Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0409

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Diċembru 2011.
    Hauptzollamt Hamburg-Hafen vs Afasia Knits Deutschland GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Politika kummerċjali komuni - Reġim preferenzjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) - Irregolaritajiet żvelati waqt investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi (OLAF) fl-Istat ACP ta’ esportazzjoni - Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni.
    Kawża C-409/10.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:843

    Kawża C-409/10

    Hauptzollamt Hamburg-Hafen

    vs

    Afasia Knits Deutschland GmbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

    “Politika kummerċjali komuni — Reġim preferenzjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) — Irregolaritajiet żvelati waqt investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fl-Istat AKP ta’ esportazzjoni — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Ftehim internazzjonali — Ftehim AKP-KE ta’ Cotonou — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Verifika a posteriori tal-oriġini tal-merkanzija mwettqa mill-Kummissjoni — Riżultati ddokumentati f’rapport, iffirmati konġuntement minn rappreżentant tal-gvern tal-Istat ta’ esportazzjoni

    (Ftehim AKP-KE ta’ Cotonou, Artikolu 32 tal-Protokoll 1 tal-Anness V)

    2.        Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni — Kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92 — Verifika a posteriori mhux konklużiva taċ-ċertifikat EUR.1

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 220(2)(b))

    1.        L-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni 2003/159, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riżultati ta’ verifika a posteriori li tirrigwarda l-eżattezza ta’ oriġini ta’ merkanzija indikata fiċ-ċertifikati ta’ oriġini maħruġa minn wieħed mill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u, kienet, għall-parti l-kbira, tikkonsisti f’investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, u iktar speċifikament mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), f’dan l-Istat u fuq stedina ta’ dan tal-aħħar, jorbtu l-awtoritajiet tal-Istat Membru minn fejn il-merkanzija ġiet importata, sakemm, u din hija kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, dawn l-awtoritajiet irċevew dokument li jirrikonoxxi mingħajr ekwivoku li dan l-Istat AKP japprova l-imsemmija riżultati.

    Huwa f’dan ir-rigward, irrilevanti li l-verifika a posteriori tkun twettqet mill-OLAF. Fil-fatt, tali verifika li għandha ssir mhux biss fuq talba tal-Istat ta’ importazzjoni imma wkoll meta, skont wieħed mill-Istati parti mill-ftehim jew skont il-Kummissjoni, li għandha l-obbligu li tissorvelja l-applikazzjoni korretta tal-ftehim, jeżistu indizji ta’ natura li jqajmu dubju ta’ irregolarità dwar l-oriġini tal-merkanzija importata. Dan huwa l-każ ta’ missjoni ta’ investigazzjoni mmexxija mill-OLAF li twettqet fuq stedina tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Kummerċ Internazzjonali tal-Istat ta’ Esportazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-investigazzjoni mmexxija mill-OLAF fit-territorju ta’ dan l-Istat ma tistax titqies bħala interferenza fl-affarijiet interni tiegħu u ma tikkostitwixxix għaldaqstant ksur tas-sovranità tiegħu.

    Għal dak li jikkonċerna l-forma li fiha r-riżultati tal-investigazzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-Istat Membru ta’ importazzjoni sabiex ikunu jistgħu jorbtu lill-awtoritajiet ta’ dan tal-aħħar, li jintbagħat, lil dawn l-awtoritajiet, ir-rapport tal-investigazzjoni tal-OLAF, debitament iffirmat f’isem l-Istat AKP ta’ esportazzjoni u li jikkonstata mingħajr ambigwità li ċ-ċertifikati EUR.1 huma inkorretti, u, għaldaqstant, nulli għandu l-effett li jrendi tali riżultati vinkolanti għall-imsemmija awtoritajiet.

    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni li jkun magħruf jekk il-persuna li ffirmat ir-rapport tal-investigazzjoni f’isem l-Istat AKP ta’ esportazzjoni kellhiex kompetenza sabiex tagħmel dan, huwa biss f’każ ta’ dubju fuq il-kompetenza tal-persuna li ffirmat f’isem l-Istat ta’ esportazzjoni li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni għandhom jivverifikaw mal-Istat AKP ikkonċernat jekk din il-persuna kinitx verament kompetenti sabiex torbot lil dan tal-aħħar f’dan ir-rigward.

    (ara l-punti 32, 33, 36-38, 40 u d-dispożittiv 1)

    2.        L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn iċ-ċertifikati ta’ oriġini maħruġa għall-importazzjoni ta’ merkanziji fl-Unjoni huma annullati minħabba li l-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati kien ivvizzjat minn irregolaritajiet u li l-oriġini preferenzjali indikata fuqhom ma setgħatx tiġi kkonfermata waqt verifika a posteriori, l-importatur ma jistax joġġezzjona għal irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni billi jsostni li ma jistax jiġi eskluż li, fir-realtà, uħud minn din il-merkanzija għandha l-imsemmija oriġini preferenzjali.

    Fil-fatt, minn naħa, l-għan tal-verifika a posteriori huwa li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-oriġini indikata fiċ-ċertifikat EUR.1. Għalhekk, meta verifika a posteriori ma tippermettix li tiġi kkonfermata l-oriġini tal-merkanzija indikata f’ċertifikat EUR.1, hemm lok li jiġi konkluż li din il-merkanzija hija ta’ oriġini mhux magħrufa u li, għaldaqstant, iċ-ċertifikat EUR.1 u t-tariffa preferenzjali ngħataw bi żball. Minn dan jirriżulta li l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali mhux imħallsa waqt l-importazzjoni huwa l-konsegwenza normali minħabba li l-verifika a posteriori ma tippermettix li tiġi kkonfermata l-oriġini tal-merkanzija kif indikata fiċ-ċertifikat EUR.1.

