Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62011CJ0363

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2012.
    Epitropos tou Elegktikou Synedriou sto Ypourgeio Politismou kai Tourismou vs Ypourgeio Politismou kai Tourismou – Ypiresia Dimosionomikou Elenchou.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Elegktiko Synedrio (il-Greċja.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja — Qorti tal-Awdituri li tiddeċiedi fuq awtorizzazzjoni minn qabel għal nefqa pubblika — Inammissibbiltà.
    Kawża C‑363/11.

    Rapporti tal-qorti - ġenerali

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:825

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    19 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja — Qorti tal-Awdituri li tiddeċiedi fuq awtorizzazzjoni minn qabel għal nefqa pubblika — Inammissibbiltà”

    Fil-Kawża C-363/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Elegktiko Synedrio (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

    Epitropos tou Elegktikou Synedriou sto Ypourgeio Politismou kai Tourismou

    vs

    Ypourgeio Politismou kai Tourismou – Ypiresia Dimosionomikou Elenchou,

    fil-preżenza ta’:

    Konstantinos Antonopoulos,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, E. Juhász, G. Arestis, J. Malenovský (Relatur), u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal K. Antonopoulos, minn D. Perpataris u K. E. Proiskos, dikigoroi,

    għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna, A. Samoni-Rantou u S. Vodina, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni:

    tal-Artikoli 12, 20, 21 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    tal-Artikolu 153(1)(b) u (5) TFUE, kif ukoll

    tal-klawżoli 3(2) u 4(1) tal-ftehim-qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim-qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

    2

    Din it-talba tressqet mill-Elegktiko Synedrio (il-Qorti tal-Awdituri, il-Greċja) fil-kuntest ta’ kontroversja bejn l-Epitropos tou Elegktikou Synedriou sto Ypourgeio Politismou kai Tourismou (il-Kummissarju tal-Elegktiko Sinedrio responsabbli għall-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu, iktar ’il quddiem il-“kummissarju tal-Elegktiko Synedrio”) u l-Ypourgeio Politismou kai Tourismou — Ypiresia Dimosionomikou Elenchou (is-Servizz ta’ Verifika tal-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu, iktar ’il quddiem is-“servizz ta’ verifika”), dwar ir-rifjut tal-imsemmi kummissarju li jawtorizza l-ordni ta’ ħlas maħruġ minn dan is-servizz, li jirrigwarda r-remunerazzjoni ta’ aġent tal-imsemmi ministeru, Konstantinos Antonopoulos.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Ellenika

    3

    L-Artikolu 98 tal-Kostituzzjoni jipprovdi li:

    “1.   Il-ġurisdizzjoni tal-Elegktiko Sinedrio tikkonċerna b’mod partikolari:

    a)

    il-verifika tan-nefqa tal-Istat, flimkien ma’ dik tal-awtoritajiet lokali jew ta’ persuni ġuridiċi oħrajn li huma suggetti għal din il-verifika bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni speċifika;

    b)

    il-verifika ta’ kuntratti ta’ valur ekonomiku għoli li tagħhom l-Istat, jew xi entità legali oħra assimilata mal-Istat għal dak l-iskop, huma parti, kif previst bil-liġi;

    c)

    il-verifika tal-kontijiet ta’ uffiċjali tal-kontijiet u tal-awtoritajiet lokali jew ta’ persuni ġuridiċi oħra li huma suġġetti għall-verifika speċifikata fis-subparagrafu (a);

    d)

    l-għoti ta’ opinjonijiet fuq l-abbozzi ta’ liġijiet li jikkonċernaw il-pensjonijiet jew ir-rikonoxximent ta’ servizz għall-għoti tad-dritt tal-pensjoni, skont l-Artikolu 73(2), kif ukoll fuq il-kwistjonijiet l-oħrajn kollha previsti mil-liġi;

    e)

    ir-redazzjoni u l-preżentazzjoni lill-Parlament ta’ rapport dwar id-dikjarazzjoni finanzjarja u l-karta tal-bilanċ tal-Istat, skont l-Artikolu 79(7);

    f)

    id-deċiżjoni ta’ tilwim legali li jikkonċerna l-għoti ta’ pensjonijiet u l-verifika tal-kontijiet speċifikati fis-subparagrafu (c) iktar ’il fuq;

    g)

    id-deċiżjoni ta’ każijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ uffiċjali pubbliċi, ċivili jew militari tal-Istat, u ta’ impjegati ta’ awtoritajiet lokali jew ta’ persuni ġuridiċi oħra tad-dritt pubbliku, għal kwalunkwe ħsara li tigi kkawżata b’mod intenzjonali jew bi traskuraġni, lill-Istat jew lil tali awtoritajiet lokali jew entitajiet oħrajn irregolati mid-dritt pubbliku..

