Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62010CJ0327

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-17 ta' Novembru 2011.
    Hypoteční banka a.s. vs Udo Mike Lindner.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Okresní soud v Chebu - ir-Repubblika Ċeka.
    Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali - Kuntratt ta’ kreditu ipotekarju konkluż bejn konsumatur li għandu ċittadinanza ta’ Stat Membru u bank stabbilit fi Stat Membru ieħor - Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ li ma jkunx magħruf id-domiċilju eżatt tal-konsumatur, tippermetti li jiġi ppreżentat rikors kontrih quddiem qorti ta’ dan l-Istat.
    Kawża C-327/10.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:745

    Kawża C-327/10

    Hypoteční banka a.s.

    vs

    Udo Mike Lindner

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresní soud v Chebu)

    “Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Kuntratt ta’ kreditu ipotekarju konkluż bejn konsumatur li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru u bank stabbilit fi Stat Membru ieħor — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ li ma jkunx magħruf id-domiċilju eżatt tal-konsumatur, tippermetti li jiġi ppreżentat rikors kontrih quddiem qorti ta’ dan l-Istat”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru

    (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001)

    2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Qorti tal-Istat Membru fejn huwa ddomiċiljat il-konsumatur — Assenza ta’ domiċilju magħruf — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-aħħar domiċilju magħruf — Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 16(2) u 59)

    3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti li jitressqu proċeduri kontra persuna li d-domiċilju tagħha ma huwiex magħruf — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001)

    1.        Ir-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti minnu teħtieġ li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tkun tressqet quddiem qorti ta’ Stat Membru hija tali li tqajjem domandi dwar id-determinazzjoni tal‑ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti. Ikun hemm tali sitwazzjoni fil-każ li fih ikun tressaq rikors quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor kontra ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li d-domiċilju tiegħu ma jkunx magħruf.

    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li n-nazzjonalità barranija ta’ parti fil-kawża ma tittiħidx inkunsiderazzjoni mir-regoli ġurisdizzjonali stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001, għandha madankollu ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet għandhom japplikaw ir-regoli ġurisdizzjonali u, min-naħa l-oħra, dik dwar taħt liema kriterji hija rregolata l-ġurisdizzjoni internazzjonali skont dawn ir-regoli. In-nazzjonalità barranija tal-konvenuta tista’ tqajjem domandi dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża.

    (ara l-punti 31, 32, 35 u d-dispożittiv 1)

    2.        Ir-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn il-konsumatur li huwa parti f’kuntratt ta’ self ipotekarju fuq perijodu twil, li jinkludi l-obbligu li jinforma lill-parti kontraenti bi kwalunkwe bdil fl-indirizz, jirrinunzja d-domiċilju tiegħu qabel il-preżentata ta’ rikors kontrih għall-ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament, li jiddeċiedu dwar l-imsemmija kawża meta huma ma jirnexxielhomx jiddeterminaw, skont l-Artikolu 59 tal-istess regolament, id-domiċilju attwali tal-konvenut u lanqas ma jkollhom evidenza sabiex jikkonkludu li l-konvenut huwa effettivament iddomiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

    (ara l-punt 55, dispożittiv 2)

    3.        Ir-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt proċedurali intern ta’ Stat Membru li, bil-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ tiċħid ta’ ġustizzja, tippermetti li tinbeda proċedura kontra u fl-assenza ta’ persuna li d-domiċilju tagħha ma huwiex magħruf, jekk il-qorti li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors tiżgura ruħha, qabel ma tagħti deċiżjoni, li jkunu saru r-riċerki kollha meħtieġa mill-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide sabiex jinstab il-konvenut.