    Min-naħa l-oħra, meta l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni ġew żgwidati mill-esportaturi, il-ħruġ ta’ ċertifikati EUR.1 inkorretti ma jistax jitqies bħala żball imwettaq minn dawn l-awtoritajiet infushom. Fin-nuqqas ta’ tali żball, l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali ma jippermettix lil persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li tinvoka aspettattiva leġittima.

    (ara l-punti 43, 44, 46, 54, 55 u d-dispożittiv 2)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    15 ta’ Diċembru 2011(*)

    “Politika kummerċjali komuni – Reġim preferenzjali għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP)– Irregolaritajiet żvelati waqt investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi (OLAF) fl-Istat AKP ta’ esportazzjoni – Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni”

    Fil-Kawża C‑409/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura

    Hauptzollamt Hamburg-Hafen

    vs

    Afasia Knits Deutschland GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, M. Safjan, M. Ilešič (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2011,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Afasia Knits Deutschland GmbH, minn H. von Zanthier u M .Stawska-Höbel, avukat,

    –        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bordes u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal- 15 ta’ Settembru 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Protokoll I tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit‑23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 35, p. 3), u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 121, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Cotonou”), kif ukoll l-Artikolu 220 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 4, p. 307) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba bejn il-Hauptzollamt Hamburg-Hafen (uffiċċju prinċipali tad-dwana tal-port ta’ Hamburg, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) u Afasia Knits Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Afasia”) dwar dazji fuq l-importazzjoni mħallsa a posteriori minn din il-kumpannija minħabba l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ tessuti.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-Ftehim ta’ Cotonou

    3        Il-Ftehim ta’ Cotonou daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003. Madankollu, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE Nru 1/2000, tas-27 ta’ Lulju 2000, dwar miżuri tranżitorji applikabbli mit-2 ta’ Awwissu 2000 sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (ĠU L 195, p. 46), tal-31 ta’ Mejju 2002 (ĠU L 150, p. 55), dan il-ftehim huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni minn qabel mit-2 ta’ Awwissu 2000.

    4        Ftehim li jemenda ġie iffirmat fil-Lussemburg fil-25 ta’ Ġunju 2005 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, Fl-14 ta’ Ġunju 2010, ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/648/UE, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim li jemenda, għat-tieni darba, l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287, p. 1). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipli, din tal-aħħar tibqa’ rregolata bir-regoli stabbiliti fil-verżjoni inizjali tal-Ftehim ta’ Cotonou.

    5        Skont l-Artikolu 100 tal-Ftehim ta’ Cotonou, “[i]l-Protokolli u l-Annessi mehmuża ma’ dan il-Ftehim għandhom jagħmlu parti integrali minnu. […]”

    6        L-Anness V tal-Ftehim ta’ Cotonou, bit-titolu “Ir-Reġim tal-Kummerċ applikabbli matul il-perjodu preparatorju referut fl-Artikolu 37(1)”, jistabbilixxi fl-Artikolu 1 tiegħu li “[p]rodotti li joriġinaw mill-Istati AKP għandhom ikunu mportati fil-Komunità ħielsa mid-dazji doganali u mill-imposti li jkollhom effett ekwivalenti.”

    7        Il-Protokoll 1 tal-imsemmi Anness V, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinanti” u għall-metodu ta’ kooperazzjoni amministrattiva (iktar ’il quddiem il-“Protokoll 1), jipprovdi fl-Artikolu 2(1):

    “1. Għall-iskop ta’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet [...] ta’ l-ANNESS V, il-prodotti li ġejjin għandhom ikunu meqjusa bħala oriġinanti fl-Istati AKP:

    a)      il-prodotti akkwistati totalment fl-Istati AKP fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan il-Protokoll;

    b)      il-prodotti akkwistati fl-Istati AKP li jkun fihom materjali li ma jkunux totalment akkwistati hemmhekk, basta li l-imsemmija materjali jkun għaddew minn xogħol u proċessar suffiċjenti fl-Istati AKP fil-qofol [fis-sens] tat-tifsira ta’ l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll.”

    8        It-Titolu IV tal-Protokoll I, bit-titolu “Prova ta’ l-oriġini”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) li jipprovdi:

    “Prodotti oriġinanti fl-Istati AKP għandhom, ma’ l-importazzjoni fil-Komunità jibbenefikaw mill-Anness V mal-preżentazzjoni tagħhom ta’ jew:

    a)      ċertifikat ta’ moviment EUR. 1” [...]

    […]”

    9        L-Artikolu 15 tal-imsemmi protokoll jipprovdi li ċ-ċertifikat EUR. 1 għandu jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istat tal-esportazzjoni. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, “[l]-esportatur li japplika għall-ħruġ ta’ [ċertifikat EUR. 1] għandu jkun ippreprat li fi kwalunkwe waqt jippreżenta, mat-talba ta’ l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni ta’ minn fejn iċ-ċertifikat [...] ikun maħruġ, d-dokumenti xierqa kollha sabiex jagħti prova ta’ l-istatus ta’ l-oriġini tal-prodotti kkonċernati […]”.

