EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0221

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-17 ta' Marzu 2011.
AJD Tuna Ltd vs Direttur tal-Agrikoltura u s-Sajd u Avukat Generali.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Prim’Awla tal-Qorti Ċivili - Malta.
Regolament (KE) Nru 530/2008 - Validità - Politika komuni tas-sajd - Konservazzjoni tar-riżorsi - Irkupru tal-istokk tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran.
Kawża C-221/09.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2011:153

Kawża C-221/09

AJD Tuna Ltd

vs

Direttur tal-Agrikoltura u s-Sajd

u

Avukat Ġenerali

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili)

“Regolament (KE) Nru 530/2008 — Validità — Politika komuni tas-sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi — Irkupru tal-istokk tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran”

Sommarju tas-sentenza

1.        Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2371/2002 fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza fil-qasam tal-konservazzjoni — Assenza ta’ obbligu li jinġabru l-osservazzjonijiet tal-operaturi li jistgħu jintlaqtu

(Artikolu 288 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002, Artikolu 7(1))

2.        Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Miżuri intiżi sabiex tkun affaċċjata t-theddida ta’ kollass tal-istokk tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant — Differenza fit-trattament bejn Spanja u l-Istati Membri l-oħra fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri

(Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002, Artikolu 7(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 530/2008)

1.        Il-validità tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku Nru 2371/2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd, ma hijiex affettwata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mill-fatt li dan l-artikolu ma jipprovdix, matul il-proċess ta’ adozzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, għall-possibbiltà li jinġabru l-osservazzjonijiet tal-operaturi li jistgħu jintlaqtu minn dawn il-miżuri.

Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tar-Regolament tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa tadotta miżuri sabiex telimina theddid serju għall-konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin jew għall-ekosistema tal-baħar meta dan it-theddid ikun riżultat tal-attivitajiet tas-sajd. Għalhekk, il-miżuri adottati jolqtu lill-operaturi ekonomiċi fis-settur tas-sajd f’żona partikolari u għal speċi ħajja partikolari. Dan ifisser li l-miżura ta’ emerġenza ma tiġix adottata fid-dawl tal-interessi tal-operaturi ekonomiċi iżda bil-għan waħdieni li jiġu kkonservati r-riżorsi akwatiċi ħajjin u l-ekosistema tal-baħar. Ir-regolamenti adottati fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 7(1) japplikaw għalhekk għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt. Għaldaqstant, tali regolamenti jikkostitwixxu regolamenti fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE u, bħala tali, ma humiex koperti mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jistabbilixxi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li tolqotha b’mod negattiv.

(ara l-punti 49-56)

2.        Ir-Regolament Nru 530/2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ bastimenti bil-purse seines li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 W, u fil-Baħar Mediterran, adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku Nru 2371/2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd, huwa invalidu sa fejn, filwaqt li huwa intiż li jistabbilixxi miżuri maħsuba sabiex tiġi affaċċjata t-theddia ta’ kollass tal-istokk tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran, stabbilixxa d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri bħala s-16 ta’ Ġunju 2008 iżda ppospona din id-data għat-23 ta’ Ġunju 2008 fir-rigward tal-bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera Spanjola jew huma rreġistrati fi Spanja, b’tali mod li b’hekk ħoloq differenza fit-trattament ibbażata fuq iċ-ċittadinanza fil-konfront tal-bastimenti li jistadu bil-purse seines u li jtajru l-bandiera Maltija, Griega, Franċiża Taljana u Ċiprijotta jew huma rreġistrati f’dawn l-Istati Membri, mingħajr ma din id-differenza hija oġġettivament ġustifikata.

(ara l-punt 113 u d-dispożittiv  3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Marzu 2011 (*)

“Regolament (KE) Nru 530/2008 – Validità – Politika komuni tas-sajd – Konservazzjoni tar-riżorsi – Irkupru tal-istokk tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran”

Fil-Kawża C-221/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Prim’Awla tal‑Qorti Ċivili (Malta), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2009, fil‑proċedura

AJD Tuna Ltd

vs

Direttur tal‑Agrikoltura u s‑Sajd,

Avukat Generali,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal‑Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑20 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AJD Tuna Ltd, minn J. Refalo u R. Mastroianni, avukati,

–        għall‑Gvern Malti, minn S. Camilleri, bħala aġent, assistit minn A. Buhagiar, avukat,

–        għall‑Gvern Grieg, minn I. Chalkias u S. Papaïoannou, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, minn M. Sims, G. Kimberley u A. Westerhof Löfflerova, kif ukoll minn M. Sammut, bħala aġenti,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn K. Banks kif ukoll minn E. Depasquale u D. Nardi, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas‑7 ta’ Settembru 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑validità u l‑interpretazzjoni tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 530/2008, tat‑12 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir‑rigward ta’ bastimenti bil‑purse seines li jistadu għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran (ĠU L 155, p. 9, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament”), kif ukoll il‑validità tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal‑20 ta’ Diċembru 2002, dwar il‑konservazzjoni u l‑isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas‑sajd skont il‑Politika Komuni dwar is‑Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament bażiku”).

2        Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il‑kumpannija AJD Tuna Ltd (iktar ’il quddiem “AJD Tuna”) u, min‑naħa l‑oħra, id‑Direttur tal‑Agrikoltura u s‑Sajd u l‑Avukat Ġenerali, dwar deċiżjoni li permezz tagħha dan id‑direttur ipprojbixxa lil AJD Tuna milli tixtri jew timporta tonn f’Malta għall‑finijiet tal‑attivitajiet ta’ tismin u ta’ trobbija tagħha, liema deċiżjoni kienet intiża li timplementa r‑Regolament.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Ir‑Regolament bażiku

3        Ir‑Regolament bażiku jimplementa l‑politika komuni tas‑sajd fir‑rigward tal‑konservazzjoni, il‑ġestjoni u l‑isfruttar tar‑riżorsi tas‑sajd.

4        L‑Artikolu 2 ta’ dan ir‑regolament, intitolat “Għanijiet”, jipprovdi:

“1.      Il‑Politika Komuni dwar is‑Sajd għandha tiżgura l‑isfruttar tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin li joħolqu [li joħloq] kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

Għal dan il‑għan, il‑Komunità għandha tapplika trattament kawt fit‑teħid ta’ miżuri maħsuba biex iħarsu u jikkonservaw riżorsi akwatiċi ħajjin, biex jaħsbu għall‑isfruttar sostenibbli tagħhom u biex inaqqsu kemm jista’ jkun l‑impatt ta’ l‑attivitajiet tas‑sajd fuq l‑eko‑sistemi tal‑baħar. Għandha timmira lejn implimentazzjoni progressiva ta’ trattament bażat fuq eko‑sistema fl‑amministrazzjoni ta’ żoni tas‑sajd. Għandha timmira biex tikkontribwixxi għal attivitajiet ta’ sajd effiċjenti f’industrija ta’ sajd u akwakultura ekonomikament vijabbli u kompetittiva [, filwaqt li tiżgura livell ta’ ħajja ġust għal dawk li jiddependu mill‑attivitajiet tas‑sajd u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l‑interessi tal‑konsumaturi].

2.      Il‑Politika Komuni dwar is‑Sajd għandha tiġi gwidata mill‑prinċipji li ġejjin ta’ governanza tajba:

a)      definizzjoni ċara tar‑responsabbiltajiet tal‑Komunità, f’livelli nazzjonali u lokali;

b)      proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet bażat fuq pariri xjentifiċi sodi li jagħtu riżultati fil‑ħinijiet mistennija;

c)      involviment wiesgħa ta’ dawk kollha li għandhom xi interess fl‑istadji kollha tal‑politika mill‑konċepiment sa’ l‑implimentazzjoni;

d)      konsistenza ma’ politika oħra tal‑Komunità, b’mod partikolari ma’ politika ambjentali, soċjali, dwar żvilupp, saħħa u ħarsien tal‑konsumatur.”

5        L‑Artikolu 5 tar‑regolament imsemmi, bit‑titolu “Pjanijiet ta’ rkupru”, jipprovdi:

“1.      Il‑Kunsill għandu jadotta, bi prijorità, pjani ta’ rkupru dwar ħażniet għall‑isfruttar f’żoni tas‑sajd li jinsabu barra mil‑limiti bijoloġiċi bla periklu.

2.      L‑għan ta’ pjanijiet ta’ rkupru għandu jkun li jiżgura l‑irkupru ta’ ħażniet jinżamm f’limiti bijoloġiċi bla periklu.

[...]”

6        L‑Artikolu 7 tal‑istess regolament, bit‑titolu “Miżuri ta’ emerġenza tal‑Kummissjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Jekk ikun jidher li hemm xi theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, jew għall‑eko‑sistema tal‑baħar b’riżultat ta’ attivitajiet tas‑sajd u jkun hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata, il‑Kummissjoni, fuq it‑talba sostanzjata ta’ Stat Membru jew fuq l‑inizjattiva tagħha stess, tista’ tiddeċiedi fuq xi miżuri ta’ emerġenza li m’għandhomx ikunu għal aktar minn sitt xhur. Il‑Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni ġdida biex ittawwal iż‑żmien dwar il‑miżuri ta’ emerġenza b’mhux aktar minn sitt xhur.

2.       L‑Istat Membru għandu jgħaddi t‑talba fl‑istess ħin lill‑Kummissjoni, lill‑Istati Membri l‑oħra u lill‑Kunsilli Konsultattivi Reġjonali konċernati. Jistgħu jibagħtu l‑kummenti tagħhom bil‑miktub lill‑Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara li tkun waslet it‑talba.

[...]

3.      Il‑miżuri ta’ emerġenza għandhom jibdew iseħħu minnufih. Għandhom jiġu notifikati lill‑Istati Membri konċernati, u pubblikati fil‑Ġurnal Uffiċjali.

[...]”

7        Skont l‑Artikolu 20 tar‑Regolament bażiku, bit‑titolu “Allokazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ sajd”:

“1.      Il‑Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill‑Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar il‑limiti ta’ qbid u/jew opportunitajiet tas‑sajd u dwar l‑allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas‑sajd fost l‑Istati Membri kif ukoll dwar il‑kondizzjonijiet assoċjati ma’ dawk il‑limiti. Opportunitajiet tas‑sajd għandhom jitqassmu bejn l‑Istati Membri b’mod li jassigura lil kull Stat Membru stabbilità relattiva ta’ attivitajiet tas‑sajd għal kull ħażna jew żona tas‑sajd.

