b’effett mill-31 ta’ Ottubru 2008. HK, li qed taġixxi għall-persuna kkonċernata, talbet lil Experian, skont il-liġi kontra d-diskriminazzjoni, il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għal disa’ xhur ta’ salarju bħala kumpens, kif ukoll xi arretrati tal-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar li jikkorrispondu għar-rata applikabbli għall-impjegati li għandhom iktar minn 45 sena, peress li l-iskema ta’ rtirar implementata minn Experian kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali bbażata fuq l-età. Experian ċaħdet dawn it-talbiet minħabba li, b’mod ġenerali, l-iskemi ta’ rtirar jaħarbu mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata b’mod partikolari fuq l-età, prevista mil-liġi kontra d-diskriminazzjoni.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vestre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-eċċezzjoni fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva [2000/78/KE] li tikkonċerna l-iffissar tal-limiti tal-età għall-ammissjoni fl-iskemi ta’ sigurtà soċjali professjonali għandha tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni lill-Istati Membri li jkunu ġeneralment jistgħu jagħmlu eċċezzjoni għall-iskemi ta’ sigurtà soċjali professjonali mill-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 [ta’ din id-direttiva] dwar diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età sa fejn din ma twassalx għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess?

2)

L-eċċezzjoni fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva [2000/78/KE] li tikkonċerna l-iffissar tal-limiti tal-età għall-ammissjoni fl-iskemi ta’ sigurtà soċjali professjonali għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix lil Stat Membru milli jżomm sitwazzjoni legali li fiha persuna li tħaddem tista’ tħallas, bħala parti mill-ħlas, kontribuzzjonijiet għall-pensjoni li huma maħduma skont l-età, u dan ikun jimplika pereżempju li l-persuna li tħaddem tħallas kontribuzzjoni għall-pensjoni ta’ 6 % għall-ħaddiema li għandhom inqas minn 35 sena, 8 % għall-ħaddiema li għandhom minn 35 sa 44 sena u 10 % għall-ħaddiema li għandhom iktar minn 45 sena, sa fejn dan ma jwassalx għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

Osservazzjonijiet preliminari

16

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, essenzjalment, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat li jipprekludi skema professjonali ta’ rtirar li permezz tagħha persuna li timpjega tħallas, bħala parti mir-remunerazzjoni, kontribuzzjonijiet ta’ rtirar progressivi skont l-età.

17

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, li l-kawża prinċipali inkwistjoni hija bejn żewġ individwi, dwar is-suġġett ta’ allegata diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li ma tirriżultax minn xi rekwiżit legali jew minn ftehim kollettiv, iżda esklużivament mill-kuntratt tax-xogħol konkluż bejn G. Kristensen u Experian. Huwa fil-kuntest ta’ din il-kawża li HK, li qed taġixxi għal G. Kristensen, tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78.

18

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod kostanti, li direttiva, peress li hija indirizzata lejn l-Istati Membri, ma tistax minnha nfisha, toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax, bħala tali, tiġi invokata kontrih (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48; tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 20, u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C-555/07, Ġabra p. I-365, punt 46).

19

Hekk kif inhuma l-affarijiet, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età li għandu jitqies li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li ġie kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni abbażi, b’mod partikolari, tal-età hija inkorporata fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li, sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, għandha l-istess valur legali tat-trattati.

20

Madankollu, sabiex il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età japplika f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, jeħtieġ li dan jinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

21

Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, l-Artikolu 6a tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni jimplementa l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78. Huwa abbażi ta’ dan u fi kwalunkwe każ, wara d-data ta’ skadenza tat-terminu impost lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jittrasponi d-Direttiva 2000/78, li ntemmet, fir-rigward tar-Renju tad-Danimarka, fit-2 ta’ Diċembru 2006, li beda jseħħ l-aġir allegatament diskriminatorju adottat f’din il-kawża prinċipali.

22

Min-naħa l-oħra, l-iskema professjonali ta’ rtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li qed tiġi allegata li hija ta’ natura diskriminatorja, qiegħda fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

23

Fil-fatt, kif jirriżulta kemm mit-titolu u mill-preambolu, kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tagħha, din id-direttiva hija intiża li tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna trattament ugwali “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffri protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, li fosthom hija inkluża l-età.