    10      Skont l-Artikolu 28(1) tal-istess protokoll, l-imsemmi esportatur għandu jżomm għal tliet snin id-dokumenti msemmija fl-imsemmi Artikolu 15(3).

    11      It-Titolu V tal-Protokoll I, bit-titolu “Arranġamenti għall-kooperazzjoni amminstrattiva” jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 32 ta’ dan il-protokoll, bit-titoli “Għajnuna reċiproka” u “Il-verifika tal-prova ta’ l-oriġini” rispettivament.

    12      L-imsemmi Artikolu 31 jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tal-paragarafi 1 u 2:

    “1.      L-Istati AKP għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni kampjuni tat-timbri użati, flimkien ma’ l-indirizzi ta’ l-awtoritajiet doganali kompetenti li joħroġu ċ-[ċertifikati EUR. 1], sabiex iwettqu l-verifika sussegwenti taċ-[ċertifikati EUR. 1] u tad-dikjarazzjonijiet tal-fattura.

    Iċ-[ċertifikati EUR. 1] u d-dikjarazzjonijiet tal-fattura għandhom ikunu aċċettati għall-iskopijiet li jkun applikat it-trattament preferenzjali mid-data ta’ meta l-informazzjoni tkun waslet għand il-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri.

    2.      Sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan il-Protokoll, il-Komunità [...] u l-Istati AKP għandhom jgħinu ‘l xulxin, permezz ta’ l-amministrazzjonijiet doganali kompetenti, fil-verifika ta’ l-awtentiċità taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR. 1, tad-dikjarazzjonijiet tal-fattura jew tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur u dwar il-korrettezza ta’ l-informazzjoni mogħtija f’dawn id-dokumenti..”

    13      L-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 jipprovdi li:

    “1.      Il-verifika sussegwenti [a posteriori] tal-provi ta’ l-oriġini għandhom ikunu mwettqa b’għażla każwali jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-importazzjoni jkollu dubbji serji dwar l-awtentiċità ta’ tali dokumenti, l-istatus ta’ l-oriġini tal-prodotti ikkonċernati jew tat-twettieq tal-ħtiġiet l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll.

    2.      Għall-iskopijiet ta’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-importazzjoni għandhom jibgħatu lura iċ-ċertifikat ta’ moviment EUR. 1, u tal-fattura, jekk din tkun ġiet ippreżentata, id-dikjarazzjoni tal-fattura, jew ta’ kopja ta’ dawn id-dokumenti, lejn l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni li jagħti, meta xieraq, ir-raġunijiet għall-inkjesta. Kwalunkwe dokumenti u informazzjoni hekk akkwistati li tissuġġerixxi li l-informazzjoni mogħtija dwar il-prova [ta’] l-oriġini ma tkunx korretta għandhom ikunu mgħoddija bħala appoġġ tat-talba għall-verifika.

    3.      Il-verifika għandha tkun imwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta’ l-esportazzjoni. Għal dan l-iskop, huma għandhom id-dritt li jitolbu għal kwalunkwe evidenza u li jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet ta’ l-esportatur jew kwalunkwe verifika oħra li huma jqisu li tkun xierqa.

    […]

    5.      L-awtoritajiet doganali li jitolbu għall-verifika għandhom ikunu informati bir-riżultati ta’ din il-verifika malajr kemm jista’ jkun possibbli. Dawn ir-riżultati għandhom jindikaw kjarament jekk id-dokumenti humiex awtentiċi u jekk il-prodotti ikkonċernati jistgħux ikunu meqjusa bħala prodotti oriġinanti fl-Istati AKP [...] u li jkunu jwettqu il-ħtiġiet l-oħrajn ta’ dan il-Protokoll.

    […]

    7.      Meta l-proċedura tal-verifika jew xi informazzjoni oħra disponibbli tidher li tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll ikunu ġew miksura, l-Istat AKP bl-inizjattiva tiegħu stess, jew mat-talba tal-Komunità, għandu jwettaq inkjesti xierqa jew jirranġa għal tali inkjesti li jkunu mwettqa bl-urġenza meħtieġa sabiex jidentifika u jipprevjeni tali kontravenzjonijiet u għal dan l-iskop l-Istat AKP ikkonċernat jista’ jistieden il-parteċipazzjoni tal-Komunità f’dawn l-inkjesti.”

     Il-Kodiċi Doganali

    14      Il-Kodiċi Doganali tħassar bir‑Regolament (KE) Nru 450/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU L 145, p. 1), li ċerti dispożizzjonijiet tiegħu saru applikabbli mill-24 ta’ Ġunju 2008. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata bir-regoli stabbiliti fil-Kodiċi Doganali.

    15      Fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li “[f]ejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet [...] jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet) […]”.

    16      Madankollu, l-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 220 jipprovdi għal eċċezzjonijiet għad-daħliet sussegwenti fil-kontijiet. Huwa miktub b’dan il-mod:

    “[…] daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

    […]

    b)      l-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li ma satax raġjonevolment jiġi notat mill-persuna resposabbli għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

    Fejn l-istatus preferenzjali ta’ l-oġġetti huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ koperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, jekk jiġi pruvat li hu inkorrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma satax raġjonevolment ikun notat fit-tifsira ta’ l-ewwel sotto-paragrafu.

    Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett tal-fatti provvdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.

    Il-persuna responsabli għal dan tista’ ġġib il-bona fede tagħha bħala turija illi, matul il-perijodu taż-żmien ta’ l-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.