2.      Meta l‑Komunità tistabbilixxi opportunitajiet tas‑sajd ġodda il‑Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l‑allokazzjoni ta’ dawk l‑opportunitajiet, waqt li jqis l‑interessi ta’ kull Stat Membru.

3.      Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi, għal bastimenti li jtajru l‑bandiera tiegħu, dwar il‑metodu kif jiġu allokati opportunitajiet tas‑sajd assenjati lil dak l‑Istat Membru skond il‑liġi tal‑Komunità. Għandu jinforma lill‑Kummissjoni dwar il‑metodu ta’ allokazzjoni.

4.      Il‑Kunsill għandu jistabbilixxi l‑opportunitajiet tas‑sajd disponibbli għal pajjiżi terzi f’ilmijiet tal‑Komunità u jalloka dawk l‑opportunitajiet lil kull pajjiż terz.

5.      L‑Istati Membri jistgħu, wara li javżaw lill‑Kummissjoni, ibiddlu l‑opportunitajiet kollha jew parti minnhom li jkunu allokati lilhom.”

8        L‑Artikolu 26 ta’ dan ir‑regolament, bit‑titolu “Responsabbiltajiet tal‑Kummissjoni”, jipprovdi:

“[...]

2.      Jekk ikun hemm xhieda li r‑regoli dwar il‑konservazzjoni, kontroll, spezzjonijiet jew infurzar skond il‑Politika Komuni dwar is‑Sajd mhumiex qed jiġu mħarsa u li dan jista’ jwassal għal theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin jew għat‑tħaddim effettiv ta’ kontroll u infurzar Komunitarju u s‑sistema ta’ infurzar li jitolbu azzjoni urġenti, il‑Kummissjoni għandha tinforma bil‑miktub lill‑Istat Membru konċernat b’dak li sabet u tistabbilixxi żmien ta’ mhux inqas minn 15‑il ġurnata li fih irid juri konformità u jagħti l‑kummenti tiegħu. Il‑Kummissjoni tieħu f’konsiderazzjoni il‑kommenti ta’ l‑Istati Membri f’kull azzjoni li tista’ tieħu skond il‑paragrafu 3.

3.      Jekk ikun hemm xhieda ta’ riskju li l‑attivitajiet tas‑sajd li twettqu f’żona ġeografika partikolari jistgħu iwasslu għal theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, il‑Kummissjoni tista’ tieħu miżuri ta’ prevenzjoni.

Dawn il‑miżuri għandhom ikunu fi proporzjon għar‑riskju ta’ theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin.

M’għandhomx idumu iżjed minn tliet ġimgħat. Jistgħu jiġu mtawla għal massimu ta’ sitt xhur, safejn ikun meħtieġ għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, b’deċiżjoni meħuda skond il‑proċedura preskritta fl‑Artikolu 30(2).

Il‑miżuri għandhom jitwaqqfu minnufih meta l‑Kummissjoni tara li r‑riskju m’għadux hemm.

4.      Fil‑każ li l‑kwota, allokazzjoni jew is‑sehem disponibbli ta’ Stat Membru jkunu kkunsidrati li ġew eżawriti, il‑Kummissjoni tista’, fuq il‑bażi ta’ l‑informazzjoni disponibbli, twaqqaf l‑attivitajiet tas‑sajd minnufih.

[...]”

 Il‑leġiżlazzjoni speċifika għas‑sajd għat‑tonn

 Il‑leġiżlazzjoni internazzjonali

9        Il‑Konvenzjoni Internazzjonali għall‑Konservazzjoni tat‑Tonn tal‑Atlantiku (International Convention for the Conservation of Atlantic Tunas, iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni”), iffirmata f’Rio de Janeiro (il‑Brażil) fl‑14 ta’ Mejju 1966, u li daħlet fis‑seħħ fil‑21 ta’ Marzu 1969, għandha bħala għan prinċipali li tiżgura l‑aħjar konservazzjoni u mmaniġġjar tar‑riżorsi tat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku kif ukoll fl‑ibħra b’konnessjoni miegħu. Dan l‑għan għandu jintlaħaq permezz ta’ kollaborazzjoni mill‑qrib bejn il‑partijiet kontraenti sabiex il‑popolazzjonijiet ta’ tonn jinżammu f’livelli li jippermettu produzzjoni massima sostnuta għal finijiet alimentari u finijiet oħrajn.

10      Għal dan il‑għan, il‑partijiet kontraenti qablu li jwaqqfu kummissjoni, imsejħa Kummissjoni Internazzjonali għall‑Konservazzjoni tat‑Tonn tal‑Atlantiku (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas, iktar ’il quddiem l‑“ICCAT”), li r‑rwol tagħha huwa li tiżgura li jintlaħqu l‑għanijiet tal‑Konvenzjoni.

11      Permezz tad‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 86/238/KEE, tad‑9 ta’ Ġunju 1986 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 4, Vol. 1, p. 205), ġiet approvata l‑adeżjoni tal‑Unjoni Ewropea mal‑Konvenzjoni, kif emendata bil‑Protokoll mehmuż mal‑Att Finali tal‑Konferenza tal‑Plenipotenzjarji tal‑Istati li jifformaw Parti mill‑Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl‑10 ta’ Lulju 1984, adeżjoni li daħlet fis‑seħħ fl‑14 ta’ Novembru 1997. Skont l‑Artikolu XIV(6) tal‑Konvenzjoni, fil‑verżjoni li tirriżulta mill‑protokoll imsemmi, b’effett minn din id‑data, l‑Unjoni daħlet għad‑drittijiet u l‑obbligi tal‑Istati Membri li kienu diġà partijiet fil‑Konvenzjoni. Għaldaqstant, hija ssostitwiethom fi ħdan l‑ICCAT.

12      Matul il‑laqgħa annwali tagħha ta’ Novembru 2006, l‑ICCAT adottat ir‑Rakkomandazzjoni 06‑05, li tistabbilixxi pjan ta’ rkupru fuq ħmistax‑il sena għat‑tonn (Thunnus thynnus) tal‑Atlantiku tal‑Lvant u tal‑Baħar Mediterran.

13      Sabiex l‑istokk ikun jista’ jirkupra, dan il‑pjan jipprevedi tnaqqis progressiv fil‑livell tal‑qbid totali permess (iktar ’il quddiem it‑“TAC”) bejn l‑2007 u l‑2010, limitazzjonijiet tas‑sajd f’ċerti żoni u matul ċerti perijodi, daqs minimu ġdid għat‑tonn, miżuri li jikkonċernaw is‑sajd sportiv u bħala passatemp, miżuri ta’ kontroll, u l‑implementazzjoni tal‑programm ta’ spezzjoni komuni internazzjonali adottat mill‑ICCAT sabiex tiġi żgurata l‑effiċjenza ta’ dan il‑pjan.

 Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni

14      Il‑Kunsill, inkonformità mal‑Artikolu 5 tar‑Regolament bażiku, adotta r‑Regolament (KE) Nru 1559/2007, tas‑17 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi pjan pluriennali għall‑irkupru tat‑Tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran, u li jemenda r‑Regolament (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 340, p. 8).

15      Skont l‑Artikolu 1 tiegħu, l‑għan tar‑Regolament Nru 1559/2007 huwa li jiddefinixxi r‑regoli ġenerali għall‑applikazzjoni ta’ pjan pluriennali għall‑irkupru tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran.

16      Il‑premessi 3 u 5 ta’ dan ir‑regolament huwa fformulati kif ġej:

“(3)      Sabiex tinbena mill‑ġdid il‑ħażna [ta’ tonn], il‑pjan ta’ rkupru ICCAT jipprovdi għal tnaqqis gradwali tal‑livell tal‑Qabda Totali Permessa (TAC) mill‑2007 sa l‑2010, restrizzjonijiet fuq sajd ġewwa ċerti żoni u fuq perijodu ta’ żmien [...]

[...]

(5)      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi implimentat il‑pjan ta’ rkupru ta’ l‑ICCAT fuq bażi permanenti permezz ta’ Regolament [...] li jistabbilixxi pjan ta’ rkupru kif previst fl‑Artikolu 5 tar‑Regolament [bażiku] [...]”

17      Skont l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 1559/2007, it‑TAC iffissati mill‑ICCAT, fir‑rigward tal‑istokkijiet tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran, huma dawn li ġejjin: 28 500 tunnellata fl‑2008, 27 500 tunnellata fl‑2009 u 25 500 tunnellata fl‑2010.

18      L‑Artikolu 4 ta’ dan ir‑regolament jippreċiża:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu l‑miżuri meħtieġa biex jiżgura li l‑isforz tas‑sajd tal‑bastimenti tiegħu u n‑nasses tiegħu huma proporzjonati għall‑opportunitajiet tas‑sajd għat‑tonn disponibbli għal dak l‑Istat Membru fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑baħar tal‑Mediterran.

2.      Kull Stat Membru għandu jfassal pjan tas‑sajd annwali għall‑bastimenti u n‑nases tas‑sajd għat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑lvant u fil‑Baħar Mediterran. […]

3.      Il‑pjan ta’ sajd annwali għandu:

a)      Jidentifika fost l‑oħrajn il‑bastimenti li huma aktar minn 24 metru inklużi fil‑lista msemmija fl‑artikolu 12 u l‑kwota individwali allokata għalihom;

b)      Jidentifika għall‑bastimenti li huma inqas minn 24 metru u n‑nases, jidentifika mill‑inqas il‑kwota allokata lill‑organizzazzjonijiet produtturi jew gruppi ta’ bastimenti li jistgħadu b’tagħmir simili.

[...]”

19      L‑Artikolu 5(2) tar‑regolament imsemmi jipprovdi li s‑sajd għat‑tonn bil‑purse seines għandu jkun ipprojbit fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran matul il‑perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju u l‑31 ta’ Diċembru.