    (ara l-punt 55, dispożittiv 2)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    17 ta’ Novembru 2011(*)

    “Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Kuntratt ta’ kreditu ipotekarju konkluż bejn konsumatur li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru u bank stabbilit fi Stat Membru ieħor – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fil-każ li ma jkunx magħruf id-domiċilju eżatt tal-konsumatur, tippermetti li jiġi ppreżentat rikors kontrih quddiem qorti ta’ dan l-Istat”

    Fil-Kawża C‑327/10,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresní soud v Chebu (ir-Repubblika Ċeka), permezz tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura

    Hypoteční banka a.s.

    vs

    Udo Mike Lindner,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), A. Borg Barthet, J.-J. Kasel, u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Mejju 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Hypoteční banka a.s., minn J. Hrouzek, avukat,

    –        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér kif ukoll minn K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Šimerdová u A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE u tal-Artikoli 2, 17(3) u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Hypoteční banka a.s. (iktar ’il quddiem “Hypoteční banka”) u U.M. Lindner, li l-indirizz preżenti tiegħu ma huwiex magħruf, sabiex isir ħlas ta’ somma ta’ madwar CZK 4.4 miljuni, ammont li jikkorrispondi għall-arrettrati ta’ kreditu ipotekarju li ngħata lil dan tal-aħħar.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

     Ir-Regolament Nru 44/2001

    3        It-tieni premessa tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

    “Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.”

    4        Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

    “1.      Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

    2,      Persuni li mhumiex ċittadini ta’ l-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

    5        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “1.      Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta' dan il-Kapitolu.

    2.      B’mod partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali mniżżla f’L-Anness I ma japplikawx kontra tagħhom.”

    6        L-Artikolu 4 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

    “1.      Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

    2.      Minħabba li kontra tali konvenut, persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, independentament min-nazzjonalità tagħha, tapprofitta ruħha f’dak l-Istat mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli hemmhekk, u b’mod partikolari dawk speċifikati f’L-Anness I, bl-istess metodu bħal ċittadini ta’ dak l-Istat.”

    7        Is-sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”, tinkludi l-Artikoli 15 sa 17 tiegħu.

    8        L-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

    9        L-Artikolu 17 tal-istess regolament jipprovdi kif ġej:

    “Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

    [...]

    3)      li jkun sar mill-konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt li t-tnejn li huma fil-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew ikunu abitwalment residenti fl-istess Stat Membru, u li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, basta li ftehim bħal dak ma jkunx kuntrarju għal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

    10      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

    Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

    11      Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament jinkludi Sezzjoni 8, intitolata “Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità”, li tinkludi l-Artikolu 26(1) u (2) u li jipprovdi:

    “1.      Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun infittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sa kemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    2.      Il-qorti għandha twaqqaf il-proċedimenti sa kemm ma jkunx jidher li dak il-konvenut seta’ rċieva d-dokument li jiftħu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan il-għan.”

    12      Fil-Kapitolu III tal-istess regolament Nru 44/2001, intitolat “Rikonoxximent u Eżekuzzjoni”, hemm inkluż l-Artikolu 34 tiegħu, li jipprovdi, fil-punt 2 tiegħu, li deċiżjoni ma hijiex rikonoxxuta “jekk il-konvenut ma kienx ġie servut bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk”

    13      L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

    “1.      Sabiex ikun iddeterminat jekk parti jkollhiex id-domiċilju fl-Istat Membru li l-qrati tieghu ikunu invokati bil-materja, il-qorti għandu japplika il-liġi interna tiegħu.

    2.      Jekk parti ma tkunx domiċiljata fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-materja, allura, sabiex ikun iddeterminat jekk parti jkolliex id-domiċilju fi Stat membru ieħor, il-qorti għandha tapplika il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

     Id-Direttiva 93/13

    14      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 93/13 għandha bħala l-għan l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

    15      L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    16      L-Artikolu 29(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ċek (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”, kif fis-seħħ fit-30 ta’ Gunju 2009, jipprovdi li, fejn ma japplikawx miżuri oħra, il-President tal-Kamra jista’ jinnomina kuratur għal parti fil-kawża li d-domiċilju tagħha ma jkunx magħruf u li ma setgħetx tkun innotifikata f’indirizz magħruf f’pajjiż ieħor, li tbati minn marda mentali jew li għal xi raġuni oħra medika, ma tistax tidher fil-proċeduri, anki jekk temporanjament, jew li ma tistax tesprimi ruħha b’mod ċar.

    17      Il-qorti tar-rinviju tindika li, f’sentenza tal-31 ta’ Marzu 2005, l-Ústavní soud (Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet kif ġej rigward il-kuratur tal-konvenut li d-domiċilju tiegħu ma huwiex magħruf.

    “Il-funzjoni tal-kuratur inħolqot bħala difiża tal-interessi tal-parti li ma tkunx preżenti fil-proċeduri sal-eżitu finali kif għandu jsir mir-rappreżentant kuntrattwali. Jekk il-parti fil-proċeduri tkun għażlet ir-rappreżentant tagħha, hija l-parti stess li għandha tkun responsabbli għall-għażla tagħha u għall-passi konkreti fil-proċeduri. Fil-każ li tkun il-qorti li tinnomina kuratur bħala rappreżentant tal-parti fil-proċeduri, hija għandha tkun responsabbli sabiex tiżgura li l-kuratur jiddefendi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-parti. Hija għandha l-obbligu li ttaffi lill-kuratur mill-funzjonijiet tiegħu jekk tiskopri li fil-fatt il-kuratur ma huwiex jerżerċita l-funzjonijiet tiegħu fil-proċeduri [...], jew jeżerċitahom b’mod insuffiċjenti.”

    18      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 89 a tal-Kodiċi tal-Procedura Ċivili, fil-verżjoni tiegħu meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-partijiet fi proċedura fil-qasam kummerċali jistgħu jinnominaw bil-miktub qorti oħra tal-ewwel istanza li għandha ġurisdizzjoni ratione loci, sakemm il-liġi ma tipprovdix ġurisdizzjoni esklużiva.

    19      Skont l-Artikolu 173(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Civili, l-ordni tal-ħlas għandha tiġi nnotifikata lill-konvenut personalment, notifika li ssir mod ieħor hija eskluża.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    20      Permezz tar-rikors tagħha, li ġie ppreżentat fis-16 ta’ Settembru 2008 quddiem il-qorti tar-rinviju, Hypoteční banka, kumpannija tad-dritt Cek li għandha s-sede tagħha fi Praga (ir-Repubblika Ceka), tixtieq tiskeb ordni sabiex U.M. Lindner, ċittadin Germaniż, iħallasha s-somma ta’ CZK 4 383 584.60, b’interessi moratorji, bħala arretrati ta’ ipoteka mogħtija lil dan tal-aħħar b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż bejn il-partijiet fid-19 ta’ Awwissu 2005 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”).

    21      Fil-punt 8 tal-Artikolu VIII tal-kuntratt, Hypoteční banka u U.M. Lindner ftiehmu, billi għamlu riferiment fl-Artikolu 89 tal-Kodiċi tal-Proċedura Civili, li, “għall-kawżi eventwali relatati mal-[...] kuntratt, għandha ġurisdizzjoni l-qorti lokali tal-bank, iddeterminata skont is-sede ta’ dan tal-aħħar, kif irreġistrat fir-reġistru kummerċjali meta saret il-preżentata tar-rikors”.

    22      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, M. Lindner suppost kien residenti f’Mariánské Láznĕ (ir-Repubblika Ċeka), jiġifieri r-residenza tal-konsumatur kienet iktar minn 150 km minn Praga fejn jinsab is-sede tal-“qorti tal-bank” innominat mill-partijiet kontraenti.

    23      Selon Hypoteční banka, minkejja dan, din ippreżentat rikors quddiem il-“qorti li għandha ġurisdizzjoni ġenerali tal-konvenut” pjuttost minn “ġurisdizzjoni ġenerali” peress li, fid-data tal-preżentata tar-rikors, għal raġunijiet li huma indipendenti mir-rieda tagħha, hija ma setgħetx tippreżenta lill-qorti l-oriġinal tal-kuntratt u għalhekk tissodisfa l-kundizzjoni legali tal-preżentata ta’ rikors quddiem din il-qorti tal-aħħar.

    24      Fis-16 ta’ Ottubru 2008, il-qorti tar-rinviju laqgħet ir-rikors permezz ta’ ordni ta’ ħlas li permezz tagħha, minn naħa, il-konvenut ġie ordnat iħallas lir-rikorrenti s-somma mitluba minnha, b’interessi moratorji, u min-naħa l-oħra, din tal-aħħar kienet ikkundannata tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri. Peress li l-imsemmija ordni ma setgħetx madankollu tiġi nnotifikata personalment lill-konvenut, kif meħtieġ mill-Artikolu 173(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-qorti tar-rinviju annullat tali ordni b’digriet tat-8 ta’ Settembru 2009.

    25      Peress li l-konvenut ma kien jirrisjedi f’ebda wieħed mill-indirizzi magħrufa mill-qorti tar-rinviju u fid-dawl tal-fatt li din ma rnexxiliex tiddetermina post ta’ residenza tal-konvenut ieħor, din tal-aħħar applikat l-Artikolu 29(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Civili, u, b’deċiżjoni tat-3 ta’ Gunju 2009, innominat kuratur għall-benefiċcju tal-konvenut ikkunsidrata bħala persuna li r-residenza tiegħu ma hijiex magħrufa.

    26      Permezz ta’ nota tas-26 ta’ Ottubru 2009, li kienet l-ewwel att ta’ proċedura li sar mill-kuratur fil-kawża li kienet tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar qajmet oġġezzjonijiet sostanzjali kontra l-allegazzjonijiet magħmula minn Hypoteční banka, fir-rigward tal-interessi.

    27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Monomeles Protodikeio Rethymnis iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)      Jekk waħda mill-partijiet fi proċeduri ġudizzjarji tkun ċittadina ta’ Stat differenti minn dak li fih ikunu qegħdin jiżvolġu dawn il-proċeduri, dan il-fatt jipprovdi bażi għall-implikazzjoni transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 81 (li qabel kien l-Artikolu 65) tat-Trattat, li hija waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament [44/2001] [...]?

    2)      Ir-Regolament [44/2001] jipprekludi l-użu ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu t-tressiq ta’ proċeduri kontra persuni li l-indirizz tagħhom ma jkunx magħruf?

    3)      Jekk it-tieni domanda tingħata risposta negattiva, il-fatt li jsiru sottomissjonijiet minn kuratur tal-konvenut fil-kawża, li jkun maħtur mill-qorti, jista’ jitqies, waħdu, bħala sottomissjoni mill-konvenut għall-ġurisdizzjoni tal-qorti lokali għall-finijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament [44/2001], anki meta s-suġġett tal-kawża jkun pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt mal-konsumatur u l-qrati tar-Repubblika Ċeka ma jkollhomx ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament sabiex jiddeċiedu din il-kawża?

    4)      Ftehim dwar il-ġurisdizzjoni lokali ta’ qorti partikolari jista’ jitqies li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti magħżula għall-finijiet tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament [44/2001], u, jekk dan ikun il-każ, dan japplika anki jekk il-ftehim dwar ġurisdizzjoni lokali jkun invalidu minħabba li jmur kontra l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13], dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur?

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minnu huma sodisfatti meta waħda mill-partijiet fil-proċedura ġurisdizzjonali jkun ċittadin ta’ Stat Membru għajr dak li fih iseħħu dawn il-proċeduri.

    29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat mill-bidu li, bħall-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi relattivi għall-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), li l-interpretazzjoni tagħha tapplika wkoll għar-Regolament Nru 44/2001 meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C‑189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 18), l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-imsemmi regolament teħtieġ l-eżistenza ta’ element internazzjonali.

    30      Kif diġa ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, in-natura internazzjonali tar-rabta ġuridika tista’ tirriżulta mill-fatt li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-proċeduri hija ta’ natura li tqajjem domandi dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C‑281/02, Ġabra p. I‑1383, punt 26).

    31      Huwa minnu li n-nazzjonalità barranija ta’ parti fil-kawża ma tittiħidx inkunsiderazzjoni mir-regoli ġurisdizzjonali stabbiliti bir-Regolament Nru 44/2001. Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni dwar taħt liema kundizzjonijiet għandhom japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni u, min-naħa l-oħra, dik dwar taħt liema kriterji hija rregolata l-ġurisdizzjoni internazzjonali skont dawn ir-regoli.

    32      Madankollu, huwa ċar li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, in-nazzjonalità barranija tal-konvenuta tistaà tqajjem domandi dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjonali internazzjonali tal-qorti li titressaq il-kawża quddiemha.

    33      Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-qrati tal-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu l-konvenut jistgħu wkoll jikkunsidraw li għandhom ġurisdizzjoni anki fin-nuqqas tal-għarfien tad-domiċilju ta’ dan tal-aħħar f’dan l-Istat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni ta’ regoli uniformi ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti bir-Regolament Nru 44/2001 sabiex jissostitwixxu dawk fis-seħħ fl-Istati Membri differenti hija konformi mar-rekwiżit taċ-ċertezza legali u mal-għan li r-regolament intiż li jiggarantixxi, sa fejn huwa possibbli, il-protezzjoni tal-konvenuti domiċiljati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

    34      Isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li fiha l-konvenut huwa ta’ ċittadinanza barranija u ma huwiex ta’ domiċilju magħruf fl-Istat li fit-territorju tiegħu titressaq il-kawża quddiem il-qrati, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huma applikabbli.

    35      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minnu teħtieġ li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tkun tressqet quddiem il-qorti tal-Istat Membru hija tali li tqajjem domandi dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali. Tali sitwazzjoni hija l-każ f’kawża bħal dik prinċipali, li fiha jkun tressaq rikors quddiem il-qorti tal-Istat Membru kontra ċittadin ta’ Stat Membru li d-domiċilju ma huwiex magħruf.

     Fuq it-tieni domanda

    36      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt intern ta’ Stat Membru li tippermetti li tinbeda proċedura kontra persuni li d-domiċilju tagħhom ma huwiex magħruf.

    37      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat mill-bidu li r-Regolament Nru 44/2001, bħall-Konvenzjoni ta’ Brussell għandu l-għan mhux li jgħaqqas ir-regoli proċedurali tal-Istati Membri, iżda li jirregola liema qrati għandhom ġurisdizzjoni f’kawżi li jikkonċernaw kwistjonijiet ċivili u kummerċjali bejn l-Istati Membri u jiffaċilita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġurisdizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline, C‑18/02, Ġabra p. I‑1417, punt 23).

    38      Fl-assenza, fir-Regolament Nru 44/2001, ta’ dispożizzjoni li tiddefinixxi b’mod espress il-ġurisdizzjoni f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn id-domiċilju tal-konvenut ma huwiex magħruf, għandu jiġi vverifikat, preliminarjament, li, skont il-każ, skont liema dispożizzjoni, ir-regolament jista’ madankollu japplika u jekk huwa possibbli li jinsilet kriterju minnu li jista’ jservi ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni.

    39      F’dan ir-rigward, peress li l-kawża prinċipali tikkonċerna azzjoni li tressqet kontra konsumatur mill-parti l-oħra fil-kuntratt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(2) ta’ dak ir-regolament jipprovdi li tali proċeduri jistgħu jinbdew biss fil-qrati tal-Istat Membru fejn huwa domiċiljat il-konsumatur.

    40      Għalhekk, meta qorti nazzjonali tintalab tiddeċiedi dwar azzjoni li tressqet kontra konsumatur, hija għandha qabel xejn tivverifika jekk il-konvenut huwiex domiċiljat fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu billi tapplika, skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 44/2001, id-dritt nazzjonali tal-konvenut.

    41      Sussegwentement, fejn, bħal fil-kawża prinċipali, l-imsemmija qorti tikkonkludi li l-konvenut fil-proċeduri prinċipali ma huwiex domiċiljat fi Stat Membru ieħor, hija għandha tivverifika jekk dan tal-aħħar huwiex domiċiljat fi Stat Membru ieħor. Għal dan il-għan, hija għandha tapplika, skont l-Artikolu 59(2) tal-imsemmi regolament, id-dritt ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

    42      Fl-aħħar nett, jekk il-qorti nazzjonali, min-naħa, ma jirnexxiliex tidentifika l-post fejn huwa domiċiljat il-konsumatur, u, min-naħa l-oħra, lanqas ma jkollha evidenza li tippermettilha tikkonkludi li dan huwa effettivament domiċiljat barra t-territorju tal-Unjoni Ewropea – sitwazzjoni li fiha japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 44/2001– għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 16(2) tiegħu jistax jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab id-domiċilju tal-konsumatur, stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, ikoprux ukoll l-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur.

    43      Issa, tali approċċ jidher li huwa bbażat fuq il-loġika tal-imsemmi regolament u huwa stabbilit fil-qafas tas-sistema stabbilita minnu.

    44      Fil-fatt, huwa qabelxejn konformi mal-għan, imfittex mir-Regolament Nru 44/2001, li tissaħaħ l-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi jippermetti kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et., C‑509/09 u C‑161/10, Ġabra p. I‑0000, punt 50).

    45      Sussegwentement, tali soluzzjoni tipprekludi, filwaqt li tippromwovi l-applikazzjoni ta’ regoli uniformi stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 meta mqabbla ma’ regoli nazzjonali differenti, l-impossibbiltà li, meta ma jkunx jista’ jiġi identifikat id-domiċilju attwali tal-konvenut, tiġi prekluża d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni u anki li l-konvenut jiċċaħħad mid-dritt tiegħu li jippreżenta rikors. Tali sitwazzjoni tista’ tqum, b’mod partikolari, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali fejn il-konsumatur li, bis-saħħa tal-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament jista’ jitħarrek quddiem il-qrati tal-Istati Membri fit-territorju li fih huwa domiċiljat, ma kellux iktar id-domiċilju tiegħu hemm qabel ma tressqu proċeduri kontrih.

    46      Fl-aħħar nett, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-kriterju tal-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur jiżgura bilanċ ġust bejn id-drittijiet tar-rikorrent u dawk tal-konvenut f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn dan tal-aħħar kellu l-obbligu jinforma lil parti kontraenti tiegħu bi kwalunkwe bidla fl-indirizz li tkun seħħet wara li ġie ffirmat il-kuntratt ta’ self ipotekarju fuq perijodu twil.

    47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn konsumatur li huwa parti f’kuntratt ta’ self ipotekarju fuq perijodu twil li jinkludi l-obbligu li jinforma lill-parti kontraenti bi kwalunkwe bdil fl-indirizz ma jibqax domiċiljat qabel il-preżentata ta’ rikors kontrih għall-ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li jiddeċiedu dwar l-imsemmija kawża meta huma ma jirnexxielhomx jiddeterminaw, skont l-Artikolu 59 tal-istess regolament, id-domiċilju attwali tal-konsumatur u lanqas ma jkollhom evidenza sabiex jikkonkludu li l-konvenut huwa effettivament domiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

    48      F’dan ir-rigward, sa fejn huma kkonċernati r-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati waqt il-proċeduri, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 44/2001 jesprimu l-intenzjoni li jiżguraw, fil-kuntest tal-għanijiet tagħha, li l-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jsiru bl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża (ara sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler, 125/79, Ġabra p. 1553, punt 13, u tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi, C‑394/07, Ġabra p. I‑2563, punt 23).

    49      Madankollu, ir-rekwiżit tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif stabbilit wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi implementat flimkien mar-rispett tad-dritt tal-konvenut li jressaq proċeduri quddiem qorti sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-kawża tiegħu.

    50      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 29 tas-sentenza Gambazzi, iċċitata iktar ’il fuq, li d-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jista’ jkollhom xi restrizzjonijiet. Madankollu, dawn għandhom jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-miżura inkwistjoni u ma jistgħux jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan imfittex, ksur sproporzjonat tal-imsemmija drittijiet.

    51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ tiċħid ta’ ġustizzja, li jkollu rikorrent minħabba l-impossibbiltà li jiddetermina d-domiċilju tal-konvenut, jikkostitwixu għan ta’ interess pubbliku ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambazzi, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 sa 33) u għandha tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk huwiex effettivament imfittex mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni.

    52      Fir-rigward tar-rekwiżit marbut man-neċessità li jiġi evitat ksur sproporzjonat għad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi rrilevat li dan japplika b’mod partikolari għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 44/2001. Din id-dispożizzjonijiet għandha tinftiehem fis-sens li qorti li għandha ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament ma tistax raġonevolment tissokta bil-proċeduri fil-każ sa fejn il-konvenut ma jkunx irċieva r-rikors promotur jew li jkunu ttieħdu l-miżuri kollha sabiex jippermettuh jiddefendi lilu nnifsu. Għal dan il-għan, il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat ir-rikors għandha tiżgura li r-riċerki kollha meħtieġa mill-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide saru sabiex jinstab il-konvenut.

    53      Huwa minnu li, anki jekk dawn il-kundizzjonijiet ġew osservati, il-possibbiltà li jissoktaw il-proċeduri mingħajr l-għarfien tal-konvenut, bħal fil-kawża prinċipali, permezz ta’ notifika lil kuratur li ġie nnominat mill-qorti li quddiemha tressaq ir-rikors tillimita d-drittijiet tad-difiża tal-konvenut. Din il-limitazzjoni hija madankollu ġustifikata fir-rigward tad-dritt tar-rikorrent għall-protezzjoni effettiva fid-dawl tal-fatt li, fl-assenzata’ tali proċedura, dan id-dritt jisfa’ fix-xejn.

    54      Fil-fatt, kuntrarjament għas-sitwazzjoni tal-konvenut li, meta jiċċaħħad mill-possibbiltà li jiddefendi ruħu b’mod effikaċji, jkollu l-possibbiltà li jinvoka d-drittijiet tad-difiża, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, billi jikkontesta s-sentenza li tkun ġiet deċiża kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1985, Debaecker u Plouvier, 49/84, Ġabra p. 1779, punt 11), ir-rikorrent ikollu r-riskju li jiċċaħħad minn kull possibbiltà li jippreżenta rikors.

    55      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li

    –        f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn konsumatur li huwa parti f’kuntratt ta’ self ipotekarju fuq perijodu twil li jinkludi l-obbligu li jinforma lill-parti kontraenti bi kwalunkwe bdil fl-indirizz jirrinunzja d-domiċilju tiegħu qabel il-preżentata ta’ rikors kontrih għall-ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament, li jiddeċiedu dwar l-imsemmija kawża meta huma ma jirnexxilhomx jiddeterminaw, skont l-Artikolu 59 tal-istess regolament, id-domiċilju attwali tal-konsumatur u lanqas ma jkollhom evidenza sabiex jikkonkludu li l-konvenut huwa effettivament domiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea;

    –        dan ir-regolament ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt proċedurali intern ta’ Stat Membru li, bil-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ tiċħid ta’ ġustizzja, tippermetti li tinbeda proċedura kontra u fl-assenza ta’ persuna li d-domiċilju tagħha ma huwiex magħruf, jekk il-qorti li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors tiżgura ruħha, qabel ma tagħti deċiżjoni, li jkunu saru r-riċerki kollha meħtieġa mill-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide sabiex jinstab il-konvenut.

    56      Fid-dawl tar-risposti li ngħataw lill-ewwel u lit-tieni domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda.

     Fuq l-ispejjeż

    57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minnu teħtieġ li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tkun tressqet quddiem il-qorti tal-Istat Membru hija tali li tqajjem domandi dwar id-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ din il-qorti. Tali sitwazzjoni hija l-każ f‛kawża bħal dik prinċipali, li fiha jkun tressaq rikors quddiem il-qorti tal-Istat Membru kontra ċittadin ta’ Stat Membru li d-domiċilju tiegħu ma jkunx magħruf.

    2)      Ir-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li

    –        f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn konsumatur li huwa parti f’kuntratt ta’ self ipotekarju fuq perijodu twil li jinkludi l-obbligu li jinforma lill-parti kontraenti bi kwalunkwe bdil fl-indirizz jirrinunzja d-domiċilju tiegħu qabel il-preżentata ta’ rikors kontrih għall-ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament, li jiddeċiedu dwar l-imsemmija kawża meta huma ma jirnexxielhomx jiddeterminaw, skont l-Artikolu 59 tal-istess regolament, id-domiċilju attwali tal-konsumatur u lanqas ma jkollhom evidenza sabiex jikkonkludu li l-konvenut huwa effettivament domiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea;

    –        dan ir-regolament ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt proċedurali intern ta’ Stat Membru li, bil-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ tiċħid ta’ ġustizzja, tippermetti li tinbeda proċedura kontra u fl-assenza ta’ persuna li d-domiċilju tagħha ma huwiex magħruf, jekk il-qorti li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors tiżgura ruħha, qabel ma tagħti deċiżjoni, li jkunu saru r-riċerki kollha meħtieġa mill-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ bona fide sabiex jinstab il-konvenut.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

    Fuq