    […]”

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17      Afasia tifforma parti minn grupp ta’ kumpanniji li jikkummerċjalizzaw tessuti. Dan il-grupp għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu f’Ħong Kong (iċ-Ċina) u, waqqaf b’mod partikolari impriżi fil-Ġamajka.

    18      Matul is-sena 2002, Afasia talbet it-tqegħid għal-libera ċirkulazzjoni fl-Unjoni ta’ diversi kunsinni ta’ tessuti mill-kumpannija ARH Enterprises Ltd (iktar ’il quddiem “ARH”), li hija waħda mill-impriżi Ġamajkani li tappartjeni għall-imsemmi grupp.

    19      Afasia kisbet it-tqegħid għal-libera ċirkulazzjoni abbażi tad-dikjarazzjoni li l-pajjiż ta’ oriġini tal-imsemmija merkanzija kien il-Ġamajka u minħabba l-preżentazzjoni ta’ cerfikati EUR. 1 maħruġa mill-awtoritajiet tad-dwana Ġamajkani li jiċċertifikaw l-imsemmija oriġini.

    20      Fil-kuntest ta’ missjoni mwettqa fil-Ġamajka matul ix-xahar ta’ Marzu 2005 mill-Kummissjoni, u iktar speċifikament mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), fuq stedina tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Kummerċ Internazzjonali, minħabba suspetti ta’ irregolaritajiet, iċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa matul il-perijodu mill-2002 sal-2004 ġew ivverifikati. Ir-riżultati ta’ din il-missjoni kienu formalment iddokumentati f’rapport datata t-23 ta’ Marzu 2005, redatt fuq karti bit-timbru tal-Kummissjoni. Dan ir-rapport kien iffirmat mill-persuni li pparteċipaw għall-missjoni, kif ukoll, f’isem il-Ġamajka, mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Kummerċ Internazzjonali.

    21      L-imsemmi rapport jiċċertifika li:

    –      l-esportaturi Ġamajkani, inkluża ARH, kienu kisru d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Cotonou, peress li l-parti l-kbira jew il-prodotti kollha esportati lejn l-Unjoni kienu mmanifatturati minn elementi kompleti miċ-Ċina jew kienu tessuti kompleti li joriġinaw miċ-Ċina;

    –      madankollu huwa possibbli li ċerta merkanzija esportata tista’ tkun mill-Ġamajka, madankollu l-esportaturi kkonċernati ma kinux f’pożizzjoni li jipproduċu provi f’dan is-sens lill-investigaturi;

    –      l-esportaturi Ġamajkani għamlu dikjarazzjonijiet foloz fuq l-oriġini tal-merkanzija fit-talba tagħha għal ħruġ ta’ ċertifikati EUR. 1. Kien diffiċli għall-awtoritajiet Ġamajkani li jiskopru n-natura falza tad-dikjarazzjonijiet minħabba l-mod professjonali li bih l-oriġini tal-merkanżija nħbiet. Dawn l-awtoritajiet aġixxew għaldaqstant, min-naħa tagħhom, b’mod diliġenti u in bona fide, u

    –      l-awtoritajiet doganali Ġamajkani kkonkludew li ċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa mill-2002 huma ineżatti u, konsegwentement, nulli.

    22      Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni, waqt l-investigazzjoni, min-naħa tal-proprjetarji ta’ ARH u tal-grupp Afasia u tal-fatt li ebda dokument ma seta’ jinstab waqt żjara fil-ħwienet tax-xogħol ta’ ARH, ir-riżultati tal-investigazzjoni msemmija fil-punt preċedenti kienu bbażati, b’mod partikolari, fuq eżami tad-dokumenti ta’ trasport u tad-dokumenti fil-pussess tal-awtoritajiet Ġamajkani dwar il-kunsinni ta’ merkanzija esportata, kif ukoll fuq paragun ta’ data li tinsab f’dawn id-dokumenti ma’ dik li tinsab fid-dokumenti mibgħuta lill-investigaturi mill-awtoritajiet doganali Ċiniżi. Mill-imsemmi eżami u minn dan il-paragun jirriżulta li l-parti l-kbira tal-merkanzija li tappartjeni għall-imsemmija kunsinni ma setgħetx tkun immanifatturata fil-Ġamajka iżda kienet immontata minn elementi ta’ tessuti kompleti miċ-Ċina jew kienet tikkonsisti minn tessuti kompleti ta’ oriġini Ċiniża.

    23      Fit-3 ta’ Mejju 2005, il-Hauptzollamt ipproċeda għall-irkupru tad-dazji doganali fuq il-kunsinni ta’ tessuti kkonċernati għal ammont ta’ EUR 62 323.45.

    24      Afasia kkontestat din id-deċiżjoni billi sostniet li kien sar impossibli li jiġu prodotti provi tal-oriġini Ġamajkana tal-merkanzija minħabba l-qerda, minn uragan fl-2004, tal-ħwienet ta’ xogħol ta’ manifattura stabbiliti fil-Ġamajka. Barra minn hekk, iċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa inizjalment mill-awtoritajiet Ġamajkani jibqgħu dejjem validai, peress li ma kinux debitament annullati minn dawn l-awtoritajiet.