20      L‑Artikolu 12(1) tal‑istess regolament jipprovdi li sa mhux iktar tard mill‑“31 ta’ Jannar 2008, kull Stat Membri għandu jibgħat elettronikament lill‑Kummissjoni lista tal‑bastimenti kollha tas‑sajd li jtajru l‑bandiera tiegħu u li jkunu awtorizzati li jistadu b’mod attiv għat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Baħar Mediterran bil‑ħruġ ta’ permess speċjali tas‑sajd”.

21      Il‑Kunsill, skont l‑Artikolu 20 tar‑Regolament bażiku, adotta r‑Regolament (KE) Nru 41/2007, tal‑21 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi għall‑2007 l‑opportunitajiet ta’ sajd u l‑kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl‑ilmijiet tal‑Komunità u, għal bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (ĠU 2007, L 15, p. 1), kif ukoll ir‑Regolament (KE) Nru 40/2008, tas‑16 ta’ Jannar 2008, li jistabbilixxi għall‑2008 l‑opportunitajiet ta’ sajd u l‑kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl‑ilmijiet tal‑Komunità u, għal bastimenti Komunitarji f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (ĠU L 19, p. 1).

22      Permezz ta’ dawn ir‑regolamenti, il‑Kunsill adotta t‑TAC skont it‑tip ta’ sajd u qasam l‑opportunitajiet ta’ sajd permezz ta’ kwoti bejn l‑Istati Membri.

23      Mill‑Annessi ID ta’ dawn ir‑regolamenti jirriżulta li, fir‑rigward tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Baħar Mediterran, it‑TAC kien adottat fil‑kuntest tal‑ICCAT. Għall‑2007, it‑TAC għal din iż‑żona u għal din l‑ispeċi ta’ ħut kien stabbilit bħala 29 500 tunnellata, filwaqt li għall‑2008 kien stabbilit bħala 28 500 tunnellata. Minn din il kwantità, 9 397.70 tunnellata għall‑2007 u 16 210.75 tunnellata għall‑2008 ngħataw lill‑Komunità u ġew distribwiti kważi kompletament bejn ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika Ellenika, ir‑Renju ta’ Spanja, ir‑Repubblika Franċiża, ir‑Repubblika Taljana, ir‑Repubblika ta’ Ċipru u r‑Repubblika Portugiża, filwaqt li l‑Istati Membri l‑oħra, flimkien, ingħataw biss kwota ta’ 30 tunnellata għas‑sena 2007 u ta’ 60 tunnellata għas‑sena 2008.

24      Id‑distribuzzjoni bejn l‑Istati Membri prevista fir‑Regolament Nru 40/2008 ġiet sussegwentement emendata bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 446/2008, tat‑22 ta’ Mejju 2008, li jadatta ċerti kwoti tat‑tonn fl‑2008 skont l‑Artikolu 21(4) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2847/93, li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall‑politika tas‑sajd komuni (ĠU L 134, p. 11).

 Ir‑Regolament

25      Il‑Kummissjoni adottat ir‑Regolament fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament bażiku.

26      Il‑premessi 1 sa 4, 6 sa 8 u 10 tar‑Regolament huma fformulati kif ġej:

“(1)      Ir‑Regolament [...] Nru 40/2008 [...] jiffissa l‑ammont ta’ tonn li jista’ jinqabad minn bastimenti li jistadu Komunitarji matul l‑2008 fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran.

(2)      Ir‑Regolament [...] Nru 446/2008 [...] jibdel l‑ammont ta’ tonn li jista’ jinqabad minn bastimenti li jistadu Komunitarji matul l‑2008 fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran.

(3)      Ir‑Regolament [...] Nru 1559/2007 [...] jeżiġi li l‑Istati Membri jgħarrfu lill‑Kummissjoni dwar il‑kwoti individwali allokati lill‑bastimenti tagħhom ta’ aktar minn 24 metru.

(4)      Il‑Politika Komuni tas‑Sajd hija mfassla b’tali mod li tiżgura l‑vijabbiltà fuq tul ta’ żmien tas‑settur tas‑sajd permezz ta’ l‑isfruttar sostenibbli tar‑riżorsi akkwatiċi ħajjin abbażi ta’ l‑approċċ ta’ prekawzjoni.

[...]

(6)      Id‑dejta li għandha, kif ukoll it‑tagħrif miksub mill‑ispetturi tal‑Kummissjoni matul il‑missjonijiet tagħhom fl‑Istati Membri kkonċernati, juru li l‑opportunitajiet ta’ sajd tat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran allokati lil bastimenti li jistadu bil‑purse seines li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, ta’ Franza, ta’ l‑Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom se jitqiesu li ġew eżawriti fis‑16 ta’ Ġunju 2008 u li l‑opportunitajiet ta’ sajd għall‑istess stokk allokati lil bastimenti li jistadu bil‑purse seines li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha se jitqiesu li ġew eżawriti fit‑23 ta’ Ġunju 2008.

(7)      Il‑kapaċità żejda tal‑flotot ġiet ikkunsidrata mill‑Kumitat Xjentifiku tal‑[ICCAT] bħala l‑fattur ewlieni li jista’ jwassal għall‑kollass ta’ l‑istokk tat‑tonn tal‑Lvant ta’ l‑Atlantiku u tal‑Mediterran. Il‑kapaċità żejda tal‑flotot toħloq riskju għoli ta’ aktar sajd mil‑livell permissibbli. Barra minn hekk, il‑kapaċità ta’ sajd tal‑ġurnata ta’ bastiment wieħed li jistad bil‑purse seines tant huwa għoli li l‑livell ta’ sajd tal‑ġurnata jista’ jintlaħaq jew jinqabeż malajr ħafna. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, kwalunkwe sajd żejjed minn din il‑flotta joħloq theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ l‑istokk tat‑tonn.

(8)      Il‑Kummissjoni qiegħda timmonitorja mill‑qrib il‑konformità mar‑rekwiżiti kollha tar‑regoli Komunitarji rilevanti mill‑Istati Membri matul il‑kampanja ta’ sajd għat‑tonn ta’ l‑2008. It‑tagħrif li għandha, kif ukoll it‑tagħrif li nkiseb mill‑ispetturi tal‑Kummissjoni, juri li l‑Istati Membri kkonċernati ma assigurawx konformità sħiħa mar‑rekwiżiti stabbiliti fir‑Regolament (KE) Nru 1559/2007.

[...]

(10)      Sabiex tiġi rrinforzata l‑effettività ta’ dawn il‑miżuri mfassla biex jevitaw theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ l‑istokkijiet tat‑tonn, operaturi Komunitarji għandhom ukoll jiġu pprojbiti milli jaċċettaw il‑ħatt l‑art, it‑tqegħid f’gaġeġ għat‑trobbija jew għat‑tismin u t‑trażbordi ta’ tonn maqbud minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u l‑Mediterran.”

27      L‑Artikoli 1 sa 3 ta’ dan ir‑regolament jipprovdu:

“Artikolu 1

Is‑sajd għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, ta’ Franza, ta’ l‑Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom għandu jiġi pprojbit mis‑ 16 ta’ Ġunju 2008.

Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it‑tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat‑tismin jew għat‑trobbija, u t‑trażbord jew il‑ħatt l‑art minn dawk il‑bastimenti minn dik id‑data.

Artikolu 2

Is‑sajd għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha għandu jiġi pprojbit mit‑23 ta’ Ġunju 2008.

Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it‑tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat‑tismin jew għat‑trobbija, u t‑trażbord jew il‑ħatt l‑art minn dawk il‑bastimenti minn dik id‑data.

Artikolu 3

1.      Skond it‑tieni paragrafu, mis‑16 ta’ Ġunju 2008, operaturi Komunitarji ma għandhomx jaċċettaw il‑ħatt l‑art, it‑tqegħid f’gaġeġ għat‑tismin jew għat‑trobbija, jew it‑trażbordi f’ilmijiet jew f’portijiet tal‑Komunità ta’ tonn maqbud fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines.

2.      Il‑ħatt l‑art, it‑tqegħid fil‑gaġeġ għat‑tismin u għat‑trobbija u t‑trażbord f’ilmijiet jew f’portijiet tal‑Komunità, ta’ tonn maqbud fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha, għandhom ikunu konċessi sat‑ 23 ta’ Ġunju 2008.”

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

28      L‑attività prinċipali ta’ AJD Tuna, kumpannija bis‑sede tagħha f’Malta, tikkonsisti fit‑trobbija u t‑tismin ta’ tonn maqbud ħaj fil‑Mediterran bil-għan li jinbiegħ lil operaturi kummerċjali. Hija għandha żewġ fish farms. Wieħed minn dawn il‑fish farms għandu kapaċità ta’ 2 500 tunnellata u l‑ieħor kapaċità ta’ 800 tunnellata.

29      Sussegwentement għall‑adozzjoni tar‑Regolament, id‑Direttur tal‑Agrikoltura u s‑Sajd żamm lil AJD Tuna milli takkwista u timporta f’Malta tonn għall‑finijiet tal‑attivitajiet tagħha.

30      Billi kkunsidrat li ma setgħetx takkwista l‑kwantitajiet ta’ tonn li fil‑fehma tagħha kellha dritt takkwista, AJD Tuna ppreżentat rikors quddiem il‑Prim’Awla tal‑Qorti Ċivili sabiex tikseb kumpens għad‑danni li allegatament ġarrbet minħabba l‑imsemmija projbizzjoni, li fil‑fehma tagħha kienet illegali, abbużiva u irraġonevoli.

31      Skont il‑qorti tar‑rinviju, AJD Tuna ssostni li, fir‑rigward tas‑sena 2008, hija kienet awtorizzata mill‑ICCAT takkwista 3 200 tunnellata ta’ tonn għall‑finijiet tal‑attivitajiet tagħha u li, għaldaqstant, hija kienet xtrat din il‑kwantità mingħand sajjieda Franċiżi u Taljani qabel ma fetaħ l‑istaġun tas‑sajd. Il‑projbizzjoni fir‑rigward tal‑akkwist u l‑importazzjoni f’Malta ma kinitx tapplika biss għat‑tonn maqbud fl‑ibħra tal‑Unjoni iżda wkoll għal dak maqbud barra minn dawn l‑ibħra. B’hekk, AJD Tuna ma setgħetx takkwista l‑kwantità ta’ tonn li hija kellha dritt iżżomm fil‑fish farms tagħha.

