Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62010CJ0614
Judgment of the Court (Grand Chamber), 16 October 2012.#European Commission v Republic of Austria.#Failure of a Member State to fulfil obligations – Directive 95/46/EC – Processing of personal data and free movement of such data – Protection of natural persons – Article 28(1) – National supervisory authority – Independence – Supervisory authority and the Federal Chancellery – Personal and organisational links.#Case C‑614/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Ottubru 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 95/46/KE — Ipproċessar ta’ data personali u moviment liberu ta’ din id-data — Protezzjoni tal-persuni fiżiċi — Artikolu 28(1) — Awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni — Indipendenza — Awtorità ta’ superviżjoni u Kanċellerija Federali — Rabtiet personali u organizzattivi.
Kawża C-614/10.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Ottubru 2012.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 95/46/KE — Ipproċessar ta’ data personali u moviment liberu ta’ din id-data — Protezzjoni tal-persuni fiżiċi — Artikolu 28(1) — Awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni — Indipendenza — Awtorità ta’ superviżjoni u Kanċellerija Federali — Rabtiet personali u organizzattivi.
Kawża C-614/10.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2012:631
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
16 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 95/46/KE — Ipproċessar ta’ data personali u moviment liberu ta’ din id-data — Protezzjoni tal-persuni fiżiċi — Artikolu 28(1) — Awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni — Indipendenza — Awtorità ta’ superviżjoni u Kanċellerija Federali — Rabtiet personali u organizzattivi”
Fil-Kawża C-614/10,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2010,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Martenczuk u B.-R. Killmann, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
sostnuta minn:
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), irrappreżentat minn H. Kranenborg, I. Chatelier u H. Hijmans, bħala aġenti,
intervenjent,
vs
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn G. Hesse, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President, A. Tizzano, M. Ilešič, G. Arestis, M. Berger, E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, J.-C. Bonichot, M. Safjan, D. Šváby u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Awstrija tissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza fir-rigward tad-Datenschutzkommission (il-Kummissjoni ta’ Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem id-“DSK”), imwaqqfa bħala awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-data personali, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 |
L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, imsejjaħ “Awtorità ta’ superviżjoni”, jiddisponi: “Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva. Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.” |
3 |
Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 132), fil-Kapitolu V tiegħu jwaqqaf awtorità indipendenti ta’ superviżjoni, jiġifieri l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD). |
4 |
L-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 45/2001, li jirregola r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dmirijiet tal-KEPD, jiddisponi fil-paragrafu 3 tiegħu li: “L-estimi tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jintwerew f’testatura separata ta’ l-estimi fit-Taqsima VIII ta’ l-estimi ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.” |
Id-dritt Awstrijak
Il-Liġi Kostituzzjonali Federali
5 |