    25      Peress li l-Hauptzollamt baqa’ jsostni d-deċiżjoni tiegħu, Afasia ressqet il-kawża quddiem il-Finanzgericht Hamburg (Tribunal Fiskali ta’ Hamburg). Dan tal-aħħar laqa’ l-appell, għar-raġuni li, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Ftehim ta’ Cotonou, il-konstatazzjonijiet li waslu għall-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kinux bbażati fuq talba għal verifika indirizzata lill-awtoritajiet doganali Ġamajkani jew fuq investigazzjoni mmexxija minnhom, iżda fuq investigazzjoni mwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni. Iċ-ċertifikati EUR. 1 li jirrigwardaw il-kunsinni ta’ tessuti kkonċernati ma kinux, konsegwentement, validament annullati. Barra minn hekk, din il-qorti kkonstatat li Afasia kellha aspettativi leġittimi li l-importazzjoni tal-imsemmija kunsinna ta’ merkanzija kienet legali.

    26      Il-Hauptzollamt appella fuq punt ta’ liġi (“Revision”) quddiem il-Bundesfinanzhof (Qorti Federali tal-Finanzi) li, peress li kellu dubji fuq il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Finanzgericht Hamburg, issospenda l-proċeduri quddiemi u għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari lil ġejjin:

    “(1)      Huwa kompatibbli mal-Artikolu 32 tal-[Protokoll 1] li l-Kummissjoni Ewropea essenzjalment tinkariga ruħha, anki jekk bis-sostenn tal-awtoritajiet lokali, li twettaq il-kontroll [verifika] a posteriori tal-provi tal-oriġini li ngħataw fil-pajjiż ta’ esportazzjoni, u [jkun] jikkostitwixxi riżultat ta’ kontroll [verifika], fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk ir-riżultati ta’ kontroll tal-[verifika miksuba mill-]Kummissjoni hekk miksuba huma rreġistrati fi protokoll [rapport] iffirmat ukoll minn rappreżentant tal-gvern tal-pajjiż tal-esportazzjoni?

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    (2)      Fil-każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn iċ-[ċertifikati EUR. 1] maħruġa mill-pajjiż tal-esportazzjoni matul ċertu perijodu ġew annullati peress li l-oriġini tal-merkanzija ma setgħatx tiġi kkonfermata wara kontroll [verifika] a posteriori anki jekk madankollu ma jistax jiġi eskluż li ċerta merkanzija esportata tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-oriġini, il-persuna taxxabbli tista’, abbażi tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 220(2)(b) tal-[Kodiċi Doganali] tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni ta[l-aspettattivi leġittimi] billi ssostni li ċ-[ċertifikati EUR. 1] li ġew ippreżentati fil-każ tagħha setgħu kienu korretti u li għalhekk kienu bbażati fuq preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-riżultati tal-verifika a posteriori taċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa minn Stat AKP jorbtux lill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn il-merkanzija msemmija fiċ-ċertifikati ġiet importata, meta din il-verifika kienet, essenzjalment, ikkonsistiet f’investigazzjoni mmexxija f’dan l-Istat AKP, mill-Kummissjoni u li l-imsemmija riżultati ntbagħtu lill-imsemmija awtoritajiet permezz ta’ rapport iffirmat konġuntement minn rappreżentant tal-imsemmi Stat AKP.

    28      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita minn protokoll li jistabbilixxi, f’anness ma’ ftehim konkluż bejn l-Unjoni u Stat terz, regoli li jikkonċernaw l-oriġini ta’ prodotti tibbaża fuq fiduċja f’xulxin bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ importazzjoni u dawk tal-Istat ta’ esportazzjoni (sentenzi tad-9 ta’ Frar 2006, Sfakianakis, C‑23/04 sa C‑25/04, Ġabra p. I‑1265, punt 21, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑442/08, Ġabra p. I‑6457, punt 70).

    29      B’mod partikolari, fir-rigward tal-verifika a posteriori taċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa mill-Istat ta’ esportazzjoni, il-konklużjonijiet li waslu għalihom l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat jorbtu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni. Fil-fatt, il-kooperazzjoni stabbilta minn protokoll dwar l-oriġini ta’ prodotti tista’ tiffunzjona biss jekk l-Istat ta’ importazzjoni jirrikonoxxi l-evalwazzjonijiet magħmula legalment dwar dan is-suġġett mill-Istat ta’ esportazzjoni (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Pascoal & Filhos, C‑97/95, Ġabra p. I-4209, punt 33; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 73, kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C-386/08, Ġabra p. I‑1289, punt 62).

    30      Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, ir-riżultati ta’ verifika mwettqa a posteriori jikkostitwixxux evalwazzjonijiet magħmula legalment mill-Istati ta’ esportazzjoni u għaldaqstant jorbtux lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, kuntrarjament għal dak li ssostni Afasia, vertifika a posteriori taċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa minn Stat AKP tista’ titwettaq fin-nuqqas ta’ talba mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni.

    31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 32(1) sa (6) tal-Protokoll 1, il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-Istat AKP ta’ esportazzjoni jwettaq, fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba tal-Unjoni, l-investigazzjonijiet neċessarji sabiex jidentifika jew jipprevjeni ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-protokoll.

    32      Minn dan isegwi li, kif enfasizzaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom il-Gvern Ċek u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni, u kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, verifika a posteriori għandha ssir mhux biss fuq talba tal-Istat ta’ importazzjoni imma wkoll, b’mod ġenerali, meta, skont wieħed mill-Istati parti mill-ftehim jew skont il-Kummissjoni, li, skont l-Artikolu 211 KE, għandha l-obbligu li tissorvelja l-applikazzjoni korretta tal-ftehim, jeżistu indizji ta’ natura li jqajmu dubju ta’ irregolarità dwar l-oriġini tal-merkanzija importata (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sfakianakis, punti 30 u 31, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 82).