    [...]”.

    4

    L-Istatut tal-Elegktiko Sinedrio ġie kkodifikat fid-Digriet Presidenzjali 774/1980 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali”).

    5

    L-Artikolu 17(1) tad-Digriet Presidenzjali jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-Elegktiko Sinedrio biex tivverifika li n-nefqa pubblika hija awtorizzata b’mod korrett u li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali rilevanti kollha.

    6

    L-Artikolu 19(1) tad-Digriet Presidenzjali jipprovdi li verifika a priori ta’ ordnijiet ta’ ħlas dwar in-nefqa tal-ministeri għandha titwettaq minn imħallfin tat-tieni grad jew minn kummissarji, kif ikun il-każ, tal-Elegktiko Sinedrio, sedenti fl-uffiċċju ewlieni tal-ministeru inkwistjoni.

    7

    Skont l-Artikolu 21(1) tad-Digriet Presidenzjali, l-imħallef tat-tieni grad jew il-kummissarju kompetenti għandhom jirrifjutaw li jawtorizzaw kull nefqa li ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) tad-Digriet Presidenzjali. Jekk in-nefqa tiġi ppreżentata lilu mill-ġdid u huwa jikkunsidra li din għadha ma tikkonformax ma’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa għandu jissottometti l-kwistjoni lit-taqsima kompetenti tal-Elegktiko Sinedrio, li għandha tagħti deċiżjoni finali.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    8

    Is-servizz ta’ verifika tal-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu ppreżenta, għal awtorizzazzjoni, lill-kummissarju tal-Elegktiko Synedrio responsabbli ta’ dan l-istess ministeru, ordni għal ħlas li tikkonċerna r-remunerazzjoni ta’ K. Antonopoulos, impjegat b’kuntratt irregolat bid-dritt privat, għal żmien determinat, tal-imsemmi ministeru, assenjat mad-Direttorat tal-antikitajiet preistoriċi u klassiċi, u membru tal-kumitat eżekuttiv ta’ organizzazzjoni sindakali, għall-perijodu mix-xahar ta’ Novembru 2008 sa Mejju 2009.

    9

    Il-kummissajru tal-Elegktiko Synedrio rrifjuta li jawtorizza dan l-ordni ta’ ħlas, minħabba li, matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq, il-persuna kkonċernata kienet assenti mill-post ta’ impjieg tagħha għal 34 ġurnata minħabba leave sindakali, mingħajr mar-remunerazzjoni tagħha kienet imnaqqsa proporzjonalment għall-perijodu ta’ dan il-leave.

    10

    F’dan ir-rigward, il-kummissarju tal-Elegktiko Synedrio qies li mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Elleniku kien jirriżulta li l-ħaddiema impjegati mill-Istat fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg irregolata bid-dritt privat għal żmien determinat għandhom dritt għal leave sindakali mhux remunerat, għad-differenza ta’ ħaddiema impjegati mill-Istat fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ dritt privat għal żmien indeterminat u li jokkupaw pożizzjonijiet fissi, li jibbenefikaw minn leave sindakali remunerat.

    11

    Madankollu, is-servizz ta’ verifika ppreżenta, mill-ġdid, għal awtorizzazzjoni, lill-imsemmi kummissarju, l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni, billi jsostni, b’mod iktar speċifiku, li l-preżunt benefiċjarju, li għandu relazzjoni ta’ impjieg bħala impjegat irregolat bid-dritt privat għal żmien determinat, kellu dritt għar-remunerazzjoni tiegħu għall-ġranet li fihom kien assenti minħabba leave sindakali, u dan skont l-Artikolu 4 tad-Digriet 164/2004 tal-president tar-Repubblika li jittrasponi d-Direttiva 1999/70 li stabbiliet il-prinċipju li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet bejn il-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u l-ħaddiema, f’pożizzjoni simili, li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

    12

    Madankollu, ir-rifjut persistenti tal-kummissarju tal-Elegktiko Synedrio sabiex jawtorizza l-ordni għal ħlas ikkonċernat ta lok għal kontroversja, li għas-soluzzjoni tagħha ġiet adita, wara r-“rapport negattiv” ta’ dan il-kummissarju bid-data tat-3 ta’ Novembru 2009, skont il-liġi, l-Ewwel Sezzjoni tal-Elegktiko Synedrio.

    13

    Waqt l-eżami, fl-1 ta’ Lulju 2010, tal-imsemmi “rapport negattiv”, tqajmu xi mistoqsijiet rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Sezzjoni tal-Elegktiko Sinedrio ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħhmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-ħlas jew in-nuqqas ta’ ħlas [remunerazzjoni] lil ħaddiem għal perijodu fejn huwa jkun nieqes mix-xogħol tiegħu minħabba leave sindakali jikkostitwixxi kundizzjoni tax-xogħol jew kundizzjoni tal-impjieg fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni? B’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet li jipprovdu għall-għoti ta’ leave sindakali mhux remunerat lill-ħaddiema impjegati mill-Istat fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat, li ma jokkupawx pożizzjoni fissa u għandhom il-kwalità ta’ membri tal-amministrazzjoni ta’ organizzazzjoni sindakali, jintroduċu “kondizzjonijiet tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 137(1)(b) KE u “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” skont il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas jew inkella din il-kwistjoni tikkonċerna oqsma li huma esklużi mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri ir-remunerazzjonijiet u d-dritt ta’ assoċjazzjoni?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għal ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ħaddiem impjegat fis-servizz pubbliku fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat irregolata mid-dritt privat, li jokkupa pożizzjoni fissa u li jaqdi l-istess funzjonijiet bħal ħaddiem li għandu relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat irregolata mid-dritt privat li ma għandux impjieg organiku, jista’ jikkostitwixxi ħaddiem “kumparabbli” għal dan tal-aħħar, fis-sens tal-Klawżoli 3(2) u 4(1) tal-Ftehim Qafas, jew inkella l-fatt li l-Kostituzzjoni nazzjonali (Artikolu 103) u l-liġijiet li jiżguraw l-eżekuzzjoni tagħha jipprovdu li dan għandu status speċifiku (kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ġaranziji iktar speċifiċi previsti fl-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni) huwa biżżejjed sabiex dan ma jkunx “kumparabbli” ma ħaddiem li għandu relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat irregolata mid-dritt privat li ma jokkupax pożizzjoni fissa?

    3)

    Fil-każ li r-risposta għaż-żewġ domandi preċedenti tkun fl-affermattiv:

    a)

    fil-każ li mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali jirriżulta li l-ħaddiema impjegati f’servizz pubbliku fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indeterminat li jokkupaw pożizzjoni fissa u huma membri tal-amministrazzjoni ta’ organizzazzjoni sindakali tat-tieni livell jibbenefikaw minn leave sindakali remunerat (li jammonta sa massimu ta’ disgħat ijiem fix-xahar), filwaqt li l-ħaddiema impjegati fl-istess servizz fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li ma għandhomx impjieg organiku u li għandhom l-istess kwalità sindakali jibbenefikaw minn leave sindakali tal-istess tul mhux remunerat, din id-distinzjoni tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ din it-tieni kategorija ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas, u

    b)

    iż-żmien limitat tar-relazzjoni ta’ impjieg tat-tieni kategorija ta’ ħaddiema u d-differenzi li jirriżultaw, b’mod ġenerali, mill-istatus ta’ din il-kategorija (kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, żvilupp u tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg) jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw din id-distinzjoni?

    4)

    Id-distinzjoni inkwistjoni mwettqa bejn il-membri tal-amministrazzjoni sindakali impjegati għal żmien indeterminat f’servizz pubbliku fejn jokkupaw pożizzjoni fissa u l-persuni li, filwaqt li għandhom l-istess kwalità sindakali bħal dawn tal-aħħar, huma impjegati għal żmien determinat fl-istess servizz u ma għandhomx impjieg organiku, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet sindakali, fid-dawl tal-Artikoli 12, 20, 21 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jew inkella din id-distinzjoni tista’ tiġi ġġustifikata permezz tad-differenzi li jeżistu bejn l-istatus taż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    14

    Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti għandha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati; il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni Ewropea.

    15

    Meta tali kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, din il-qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq din il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwarha. Mill-Artikolu 267 TFUE jirriżulta wkoll li, meta tali kwistjoni titqajjem f’kawża pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, din il-qorti jew dan it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    16

    Minn dan jirriżulta li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun awtorizzata tieħu konjizzjoni fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, il-korp tar-rinviju inkwistjoni għandu jkun ikklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    17

    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat li, fil-kuntest li jagħti lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Elegktiko Synedrio tikkostitwixxix qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u jekk, konsegwentement, hijiex awtorizzata tindirizza talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    18

    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiddetermina jekk il-korp ta’ rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23; tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29; u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C-246/05, Ġabra p. I-4673, punt 16, kif ukoll id-Digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato, C-109/07, Ġabra p. I-3503, punt 22).

    19

    Barra dan, il-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk ikun hemm każ pendenti quddiemhom u jekk huma jissejħu biex jiddeċiedu fi proċeduri maħsuba biex iwasslu għal deċiżjoni ta’ natura ġuridika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Victoria Film, C-134/97, Ġabra p. I-7023, punt 14; tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-195/98, Ġabra p. I-10497, punt 25; u Syfait et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

    20

    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ indipendenza, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jimplika qabel kollox li l-istanza kkonċernata għandha l-kwalità ta’ terza parti fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors (sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1993, Corbiau, C-24/92, Ġabra p. I-1277, punt 15, u tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, Ġabra p. I-8613, punt 49).

    21

    Fl-aħħar nett, għandha tiġi ddeterminata l-awtorizzazzjoni ta’ korp li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, skont kriterji kemm strutturali kif ukoll funzjonali. F’dan ir-rigward, korp nazzjonali jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-imsemmi artikolu meta huwa jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, filwaqt li, fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħrajn, b’mod partikolari ta’ natura amministrattiva, din il-klassfikazzjoni ma tistax tiġi rrikonoxxuta lilu (ara, għal dak li jikkonċerna l-Qorti tal-Awdituri Taljan, id-digrieti tas-26 ta’ Novembru 1999, ANAS, C-192/98, Ġabra p. I-8583, punt 22, u RAI, C-440/98, Ġabra p. I-8597, punt 13). L-awtorità li quddiemha jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni meħuda mis-servizzi ta’ amministrazzjoni ma tistax titqies bħala terza parti fir-rigward ta’ dawn is-servizzi u, għaldaqstant, bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta hija tippreżenta rabta organika mal-imsemmija amministrazzjoni (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2002, Schmid, C-516/99, Ġabra p. I-4573, punt 37, kif ukoll f’dan is-sens, is-sentenza Corbiau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

    22

    F’din il-kawża, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Elegktiko Synedrio ġiet adita sabiex issolvi kontroversja, li nibtet fil-kuntest tal-verifika a priori tal-infiq pubbliku, bejn il-kummissarju tal-Elegktiko Synedrio responsabbli għall-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu, minn naħa, u s-servizz ta’ verifika ta’ dan l-istesss ministeru, min-naħa l-oħra.

    23

    F’dan ir-rigward, mill-fajl jirriżulta li l-kummissarju tal-Elegktiko Synedrio huwa membru tal-Elegktiko Synedrio mqiegħed, kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) tad-Digriet, fuq kull ministeru sabiex jeżerċita verifika a priori tal-ordnijiet ta’ nfiq mwettqa mill-imħallef ikkonċernat. Il-kontroversja inkwistjoni tirriżulta mir-rifjut tal-kummissarju tal-Elegktiko Synedrio responsabbli mill-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu li japprova n-nefqa korrispondenti għar-remunerazzjoni ta’ ħaddiem b’kuntratt għal żmien determinat għas-sigħat iddedikati għal leave sindakali. L-imsemmi rifjut ingħata fil-konfront tal-awtorità li kienet ressqet it-talba inizjali ta’ ħlas, li hija, f’din il-kawża, is-servizz ta’ verifika ta’ dan l-istess ministeru. Madankollu, dan is-servizz ippreżenta talba ġdid ta’ ħlas, l-istess bħal dik preċedenti. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, skont l-Artikolu 21(1) tad-Digriet Presidenzjali, l-imsemmi kummissarju, filwaqt li jippersisti bir-rifjut tiegħu, ittrażmetta r-“rapport negattiv” tiegħu lill-Elegktiko Synedrio, li pprovoka għalhekk ir-rinviju tiegħu għall-finijiet li tingħata deċiżjoni fuq dan ir-rapport.

    24

    Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Elegktiko Synedrio għandha mal-kummissarju tiegħu responsabbli għall-Ministeru tal-Kultura u tat-Turiżmu, li mingħandu joħroġ ir-rapport negattiv ikkontestat quddiemha, rabta organika u funzjonali ċara, li tipprekludi li dan jiġi rrikonoxxut il-kwalità ta’ terza parti fir-rigward tal-imsemmija kummissarju (ara b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Corbiau, punt 16, u Schmid, punt 38).

    25

    Għaldaqstant, meta tiddeċiedi fuq ir-“rapport negattiv” redatt mill-kummissarju tagħha, l-Elegktiko Synedrio ma għandhiex il-kwalità ta’ terza parti fil-konfront tal-interessi preżenti u għaldaqstant, ma għandhiex l-imparzjalità meħtieġa fil-konfront tal-benefiċjarju tan-nefqa inkwistjoni, f’din il-kawża K. Antonopoulos (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, RTL Belgium, C-517/09, Ġabra p. I-14093, punt 47).

    26

    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-kompetenzi tagħha fil-qasam tad-“deċiżjoni ta’ tilwim” li jikkonċerna l-għoti ta’ pensjonijiet bħal dawk deskritti fl-Artikolu 98(1)(f) tal-Kostituzzjoni kif ukoll id-“deċiżjoni” ta’ każijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ uffiċjali pubbliċi, ċivili jew militari tal-Istat previsti fl-Artikolu 98(1)(g) ta’ din il-Kostituzzjoni, il-kompetenza tal-Elegktiko Synedrio fil-kuntest li tagħmel parti minnu din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-“rapport negattiv”a priori tal-infiq tal-Istat, fuq il-bażi tal-Artikolu 98(1)(a) tal-imsemmija Kostituzzjoni, u ma hijiex, għaldaqstant, idone li tagħti lok għal tali deċiżjoni.

    27

    Fil-fatt, f’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, abbażi ta’ din il-kompetenza tal-aħħar, l-Elegktiko Synedrio hija mitluba tevalwa l-legalità baġitarja tal-infiq pubbliku u sabiex tadotta deċiżjoni li ma għandhiex l-awtorità ta’ res judicata.

    28

    Għalhekk, tali deċiżjoni ma tagħmilx parti mill-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, kuntrarjament għar-rekwiżit ġurisprudenzjali stabbilit fil-punt 19 ta’ din is-sentenza.

    29

    Fl-aħħar nett, ġie stabbilit waqt is-seduta li l-persuna kkonċernata, bħala benefiċjarja tan-nefqa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex parti fil-proċedura quddiem l-Elegktiko Synedrio, li tikkonċerna esklużivament kontroversja bejn il-kummissarju tal-Elegktiko Synedrio u l-awtorità amministrattiva li tixtieq twettaq in-nefqa, dwar il-legalità ta’ din tal-aħħar u l-proċedura segwita.

    30

    Fil-kuntest ta’ dan il-proċess amministrattiv, il-persuna kkonċernata, bħala benefiċjarja tan-nefqa inkwistjoni, tokkupa pożizzjoni ta’ sempliċi osservatur insostenn tal-pożizzjoni tas-servizz ta’ verifika tal-ministeru li għandu l-intenzjoni li jħallas ir-remunerazzjoni tiegħu.

    31

    Huwa biss fi stadju sussegwenti, ladarba jkun adit l-Imħallef amministrattiv, li tingħata deċiżjoni fuq it-tilwima bejn il-persuna kkonċernata u l-amministrazzjoni, dwar il-ħlas tal-imsemmija remunerazzjoni. Għalhekk, huwa l-Imħallef amministrattiv li għandu jiddeċiedi fuq id-dritt għal remunerazzjoni tal-persuna kkonċernata, u f’dan il-kuntest, skont il-każ, li jissospendi l-proċeduri u li jindirizza talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza Victoria Film, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-korp ta’ rinviju ma jistax, f’din il-kawża, jitqies li qiegħed jaġixxi fl-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja (ara, b’analoġija, id-digrieti tat-12 ta’ Jannar 2010, Amiraike Berlin, C-497/08, Ġabra p. I-101, punt 21, kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2011, Bengtsson, C-344/09, Ġabra p. I-1999, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, evalwati flimkien, fil-kuntest li ta lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Elegktiko Synedrio ma tikkostitwixxi qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u, konsegwentement, ma hijiex awtorizzata tindirizza talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    34

    Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Elegktiko Synedrio għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem l-Elegktiko Synedrio, hija din tal-aħħar li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    It-talba għal deċiżjon preliminari mressqa mill-Elegktiko Synedrio (il-Greċja), b’deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2011, hija inammissibbli.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Fuq