24

B’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li din id-direttiva tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi” f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

25

F’dan ir-rigward, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għandu jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) tagħha moqri flimkien mal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom ma humiex meqjusa bħala remunerazzjoni skont it-tifsira mogħtija lil dan it-terminu għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 157(2) TFUE u lanqas il-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula mill-Istat li għandhom bħala għan l-aċċess għall-impjieg jew iż-żamma tal-impjieg (sentenzi tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C-267/06, Ġabra p. I-1757, punt 41, u tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer, C-147/08, Ġabra p. I-3591, punt 32).

26

Il-kunċett ta’ remunerazzjoni, skont l-Artikolu 157(2) TFUE tinkludi kull remunerazzjoni, sew jekk fi flus jew in natura, attwali jew futuri li l-ħaddiem jirċievi, anki indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand il-persuna li timpjega (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber, C-262/88, Ġabra p. I-1889, punt 12).

27

Fil-kawża prinċipali, huma dovuti kontribuzzjonijiet ta’ rtirar imħallsin minn Experian għall-impjegati tagħha matul perijodu ta’ impjieg f’din l-impriża u mhux ta’ benefiċċji ta’ rtirar dovuti wara li dawn tal-aħħar ikunu rtiraw.

28

Barra dan, l-impenn tal-persuna li timpjega li tħallas l-imsemmijin kontribuzzjonijiet jirriżulta esklużivament mill-kuntratt tax-xogħol konkluż bejnha u bejn l-impjegati tagħha u ma huwiex impost b’liġi. Il-finanzjament tal-iskema professjonali ta’ rtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ggarantita kemm mill-persuna li timpjega, li tħallas żewġ terzi tal-kontribuzzjonijiet, u mill-impjegat, li jħallas it-terz li jibqa’, mingħajr l-involviment tal-gvern. Għalhekk, l-imsemmi skema tifforma parti mill-benefiċċji li l-persuna li timpjega toffri lill-impjegati.

29

Huwa ċertament minnu li dawn il-kontribuzzjonijiet huma mħallsa direttament lill-impjegat stess, iżda fil-fond ta’ tfaddil għall-irtirar personali tiegħu. Madankollu, kif indikat ukoll minn Experian fir-risposta għal domanda mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja, kull impjegat għandu hu stess il-fond ta’ tfaddil għall-irtirar u jiddeċiedi flimkien ma’ konsulent speċjalizzat fil-qasam tal-irtirar, b’liema mod għandu jinvesti l-ammont imfaddal, bil-għan li jirċievi pensjoni meta jiġi l-mument.

30

Minn dan jirriżulta li l-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar imħallsa fil-kuntest tal-iskema inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrappreżentaw benefiċċju fi flus kontanti, imħallsa mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem minħabba l-impjieg ta’ dan tal-aħħar, u jikkostitwixxu, konsegwentement, remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE. Għaldaqstant, huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

31

Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li huwa abbażi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età, stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, li għandu jiġi mistħarreġ jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix skema professjonali ta’ rtirar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

Konsegwentement, it-tieni domanda għandha tinftiehem bħala li tirrigwarda l-punt ta’ jekk, essenzjalment, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 2 u 6(2) ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu skema professjonali ta’ rtirar li permezz tagħha persuna li timpjega tħallas, bħala parti mir-remunerazzjoni, kontribuzzjonijiet ta’ rtirar progressivi skont l-età.

33

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu l-ewwel nett, jiġi vverifikat jekk l-iskema professjonali ta’ rtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloqx differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età.

Fuq l-eżistenza ta’ differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età

34

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jiġi mifhum bħala l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva li fosthom tidher l-età. L‑Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli oħra hija, kienet jew ser tkun trattata f’sitwazzjoni simili, għal kwalunkwe mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal‑imsemmija direttiva.

35

F’dan il-każ, peress li G. Kristensen kellha inqas minn 35 sena fid-data tar-reklutaġġ tagħha, il-kontribuzzjoni ta’ min jimpjega li Experian ħallset fl-iskema ta’ rtirar għall-persuna kkonċernata telgħet għal 6 % tas-salarju bażiku tagħha. Ir-remunerazzjoni fix-xahar globali tagħha magħmula mis-salarju bażiku miżjud bil-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar, kien għalhekk inqas mir-remunerazzjoni fix-xahar globali ta’ impjegat li jdaħħal l-istess salarju bażiku, iżda li għandu iktar minn 35 sena. Fil-fatt, għall-impjegati ta’ Experian li għandhom età bejn 35 u 45 sena, il-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar jitilgħu sa 8 % tas-salarju bażiku, filwaqt li, għall-impjegati li għandhom iktar minn 45 sena, dawn huma ekwivalenti għal 10 % ta’ dan is-salarju. Il-fatt li r-remunerazzjoni fix-xahar globali tal-ħaddiema inqas kbar fl-età jew ta’ livell iktar baxx u, għaldaqstant, il-fatt li t-trattament li ġew suġġetti għalih dawn tal-aħħar huwa inqas favorevoli, huwa direttament relatat mal-età.

36

Minn dan jirriżulta li l-iskema professjonali ta’ rtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq differenza ta’ trattament li tirriżulta mill-kriterju bbażat fuq l-età.

37

It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk dan it-trattament differenti jistax jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit mill-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat mid-Direttiva 2000/78.

38

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda magħmula minnha, jiddisponi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, f’ċerti ċirkustanzi, li differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

39

Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat il-fatt jekk id-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78.

Fuq il-ġustifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, tad-differenza fit-trattament ibbażat fuq l-età

40

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, fil-verżjoni Franċiża tiegħu, minkejja l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li “l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess”.

41

Il-verżjoni fil-lingwa Daniża tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva hija differenti mit-test riprodott fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza peress li ma tagħmel l-ebda riferiment, b’mod partikolari, għal “benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità”.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dak li jirrigwarda l-verżjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 stabbiliti fil-lingwi l-oħrajn tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn isemmu espliċitament, bħall-verżjoni fil-lingwa Franċiża riprodotta fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji tal-irtirar jew tal-invalidità. B’mod indikattiv, il-verżjoni bil-lingwa Spanjola tad-dispożizzjoni tgħid li “la determinación, para los regímenes profesionales de seguridad social, de edades para poder beneficiarse de prestaciones de jubilación o invalidez u optar a las mismas”, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni tuża t-termini “bei den betrieblichen Systemen der sozialen Sicherheit die Festsetzung von Altersgrenzen als Voraussetzung für die Mitgliedschaft oder den Bezug von Altersrente oder von Leistungen bei Invalidität”, il-verżjoni bil-lingwa Ingliża tad-dispożizzjoni inkwistjoni ssemmi “the fixing for occupational social security schemes of ages for admission or entitlement to retirement or invalidity benefits”, filwaqt li l-verżjoni bil-lingwa Pollakka tal-istess dispożizzjoni tuża t-termini “ustalanie, dla systemów zabezpieczenia społecznego pracowników, wieku przyznania lub nabycia praw do świadczeń emerytalnych lub inwalidzkich”.

44

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, fil-verżjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, tissuġġerixxi, barra dan, li din id-dispożizzjoni għandha n-natura li tapplika biss fil-każijiet li jkunu elenkati b’mod limitat. Fil-fatt, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni lil hinn mill-każijiet espressament imsemmija fiha, u kellu jindikaha b’mod espliċitu, billi jutilizza, pereżempju, l-avverbju “partikolarment”.

45

L-istruttura ġenerali u l-finalità tad-Direttiva 2000/78 jikkorroboraw din il-konklużjoni. Fil-fatt, din id-direttiva, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, li huwa kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni abbażi, b’mod partikolari, tal-età hija inkorporata fl-Artikolu 21 tal-Karta li, sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, għandha l-istess valur legali tat-Trattati.

46

Peress li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 jippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu eċċezzjoni għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni restrittiva (ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund, C‑546/11, punt 41).

47

Madankollu, interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 li biha din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata għal kull tip ta’ skemi professjonali ta’ sigurtà soċjali jista’ jkollha bħala effett it-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bi ksur tal-karattru restrittiv tal-interpretazzjoni li għandha ssir ta’ din id-dispożizzjoni (is-sentenza Dansk Jurist- og Økonomforbund, imsejħa “Toftgaard”, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

48

Minn dan isegwi li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu n-natura li japplika biss għall-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali li jkopru r-riskji ta’ xjuħija u ta’ invalidità (is-sentenza Dansk Jurist- og Økonomforbund, imsejħa “Toftgaard”, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

49

F’dan il-każ, jekk jiġi preżunt li l-progressività tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar ibbażat fuq l-età tinkwadra ruħha fil-kuntest ta’ skema professjonali ta’ sigurtà soċjali li tkopri r-riskju tax-xjuħija, xorta jibqa’ neċessarju li l-imsemmija progressività tirreferi għall-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri “l-iffissar […] ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità”, inkluża “l-iffissar […] ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji”.

50

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-iskema professjonali ta’ rtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiffissa l-ebda età ta’ parteċipazzjoni għall-benefiċċji tal-irtirar, peress li l-impjegati ta’ Experian jipparteċipaw awtomatikament għall-imsemmija skema wara disa’ xhur ta’ senjorità fl-impriża. Għaldaqstant, il-progressività tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma timplikax bħala tali “l-iffissar […] ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78.

51

Madankollu, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Daniż u l-Gvern Ġermaniż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, sostnew li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tista’ tiġi applikata mhux biss għall-iffissar tal-etajiet ta’ parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji tal-irtirar, iżda wkoll, a fortiori, għall-forom inqas gravi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, bħalma hi fil-kawża prinċipali.

52

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, il-kontribuzzjonijiet tal-irtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma parti, hekk kif ġie kkonstatat ukoll fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, mir-remunerazzjoni tal-impjegati ta’ Experian. Għalhekk, il-progressività tal-imsemmijin kontribuzzjonijiet, ibbażata fuq l-età hija ta’ natura li tipproduċi effetti li jmorru lil hinn minn sempliċi ffissar tal-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji tal-irtirar. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat ukoll fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mhux l-elementi kollha li jikkaratterizzaw skema professjonali ta’ sigurtà soċjali li tkopri r-riskji ta’ xjuħija u invalidità, bħalma hi, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-ammont, tal-kontribuzzjonijiet għall-imsemmija skema, iżda biss dawk li huma msemmijin fiha.

53

Għal din l-istess raġuni, tali determinazzjoni ma tistax tibqa’ tiġi ekwiparata ma’ “[iffissar] ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, peress li, fi kwalunkwe każ, din ma tistax tissarraf fl-iffissar tal-etajiet tal-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji tal-irtirar.

54

Minn dan isegwi li l-progressività tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar ibbażata fuq l-età ma jaqgħux taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78.

Fuq il-ġustifikazzjoni, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, tad-differenza fit-trattament ibbażat fuq l-età

55

Peress li l-progressività tal-kontribuzzjonijiet ta’ rtirar ibbażata fuq l-età tikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ma taqax taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, kif ġie kkonstatat ukoll fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat il-fatt jekk din il-miżura tistax tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

56

Fil-fatt, anki jekk il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, dan il-fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiġu użati sabiex il-kawża li hija jkollha quddiemha tiġi deċiża, indipendentement minn jekk hija tagħmilx jew le riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C-503/09, Ġabra p. I-6497, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni ladarba din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi tal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

58

L-ewwel nett f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-iskema professjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrispondix għal għan leġittimu, Experian u l-Gvern Daniż sostnew li din hija intiża, l-ewwel nett, sabiex minn naħa, tippermetti lill-ħaddiema iktar anzjani, li jidħlu jaħdmu ma’ Experian fi stadju avvanzat fil-karriera tagħhom, li jirnexxilhom ifaddlu biżżejjed għall-irtirar tagħhom matul perijodu ta’ affiljazzjoni relattivament qasir. Min-naħa l-oħra, hija intiża sabiex tintegra l-ħaddiema żgħażagħ fl-istess skema professjonali ta’ rtirar fi stadju bikri, sabiex tippermettilhom li jiddisponu minn parti ikbar tas-salarju tagħhom, inkunsiderazzjoni tal-applikazzjoni ta’ rata ta’ kontribuzzjonijiet tal-impjegati iżgħar. Għalhekk, din l-iskema tippermetti lill-impjegati kollha ta’ Experian li jfaddlu biżżejjed għall-irtirar, li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom meta jirtiraw.

59

Skont Experian, il-progressività tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar li tikkaratterizza l-iskema inkwistjoni hija ġġustifikata, it-tieni nett, għall-ħtieġa li jiġu koperti r-riskji ta’ mewt, inkapaċità u ta’ mard serju, li n-nefqa fir-rigward tagħhom tiżdied mal-età. Madankollu, parti mill-imsemmija kontribuzzjonijiet kienu jkopru dawn ir-riskji.

60

Għandu jitfakkar li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq tali għan (is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C-411/05, Ġabra p. I-8531, punt 68).

61

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu bl-istess mod ukoll f’dak li jirrigwarda l-għanijiet magħżula fil-kuntest tal-iskema professjonali ta’ rtirar li jidhru fil-kuntratt tax-xogħol, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62

Għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-impjegati kollha ta’ Experian, fil-kuntest tat-tħassib li jirrigwarda l-politika soċjali, l-impjieg u s-suq tax-xogħol, bil-għan li jiġi żgurat tfaddil għall-irtirar ta’ ammont suffiċjenti għal meta l-impjegat jirtira, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għanijiet leġittimi.

63

It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat jekk il-progressività tal-kontribuzzjonijiet ibbażata fuq l-età tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri li hija xierqa u neċessarja għall-kisba tal-imsemmijin għanijiet.

64

L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura xierqa ta’ tali progressività bbażata fuq l-età, jidher li, minħabba l-applikazzjoni għall-ħaddiema iktar anzjani ta’ rata tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar ta’ persuna li timpjega u tal-impjegati iktar għoljin, il-progressività tal-kontribuzzjonijiet ibbażata fuq l-età tippermetti lill-ħaddiema li jfaddlu kapital tal-irtirar biżżejjed, anki fl-eventwalità fejn l-affiljazzjoni tagħhom fl-iskema inkwistjoni tkun relattivament reċenti. Din il-progressività tippermetti wkoll lill-ħaddiema żgħażagħ li jaffiljaw ruħhom f’din l-iskema, peress li hija aċċessibbli għal kull impjegat ta’ Experian indipendentement mill-età tiegħu, filwaqt li l-imsemmijin persuni kkonċernati jkollhom piż finanzjarju inqas kbir, il-kontribuzzjonijiet tal-impjegati miġbura mill-ħaddiema żgħażagħ ikunu effettivament inqas għoljin minn dawk imħallsa mill-ħaddiema iktar anzjani.

65

Barra dan, l-applikazzjoni ta’ rata tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar ta’ persuna li timpjega u tal-impjegati iktar għolja għal dawn tal-aħħar, tidher, bħala prinċipju, adegwata sabiex tiggarantixxi li parti iktar importanti ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għandha tiġi rriżervata għall-kopertura ta’ riskji ta’ mewt, inkapaċità u mard serju, li fihom iċ-ċans ta’ sopravivenza huwa statistikament iktar probabbli minn dak li jirrigwarda l-ħaddiema iktar anzjani.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-progressività tal-kontribuzzjonijiet ibbażata fuq l-età għandha natura li trid tikseb l-għanijiet invokati fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza.

67

Madankollu, għandu jitfakkar, skont ġurisprudenza stabbilita, li miżura tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk tkun verament intiża li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C-159/10 u C-160/10, Ġabra p. I-6919, punt 85).

68

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-progressività tal-kontribuzzjonijiet ibbażata fuq l-età tikkorrispondi għal dan ir-rekwiżit, filwaqt li tiżgura li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa. Fid-dawl ta’ dan tal-aħħar, hija għandha teżamina, b’mod partikolari, il-punt ta’ jekk il-preġudizzju li jirriżulta mid-differenza fit-trattament irrilevat huma kkumpensati permezz tal-benefiċċji relatati mal-iskema professjonali ta’ rtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-qorti nazzjonali għandha, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni tal-fatt, minn naħa, li G. Kristensen ħadet xi benefiċċji minn din l-iskema, sa fejn hija bbenefikat mill-kontribuzzjonijiet imħallsa lilha mill-persuna li timpjegaha, u min-naħa l-oħra, li l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ rtirar l-inqas għoli jikkorrispondi għall-ammont l-iktar baxx ta’ kontribuzzjonijiet tal-impjegati, anki jekk il-perċentwali tas-salarju bażiku li G. Kristensen għandha tħallas hi stess fil-fond ta’ tfaddil għall-irtirar tagħha kien inqas għoli minn dak imħallas minn ħaddiem li għandu iktar minn 45 sena. Hija l-imsemmija qorti nazzjonali li għandha teżamina dawn l-elementi.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li essenzjalment, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 2 u 6(1) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu skema professjonali ta’ rtirar li permezz tagħha persuna li timpjega tħallas, bħala parti mir-remunerazzjoni, kontribuzzjonijiet ta’ rtirar progressivi skont l-età, bil-kundizzjoni li d-differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età li tirriżulta, hija xierqa u neċessarja sabiex jinkiseb għan leġittimu, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Fuq l-ewwel domanda

70

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età, stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kkonkretizzat permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 2 u 6(1) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu skema professjonali ta’ rtirar li permezz tagħha persuna li timpjega tħallas, bħala parti mir-remunerazzjoni, kontribuzzjonijiet ta’ rtirar progressivi skont l-età, bil-kundizzjoni li d-differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età li tirriżulta, hija xierqa u neċessarja sabiex jinkiseb għan leġittimu, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Fuq