    33      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 32(7) tal-Protokoll 1 jippermetti lill-Istat AKP ta’ esportazzjoni li jistieden lill-Unjoni sabiex tipparteċipa fl-investigazzjonijiet. F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat li l-missjoni ta’ investigazzjoni mmexxija minn OLAF twettqet, kif jiċċertifika r-rapport ta’ din il-missjoni, fuq stedina tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Kummerċ Internazzjonali Ġamajkan. F’dawn il-kundizzjonijiet, kuntrarjament għal dak li ssostni Afasia, l-investigazzjoni mmexxija minn OLAF fit-territorju tal-Ġamajka ma tistax titqies bħala interferenza fl-affarijiet interni tal-imsemmi Stat u ma tikkostitwixxix għaldaqstant ksur tas-sovranità ta’ dan tal-aħħar.

    34      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-mod kif l-Unjoni għandha tipparteċipa fl-investigazzjonijiet fl-Istat AKP ta’ esportazzjoni ma huwiex speċifikat la fil-Protokoll 1 u lanqas f’atti oħrajn tal-Ftehim ta’ Cotonou. Fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi u fid-dawl tal-għanijiet ta’ applikazzjoni korretta tal-imsemmi ftehim u ta’ kooperazzjoni amministrattiva tajba, għandu jitqies li l-Artikolu 32(7) ta’ dan il-protokoll jippermetti lill-Istat AKP, jekk huma jkun jixtiequ dan jew jaċċetaw proposta tal-Unjoni f’dan is-sens, li jibbenefikaw mir-riżorsi u mill-kompetenza tal-OLAF billi b’mod ewlieni jqabbdu lill-OLAF iwettaq l-investigazzjoni. Meta l-Istat AKP ta’ esportazzjoni jagħżel li jipproċedi b’dan il-mod, huwa biżżejjed, sabiex dan l-Istat jissodisfa debitament il-funzjoni tiegħu ta’ entità responsabbli mill-verifika a posteriori, li jirrikonoxxi mingħajr ekwivoku u bil-miktub li huwa japprova r-riżultati tal-investigazzjoni mwettqa mill-OLAF.

    35      F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 u 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-rikonoxximent tar-riżultati tal-investigazzjoni għandu jkun datat u debitament iffirmat f’isem l-Istat AKP ta’ esportazzjoni, u l-fatt li dawn ir-riżultati jinsabu f’dokument b’timbru tal-OLAF huwa irrilevanti.

    36      Peress li l-Artikolu 32(7) tal-imsemmi protokoll lanqas jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-forma li fiha r-riżultati tal-investigazzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-Istat Membru ta’ importazzjoni sabiex ikunu jistgħu jorbtu lill-awtoritajiet ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li jintbagħat, lil dawn l-awtoritajiet, ir-rapport tal-investigazzjoni tal-OLAF, debitament iffirmat f’isem l-Istat AKP ta’ esportazzjoni u li jikkonstata mingħajr ambigwità li ċ-ċertifikati EUR. 1 huma inkorretti, u, għaldaqstant, nulli għandu l-effett li jrendi tali riżultati vinkolanti għall-imsemmija awtoritajiet.

    37      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni, imqajma wkoll minn Afasia, li jkun magħruf jekk il-persuna li ffirmat ir-rapport tal-investigazzjoni f’isem l-Istat AKP ta’ esportazzjoni kellhiex kompetenza sabiex tagħmel dan skont il-liġi ta’ dan l-Istat, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, fin-nuqqas ta’ tali kompetenza, l-Istat AKP ikkonċernat ma jistax jitqies li approva r-riżultati tal-investigazzjoni, u min-naħa l-oħra, li l-fiduċja f’xulxin tikkaratterizza l-kooperazzjoni bejn l-Istati AKP ta’ esportazzjoni u l-Istati Membri ta’ importazzjoni timplika li dawn tal-aħħar ma għandhomx sistematikament jeżaminaw il-validità ta’ firem minn persuni li għandhom fl-apparenza s-setgħa li jorbtu l-Istat AKP fil-qasam tal-esportazzjoni.

    38      Konsegwentement, huwa biss f’każ ta’ dubju fuq il-kompetenza tal-persuna li ffirmat f’isem l-Istat ta’ esportazzjoni li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni għandhom jivverifikaw mal-Istat AKP ikkonċernat jekk din il-persuna kinitx verament kompetenti sabiex torbot lil dan tal-aħħar f’dan ir-rigward.

    39      F’din il-kawża, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-informazzjoni fir-rapport tal-investigazzjoni u tal-argumenti ppreżentati minn Afasi rigward l-allegata inkompetenza tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Kummerċ Internazzjoni sabiex jiffirma dan id-dokument f’isem il-Ġamajka, il-Hauptzollamt kellux jagħmel verifika ta’ din il-kwistjoni.

    40      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riżultati ta’ verifika a posteriori li tirrigwarda l-eżattezza ta’ oriġini ta’ merkanzija indikata fiċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa minn Stat AKP u, kienet, għall-parti l-kbira, tikkonsisti f’investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, u iktar speċifikament mill-OLAF, f’dan l-Istat u fuq stedina ta’ dan tal-aħħar, jorbtu l-awtoritajiet tal-Istat Membru minn fejn il-merkanzija ġiet importata, sakemm, u din hija kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviku li għandha tevalwa, dawn l-awtoritajiet irċievew dokument li jirrikonoxxi mingħajr ekwivoku li dan l-Istat AKP japprova l-imsemmija riżultati.