L-Artikolu 20(2) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundes-Verfassungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“BVG”), fil-verżjoni tagħha emendata tal-1 ta’ Jannar 2008, hija fformulata kif ġej: “Il-liġi tista’ teżenta mill-obbligu li josservaw l-istruzzjonijiet ta’ korpi superjuri, lill-korpi […] 2. li jikkontrollaw l-osservanza mill-amministrazzjoni tal-liġijiet fis-seħħ u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, 3. li jiddeċiedu fl-aħħar istanza, fejn huma organizzati b’mod kolleġjali, jinkludu mill-inqas imħallef wieħed u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux ikunu suġġetti la għal annullament u lanqas għal deċiżjoni amministrattiva, […] 8. sa fejn dan huwa mitlub mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-liġi kostituzzjonali ta’ Land tista’ twaqqaf korpi awtonomi oħra. Il-liġi tipprovdi dritt xieraq ta’ monitoraġġ tal-funzjoni tal-korp awtonomu mill-korpi superjuri, tal-inqas id-dritt ta’ informazzjoni dwar l-aspetti kollha tat-tmexxija tal-korpi awtonomi, u — sa fejn ma humiex korpi li jissemmew fil-punti 2, 3 u 8 — id-dritt li jirrevoka l-korpi awtonomi għal raġuni serja.” |
Il-Liġi tal-1979 dwar ir-Regolamenti tal-Uffiċjali
6 |
L-Artikolu 45(1) tal-Liġi tal-1979 dwar ir-Regolamenti tal-Uffiċjali (Beamten-Dienstrechtsgesetz 1979, iktar ’il quddiem il-“BDG 1979”) jipprovdi: “Is-superviżur ġerarkiku għandu jiżgura li l-persunal tiegħu għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont il-liġijiet u b’mod effiċjenti u ekonomiku. Huwa għandu jmexxi lill-persunal tiegħu fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, jagħtihom istruzzjonijiet kif meħtieġ, jirrimedja kwalunkwe difetti u nuqqasijiet, u jiżgura konformità mal-ħinijiet tax-xogħol. Huwa għandu jippromwovi l-avvanz tal-impjegati tiegħu bbażat fuq il-prestazzjoni tagħhom u jiggwidahom lejn xogħol li l-iktar jikkorrispondi għall-kapaċitajiet tagħhom.” |
Il-Liġi tal-2000 dwar il-Protezzjoni tad-Data
7 |
Il-Liġi tal-2000 dwar il-Protezzjoni tad-Data (Datenschutzgesetz 2000, iktar ’il quddiem “DSG 2000”) hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 95/46 fid-dritt Awstrijak. |
8 |
Skont l-Artikolu 36(1) tad-DSG 2000, id-DSK hija komposta minn sitt membri li jinħatru mill-President Federali, fuq parir tal-gvern federali, b’mandat ta’ ħames snin. |
9 |
Taħt l-Artikolu 36(2) tad-DSG 2000, ħames membri tad-DSK huma proposti mill-awtoritajiet li jirrappreżentaw varji interessi professjonali, mil-Länder Awstrijaki u mill-President tal-Oberster Gerichtshof. Skont l-Artikolu 36(3) tad-DSG 2000, is-sitt membru “huwa propost minn fost l-uffiċjali li huma ġuristi federali”. |
10 |
Konformement mal-Artikolu 36(3a), tad-DSG 2000, il-pożizzjoni ta’ membru tad-DSK hija eżerċitata flimkien ma’ attivitajiet professjonali oħra, b’tali mod li dik il-funzjoni hija kkonċepita bħala attività part-time. |
11 |
Skont l-Artikolu 37(1) tad-DSG 2000, il-membri tad-DSK huma “indipendenti u ma għandhom jieħdu ebda istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom”. L-Artikolu 37(2) tad-DSG 2000 jiddisponi li l-membri tal-persunal tal-uffiċċju tad-DSK “huma suġġetti biss għall-istruzzjonijiet tekniċi tal-President jew ta’ membru amministratur tad-[DSK]”. |
12 |
L-Artikolu 38(1) tad-DSG 2000 jipprovdi li d-DSK għandha tadotta Regoli ta’ Proċedura li jafdaw it-tmexxija tal-affarijiet kurrenti f’wieħed mis-sitt membri, il-“membru amministratur”. |
13 |
L-Artikolu 38(2) tad-DSG 2000, jiddisponi: “Insostenn tat-tmexxija tad-[DSK], il-Kanċillier Federali għandu joħloq uffiċċju u jpoġġi għad-dispożizzjoni tiegħu l-apparat u l-persunal neċessarji. Huwa għandu d-dritt għall-informazzjoni fi kwalunkwe ħin, mingħand il-President u l-membru amministratur, dwar l-aspetti kollha tat-tmexxija tad-[DSK].” |
Ir-Regoli ta’ Proċedura tad-DSK
14 |
L-Artikolu 4(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tad-DSK jipprovdi, li l-funzjoni ta’ membru amministratur għandha tiġi eżerċitata mill-membru federali konformement mal-Artikolu 36(3) tad-DSG 2000. |
15 |
L-Artikolu 7(1) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi, li bla ħsara għas-superviżjoni mwettqa mill-Kanċellerija Federali, il-membri tal-persunal tal-uffiċċju jirċievu istruzzjonijiet biss mill-President jew mill-membru amministratur tad-DSK. |
Il-proċedura prekontenzjuża
16 |
Fil-5 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Awstrija li fiha hija sostniet li l-organizzazzjoni, fid-dritt u fil-fatt, tad-DSK, ma kinitx tissodisfa l-kriterji ta’ indipendenza meħtieġa fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. |
17 |
Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Novembru 2005, ir-Repubblika tal-Awstrija ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta lill-Kummissjoni, fejn hija tgħid li d-DSK jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. |
18 |
Fit-8 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni ġdida lir-Repubblika tal-Awstrija, fejn stidnietha tipprovdi iktar informazzjoni dwar il-konsegwenzi għad-DSK tad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-BVG tal-1 ta’ Jannar 2008. |
19 |
Fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha tad-9 ta’ Jannar u tas-7 ta’ Marzu 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija spjegat li l-verżjoni emendata tal-Artikolu 20(2) tal-BVG ma kellha ebda effett fuq l-indipendenza tad-DSK. |
20 |
Imbagħad, fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Awstrija li ttenni l-oġġezzjonijiet li saru qabel. |
21 |
Billi l-Kummissjoni ma kinitx konvinta mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija fl-ittra tad-9 ta’ Diċembru 2009, bi tweġiba għal din l-opinjoni motivata, hija ppreżentat dan ir-rikors. |
22 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2011, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija. |
23 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2011, il-KEPD ġie awtorizzat jintervjeni insosenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. |
24 |
Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Novembru 2011, il-gvern Awstrijak talab, abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kawża tiġi deċiża mill-Awla Manja. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
25 |
Il-Kummissjoni u l-KEPD isostnu li r-Repubblika tal-Awstrija ttrasponiet b’mod żbaljat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ ma tippermettix lid-DSK teżerċita l-funzjonijiet tagħha “b’indipendenza sħiħa” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Huma jirreferu f’dan ir-rigward, minn naħa, għall-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, il-membru amministratur tad-DSK għandu dejjem ikun uffiċjal tal-Kanċellerija Federali. It-tmexxija ta’ kuljum tad-DSK għandha għalhekk tkun de facto amministrata minn uffiċjal federali, li jibqa’ marbut mal-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjegah u suġġett għas-sorveljanza prevista fl-Artikolu 45(1) tal-BDG 1979. L-Artikolu 37(1) tad-DSG 2000 jipprovdi biss għal awtonomija funzjonali sempliċi tal-awtorità ta’ superviżjoni. |
26 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni u l-KEPD iqisu li l-uffiċċju tad-DSK huwa strutturalment integrat fid-dipartimenti tal-Kanċellerija Federali. Minħabba f’din l-integrazzjoni, id-DSK ma hijiex indipendenti la fuq il-livell organiku u lanqas fuq il-livell materjali. Fil-fatt, l-membri kollha tal-persunal tal-uffiċċju tad-DSK huma, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 38(2) tad-DSG 2000 u l-Artikolu 7(1) tar-Regoli tal-Proċedura, taħt l-awtorità tal-Kanċellerija Federali u huma għalhekk suġġetti għas-superviżjoni ta’ din. |
27 |
It-tielet nett, il-Kummissjoni u l-KEPD jirreferu għad-dritt għall-informazzjoni tal-Kanċillier Federali li jirriżulta mill-Artikolu 20(2) tal-BVG u mill-Artikolu 38(2) tad-DSG 2000. |
28 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu li r-rikors jiġi miċħud. |
29 |
Huma jenfasizzaw li d-DSK hija “awtorità kolleġġjali li teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji” fis-sens tal-BVG. Tali organu jikkostitwixxi qorti indipendenti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u li għalhekk jissodisfa wkoll il-kundizzjoni ta’ indipendenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. |
30 |
Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jirriferi għal indipendenza funzjonali. Id-DSK tiddisponi minn tali indipendenza, billi skont l-Artikolu 37(1) tad-DSG 2000, il-membri tagħha huma indipendenti u ma għandhom jieħdu ebda istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom. |
31 |
L-ebda wieħed mill-fatturi mressqa mill-Kummissjoni ma jqiegħed fid-dubju l-indipendenza tad-DSK fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. |
32 |
L-ewwel nett, il-membru amministratur ma huwiex neċessarjament uffiċjal tal-Kanċellerija Federali. Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regoli tal-Proċedura u l-Artikolu 36(3) tad-DSG 2000, dan huwa propost minn l-uffiċjali federali ġuristi. Barra minn hekk, id-DSK tista’ hija stess tiddeċiedi liberament li taħtar amministratur membru tagħha billi temenda r-Regoli tal-Proċedura tagħha b’mod awtonomu. Il-fatt li l-membru amministratur, bħal kull uffiċjal ieħor, jiddependi għall-promozzjoni tiegħu mid-deċiżjoni tas-superviżur ġerarkiku tiegħu, u fl-aħħar nett minn ministru, ma jaffettwax l-indipendenza tiegħu. |
33 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-integrazzjoni tal-uffiċċju tad-DSK mad-dipartimenti tal-Kanċellerija Federali, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li kull korp tal-amministrazzjoni federali huwa, f’termini ta’ dritt baġitarju, fl-ambitu ta’ dipartiment ministerjali. Huwa fil-fatt għall-gvern, f’kollaborazzjoni mal-parlament, li jiżgura li l-korpi varji ta’ implementazzjoni għandhom riżorsi suffiċjenti materjali u personali. Barra minn hekk, l-uffiċċju ser jittratta esklużivament l-amministrazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni tad-DSK. Il-membri tal-persunal tal-uffiċċju jikkonformaw mal-istruzzjonijiet tal-President u tal-membru amministratur tad-DSK. Il-fatt li l-membri tal-persunal tal-uffiċċju huma legalment marbuta mal-Kanċellerija Federali, kemm mill-punt ġerarkiku kif ukoll mir-remunerazzjoni tagħhom, mhux ser jaffettwa l-indipendenza tagħhom. Is-superviżjoni, fis-sens ta’ kontroll dixxiplinarju, tirrappreżenta garanzija tal-funzjonament tajjeb tad-DSK. |
34 |
It-tielet nett, fir-rigward tad-“dritt għall-informazzjoni” tal-Kanċillier Federali, ir-Repubblika tal-Awstrija tfakkar li dan id-dritt huwa intiż li jiggarantixxi ċertu rabta demokratika tal-korpi awtonomi fil-parlament. Id-dritt għall-informazzjoni jippermetti li ma tiġi eżerċitata l-ebda influwenza fuq l-amministrazzjoni tad-DSK. Barra minn hekk, dritt għall-informazzjoni ma hijiex f’kunflitt mar-rekwiżit ta’ indipendenza li tapplika għal qorti. |
35 |
Fl-intervent tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li superviżjoni limitata tikkonforma mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. Is-superviżjoni limitata tiggarantixxi biss li l-persuna li qed issir is-superviżjoni tagħha tkun qed taġixxi skont l-obbligi tagħha. Din madankollu ma tnaqqas xejn mill-indipendenza materjali u personali tagħha, u b’mod partikolari, ma tippermettix l-influwenza fuq il-mertu. Il-ġurisprudenza kostituzzjonali Ġermaniża tirrikonoxxi l-kompatibbiltà ta’ superviżjoni limitata fir-rigward tal-imħallfin mal-prinċipju ta’ indipendenza ta’ dawn tal-aħħar. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu waħda jew iktar awtoritajiet ta’ superviżjoni għall-protezzjoni tad-data personali li jeżerċitaw b’indipendenza sħiħa l-funzjonijiet fdati lilhom. Ir-rekwiżit ta’ superviżjoni minn awtorità indipendenti tal-osservanza tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tat-trattament ta’ data personali jirriżulta wkoll mid-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 16(2) TFUE. |
37 |
It-twaqqif, fl-Istati Membri, tal-awtoritajiet indipendenti ta’ superviżjoni, għalhekk jikkostitwixxi element essenzjali għall-osservanza tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tat-trattament tad-data personali (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-518/07, Ġabra p. I-1885, punt 23). |
38 |
Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Awstrija ma tippermettix lid-DSK teżerċita l-funzjonijiet tagħha “b’indipendenza sħiħa” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mill-ewwel miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li d-DSK ibbenefikaw mill-grad ta’ indipendenza meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 billi jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ indipendenza inerenti għall-Artikolu 267 TFUE sabiex tiġi kklassifikata bħala qorti ta’ Stat Membru. |
40 |
Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, li l-espressjoni “b’indipendenza sħiħa” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u għalhekk indipendenti mill-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq l-istess kliem ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 95/46 kif ukoll fuq l-għanijiet u l-istruttura ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 u 29). |
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30), li l-kliem “b’indipendenza sħiħa”, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għall-protezzjoni tad-data personali għandhom igawdu minn indipendenza li tippermettilhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom mingħajr influwenza esterna. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’din l-istess sentenza li dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu ħielsa minn kull influwenza esterna, kemm jekk hija diretta jew indiretta, li tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 19, 25, 30 u 50). |
42 |
Il-fatt li d-DSK tibbenefika minn indipendenza funzjonali, skont l-Artikolu 37(1) tad-DSG 2000, billi l-membri tagħha “huma indipendenti u ma għandhom jieħdu ebda istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom” hija ċertament kundizzjoni meħtieġa sabiex dik l-awtorità tista’ tissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, tali indipendenza funzjonali ma hijiex biżżejjed waħedha sabiex jippreservaw din l-awtorità ta’ superviżjoni minn kull influwenza esterna. |
43 |
Fil-fatt, l-indipendenza meħtieġa taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 hija intiża sabiex teskludi mhux biss l-influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll, u hekk kif ġie wkoll osservat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, kwalunkwe forma ta’ influwenza indiretta li tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-awtorità ta’ superviżjoni. |
44 |
L-elementi differenti tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka msemmija fit-tliet ilmenti li hemm fir-rikors tal-Kummissjoni jipprekludu lid-DSK milli titqies bħala li teżerċita l-funzjonijiet tagħha ħielsa minn kwalunkwe influwenza indiretta. |
45 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-ewwel ilment dwar il-pożizzjoni tal-membru amministratur fi ħdan id-DSK, jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikoli 36(3) u 38(1) tad-DSG 2000, kif ukoll tal-Artikolu 4(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tad-DSK, li dan il-membru huwa uffiċjal federali. |
46 |
Għandu jiġi nnotat ukoll li, skont l-Artikolu 38(1) tad-DSG 2000, dan l-uffiċjal federali jmexxi l-affarijiet kurrenti ta’ din. |
47 |
Huwa minnu li hekk kif ġie osservat mir-Repubblika tal-Awstrija, il-membru amministratur tad-DSK, taħt il-qafas regolamentari fis-seħħ, ma huwiex neċessarjament uffiċjal tal-Kanċellerija Federali, anki jekk ma huwiex ikkontestat li din il-pożizzjoni dejjem kienet okkupata minn tali uffiċjal. |
48 |
Madankollu, irrispettivament mill-awtorità federali li jagħmel parti minnha l-membru amministratur tad-DSK, huwa ċar li ma hemm l-ebda rabta bejn din tal-aħħar u din l-awtorità federali, li tippermetti superviżjoni mis-superviżur ġerarkiku ta’ dan il-membru amministratur. |
49 |
Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 45(1) tal-BDG 1979 jagħti lis-superviżur ġerarkiku setgħa wiesgħa ta’ superviżjoni fuq l-uffiċjali fid-dipartiment tiegħu. Tabilħaqq, din id-dispożizzjoni mhux biss tippermetti lis-superviżur ġerarkiku li jiżgura li l-kollaboraturi tiegħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’konformità mal-liġijiet u b’mod effiċjenti u ekonomiku, iżda jiggwidahom ukoll fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, sabiex jirrimedjaw kull żball u nuqqas, jiżguraw l-osservanza tal-ħin tax-xogħol, jippromwovu l-avvanz tagħhom skont il-prestazzjoni tagħhom u jindikalhom il-kompiti l-iktar rilevanti għall-kapaċitajiet tagħhom. |
50 |