32      Il‑qorti tar‑rinviju għalhekk qieset li s‑soluzzjoni tal‑kawża kienet tiddependi mill‑validità tar‑Regolament.

33      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Prim’Awla tal‑Qorti Ċivili ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Jekk ir‑Regolament [...] inkwantu ma jiġġustifikax suffiċjentement ir‑raġunijiet għat‑teħid tal‑miżuri ta’ emerġenza adottati permezz tal‑Artikoli 1, 2 u 3 tal‑istess Regolament u ma jagħtix stampa ċara biżżejjed tal‑motivazzjoni ta’ tali miżuri, huwiex invalidu peress illi jivvjola l‑Artikolu 253 tat‑Trattat;

2)      Jekk ir‑Regolament [...], inkwantu fil‑Premessi tiegħu ma jindikax adegwatament [minn naħa] l‑eżistenza ta’ theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin jew għall‑ekosistema tal‑baħar b’riżultat ta’ attivitajiet tas‑sajd u [min‑naħa l‑oħra] il‑bżonn li tittieħed azzjoni immedjata, huwiex invalidu peress illi jivvjola l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament [bażiku];

3)      Jekk ir‑Regolament [...] huwiex invalidu inkwantu l‑miżuri li ttieħdu jċaħħdu lil operaturi Komunitarji bħas‑soċjetà rikorrenti mill‑aspettattivi leġittimi tagħhom mibnija fuq il‑bażi tal‑Ewwel Artikolu tar‑Regolament [Nru 446/2008] tat‑Tieni Artikolu tar‑Regolament [bażiku];

4)      Jekk l‑Artikolu 3 tar‑Regolament [...] huwiex invalidu minħabba li jivvjola l‑prinċipju tal‑proporzjonalità inkwantu jfisser illi[, fl‑ewwel lok] ebda operatur Komunitarju ma jista’ jġestixxi attività ta’ ħatt fl‑art jew tqegħid f’gaġeġ ta’ tonn bl‑iskop li jkabbar u jsemmen l‑istess anke rispettivament għal tonn maqbud preċedentement u għalhekk perfettament f’konformità mar‑Regolament [...] u[, fit‑tieni lok] ebda operatur Komunitarju ma jista’ jisvolġi dawn l‑attivitajiet rispettivament għal tonn maqbud minn sajjieda li l‑bastimenti tagħhom ma jtajrux il‑bandiera ta’ xi wieħed mill‑Istati Membri elenkati fl‑Ewwel Artikolu tar‑Regolament [...] anke jekk dan it‑tonn ikun ġie maqbud konformement mal‑kwoti stabiliti taħt [l‑ICCAT];

5)      Jekk ir‑Regolament [...] huwiex invalidu minħabba li jivvjola l‑prinċipju tal‑proporzjonalità inkwantu l‑Kummissjoni naqset milli turi illi l‑miżura li kienet sejra tieħu kienet sejra tikkontribwixxi għat‑tkabbir mill‑ġdid tal‑ħażna tat‑tonn;

6)      Jekk ir‑Regolament [...], inkwantu jagħmel distinzjoni bejn purse seiners taħt il‑bandiera Spanjola u dawk taħt il‑bnadar tal‑Greċja, l‑ltalja, Franza, Ċipru u Malta, u inkwantu jagħmel distinzjoni bejn dawn is‑sitt Stati Membri u Stati Membri oħra, huwiex invalidu minħabba li l‑miżuri adottati huma irraġonevoli u diskriminatorji fuq il‑bażi tan‑nazzjonalità kontra l‑Artikolu 12 [KE];

7)      Jekk ir‑Regolament [...], inkwantu l‑partijiet interessati u l‑Istati Membri ma ngħataw ebda ċans li jagħmlu s‑sottomissjonijiet tagħhom qabel it‑teħid tad‑deċiżjoni, huwiex invalidu minħabba li l‑prinċipji tal‑ġustizzja kif protetti permezz tal‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea ma ġewx rispettati;

8)      Jekk ir‑Regolament [...], inkwantu l‑partijiet interessati u l‑Istati Membri ma ngħataw ebda ċans li jagħmlu s‑sottomissjonijiet tagħhom qabel it‑teħid tad‑deċiżjoni, huwiex invalidu minħabba li l‑prinċipju tal‑kuntradittorju (audi alteram partem) bħala prinċipju ġenerali tad‑Dritt Komunitarju ma ġiex rispettat;

9)      Jekk l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament [bażiku] huwiex invalidu minħabba li l‑prinċipju tal‑kuntradittorju (audi alteram partem) bħala prinċipju ġenerali tad‑Dritt Komunitarju u/jew il‑prinċipji tal‑ġustizzja kif protetti permezz tal‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea ma ġewx rispettati, u konsegwentement jekk ir‑Regolament [...], minħabba li huwa ibbażat fuq ir‑Regolament [bażiku], huwiex invalidu;

10)      Jekk, kemm‑il darba jiġi deċiż mill‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej li r‑Regolament [...] huwa validu, dan ir‑Regolament għandux jiġi interpretat fis‑sens illi l‑miżuri stabbiliti permezz tal‑Artikolu 3 tal‑istess Regolament jipprojbixxu wkoll li operaturi Komunitarji jaċċettaw il‑ħatt l‑art, it‑tqegħid f’gaġeġ għat‑tismin jew għat‑trobbija, jew it‑trażbordi f’ilmijiet jew f’portijiet tal‑Komunità ta’ tonn maqbud fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jtajru bandiera ta’ xi Stat extra‑Komunitarju u li jistadu bil‑purse seines.”

 Fuq it‑talba għall‑organizzazzjoni ta’ miżuri istruttorji u/jew il‑ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura orali

34      Permezz ta’ att li wasal fir‑Reġistru fid‑19 ta’ Ottubru 2010, il‑Kummissjoni talbet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tordna miżuri istruttorji u/jew il‑ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura orali skont l‑Artikoli 60 u 61 tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

35      Permezz ta’ att li wasal fir‑Reġistru fis‑27 ta’ Ottubru 2010, il‑Kunsill indika li kien qiegħed isostni t‑talba tal‑Kummissjoni.

36      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 61 tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal‑Avukat Ġenerali, jew inkella fuq talba tal‑partijiet, tordna l‑ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura orali, jekk hija tqis li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l‑kawża għandha tiġi deċiża fuq il‑bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il‑partijiet (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C‑284/06, Ġabra p. I‑4571, punt 37, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 31).

37      Insostenn tat‑talba tagħha, il‑Kummissjoni tinvoka numru ta’ lmenti fir‑rigward tal‑iżvolġiment tal‑proċedura orali li, fil‑fehma tagħha, jiġġustifikaw li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tordna miżuri istruttorji u/jew il‑ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura orali sabiex jiġu ċċarati l‑fatti li fuqhom huwa bbażat ir‑Regolament.

38      L‑ewwel nett, filwaqt li l‑lingwa tal‑kawża hija l‑Malti, ir‑rappreżentant ta’ AJD Tuna esprima ruħu bit‑Taljan, kif kien awtorizzat jagħmel mill‑Qorti tal‑Ġustizzja mingħajr ma kienu informati l‑Kunsill u l‑Kummissjoni.

39      Dwar dan il‑punt għandu jitfakkar li t‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 29(2)(ċ) tar‑Regoli tal‑Proċedura jippreċiża li, fuq talba ġustifikata minn waħda mill‑partijiet fil‑kawża prinċipali, u wara li jinstemgħu l‑parti l‑oħra fil‑kawża prinċipali u l‑Avukat Ġenerali, jista’ jiġi awtorizzat l‑użu, għall‑proċedura orali, ta’ waħda mil‑lingwi l‑oħra msemmija fl‑Artikolu 29(1) tal‑imsemmija regoli.

40      Permezz ta’ ittra li waslet fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑11 ta’ Frar 2010, AJD Tuna talbet li tiġi awtorizzata tagħmel is‑sottomissjonijiet orali tagħha bl‑Ingliż jew bit‑Taljan. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2010, wara li nstemgħu l‑partijiet l‑oħra fil‑kawża prinċipali u l‑Avukat Ġenerali, il‑President tat‑Tieni Awla tal‑Qorti tal‑Ġustizzja awtorizza lil AJD Tuna tagħmel is‑sottomissjonijiet orali bit‑Taljan. Peress li ma humiex partijiet fil‑kawża prinċipali, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni ma ġewx informati dwar din l‑awtorizzazzjoni.

41      Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li, matul is‑seduta, wieħed mill‑aġenti tagħha, E. Depasquale, ma tħalliex iwieġeb għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja bl‑Ingliż minkejja li l‑Kummissjoni kienet kisbet awtorizzazzjoni sabiex l‑aġenti tagħha jwieġbu b’din il‑lingwa għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

42      Permezz ta’ ittra ffirmata minn K. Banks, E. Depasquale u D. Nardi, li waslet fir‑Reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fid‑19 ta’ April 2010, il‑Kummissjoni talbet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja li K. Banks u D. Nardi jiġu awtorizzati jwieġbu għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja bl‑Ingliż. Il‑President tat‑Tieni Awla laqa’ din it‑talba fis‑26 ta’ April 2010.

43      Peress li t‑talba tal‑Kummissjoni kienet saret biss fir‑rigward ta’ K. Banks u D. Nardi, l‑awtorizzazzjoni sabiex il‑mistoqsijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jitwieġbu bl‑Ingliż ma setgħetx tikkonċerna lil E. Depasquale, minkejja li l‑awtorizzazzjoni kienet ifformulata f’termini ġenerali.

44      Barra minn hekk, kif tindika l‑Kummissjoni, peress li l‑Malti huwa l‑lingwa materna ta’ E. Depasquale, dan tal‑aħħar ma kellux diffikultajiet sabiex iwieġeb b’din il‑lingwa għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

45      Fir‑rigward tal‑kritika għall‑kontenut tal‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, għandu jitfakkar li, skont it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 252 TFUE, l‑Avukat Ġenerali għandu d‑dmir li jippreżenta fil‑pubbliku, b’imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il‑kawżi li, skont l‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeżiġu l‑intervent tiegħu. Fl‑eżerċizzju ta’ dan il‑kompitu huwa jista’, jekk ikun il‑każ, jeżamina talba għal deċiżjoni preliminari billi jqegħdha f’kuntest iktar wiesa’ minn dak strettament definit mill‑qorti tar‑rinviju jew mill‑partijiet fil‑kawża prinċipali. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja la hija marbuta bil‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali u lanqas bil‑motivazzjoni li tagħti lok għall‑imsemmija konklużjonijiet (ara s‑sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Hogan Lovells International, C‑229/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 26).