     Fuq it-tieni domanda

    41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn iċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa għall-importazzjoni ta’ merkanzija fl-Unjoni huma annullati minħabba li l-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati kien ivvizzjat minn irregolaritajiet u li l-oriġini preferenzjali indikata fuqhom ma setgħatx tiġi kkonfermata waqt verifika a posteriori, l-importatur jistax joġġezzjona għal irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni billi jsostni li ma jistax jiġi eskluż li, fir-realtà, parti minn din il-merkanzija għandha l-imsemmija oriġini preferenzjali.

    42      L-imsemmija qorti tistaqsi għaldaqstant fuq l-eventwali konsegwenzi legali tal-konstatazzjoni mwettqa mill-investigaturi, bħal dawk imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li jipprovdu li huwa possibbli li parti minn din il-merkanzija hija ta’ oriġini Ġamajkana, għalkemm, l-esportaturi ma pproduċewx provi f’dan is-sens.

    43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-għan tal-verifika a posteriori huwa li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-oriġini indikata fiċ-ċertifikat EUR. 1 (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, Ġabra p. I‑2263, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut f’dan il-kuntest, meta verifika a posteriori ma tippermettix li tiġi kkonfermata l-oriġini tal-merkanzija indikata f’ċertifikat EUR. 1, hemm lok li jiġi konkluż li din il-merkanzija hija ta’ oriġini mhux magħrufa u li, għaldaqstant, iċ-ċertifikat EUR. 1 u t-tariffa preferenzjali ngħataw bi żball (sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1993, Huygen et, C‑12/92, Ġabra p. I‑6381, punti 17 u 18; tal-14 ta’ Mejju 1996, Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, Ġabra p. I‑2465, punt 16, kif ukoll Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    45      Din il-ġurisprudenza timpedixxi li l-importatur ikun jista, billi jinvoka l-oriġini mhux magħrufa tal-merkanizija u, għaldaqstant il-fatt li ma tistax tiġi eskluża ħlief ċerta merkanzija li għandha l-oriġini preferenzjali indikata fuq iċ-ċertifikati annullati, jaħrab mill-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni.

    46      Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali mhux imħallsa waqt l-importazzjoni huwa l-konsegwenza normali minħabba li l-verifika a posteriori ma tippermettix li tiġi kkonfermata l-oriġini tal-merkanzija kif indikata fiċ-ċertifikat EUR. 1 (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Huygen et, punt 19, u Faroe Seafood et, punt 16).

    47      Sabiex l-importatur ikun jista’ validament jinvoka aspettativa leġittima skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali u b’hekk jibbenefika mill-eċċezzjoni għall-irkupru a posteriori prevista f’din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. Jeħtieġ, l-ewwel nett, li ħruġ irregolari taċ-ċertifikati EUR. 1 b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nfushom, it-tieni nett, li l-iżball imwettaq minn dawn ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna suġġetta għad-dazju li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar osservat id-dispożizzjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Faroe Seafood et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83; tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, C‑499/03 P, Ġabra p. I‑1751, punt 46, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2007, Agrover, C‑173/06, Ġabra p. I‑8783, punt 30).

    48      Meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni ħarġu ċertifikati EUR. 1 inkorretti fil-kuntest ta’ sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva, dan il-ħruġ għandu, skont it-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 220(2), jitqies bħala żball imwettaq mill-imsemmija awtoritajiet, sakemm ma jirriżultax li l-imsemmija ċertifikati nħarġu abbażi ta’ preżentazzjoni inkorretta tal-fatti mill-esportatur. Jekk l-imsemmija ċertifikati nħarġu abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz tal-esportatur, l-ewwel mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija iktar ’il fuq ma hijiex sodisfatta u l-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni għandu konsegwentement isir, ħlief jekk, b’mod partikolari, huwa ċar li l-awtoritajiet ħarġu tali ċertifikati bl-għarfien jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika mit-trattament preferenzjali.

    49      Jekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma tqiegħedx fid-dubju l-konstatazzjoni magħmul fir-rapport tal-verifika mwettqa, li tipprovdi li l-awtoritajiet Ġamajkani ma kinux jafu jew ma setgħux ikunu jafu li t-tessuti esportati minn ARH ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jitqiesu bħala ta’ oriġini Ġamajkana, hija tistaqsi, min-naħa l-oħra, jekk huwiex il-Hauptzollamnt li għandu jipprova li ċ-ċertifikati inkorretti nħarġux abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz min-naħa ta’ din il-kumpannija jew, għall-kuntrarju, hijiex Afasia li għandha tipprova li ARH ippreżentatx korrettament il-fatti lill-awtoritajiet Ġamajkani.

    50      L-imsemmija qorti tistaqsi, b’mod partikolari, b’liema mod għandha tiġi trasposta, għal fatti bħala dawk fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq.