Madankollu, fid-dawl tal-pożizzjoni okkupata mill-amministratur membru fid-DSK, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jipprekludi s-superviżjoni li huwa suġġett għaliha dan il-membru skont l-Artikolu 45(1) tal-BDG 1979. Fil-fatt, anki jekk l-Artikolu 37(1) tad-DSG 2000 għandu l-għan li jostakola lis-superviżur ġerarkiku tal-membru amministratur milli jagħti istruzzjonijiet lil dan tal-aħħar, jibqa’ minnu li l-Artikolu 45(1) tal-BDG 1979, jagħti lis-superviżur ġerarkiku setgħa ta’ superviżjoni li tista’ tfixkel l-indipendenza tad-DSK fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. |
51 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad, li ma huwiex eskluż li l-evalwazzjoni mis-superviżur ġerarkiku tal-membru amministratur tad-DSK sabiex jippromwovu l-avvanz ta’ dan l-uffiċjal, jista’ jwassal għal forma ta’ “ubbidjenza mistennija” minn naħa ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). |
52 |
Barra minn hekk, minħabba l-irbit tal-membru amministratur tad-DSK mal-korp politiku, li huwa suġġett għas-superviżjoni tad-DSK, din tal-aħħar ma hijiex ’il fuq minn kull suspett ta’ parzjalità. Madankollu, minħabba fir-rwol tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ gwardjani tad-dritt għall-ħajja privata, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jirrikjedi li d-deċiżjonijiet tagħhom, u għalhekk huma stess, huma ’l fuq minn kull suspett ta’ parzjalità (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). |
53 |
Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, madankollu, li huwa abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tad-DSK li l-uffiċjal federali maħtur skont l-Artikolu 36(3) tad-DSG 2000 jeżerċita l-funzjoni ta’ membru amministratur. Billi l-preżenza fi ħdan id-DSK ta’ uffiċjal tal-Kanċellerija Federali bħala membru amministratur huwa bbażat fuq deċiżjoni awtonoma ta’ din l-awtorità, l-indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni ma hijiex effettwata. |
54 |
Argument bħal dan għandu jiġi miċħud. |
55 |
Hekk kif jirriżulta mill-punti 48 sa 52 ta’ din is-sentenza, ir-rabta bejn il-membru amministratur tad-DSK u l-awtorità federali li għaliha jappartjeni taffettwa l-indipendenza tad-DSK, u f’dan il-każ, il-mod kif jinħatar dan il-membru ma jaffettwax din il-konklużjoni. Huwa għar-Repubblika tal-Awstrija li tadotta d-dispożizzjonijiet legali meħtieġa sabiex tiżgura li din l-awtorità ta’ superviżjoni teżerċita l-funzjonijiet tagħha “b’indipendenza sħiħa” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. |
56 |
Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni lment invokat mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 38(2) tad-DSG 2000, il-Kanċellerija Federali tipprovdi lill-uffiċċju tad-DSK, bit-tagħmir u bil-persunal neċessarju. Ma huwiex ikkontestat li l-uffiċċju tad-DSK huwa magħmul minn uffiċjali mill-Kanċellerija Federali. |
57 |
Hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-integrazzjoni tal-uffiċċju tad-DSK mad-dipartimenti tal-Kanċellerija Federali, lanqas ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li din l-awtorità ta’ superviżjoni tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha ħielsa minn kwalunkwe influwenza tal-Kanċellerija Federali. |
58 |
Huwa minnu, li hekk kif ġie enfasizzat mir-Repubblika tal-Awstrija, id-DSK ma għandux ikollu allokazzjoni baġitarja awtonoma, bħal dik prevista fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 45/2001 għall-KEPD, sabiex jissodisfaw il-kriterji ta’ indipendenza stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. L-Istati Membri, fil-fatt, ma humiex meħtieġa li jinkludu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet simili għal dawk fil-Kapitolu V tar-Regolament Nru 45/2001 sabiex jiżguraw indipendenza totali lill-awtorità (awtoritajiet) tagħhom ta’ superviżjoni u għalhekk jistgħu jipprovdu li, f’termini ta’ baġit, l-awtorità ta’ superviżjoni tiddependi minn dipartiment ministerjali speċifiku. Madankollu, l-allokazzjoni tar-riżorsi umani u materjali meħtieġa għal tali awtorità ma għandhiex iżżommha milli teżerċita d-dmirijiet tagħha “b’mod indipendenti” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. |
59 |
Il-qafas regolatorju fis-seħħ fl-Awstrija ma jissodisfax din l-aħħar kundizzjoni. Fil-fatt, il-persunal imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-uffiċċju tad-DSK huwa magħmul minn uffiċjali mill-Kanċellerija Federali li fir-rigward tagħhom din tal-aħħar teżerċita s-superviżjoni prevista fl-Artikolu 45(1) tal-BDG 1979. Hekk kif jirriżulta mill-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza, tali superviżjoni tal-Istat ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżit ta’ indipendenza previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, li għandu jiġi sodisfatt mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni għall-protezzjoni tad-data personali. |
60 |
L-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li jgħid li l-organizzazzjoni tal-uffiċċju ma jistax jaffettwa l-indipendenza tad-DSK billi l-uffiċċju jeżegwixxi biss id-deċiżjonijiet tad-DSK għandu jiġi miċħud. |
61 |
Fil-fatt, fid-dawl tal-ammont ta’ xogħol ta’ awtorità ta’ superviżjoni tal-protezzjoni tad-data personali, minn naħa, u l-fatt li l-membri tad-DSK jeżerċitaw l-funzjoni tagħhom skont l-Artikolu 36(3) tad-DSG 2000, flimkien ma’ attivitajiet oħra professjonali, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-membri ta’ tali awtorità, fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom, jibbażaw ħafna fuq l-għajnuna mogħtija mill-persunal li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-fatt li l-uffiċċju huwa magħmul minn uffiċjali tal-Kanċellerija Federali, li hija stess hija suġġetta għal superviżjoni mid-DSK, twassal għar-riskju ta’ influwenza fid-deċiżjonijiet ta’ din tal-aħħar. Fi kwalunkwe każ, tali rabta organizzattiva bejn id-DSK u l-Kanċellerija Federali timpedixxi lid-DSK milli tkun ’il fuq minn kull suspett ta’ parzjalità u għalhekk hija inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ “indipendenza” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. |
62 |
Fir-rigward tat-tielet ilment invokat mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikoli 20(2) tal-BVG u 38(2) tad-DSG 2000, il-Kanċillier Federali għandu d-dritt li jkun informat f’kull mument, mill-President u mill-membru amministratur tad-DSK, bl-aspetti kollha tal-amministrazzjoni ta’ dik l-awtorità ta’ superviżjoni. |
63 |
Tali dritt għall-informazzjoni huwa wkoll ta’ natura li jissuġġetta lid-DSK għall-influwenza indiretta mill-Kanċillier Federali li huwa inkompatibbli mal-kriterju ta’ indipendenza msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li wieħed jinnota, minn naħa, li d-dritt għall-informazzjoni huwa wiesa’ ħafna billi din tapplika “għall-aspetti kollha tal-amministrazzjoni tad-[DSK]” u, min-naħa l-oħra, li huwa mingħajr kundizzjoni. |
64 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt għall-informazzjoni stabbilit fl-Artikolu 20(2) tal-BVG u fl-Artikolu 38(2) tad-DSG 2000 jipprekludi lid-DSK milli tiġi kkunsidrata bħala li tista’ taħdem fiċ-ċirkustanzi kollha, ’il fuq minn kull suspett ta’ parzjalità. |
65 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jinsab fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li wieħed ifakkar li l-membru amministratur tad-DSK huwa uffiċjal federali suġġett għal superviżjoni li ma teskludix li s-superviżur ġerarkiku ta’ dan il-membru għandu influwenza indiretta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità ta’ superviżjoni (ara l-punti 48 sa 52 ta’ din is-sentenza). |
66 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Awstrija tissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza fir-rigward tad-DSK, b’mod partikolari, billi twaqqaf qafas regolamentari li permezz tiegħu
ir-Repubblika tal-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE. |
Fuq l-ispejjeż
67 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet għall-kundanna tar-Repubblika tal-Awstrija u din tal-aħħar tilfet fit-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
68 |
Skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-KEPD, intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.