46      F’dan il‑każ, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra li għandha l‑informazzjoni neċessarja kollha sabiex tirrispondi għad‑domandi magħmula mill‑qorti tar‑rinviju.

47      Għaldaqstant, it‑talba għal miżuri istruttorji u għall‑ftuħ mill‑ġdid tal‑proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq is‑seba’ sad‑disa’ domandi

48      Permezz ta’ dawn id‑domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u qabel id‑domandi l‑oħra, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda tistaqsi dwar il‑validità tar‑Regolament kif ukoll dwar il‑validità tal‑Artikolu 7 tar‑Regolament bażiku, li fuq il‑bażi tiegħu ġie adottat ir‑Regolament. B’mod iktar preċiż, din il‑qorti qiegħda essenzjalment tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament bażiku huwiex invalidu minħabba li ma jipprovdix il‑possibbiltà għall‑Istati Membri u għall‑partijiet ikkonċernati li jippreżentaw l‑osservazzjonijiet tagħhom lill‑Kummissjoni meta din tkun qiegħda tikkunsidra, ex officio, li tadotta l‑miżuri ta’ emerġenza previsti fl‑Artikolu 7(1) tar‑regolament imsemmi, b’tali mod li dan jammonta għal ksur tal‑prinċipju ta’ kontradittorju u tal‑prinċipji stabbiliti fl‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”).

49      L‑Artikolu 41 tal‑Karta, li AJD Tuna qiegħda tinvoka l‑ksur tiegħu, jistabbilixxi, b’mod partikolari, id‑dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fil‑konfront tagħha miżura individwali li tolqotha b’mod negattiv. Minn dan jirriżulta li din id‑dispożizzjoni ma tkoprix il‑proċess tat‑tfassil ta’ atti ta’ portata ġenerali.

50      Mid‑definizzjoni mogħtija fl‑Artikolu 288 TFUE jirriżulta li regolament huwa att ta’ portata ġenerali, jorbot fl‑intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl‑Istati Membri kollha.

51      Il‑kriterju li jiddistingwi regolament minn deċiżjoni huwa jekk l‑att inkwistjoni huwiex ta’ portata ġenerali jew le (ara, b’mod partikolari, id‑digriet tat‑12 ta’ Lulju 1993, Gibraltar u Gibraltar Development vs Il‑Kunsill, C‑168/93, Ġabra p. I‑4009, punt 11). Att ikollu portata ġenerali jekk japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jekk jipproduċi effetti legali fir‑rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Alusuisse Italia vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 307/81, Ġabra p. 3463, punt 9).

52      L‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament bażiku jagħti lill‑Kummissjoni s‑setgħa tadotta miżuri sabiex telimina theddid serju għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin jew għall‑ekosistema tal‑baħar meta dan it‑theddid ikun riżultat tal‑attivitajiet tas‑sajd. Għalhekk, il‑miżuri adottati jolqtu lill‑operaturi ekonomiċi fis‑settur tas‑sajd f’żona partikolari u għal speċi ħajja partikolari. Dan ifisser li l‑miżura ta’ emerġenza ma tiġix adottata fid‑dawl tal‑interessi tal‑operaturi ekonomiċi iżda bil‑għan waħdieni li jiġu kkonservati r‑riżorsi akwatiċi ħajjin u l‑ekosistema tal‑baħar. Ir‑regolamenti adottati fuq il‑bażi tal‑imsemmi Artikolu 7(1) japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jipproduċu effetti legali fir‑rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt, fis‑sens tal‑ġurisprudenza mfakkra fil‑punt preċedenti ta’ din is‑sentenza.

53      Minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament bażiku ma huwiex invalidu sa fejn ma jipprovdix, matul il‑proċess ta’ adozzjoni tal‑miżuri ta’ emerġenza previsti fl‑Artikolu 7(1) ta’ dan ir‑regolament, għall‑possibbiltà li jinġabru l‑osservazzjonijiet tal‑operaturi li jistgħu jintlaqtu minn dawn il‑miżuri.

54      Barra minn hekk, l‑Artikolu 47 tal‑Karta, sa fejn jipprovdi li kull persuna li d‑drittijiet u l‑libertajiet tagħha ggarantiti mid‑dritt tal‑Unjoni jkunu ġew vjolati għandha d‑dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, jafferma mill‑ġdid il‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad‑dritt Komunitarju li jirriżulta mit‑tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall‑Istati Membri (ara s‑sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37, kif ukoll tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 335).

55      Sa fejn il‑qorti tar‑rinviju ma hijiex qiegħda tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar l‑eventwali nuqqas ta’ rispett tad‑dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti iżda dwar in‑nuqqas ta’ possibbiltà għall‑partijiet ikkonċernati u għall‑Istati Membri li jressqu l‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom qabel ma l‑Kummissjoni tadotta miżuri ta’ emerġenza skont l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament bażiku, l‑Artikolu 47 tal‑Karta ma huwiex applikabbli.

56      Għaldaqstant, ir‑risposta li għandha tingħata għas‑seba’ sad‑disa’ domandi hija li mill‑eżami tad‑domandi magħmula ma jirriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l‑validità tar‑Regolament jew il‑validità tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament bażiku fid‑dawl tal‑prinċipju ta’ kontradittorju u tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq l‑ewwel u t‑tieni domandi

57      Permezz ta’ dawn id‑domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk ir‑Regolament jissodisfax l‑obbligu ta’ motivazzjoni li jinsab fl‑Artikolu 296(2) TFUE u, b’mod partikolari, jekk din il‑motivazzjoni tistabbilixxix biżżejjed il‑kundizzjonijiet li fihom il‑Kummissjoni tista’ taġixxi fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament bażiku.

58      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑motivazzjoni meħtieġa mill‑Artikolu 296(2) TFUE għandha tkun adattata għan‑natura tal‑att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal‑istituzzjoni, li tkun l‑awtriċi tal‑att, b’mod li l‑persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżura meħuda u b’mod li l‑qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l‑istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika l‑punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il‑kwistjoni ta’ jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir‑rekwiżiti tal‑Artikolu 296(2) TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid‑dawl tal‑formulazzjoni tal‑att, iżda wkoll fid‑dawl tal‑kuntest tiegħu u tal‑ġabra ta’ regoli legali li jirregolaw il‑qasam ikkonċernat (ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑5/01, Ġabra p. I‑11991, punt 68; tal‑15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑501/00, Ġabra p. I‑6717, punt 73, u tal‑5 ta’ Marzu 2009, Franza vs Il‑Kunsill, C‑479/07, punt 49).

59      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l‑portata tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min‑natura tal‑att inkwistjoni u li, fir‑rigward ta’ atti li jkollhom portata ġenerali, il‑motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is‑sitwazzjoni globali li wasslet għall‑adozzjoni tiegħu u, min‑naħa l‑oħra, l‑għanijiet ġenerali li dan l‑att huwa intiż li jilħaq. F’dan il‑kuntest, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ppreċiżat, b’mod partikolari, li jkun eċċessiv li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għad‑diversi għażliet tekniċi magħmula jekk l‑att ikkontestat jirrifletti l‑qofol tal‑għan segwit mill‑istituzzjoni (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2000, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑168/98, Ġabra p. I‑9131, punt 62; tad‑9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C‑361/01 P, Ġabra p. I‑8283, punt 102, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑304/01, Ġabra p. I‑7655, punt 51).

60      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l‑obbligu ta’ motivazzjoni previst fl‑Artikolu 296(2) TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill‑kwistjoni tal‑fondatezza tal‑motivazzjoni, kwistjoni li taqa’ taħt il‑legalità fil‑mertu tal‑att kontenzjuż (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑113/00, Ġabra p. I‑7601, punt 47, u Franza vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

61      Fid‑dawl tal‑prinċipji li għadhom kemm ġew imfakkra, għandu jiġi mistħarreġ jekk ir‑Regolament jissodisfax il‑kundizzjonijiet ta’ motivazzjoni meħtieġa mill‑Artikolu 296(2) TFUE.

62      Ir‑Regolament ġie adottat fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament bażiku. Skont din id‑dispożizzjoni, il‑Kummissjoni tista’, b’mod partikolari ex officio, tadotta miżuri ta’ emerġenza taħt tliet kundizzjonijiet. L‑ewwel nett, huwa meħtieġ li jkun hemm theddida serja għall‑konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin jew għall‑ekosistema tal‑baħar. It‑tieni nett, din it‑theddida għandha tkun ir‑riżultat ta’ attivitajiet tas‑sajd. Fl‑aħħar nett, għandu jkun hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata sabiex titwaqqaf it‑theddida msemmija.

63      Fir‑rigward tal‑ġustifikazzjoni tal‑eżistenza ta’ theddida serja għall‑konservazzjoni tal‑istokkijiet tat‑tonn, il‑premessi 1 sa 3 tar‑Regolament ifakkru l‑importanza tat‑TAC iffissati għat‑tonn fil‑kuntest tal‑pjan pluriennali għall‑irkupru tal‑istokk ta’ dan il‑ħut. Barra minn hekk, mill‑premessa 6 tar‑Regolament jirriżulta li t‑tagħrif miksub mill‑ispetturi tal‑Kummissjoni juri li l‑opportunitajiet ta’ sajd allokati lill‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines kienu fir‑riskju li jiġu eżawriti qabel it‑tmiem normali tal‑istaġun tas‑sajd. Minn dan jirriżulta li l‑Kummissjoni ssodisfat l‑obbligu ta’ motivazzjoni tar‑Regolament fir‑rigward tal‑eżistenza ta’ theddida serja għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran.

64      Fir‑rigward tal‑ġustifikazzjoni fir‑rigward tat‑theddida għall‑konservazzjoni ta’ dan l‑istokk li tirriżulta mill‑attivitajiet ta’ sajd mill‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines kif ukoll mill‑ħatt sussegwenti ta’ dan il‑ħut mingħand l‑operaturi Komunitarji, jirriżulta, minn naħa, mill‑premessa 7 tar‑Regolament, li l‑Kumitat Xjentifiku tal‑ICCAT jikkunsidra li l‑kapaċità żejda ta’ sajd ta’ dawn il‑bastimenti hija l‑fattur ewlieni li jista’ jwassal għall‑kollass tal‑istokk tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran.

65      Min‑naħa l‑oħra, mill‑premessa 8 tar‑Regolament jirriżulta li t‑tagħrif li għandha l‑Kummissjoni juri li l‑Istati Membri ma osservawx konformità sħiħa mar‑rekwiżiti stabbiliti fir‑Regolament Nru 1559/2007, li l‑għan tagħhom huwa li jiġi żgurat l‑irkupru tal‑istokk tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran.

66      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li l‑osservanza tal‑obbligi li għandhom l‑Istati Membri taħt ir‑regoli tal-Unjoni hija imperattiva sabiex jiġu żgurati l‑protezzjoni tar-riżorsi tas-sajd, il‑konservazzjoni tar‑riżorsi bijoloġiċi tal‑baħar u l‑isfruttar sostenibbli tagħhom f’kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali adegwati (ara, fir‑rigward tan‑nuqqas ta’ osservanza tas‑sistema ta’ kwoti għall‑istaġuni tas‑sajd tal‑1991 sal‑1996, is‑sentenza tal‑25 ta’ April 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑418/00 u C‑419/00, Ġabra p. I‑3969, punt 57).

67      Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, jidher li l‑motivazzjoni tar‑Regolament turi suffiċjentement li kienet tirriżulta theddida serja għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran mill‑attività ta’ sajd tal‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines kif ukoll mill‑ħatt sussegwenti ta’ dan il‑ħut mingħand l‑operaturi Komunitarji.

68      Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tal‑urġenza li kien hemm sabiex jittieħdu dawn il‑miżuri, il‑premessa 4 tar‑Regolament tfakkar li l‑politika komuni tas‑sajd hija intiża li tiżgura l‑vijabbiltà fit‑tul tas‑settur tas‑sajd permezz ta’ sfruttar sostenibbli tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin, ibbażat fuq l‑osservanza tal‑prinċipju ta’ prekawzjoni. Ir‑riferiment għall‑għan segwit mill‑Unjoni u l‑konstatazzjoni ta’ eżawriment imminenti tal‑kwoti tas-sajd allokati lill‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines, fi kwalunkwe każ qabel it‑tmiem normali tal‑istaġun tas‑sajd, jikkostitwixxu motivazzjoni suffiċjenti tal‑urġenza li biha kellha taġixxi l‑Kummissjoni inkonformità mal‑prinċipju ta’ prekawzjoni.

69      Għaldaqstant, ir‑risposta li għandha tingħata għall‑ewwel u t‑tieni domandi hija li mill‑eżami tad‑domandi magħmula ma rriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l‑validità tar‑Regolament fid‑dawl tar‑rekwiżit ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill‑Artikolu 296(2) TFUE.

 Fuq it‑tielet domanda

70      Permezz ta’ din id‑domanda, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk ir‑Regolament huwiex invalidu sa fejn il‑miżuri previsti minnu jċaħħdu lill‑operaturi Komunitarji mill‑aspettattivi leġittimi li huma kienu bnew fuq l‑iffissar tal‑kwoti tas-sajd għat‑tonn, b’mod partikolari mir‑Regolament Nru 446/2008.

71      Għandu jitfakkar li d‑dritt li tiġi invokata l‑protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li jkun jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l‑amministrazzjoni Komunitarja ħolqitlu tamiet ġustifikati (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra p. I‑6911, punt 70).

72      Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata, koerenti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi assigurazzjoni li tista’ toħloq tali tamiet, irrispettivament mill‑forma li fiha tiġi kkomunikata (ara s‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, C‑537/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 63). Għall‑kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il‑prinċipju fin‑nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija lilu mill‑amministrazzjoni (ara s‑sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 147, kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il‑Kummissjoni, C‑167/06 P, punt 63).

73      Bl‑istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l‑adozzjoni ta’ miżura Komunitarja ta’ natura li tolqot l‑interessi tiegħu, dan l‑operatur ma jistax jinvoka l‑benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il‑miżura tiġi adottata (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, punt 44, kif ukoll Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, punt 147).

74      Kif issostni ġustament il‑Kummissjoni, l‑operaturi Komunitarji ma rċevew ebda assigurazzjoni mill‑Kummissjoni fis‑sens li huma kienu ser jirċievu l‑kwantità kollha ta’ tonn li fir‑rigward tagħha kienu kkonkludew kuntratti mas‑sajjieda.

75      Barra minn hekk, il‑possibbiltà li jittieħdu miżuri li jkollhom l‑effett li jwaqqfu l‑istaġun tas‑sajd qabel id‑data normali hija prevista, b’mod partikolari, fl‑Artikoli 7(1) u 26(4) tar‑Regolament bażiku. L‑operaturi Komunitarji, li l‑attività tagħhom tikkonsisti fix‑xiri ta’ tonn għall‑finijiet tat‑trobbija u tat‑tismin, ma jistgħux jinvokaw il‑benefiċċju tal‑protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi peress li jistgħu jipprevedu li tali miżuri jistgħu jiġu adottati.

76      Għaldaqstant, ir‑risposta li għandha tingħata għat‑tielet domanda hija li mill‑eżami tad‑domanda magħmula ma rriżulta ebda element ta’ natura li taffettwa l‑validità tar‑Regolament fid‑dawl tal‑prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi.

 Fuq ir‑raba’ u l‑ħames domandi

77      Permezz ta’ dawn id‑domandi, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk ir‑Regolament imurx kontra l‑prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn jipprevedi, b’effett minn data partikolari, il‑projbizzjoni għall‑operaturi Komunitarji li jaċċettaw il‑ħatt jew it‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija ta’ tonn anki jekk dan ikun inqabad qabel din id‑data jew minn bastimenti li jtajru l‑bandiera ta’ Stati terzi. Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi wkoll dwar in‑natura adegwata tal‑miżuri adottati permezz tar‑Regolament sabiex jintlaħaq l‑għan tal‑irkupru tal‑istokk tat‑tonn.

78      Fir‑rigward tad‑data tal‑qbid tat‑tonn kopert mill‑projbizzjoni tal‑ħatt, għandu jiġi osservat li mill‑premessa 10 tar‑Regolament jirriżulta li l‑projbizzjoni imposta fuq l‑operaturi Komunitarji fir‑rigward tal‑ħatt, tat‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija kif ukoll tat‑trażbordi fl‑ibħra jew fil‑portijiet Komunitarji ta’ tonn maqbud minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran, kienet imposta sabiex tissaħħaħ l‑effikaċja tal‑miżuri li jipprojbixxu s‑sajd u għalhekk hija biss aċċessorja għal dawn il‑miżuri. Għaldaqstant, l‑Artikolu 3 tar‑Regolament għandu jinqara, fid‑dawl tal‑Artikoli 1 u 2 tal‑istess regolament, fis‑sens li l‑projbizzjoni imposta fuq l‑operaturi ma tikkonċernax it‑tonn maqbud qabel is‑16 ta’ Ġunju 2008 jew it‑23 ta’ Ġunju 2008, skont il‑bandiera tal‑bastiment, irrispettivament mid‑data tal‑ħatt tiegħu.

79      Mill‑bqija, għandu jitfakkar li l‑prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt tal‑Unjoni, jeżiġi li l‑mezzi implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni jkunu adegwati sabiex jintlaħaq l‑għan segwit u li dawn il‑mezzi ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l‑għan (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 47, kif ukoll tas‑7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 41).

80      Skont ġurisprudenza stabbilita, f’dan il‑qasam tal‑agrikoltura, li jinkludi s‑sajd, il‑leġiżlatur tal‑Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar‑responsabbiltajiet politiċi mogħtija lilu taħt l‑Artikoli 40 TFUE sa 43 TFUE. Għaldaqstant, l‑istħarriġ tal‑qorti għandu jkun limitat għal verifika ta’ jekk il‑miżura inkwistjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest jew b’użu ħażin ta’ poter u ta’ jekk l‑awtorità inkwistjoni qabżitx b’mod manifest il‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 80; tad‑9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, kif ukoll tat‑23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, C‑535/03, Ġabra p. I‑2689, punt 55).

81      Fir‑rigward tal‑istħarriġ ġudizzjarju tal‑kundizzjonijiet tal‑implementazzjoni ta’ dan il‑prinċipju, fid‑dawl tas‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l‑leġiżlatur tal‑Unjoni fil‑qasam tal‑politika agrikola komuni, li jinkludi s‑sajd, hija biss in‑natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il‑qasam, fir‑rigward tal‑għan li l‑istituzzjoni kompetenti jkollha l‑intenzjoni ssegwi, li tista’ taffettwa l‑legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

82      Għaldaqstant, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tivverifika jekk il‑projbizzjoni imposta fuq l‑operaturi Komunitarji fir‑rigward tal‑ħatt, tat‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija kif ukoll tat‑trażbordi fl‑ilmijiet jew fil‑portijiet Komunitarji ta’ tonn maqbud mis‑16 jew mit‑23 ta’ Ġunju 2008, minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran, kinitx manifestament inadegwata.

83      Meta adotta r‑Regolament Nru 1559/2007, l‑għan tal‑Kunsill kien li jimplementa l‑pjan ta’ rkupru għat‑tonn irrakkomandat mill‑ICCAT. Dan l‑irkupru għandu jitwettaq, kif inhu mfakkar fil‑premessa 3 ta’ dan ir‑regolament, permezz ta’ tnaqqis progressiv tat‑TAC. Dawn tal‑aħħar, li l‑kwantità tagħhom hija mfakkra fl‑Artikolu 3 ta’ dan ir‑regolament, huma maqsuma bejn l‑Unjoni u l‑partijiet kontraenti l‑oħra tal‑ICCAT. Għaldaqstant, l‑osservanza tal‑kwoti allokati lill‑Istati Membri hija neċessarja sabiex jintlaħaq l‑għan tal‑irkupru tal‑istokk tat‑tonn. Għalhekk, il‑miżuri li jipprojbixxu s‑sajd meħuda mill‑Kummissjoni fir‑Regolament minħabba li l‑eżawriment tal‑kwoti kien imminenti ma humiex manifestament inadegwati.

84      Bl‑istess mod, il‑projbizzjoni imposta fuq l‑operaturi Komunitarji fir‑rigward tal‑ħatt, tat‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija kif ukoll tat‑trażbordi fl‑ilmijiet jew fil‑portijiet Komunitarji ta’ tonn maqbud mis‑16 jew mit‑23 ta’ Ġunju 2008, irrispettivament mill‑bandiera tal‑bastiment li jistad bil‑purse seines u li jkun qabad dan it‑tonn, ma hijiex manifestament inadegwata sa fejn tippermetti wkoll li jintlaħaq l‑għan li jiġu osservati t‑TAC, li t‑tnaqqis tagħhom għandu jwassal, fl‑aħħar mill‑aħħar, għall‑irkupru tal‑istokk tat‑tonn.

85      Għaldaqstant, ir‑risposta li għandha tingħata għar‑raba’ u l‑ħames domandi hija li mill‑eżami tad‑domandi magħmula ma rriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l‑validità tar‑Regolament fid‑dawl tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq is‑sitt domanda

86      Permezz ta’ din id‑domanda, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk ir‑Regolament huwiex invalidu minħabba li jagħmel distinzjoni, minn naħa, bejn il‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera Spanjola jew huma rreġistrati f’dan l‑Istat Membru (iktar ’il quddiem il‑“purse seiners Spanjoli”) u dawk li jtajru l‑bandiera Maltija, Griega, Franċiża, Taljana u Ċiprijotta jew huma rreġistrati f’dawn l‑Istati Membri (iktar ’il quddiem il‑“purse seiners l‑oħra”) u, min‑naħa l‑oħra, bejn dawn is‑sitt Stati Membri u l‑Istati Membri l‑oħra u minħabba li, għalhekk, joħloq diskriminazzjoni bbażata fuq iċ‑ċittadinanza bi ksur tal‑Artikolu 12 KE.

87      Għandu jiġi ppreċiżat li r‑Regolament jikkonċerna biss il‑bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u ma jikkonċernax is‑sajd għat‑tonn b’metodi oħra ta’ sajd, b’mod partikolari b’metodi artiġjanali.

88      L‑osservanza tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni teħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl‑istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et, C‑44/94, Ġabra p. I‑3115, punt 46; tat‑30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑87/03 u C‑100/03, Ġabra p. I‑2915, punt 48, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑141/05, Ġabra p. I‑9485, punt 40).

89      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l‑Istati Membri li ma humiex koperti mir‑Regolament kienu f’sitwazzjoni differenti mill‑Istati Membri l‑oħra. Fil‑fatt, fir‑rigward tas‑sena 2008, ebda bastiment li jistad bil‑purse seines u li jtajjar il‑bandiera tal‑Istati Membri li ma jissemmewx fir‑Regolament ma kien ġie awtorizzat, skont l‑Artikolu 12(1) tar‑Regolament Nru 1559/2007, jistad għat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran.

90      Fir‑rigward tal‑Istati Membri koperti mir‑Regolament, il‑Kummissjoni awtorizzat lill‑purse seiners Spanjoli jistadu għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran, iżommuh abbord, iqiegħduh f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija, jittrażbordawh, jittrasferuh kif ukoll iħottuh sat‑23 ta’ Ġunju 2008, filwaqt li dawn l‑attivitajiet kienu pprojbiti għall‑purse seiners l‑oħra sa mis‑16 ta’ Ġunju 2008.

91      Permezz ta’ dan l‑istess regolament, il‑Kummissjoni awtorizzat lill‑operaturi Komunitarji jaċċettaw il‑ħatt, it‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija kif ukoll it‑trażbord ta’ tonn maqbud f’din iż‑żona sat‑23 ta’ Ġunju 2008 mill‑purse seiners Spanjoli filwaqt li dawn l‑attivitajiet kienu pprojbiti fir‑rigward tat‑tonn maqbud mill‑purse seiners l‑oħra sa mis‑16 ta’ Ġunju 2008.

92      Ir‑Regolament għalhekk ittratta b’mod differenti lil dawn iż‑żewġ kategoriji ta’ bastimenti skont il‑bandiera jew l‑Istat ta’ reġistrazzjoni tagħhom kif ukoll lill‑operaturi Komunitarji skont jekk kinux innegozjaw mal‑purse seiners Spanjoli jew le. Għandu jiġi vverifikat jekk kienx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw din id‑differenza fit‑trattament.

93      Għandu jitfakkar li l‑elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u n‑natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid‑dawl tas‑suġġett u tal‑għan tal‑att tal‑Unjoni li jistabbilixxi d‑distinzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is‑sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 26, kif ukoll tat‑18 ta’ Novembru 2010, Kleist, C‑356/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 34).

94      Ir‑Regolament ġie adottat fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament bażiku. Skont din id‑dispożizzjoni, u kif tfakkar fil‑punt 62 ta’ din is‑sentenza, il‑Kummissjoni tista’, b’mod partikolari ex officio, tadotta miżuri ta’ emerġenza taħt tliet kundizzjonijiet. L‑ewwel nett, huwa meħtieġ li jkun hemm theddida serja għall‑konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin jew għall‑ekosistema tal‑baħar. It‑tieni nett, din it‑theddida għandha tkun ir‑riżultat ta’ attivitajiet tas‑sajd. Fl‑aħħar nett, għandu jkun hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata sabiex titwaqqaf it‑theddida msemmija. Fir‑rigward ta’ dan il‑punt tal‑aħħar, l‑Artikolu 7(3) tar‑Regolament bażiku jippreċiża li dawn il‑miżuri ta’ emerġenza għandhom jidħlu fis‑seħħ immedjatament.

95      Għalhekk, jirriżulta li, meta taġixxi fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament bażiku, il‑Kummissjoni għandha tapplika, skont l‑Artikolu 2(1) ta’ dan ir‑regolament, “trattament kawt fit‑teħid ta’ miżuri maħsuba biex iħarsu u jikkonservaw riżorsi akwatiċi ħajjin”, trattament li skont din l‑istess dispożizzjoni jikkostitwixxi mezz adegwat sabiex jintlaħqu l‑għanijiet tal‑politika komuni tas‑sajd.

96      Barra minn hekk, fl‑implementazzjoni tal‑miżuri meħuda fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7 tar‑Regolament bażiku, differenza fit‑trattament tista’ tkun ġustifikata jekk tippermetti li jintlaħqu aħjar l‑għanijiet ta’ konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin jew ta’ protezzjoni tal‑ekosistema tal‑baħar.

97      Fir‑rigward tar‑Regolament, il‑Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm theddida serja għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn fiż‑żona marittima koperta minn dan ir‑regolament u li din it‑theddida kienet tirriżulta mill‑attivitajiet ta’ sajd tal‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines. Fil‑fatt, mill‑premessa 7 tar‑regolament imsemmi jirriżulta, minn naħa, li hemm kapaċità żejda ta’ flotot ta’ bastimenti li jistadu bil‑purse seines u, min‑naħa l‑oħra, li l‑kapaċità ta’ sajd ta’ kull bastiment hija tant għolja li t‑TAC seta’ jintlaħaq malajr ħafna, jekk mhux ukoll jinqabeż.

98      Sabiex tiġġustifika d‑differenza fir‑rigward tad‑data tad‑dħul fis‑seħħ tal‑miżura ta’ projbizzjoni għall‑purse seiners Spanjoli, il‑Kummissjoni sostniet li, fid‑dawl tan‑numru żgħir tagħhom, dawn il‑bastimenti ma kinux fir‑riskju li jaqbżu l‑kwota ta’ qbid mogħtija lilhom qabel it‑23 ta’ Ġunju 2008 filwaqt li, fid‑dawl tan‑numru kbir tagħhom, dan ir‑riskju kien jeżisti sa mis‑16 ta’ Ġunju 2008 għall‑purse seiners l‑oħra.

99      Kif sostniet ġustament il‑Kummissjoni, hija ma waqqfitx l‑attivitajiet ta’ sajd għat‑tonn fuq il‑bażi tal‑Artikolu 26(4) tar‑Regolament bażiku peress li tali miżura tissupponi li tkun ġiet eżawrita l‑kwota mogħtija lil Stat Membru, li ma kienx il‑każ hawnhekk. L‑għan li xtaqet tilħaq il‑Kummissjoni kien sempliċement li twaqqaf tip ta’ sajd, jiġifieri s‑sajd permezz ta’ bastimenti li jistadu bil‑purse seines, u dan f’sitwazzjoni fejn il‑kwota mogħtija lill‑Istati Membri kienet għadha ma ntlaħqitx.

100    Fid‑dawl tal‑ispjegazzjonijiet mogħtija lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, ma jidhirx li hemm differenzi oġġettivi bejn il‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines skont il‑bandiera tagħhom jew l‑Istat Membru fejn huma rreġistrati, fir‑rigward tal‑kapaċitajiet tagħhom li jistadu għat‑tonn u fir‑rigward tal‑impatt tagħhom fuq l‑eżawriment tal‑istokkijiet ta’ din il‑ħuta. La ntwera u lanqas ma ġie sostnut, fuq dan il‑punt, li l‑purse seiners Spanjoli kienu differenti mill‑purse seiners l‑oħra koperti mir‑Regolament.

101    Għalhekk, minkejja li l‑Kummissjoni tindika li hija ma adottatx il‑miżuri ta’ projbizzjoni minħabba r‑riskju li jiġu eżawriti l‑kwoti mogħtija lill‑Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li d‑differiment għat‑23 ta’ Ġunju 2008 tad‑dħul fis‑seħħ tal‑miżuri ta’ projbizzjoni għall‑purse seiners Spanjoli huwa bbażat biss fuq ir‑riskju li jiġu eżawriti l‑kwoti, anki jekk b’riferiment biss għall‑kwoti allokati lil dawn il‑purse seiners. Għaldaqstant, id‑differenza fit‑trattament li tirriżulta minn dan id‑differiment tidher li hija bbażata biss fuq il‑proporzjon bejn in‑numru ta’ dawn il‑purse seiners u l‑kwota ta’ qbid ta’ tonn li kienet allokata lilhom.

102    Minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, filwaqt li l‑azzjoni tal‑Kummissjoni kienet intiża sabiex tevita l‑kollass tal‑istokk tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran u filwaqt li l‑Kummissjoni ttrattat b’mod differenti lill‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines meta mqabbla ma’ bastimenti oħra jew ma’ tagħmir tas‑sajd ieħor billi bbażat ruħha, kif jintqal fil‑punt 98 ta’ din is‑sentenza, fuq il‑kapaċità tagħhom li jeżawrixxu l‑istokk tat‑tonn, hija ddifferiet għat‑23 ta’ Ġunju 2008 d‑dħul fis‑seħħ tal‑miżuri ta’ projbizzjoni għall‑purse seiners Spanjoli billi bbażat ruħha biss fuq il‑kapaċità teoretika tagħhom li jilħqu l‑kwota ta’ qbid tagħhom u mhux fuq il‑kapaċità reali tagħhom li jaqbdu tonn.

103    Fil‑fatt, kif osservat l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 125 tal‑konklużjonijiet tagħha, mill‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni jirriżulta li l‑kwota ta’ kull Stat Membru kienet maqsuma skont in‑numru tal‑bastimenti li jtajru l‑bandiera ta’ jew li huma rreġistrati f’dan l‑Istat. Matul is‑sena 2008, il‑131 bastiment li jistadu bil‑purse seines awtorizzati sabiex jistadu għat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran kienu maqsuma kif ġej: 1 Ċiprijott, 4 Maltin, 6 Spanjoli, 16 Griegi, 36 Franċiżi u 68 Taljani. Il‑kwota individwali għall‑purse seiners ta’ iktar minn 24 metru kienet ta’ bejn 110 u 120 tunnellata għall‑purse seiners Franċiżi, ta’ 52 tunnella għall-purse seiners Taljani u ta’ bejn 251 sa 352 tunnellata għall-purse seiners Spanjoli.

104    Il‑Kummissjoni spjegat ukoll, matul is‑seduta, li l‑purse seiners Spanjoli jistadu essenzjalment fiż‑żona tal‑Baleari u jibdew l‑istaġun tas‑sajd tagħhom ġimgħa wara l‑purse seiners l‑oħra. Madankollu, il‑Kummissjoni ssostanzjat l‑affermazzjonijiet tagħha biss permezz tad‑dokument li jinsab fl‑Anness 6 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha. Issa, minn dan id‑dokument jirriżulta, minn naħa, li l‑purse seiners Spanjoli qabdu tonn fiż‑żona tal‑Baleari mill‑inqas sa mis‑27 ta’ Mejju 2008 u, min‑naħa l‑oħra, li l‑purse seiners Franċiżi jistadu fl‑istess żona u fl‑istess perijodu u li, għaldaqstant, is‑sitwazzjoni tal‑purse seiners Spanjoli ma kinitx unika.

105    F’dan ir‑rigward għandu jiġi osservat li l‑Artikolu 5(2) tar‑Regolament Nru 1559/2007 jipprojbixxi s‑sajd għat‑tonn permezz ta’ bastimenti li jistadu bil‑purse seines fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran bejn l‑1 ta’ Lulju u l‑31 ta’ Diċembru, mingħajr ma hija prevista eċċezzjoni għall‑purse seiners Spanjoli minħabba li jibdew l‑istaġun tas‑sajd tagħhom iktar tard.

106    Minn dawn il‑kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li ma huwiex stabbilit li l‑purse seiners Spanjoli kienu f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik tal‑purse seiners l‑oħra koperti mir‑Regolament, sitwazzjoni li kieku kienet tiġġustifika, fir‑rigward tagħhom, id‑differiment għat‑23 ta’ Ġunju 2008 tad‑dħul fis‑seħħ tal‑miżuri ta’ projbizzjoni sabiex jiġu protetti aħjar l‑istokkijiet tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran.

107    Għaldaqstant, filwaqt li kienet qiegħda taġixxi, fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament bażiku, bil‑għan li telimina t‑theddida ta’ kollass tal‑istokk tat‑tonn tal‑Atlantiku tal‑Lvant u tal‑Mediterran minħabba l‑attività tal‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines, il‑Kummissjoni ddifferiet sat‑23 ta’ Ġunju 2008 id‑dħul fis‑seħħ tal‑miżuri ta’ projbizzjoni ta’ sajd għall‑purse seiners Spanjoli biss, mingħajr ma dan id‑dewmien addizzjonali huwa oġġettivament ġustifikat fid‑dawl tal‑għan imfittex.

108    Meta aġixxiet b’dan il‑mod, il‑Kummissjoni ttrattat b’mod differenti l‑purse seiners Spanjoli u l‑purse seiners l‑oħra mingħajr ma din id‑differenza fit‑trattament hija oġġettivament ġustifikata. Minn dan isegwi li dan il‑ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jaffettwa l‑validità tar‑Regolament sa fejn il‑purse seiners Spanjoli ġew awtorizzati jaqbdu tonn wara s‑16 ta’ Ġunju 2008 u jżommu abbord, iqiegħdu f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija, jittrażbordaw, jittrasferixxu u jħottu l‑art dan it‑tonn wara din id‑data.

109    Fir‑rigward tal‑operaturi Komunitarji, dawk imsemmija fl‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament kienu kkonkludew kuntratti ta’ xiri ta’ tonn mal‑purse seiners Spanjoli u setgħu jaċċettaw il‑ħatt, it‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija kif ukoll it‑trażbordi ta’ tonn maqbud minn dawn il‑purse seiners bejn is‑16 ta’ Ġunju 2008 u t‑23 ta’ Ġunju 2008.

110    Għall‑kuntrarju, l‑operaturi msemmija fl‑Artikolu 3(1) tal‑istess regolament u li, bħal AJD Tuna, kienu kkonkludew tali kuntratti ma’ purse seiners oħra, kellhom jirrifjutaw li jwettqu dawn l‑operazzjonijiet fir‑rigward tat‑tonn maqbud minn dawn il‑purse seiners sa mis‑16 ta’ Ġunju 2008. Dawn iż‑żewġ kategoriji ta’ operaturi Komunitarji ġew ittrattati b’mod differenti u din id‑differenza fit‑trattament hija l‑konsegwenza diretta tad‑differenza fit‑trattament mhux ġustifikata li minnha bbenefikaw il‑purse seiners Spanjoli.

111    Fil‑fatt, il‑possibbiltà għall‑operaturi Komunitarji li kienu kkonkludew kuntratti mal‑purse seiners Spanjoli li jaċċettaw il‑ħatt, it‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija kif ukoll it‑trażbordi ta’ tonn maqbud minn dawn il‑purse seiners bejn is‑16 ta’ Ġunju 2008 u t‑23 ta’ Ġunju 2008 ma hijiex ġustifikata peress li dawn l‑operaturi jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament ekwivalenti għal dik tal‑operaturi l‑oħra.

112    Dan il‑ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jaffettwa l‑validità tar‑Regolament sa fejn l‑operaturi Komunitarji li kienu kkonkludew kuntratti ta’ xiri ta’ tonn mal‑purse seiners Spanjoli setgħu jkomplu bl‑operazzjonijiet tagħhom fir‑rigward tat‑tonn maqbud mis‑16 ta’ Ġunju 2008 minħabba l‑awtorizzazzjoni ta’ qbid li bbenefikaw minnha dawn il‑purse seiners wara din id‑data.

113    Għaldaqstant, ir‑risposta li għandha tingħata għas‑sitt domanda hija li r‑Regolament huwa invalidu sa fejn, filwaqt li ġew adottati fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament bażiku, il‑projbizzjonijiet li huwa jistabbilixxi jidħlu fis‑seħħ fit‑23 ta’ Ġunju 2008 fir‑rigward tal‑purse seiners Spanjoli u l‑operaturi Komunitarji li kkonkludew kuntratti magħhom filwaqt li dawn il‑projbizzjonijiet jidħlu fis‑seħħ fis‑16 ta’ Ġunju 2008 fir‑rigward tal‑purse seiners l‑oħra u l‑operaturi Komunitarji li kkonkludew kuntratti magħhom, mingħajr ma din id‑differenza fit‑trattament hija oġġettivament ġustifikata.

114    Fid‑dawl tar‑risposta mogħtija għas‑sitt domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta separata għall‑għaxar domanda magħmula.

 Fuq l‑ispejjeż

115    Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija dik il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Mill‑eżami tad‑domandi magħmula ma jirriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l‑validità tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 530/2008, tat‑12 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir‑rigward ta’ bastimenti bil‑purse seines li jistadu għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran, jew il‑validità tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal‑20 ta’ Diċembru 2002, dwar il‑konservazzjoni u l‑isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas‑sajd skont il‑Politika Komuni dwar is‑Sajd, fid‑dawl tal‑prinċipju ta’ kontradittorju u tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

2)      Mill‑eżami tad‑domandi magħmula ma jirriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa l‑validità tar‑Regolament Nru 530/2008 fid‑dawl tar‑rekwiżit ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill‑Artikolu 296(2) TFUE, tal‑prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi u tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

3)      Ir‑Regolament Nru 530/2008 huwa invalidu sa fejn, filwaqt li ġew adottati fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002, il‑projbizzjonijiet li huwa jistabbilixxi jidħlu fis‑seħħ fit‑23 ta’ Ġunju 2008 fir‑rigward tal‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera Spanjola jew huma rreġistrati f’dan l‑Istat Membru u l‑operaturi Komunitarji li kkonkludew kuntratti magħhom filwaqt li dawn il‑projbizzjonijiet jidħlu fis‑seħħ fis‑16 ta’ Ġunju 2008 fir‑rigward tal‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera Maltija, Griega, Franċiża Taljana u Ċiprijotta jew huma rreġistrati f’dawn l‑Istati Membri u l‑operaturi Komunitarji li kkonkludew kuntratti magħhom, mingħajr ma din id‑differenza fit‑trattament hija oġġettivament ġustifikata.

Firem.


* Lingwa tal‑kawża: il‑Malti.

Fuq