    51      Fl-imsemmi sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax jiġi meħtieġ min-naħa tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni li jipprovaw li l-esportatur għamel dikjarazzjonijiet foloz meta jidher li dan tal-aħħar ma żammx, minkejja l-obbligu li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli, id-dokumenti dwar il-merkanzija inkwistjoni għal tal-inqas tliet snin. Fil-fatt, f’tali kundizzjonijiet, l-imsemmija awtoritajiet huma mċaħħda mill-possibbiltà li jipprovaw li l-informazzjoni pprovduta mill-esportatur għall-ħruġ taċ-ċertifikati EUR. 1 kinitx korretta jew le (sentenza Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

    52      Afasia ssostni li din is-soluzzjoni li wasslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għall-kawża Beemsterboer Coldstore Services, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi trasposta għall-kawża prinċipali peress li kien impossibbli għal ARH li tosserva l-obbligu tagħha, stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Protokoll 1, li żżomm id-dokumenti rilevanti għal tal-inqas tliet xhur, peress li l-ħwienet ta’ xogħol tagħha nqerdu minn uragan qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu. Dan element ta’ forza maġġuri għandu bħala konsegwenza li l-kwistjoni li jkun magħruf jekk iċ-ċertifikati EUR. 1 inħarġux abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz tal-esportatur tistax tiġi solvuta u li l-ħruġ ta’ ċertifikati EUR. 1 inkorretti għandux għaldaqstant jiġi kklassifikat bħala żball imwettaq mill-awtoritajiet Ġamajkani.

    53      Madankollu, tali argument imur kontra l-fatt li l-OLAF, fid-dawl tal-fatt li huwa ma setax jikseb kooperazzjoni min-naħa tal-proprjetarji tal-grupp Afasia, u fid-dawl tal-fatt li l-ħwienet ta’ xogħol u l-uffiċċji ta’ ARH ma kellhomx, waqt l-ispezzjoni infurzata mmexxija b’kooperazzjoni mill-awtoritajiet Ġamajkani, fil-pussess tagħhom dokumenti, iffoka l-investigazzoni tiegħu fuq id-dokumenti ta’ trasport u fuq id-dokumenti fil-pussess tal-awtoritajiet Ġamajkani dwar il-kunsinni ta’ merkanzija esportati u qabbel id-data f’dawn id-dokumenti ma’ dik mibgħuta lill-awtoritajiet doganali Ċiniżi. Abbażi ta’ dawn id-dokumenti u ta’ dan il-paragun ta’ data, ġie konkluż li d-dikjarazzonijiet dwar l-oriġini ta’ din il-merkanzija indirizzati minn ARH u mill-esportataturi l-oħra Ġamajkani lill-awtoritajiet Ġamajkani, jistgħu jkun biss foloz.

    54      Madankollu, kif ġustament osservaw il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, meta l-awtoritajiet tal-Istat ta’ esportazzjoni ġew żgwidati mill-esportaturi, il-ħruġ ta’ ċertifikati EUR. 1 inkorretti ma jistax jitqies bħala żball imwettaq minn dawn l-awtoritajiet infushom. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li huma l-iżbalji li seħħew minħabba l-aġir pożittiv tal-awtoritajiet kompetenti biss u li ma setgħux raġonevolment jiġu skoperti mill-persuna taxxabbli li jagħtu lok għal nuqqas ta’ rkupru a posteriori. Fin-nuqqas ta’ tali żball, l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali ma jippermettix lil persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa li tinvoka aspettativa leġittima (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Faroe Seafood et, punti 91 u 92, kif ukoll Agrover, punt 31). F’tali ċirkustanzi, l-argumenti ta’ Afasia bbażati fuq l-okkorrenza ta’ każ ta’ forza maġġuri jsiru ineffettivi.

    55      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn iċ-ċertifikati EUR.1 maħruġa għall-importazzjoni ta’ merkanzija fl-Unjoni huma annullati minħabba li l-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati kien ivvizzjat minn irregolaritajiet u li l-oriġini preferenzjali indikata fuqhom ma setgħatx tiġi kkonfermata waqt verifika a posteriori, l-importatur ma jistax joġġezzjona rkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni billi jsostni li ma jistax jiġi eskluż li, fir-realtà, parti minn din il-merkanzija għandha l-imsemmija oriġini preferenzjali

     Fuq l-ispejjeż

    56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 32 tal-Protokoll 1 tal-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/159/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riżultati ta’ verifika a posteriori li tirrigwarda l-eżattezza ta’ oriġini ta’ merkanzija indikata fiċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa minn Stat AKP u, kienet, għall-parti l-kbira, tikkonsisti f’investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, u iktar speċifikament mill-OLAF, f’dan l-Istat u fuq stedina ta’ dan tal-aħħar, jorbtu l-awtoritajiet tal-Istat Membru minn fejn il-merkanzija ġiet importata, sakemm, u din hija kwistjoni li hija l-qorti tar-rinviku li għandha tevalwa, dawn l-awtoritajiet irċevew dokument li jirrikonoxxi mingħajr ekwivoku li dan l-Istat AKP japprova l-imsemmija riżultati.

    2)      L-Artikolu 220 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn iċ-ċertifikati EUR. 1 maħruġa għall-importazzjoni ta’ merkanzija fl-Unjoni huma annullati minħabba li l-ħruġ ta’ dawn iċ-ċertifikati kien ivvizzjat minn irregolaritajiet u li l-oriġini preferenzjali indikata fuqhom ma setgħatx tiġi kkonfermata waqt verifika a posteriori, l-importatur ma jistax joġġezzjona għal irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni billi jsostni li ma jistax jiġi eskluż li, fir-realtà, parti minn din il-merkanzija għandha l-imsemmija oriġini preferenzjali.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq