Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0228

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Mejju 2013.
    Melzer vs MF Global UK Ltd.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf.
    Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt — Parteċipazzjoni transkonfinali ta’ diversi persuni fl-istess att illeċitu — Possibbiltà li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni territorjali skont il-post tal-att imwettaq minn awtur tad-dannu li huwa differenti mill-konvenut (‘wechselseitige Handlungsortzurechnung’).
    Kawża C‑228/11.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2013:305

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    16 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

    “Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt — Parteċipazzjoni transkonfinali ta’ diversi persuni fl-istess att illeċitu — Possibbiltà li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni territorjali skont il-post tal-att imwettaq minn awtur tad-dannu li huwa differenti mill-konvenut (‘wechselseitige Handlungsortzurechnung’)”

    Fil-Kawża C‑228/11,

    li tirrigwarda talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 KE, imressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

    Melzer

    vs

    MF Global UK Ltd,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, J.-J. Kasel, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Melzer, minn S. Volaric-Huppert, F. Marzillier, G. Guntner u W. A. Meier, Rechtsanwälte,

    għal MF Global UK Ltd, minn C. Gierets, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn K. Petersen u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

    għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u W. Bogensberger, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Melzer u MF Global UK Ltd (iktar ’il quddiem “MF Global”) fir-rigward ta’ talba għad-danni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet fis-suq tad-derivati.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 44/2001

    3

    Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, biex jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

    4

    Il-premessi 11, 12 u 15 tal-imsemmi regolament jipprovdu:

    “(11)

    Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

    (12)

    B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

    [...]

    (15)

    Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri [...]”

    5

    Ir-regoli ta’ ġurisdzzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tal-istess regolament.

    6

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:

    “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

    7

    L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mill-istess sezzjoni, jipprovdi:

    “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu”.

    8

    L-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II dwar il-“Ġurisdizzjoni speċjali”, huwa fformulat kif ġej:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

    1)

    a)

    f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

    b)

    għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

    fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

    fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

    ċ)

    jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

    [...]

    3)

    f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

    9

    L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, li jagħmel parti mill-istess sezzjoni huwa fformulat kif ġej:

    “Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

    1)

    meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

    Id-dritt Ġermaniż

    10

    Skont l-Artikolu 830 tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch) intitolat “Koawturi u parteċipanti”:

    “1)

    Meta diversi persuni jikkawżaw dannu permezz ta’ aġir illeċitu mwettaq flimkien, kull waħda minn dawn il-persuni hija responabbli. L-istess japplika meta jkun impossibbli li jiġi determinat liema waħda mill-persuni involuti tkun ikkawżat id-dannu bl-aġir tagħha.

    2)

    L-instigaturi u l-kompliċi huma trattati bl-istess mod bħall-koawturi”.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    11

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżula li M. Melzer, domiċiljat f’Berlin (il-Ġermanja), kien ġie avviċinat telefonikament u l-fajl tiegħu ġie segwit minn Weise Wertpapier Handelsunternehmen (iktar ’il quddiem “WWH”), stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja). Din il-kumpannija fetħet kont f’isem M. Melzer ma’ MF Global UK Ltd, kumpannija ta’ senserija finanzjarja stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit). MF Global eżegwiet bi ħlas operazzjonijiet fis-suq tad-derivati minn dan il-kont għal dan tal-aħħar.

    12

    Bejn l-2002 u l-2003, M. Melzer għamel ħlasijiet għal ammont totali ta’ EUR 172 000 f’kont partikolari. Fid-9 ta’ Lulju 2003, MF Global UK ħallsitu s-somma ta’ EUR 924.88. M. Melzer għamel talba għad-danni abbażi tad-differenza, jiġifieri EUR 171 075.12.

    13

    MF Global bagħtet lil M. Melzer fattura ta’ USD 120 bħala kummissjoni. Minnhom hija żammet USD 25 u bagħtet lil W.W.H. il-bilanċ ta’ USD 95.

    14

    M. Melzer jikkunsidra li ma kienx infurmat b’mod suffiċjenti dwar ir-riskji marbuta mat-tranżazzjonijiet fis-suq tad-derivati la minn WWH u lanqas minn MF Global UK. Huwa jallega wkoll li lanqas ma ġie informat b’mod oġġettiv dwar il-ftehim ta’ kummissjonijiet moħbija (kickback agreement), iffirmat bejn MF Global UK u WWH, u dwar il-kunflitt ta’ interessi li jirriżulta minn dan. Skont dan, MF Global kellha tħallsu danni u interessi abbażi ta’ assistenza intenzjonali u illeċita fit-twettiq tad-dannu kkawżat minn WWH.

    15

    Il-Landgericht Düsseldorf tikkunsidra li l-ġurisdizzjoni internazzjonali Ġermaniża skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija ġġustifikata peress li d-dannu seħħ fil-Ġermanja. Id-dannu finanzjarju li għalih M. Melzer qiegħed jitlob ħlas ta’ kumpens sar fil-Ġermanja peress li huwa f’dan l-Istat li huwa għamel trasferiment fuq il-kont tiegħu f’Londra u li d-dannu subit seħħ fuq il-kont tiegħu amministrat minn stabbiliment bankarju.

    16

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, dwar il-ġursidizzjoni tagħha skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Peress li d-dannu seħħ f’Berlin u mhux f’Düsseldorf, huwa għalhekk determinanti l-post tal-aġir dannuż. Issa, peress li MF Global topera biss f’Londra, il-ġurisdizzjoni f’Düsseldorf tista’ tkun ibbażata biss fuq l-attività ta’ WWH.

    17

    Skont il-qorti tar-rinviju, tali fattur ta’ determinazzjoni alternattiv minflok il-fatt dannuż imwettaq minn koawturi jew kompliċi huwa aċċettat mill-proċedura ċivili Ġermaniża u huwa, fid-dawl tal-allegazzjonijiet relevanti ta’ M. Melzer, possibbli f’dan il-każ.

    18

    Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Landgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001], fil-każ ta’ parteċipazzjoni transkonfinali ta’ diversi persuni fl-istess att illegali, huwa possibbli li għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post fejn l-effett ta’ ħsara [l-avveniment dannuż] [i]kun twettaq tittieħed inkunsiderazzjoni determinazzjoni alternattiva tal-post post fejn ikun twettaq l-att?”

    Fuq id-domanda preliminari

    19

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi stabbilita, bħala post tal-fatt dannuż li huwa akkużat bih wieħed mill-allegati awturi ta’ dannu, li ma huwiex parti fil-kawża, ġurisdizzjoni kontra allegat awtur ieħor tal-imsemmi dannu li ma aġixxiex fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

    20

    Fid-digriet tar-rinviju tagħha, l-imsemmija qorti tikkunsidra li d-dritt Ġermaniż jirrikonoxxi tali possibbiltà permezz ta’ “fattur ta’ determinazzjoni alternattiv għall-post fejn seħħ il-fatt dunnuż”. Hija tistaqsi għalhekk dwar eventwali applikazzjoni mutatis mutandis tal-imsemmija regola għall-każ li għandha quddiemha.

    21

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, l-qorti tar-rinviju tosserva li, minkejja n-natura kuntrattwali tar-relazzjoni bejn M. Melzer u MF Global, ir-rikors fil-kawża prinċipali huwa bbażat biss fuq id-dritt ta’ responsabbiltà għal delitt. Għaldaqstant, din il-domanda preliminari hija limitata għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

    22

    Għandu jitfakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jsir riferiment għall-formulazzjoni u għall-għanijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C-189/08, Ġabra p. I-6917, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et u Martinez, C-509/09 u C-161/10, Ġabra p. I-10269, punt 38).

    23

    Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi enfasizzat li, huwa biss b’deroga għal dan il-prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru fuq it-territorju fejn il-konvenut huwa domiċiljat, li s-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament tipprevedi ċertu numru ta’ regoli għal ġurisdizzjoni speċjali, fosthom dik li tinsab fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament.

    24

    Sa fejn il-ġurisdizzjoni tal-post fejn twettaq il-fatt dannuż jew hemm ir-riskju li jitwettaq tikkostitwixxi regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, din għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u ma tistax tiġi interpretata b’mod li jmur lil hinn mill-każijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament Nru 44/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza Zuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

    25

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tirrigwarda fl-istess ħin kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll il-post fejn seħħ l-aġir li kkawża dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger, C‑523/10, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qorti tal-post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż, u li b’hekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil din tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zuid-Chemie, punt 24, kif ukoll eDate Advertising et u Martinez, punt 40).

    27

    Fil-fatt, fil-qasam ta’ delitt jew kważi delitt, il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-fatt dannuż hija normalment l-iktar adattata sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għall-kawża u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C-167/00, Ġabra p. I-8111, punt 46, u Zuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

    28

    Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-fatturi determinanti rikonoxxuti mill-qorti mfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza għandha għalhekk tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisprudenza tal-qorti li oġġettivament hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex issodisfatti, il-fattur ta’ determinazzjoni relevanti għandu jkun jinsab fi ħdan il-qorti adita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, punt 52).

    29

    Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li d-domanda magħmula ma hijiex dwar l-identifikazzjoni tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu iżda, kif irreleva l-avukat ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “post fejn twettaq l-avveniment kawżattiv” f’sitwazzjoni fejn il-persuna ġuridika mħarrka quddiem il-qorti tar-rinviju hija mħarrka mhux minħabba fatt li wettqet fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, iżda minħabba fatt allegatament imwettaq minn ħadd ieħor.

    30

    Issa, f’ċirkustanzi bħal dwak deskritti fid-digriet tar-rinviju, fejn wieħed minn diversi allegati awturi ta’ allegat dannu jiġi mħarrek quddiem qorti li huwa ma aġixxiex fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, il-fattur ta’ determinazzjoni bbażat fuq l-aġir tal-konvenut huwa bħala regola żbaljat.

    31

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti adita, sabiex tkun tista’ tirrikonoxxi li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tistabbilixxi għalfejn il-fatt kawżali għandu madankollu jiġi kkunsidrat li twettaq fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha. Issa, dan jitlob, diġà fl-istadju tal-eżami tal-ġurisprudenza, evalwazzjoni analoga għal dik li għandha ssir sabiex jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża.

    32

    Fil-fatt, tqum b’mod partikolari l-kwistjoni li jsir magħruf taħt liema kundizzjonijiet, f’każ ta’ diversi awturi, tista’ tiġi ammessa l-imputazzjoni tal-aġir ta’ wieħed minnhom fuq l-oħrajn sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu mħarrka quddiem il-qorti li fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħha seħħew dawn il-fatti. Issa, fin-nuqqas ta’ kunċett komuni għall-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea li jippermetti tali imputazzjoni, il-qorti adita għandha evidentement tispira ruħha mid-dritt nazzjonali tagħha.

    33

    Dan huwa evidenzjat mill-fatt li l-fattur ta’ determinazzjoni alternattiv minflok il-fatt dannuż imwettaq minn ħaddieħor li l-qorti tar-rinviju qegħda tikkunsidra għal dan il-għan, huwa bbażat fuq regola tad-dritt Ġermaniż fil-qasam ta’ responsabbiltà ċivili, jiġifieri l-Artikolu 830 tal-Kodiċi Ċivili.

    34

    Issa, l-użu ta’ kunċetti ġuridiċi nazzjonali fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001 jiġġenera soluzzjonijiet differenti bejn l-Istati Membri, b’mod li jippreġudika l-għan tal-unifikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jħaddan dan ir-regolament, kif jirriżulta mill-premessa 2 ta’ dan tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Refcomp, C‑543/10, punt 39).

    35

    Barra minn hekk, soluzzjoni li tikkonsisti fid-dipendenza tal-identifikazzjoni tal-fattur ta’ determinazzjoni fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mid-dritt sostantiv nazzjonali tmur kontra l-għan ta’ ċertezza legali, peress li, skont id-dritt applikabbli, l-aġir ta’ persuna li jkun twettaq fi Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita jista’ jiġi kkwalifikat jew le bħala avveniment kawżali għall-finijiet tal-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, din is-soluzzjoni ma tippermettix lill-konvenut li jipprevedi b’mod raġonevoli l-qorti li jista’ jiġi mħarrek quddiemha.

    36

    Barra minn hekk, sa fejn twassal sabiex tippermetti li jiġi mħarrek, skont il-fatt kawżali, l-allegat awtur ta’ dannu quddiem qorti ta’ Stat Membru li huwa ma jkunx aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, din l-istess soluzzjoni tmur lil hinn mill-ipoteżi previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament u, għalhekk, tmur kontra l-formulazzjoni u l-għanijiet tiegħu.

    37

    Wara li ġie preċiżat dan, għandu jitfakkar li l-impossibbilta, għall-qorti li l-allegat awtur ma jkunx hu stess aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, li tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha skont il-post tal-fatt kawżali, ma tippreġudikax l-applikabbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, kemm ġenerali kif ukoll speċjali, previsti mir-Regolament Nru 44/2001, b’mod partikolari din tal-Artikolu 5(1).

    38

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-awtur ta’ fatt dannuż jista’ dejjem jiġi mħarrek, skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, quddiem il-qorti li huwa aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha jew, fin-nuqqas, skont ir-regola ġenerali, quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu.

    39

    Fil-fatt, kif josserva l-avukat ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni għas-smigħ ta’ kawżi kontra persuni li ma jkunux aġixxew fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni adita jibqa’ possibbli skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni, jkunu ssodisfatti.

    40

    Minn dak li jippreċedi jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali fejn wieħed minn fost diversi allegati awturi ta’ allegat dannu jiġi mħarrek quddiem qorti li huwa ma jkunx aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, l-interpretazzjoni awtonoma tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/200, skont l-għanijiet u l-formulazzjoni tiegħu, tipprekludi li l-fatt kawżali jiġi kkunsidrat li seħħ fil-kuntest ta’ din il-ġurisdizzjoni.

    41

    Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi stabbilit, skont il-post tal-fatt dannuż imputat lil wieħed mill-allegati awturi ta’ dannu, li ma huwiex parti mill-kawża, ġurisdizzjoni kontra allegat awtur tal-imsemmi dannu li ma jkunx aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

    Fuq l-ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi stabbilit, skont il-post tal-fatt dannuż imputat lil wieħed mill-allegati awturi ta’ dannu, li ma huwiex parti mill-kawża, ġurisdizzjoni kontra allegat awtur tal-imsemmi dannu li ma jkunx aġixxa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tal-qorti adita.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq