Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0517

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010.
    RTL Belgium SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Collège d'autorisation et de contrôle du Conseil supérieur de l'audiovisuel - il-Belġju.
    Direttiva 89/552/KEE - Servizzi ta’ xandir televiżiv - Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv - Kunċett ta’ qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE - Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C-517/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-14093

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:821

    Kawża C-517/09

    RTL Belgium SA, li kienet TVi SA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

    mill-Collège d’autorisation et de contrôle du Conseil supérieur de l’audiovisuel)

    “Direttiva 89/552/KEE — Servizzi ta’ xandir televiżiv — Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv — Kunċett ta’ qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Sommarju tas-sentenza

    Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Kunċett

    (Artikolu 267 TFUE)

    Sabiex tiddetermina jekk korp ta’ rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu.

    Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-korp tar-rinviju, dan il-kunċett fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, estern, jissoponi li l-istanza tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha. It-tieni aspett, intern, jgħaqqad il-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha.

    Dan il-kriterju ta’ indipendenza ma huwiex sodisfatt mill-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv, huwa responsabbli sabiex jikkontrolla l-osservanza, mill-edituri tas-servizzi tal-media kkonċernati tar-regoli dwar l-awdjoviżiv u sabiex jippenalizza l-ksur eventwali, u, għaldaqstant, dan il-kulleġġ ma jikkostitwix qorti skont l-Arikolu 267 TFUE. Fil-fatt, la l-organizzazzjoni strutturali tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv u tal-korpi li jikkomponuh u lanqas il-missjoni tagħhom ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi Kulleġġ jintervjeni bħala parti terza imparzjali bejn, minn naħa, min huwa akkużat li kiser il-liġi, u min-naħa l-oħra, l-awtorità amministrattiva responsabbli għall-qasam tal-awdjoviżiv. B’mod partikolari, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv, li huwa korp deċiżiv, jippreżenta, permezz tal-uffiċċju tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv, rabta funzjonali mal-imsemmi Kunsill fit-totalità tiegħu, kif ukoll mas-segretarjat ta’ investigazzjoni, peress li jiddeċiedi fuq proposta tiegħu. Minn dan jirriżulta li, meta jadotta deċiżjoni, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv ma jiddistingwixxix ruħu mill-korp amministrattiv ta’ kontroll, li jista’ jissieħeb ma’ parti fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-awdjoviżiv. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-uffiċċju jirrappreżenta lill-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv quddiem il-qrati u fir-rigward ta’ terzi.

    (ara l-punti 36, 39-42, 44-46)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    22 ta’ Diċembru 2010 (*)

    “Direttiva 89/552/KEE – Servizzi ta’ xandir televiżiv – Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv – Kunċett ta’ qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ”

    Fil-Kawża C‑517/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Collège d’autorisation et de Conseil supérieur de l’audiovisuel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura

    RTL Belgium SA, li kienet TVi SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, A. Rosas u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Novembru 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal RTL Belgium SA, li kienet TVi SA, minn F. Tulkens u S. Seys, avukati,

    –        għal CLT-UFA, minn G. de Foestraets, avukat,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, bħala aġent, assistita minn A. Feyt, avukat,

    –        għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, bħala aġent, assistit minn P. Kinsch, avukat,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Vrignon u E. Montaguti, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/552/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (Direttiva dwar is-“Servizzi tal-media awdjoviżiva”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224) kif emendata bid-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 332, p. 27, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/552”).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata mill-Collège d’autorisation et de contrôle du Conseil supérieur de l’audiovisuel (Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv) tal-Komunità Franċiża fil-Belġju fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda RTL Belgium SA (iktar ’il quddiem il-“kumpannija RTL Belgium”), issuspettata li wettqet ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-teleshopping.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt tal-Unjoni

    3        L-Artikolu 1(ċ) u (d) tad-Direttiva 89/552 fih id-definizzjonijiet li ġejjin:

    “c)      ‘responsabbiltà editorjali’ tfisser l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand. Ir-responsabbiltà editorjali ma timplikax neċessarjament kwalunkwe responsabbiltà legali taħt il-liġi nazzjonali għall-kontenut jew is-servizzi pprovduti;

    d)      ‘fornitur ta’ servizzi tal-media’ tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat.”

    4        L-Artikolu 2(1), (2) u (3)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-servizzi tal-media awdjoviżiva kollha trasmessi minn fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkunu konformi mar-regoli fis-sistema tal-liġi applikabbli għal servizzi tal-media awdjoviżiva maħsuba għall-pubbliku f’dak l-Istat Membru.

    2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva il-fornituri ta’ servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru huma dawk:

    a)      stabbiliti f’dak l-Istat Membru skond il-paragrafu 3; […]

    […]

    3.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, fornitur ta’ servizzi tal-media għandu jitqies bħala stabbilit fi Stat Membru fil-każijiet li ġejjin:

    a)      il-fornitur ta’ servizzi tal-media għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu f’dak l-Istat Membru u d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu f’dak l-Istat Membru;

    b)      jekk fornitur ta’ servizzi tal-media għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru wieħed iżda d-deċiżjonijiet editorjali dwar is-servizz tal-media awdjoviżiv jittieħdu fi Stat Membru ieħor, dan għandu jitqies li huwa stabbilit fl-Istat Membru fejn topera parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq ta’ l-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv. Jekk parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq ta’ l-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv topera f’kull wieħed minn dawk l-Istati Membri, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies bħala stabbilit fl-Istat Membru fejn għandu l-uffiċċju prinċipali. Jekk parti sinifikanti mill-forza tax-xogħol involuta fit-twettiq ta’ l-attività tas-servizz tal-media awdjoviżiv ma tkun topera fl-ebda wieħed minn dawk l-Istati Membri, il-fornitur tas-servizzi tal-media għandu jitqies li jkun fl-Istat Membru fejn l-ewwel beda l-attivitajiet tiegħu skond is-sistema tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru, sakemm huwa jżomm għaqda stabbli u effettiva ma’ l-ekonomija ta’ dak l-Istat Membru.”

     Id-dritt nazzjonali

    5        Id-Digriet dwar is-servizzi tal-media awdjoviżivi ġie ppubblikat fil-Moniteur belge tal-24 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem id-“digriet”).

    6        L-Artikolu 1(16), (46) u (57) tad-digriet fih id-definizzjonijiet li ġejjin:

    “16)      Editur tas-servizzi: tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżivi u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat;

    […]

    46)      Responsabbiltà editorjali: tfisser l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ servizzi lineari, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi mhux lineari;

    […]

    57)      Teleshopping: tfisser ix-xandir ta’ offerti diretti lill-pubbliku, taħt forma ta’ programmi jew ta’ reklami, fid-dawl tal-provvista, bi ħlas, ta’ oġġetti jew servizzi, inklużi beni immobbli, jew ddrittijiet u obbligi”.

    7        Skont l-Artikolu 2(3) tad-digriet:

    “Jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Komunità Franċiża, kull editur tas-servizzi li:

    1)      Huwa stabbilit fir-reġjun tal-lingwa Franċiża;

    2)      Huwa stabbilit fir-reġjun bilingwi ta’ Brussell u meta s-servizzi tiegħu huma marbuta b’mod esklużiv mal-Komunità Franċiża.”

    8        L-Artikolu 31(6) tad-digriet jipprovdi:

    “[…] id-dewmien tax-xandir tat-teleshopping huwa stabbilit mill-Gvern, b’massimu ta’ tliet siegħat kuljum, li jinkludu x-xandir mill-ġdid.”

    9        L-Artikolu 133 tad-digriet jipprovdi:

    “Huwa stabbilit Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv tal-Komunità Franċiża fil-Belġju, awtorità amministrattiva indipendenti li tgawdi personalità ġuridika u responsabbli għall-qasam tal-awdjoviżiv fil-Komunità Franċiża […]”

    10      L-Artikolu 134 tad-digriet jipprovdi li l-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv huwa kompost minn żewġ kulleġġi, jiġifieri l-Kulleġġ ta’ opinjoni, u l-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll, minn uffiċċju u minn segretarjat ta’ investigazzjoni.

    11      Skont l-Artikolu 136(1) tad-digriet, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv għandu b’mod partikolari bħala missjoni:

    “1)      li jadotta d-dikjarazzjonijiet tal-edituri tas-servizzi u li jawtorrizza lil ċerti edituri ta’ servizzi, bl-eċċezzjoni tat-televiżjoni lokali u tar-[Radju-Televiżjoni Belġjana tal-Komunità Franċiża tal-Belġju];

    2)      li jawtorizza l-użu tal-frekwenzi tar-radju;

    […]

    12)      li jikkonstata kull ksur tal-liġi, digrieti jew regolamenti dwar l-awdjoviżiv u kull nuqqas li jitwettaq obbligu li jirriżulta minn ftehim bejn il-Komunità Franċiża u l-editur tas-servizzi jew distributur tas-servizzi, tal-kuntratt ta’ ġestjoni tar-[Radju-Televiżjoni Belġjana tal-Komunità Franċiża tal-Belġju] tal-ftehim konkluż bejn il-Gvern u kull wieħed mill-kanali ta’ televiżjoni lokali kif ukoll l-impenji meħuda fil-kuntest ta’ risposta għal sejħa għal offerti prevista minn dan id-digriet”.

    12      L-Artikolu 139(1) tad-digriet jippreċiża l-kompożizzjoni tal-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv. Dan l-artikolu jipprovdi:

    “Barra l-[erba’] membri tal-uffiċċju previsti fl-Artikolu 142(1), il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll huwa kompost minn sitt membri. Il-mandat huwa ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded […]

    Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 142(1), l-għaxar membri huma maħtura b’rispett tal-Artikolu 9 tal-liġi tas-16 ta’ Lulju 1973 li tiżgura l-protezzjoni tax-xejriet ideoloġiċi u filosofiċi. Mis-sitt membri previsti fis-subparagrafu preċedenti, tlieta huma maħtura mill-Parlament tal-Komunità Franċiża. Il-Gvern jikkompleta l-Kulleġġ wara l-ħatra tal-ewwel tliet membri mill-Parlament tal-Komunità Franċiża.

    Il-membri tal-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll jintgħażlu fost persuni li l-kompetenzi tagħhom fl-oqsma tad-dritt, tal-awdjoviżiv jew tal-komunikazzjoni huma rrikonoxxuti.

    […]”

    13      Skont l-Artikolu 140(1) tad-digriet, l-uffiċċju tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv, li huwa kompost minn President kif ukoll minn l-ewwel, it-tieni u t-tielet viċi-President tal-imsemmi Kunsill, jirrappreżenta lil dan tal-aħħar quddiem il-qrati u fir-rigward ta’ terzi. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, l-uffiċċju jirrekluta l-persunal tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv. Huwa jirrekluta b’mod partikolari l-konsulenti u l-persunal tas-segretarjat, fuq parir tas-segretarjat ta’ investigazzjoni.

    14      Skont l-Artikolu 142(1) tad-digriet, l-erba’ membri tal-uffiċċju huma maħtura mill-Gvern.

    15      Skont l-Artikolu 143 tad-digriet, is-segretarjat ta’ investigazzjoni jirċievi l-ilmenti indirizzati lill-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv u jinvestigahom. Jista’ wkoll jiftaħ investigazzjoni fuq l-inizjattiva tiegħu. Barra minn hekk, dan l-artikolu jipprovdi li s-segratarjat ta’ investigazzjoni jitmexxa mis-segretarju ta’ investigazzjoni, taħt l-awtorità tal-uffiċċju.

    16      L-Artikolu 161 tad-digriet jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tas-segretarjat ta’ investigazzjoni u tal-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv li għandhom japplikaw fil-każ ta’ lment jew ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu b’mod partikolari, ksur ta’ liġijiet, ta’ digrieti u ta’ regolamenti fir-rigward tal-awdjoviżiv. Il-paragrafu 1 jipprovdi b’mod partikolari dak li ġej:

    “[…] is-segretarjat ta’ investigazzjoni jiftaħ investigazzjoni u jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà tal-ilment.

    Jekk l-ilment huwa ammissibbli, is-segretarjat ta’ investigazzjoni jkun responsabbli għall-investigazzjoni. Is-segretarjat ta’ investigazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma jieħux azzjoni.

    […]

    Il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll jista’ jitratta d-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà u ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni tas-segretarjat ta’ investigazzjoni.

    Ir-rapport tal-investigazzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll. [...]”

    17      Skont l-Artikolu 161(2) sa (4) il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv jinnotifika l-ilmenti u r-rapport tal-investigazzjoni lil min jikser il-liġi, u dan tal-aħħar għandu terminu ta’ xahar sabiex jikkonsulta l-fajl u jippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Min jikser il-liġi huwa mistieden sabiex jidher quddiem il-Kulleġġ. L-imsemmi Kulleġġ jista’ jisma lil kull persuna li tista’ tikkontribwixxi informazzjoni utli. Huwa għandu jagħti deċiżjoni motivata fis-sittin ġurnata wara l-għeluq tad-diskussjonijiet.

     Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    18      Fit-8 ta’ Ottubru 2009, ġie ppreżentat ilment quddiem is-segretarjat ta’ investigazzjoni mingħand spettatriċi li għarrfitu li s-servizz RTL Belgium kien, xi ftit ġranet qabel, xandar programm ta’ teleshopping li dam 7 siegħat fl-istess ġurnata, filwaqt li l-limitu legali huwa ta’ 3 siegħat.

    19      Wara li vverifika li l-limitu awtorizzat kien inqabeż, is-segretarjat ta’ investigazzjoni bagħat ittra lill-kumpannija RTL Belgium, stabbilita fil-Belġju, sabiex jiġbor il-kummenti eventwali tagħha.

    20      Din il-kumpannija rrispondiet li, fl-opinjoni tagħha, is-segretarjat ta’ investigazzjoni ma kienx kompetenti sabiex jinvestigaha, peress li ma kinitx hi, iżda l-kumpannija parent tagħha, CLT-UFA, stabbilita fil-Lussemburgu, li kienet il-fornitur tas-servizz RTL Belgium.

    21      Il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv jistaqsi min fost l-awtoritajiet Belġjani u l-awtoritajiet Lussemburgiżi huwa kompetenti sabiex jikkontrolla s-servizz RTL Belgium. Jekk, bħalma jsostni s-segretarjat ta’ investigazzjoni, hija l-kumpannija RTL Belgium li hija l-fornitur tas-servizz RTL Belgium, l-imsemmi Kulleġġ iqis li huwa kompetenti, peress li din il-kumpannija għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Belġju u, skont l-imsemmi segretarju, huwa fil-Belġju li jittieħdu d-deċiżjonijiet editorjali.

    22      Id-deċiżjoni tar-rinviju fiha b’mod partikolari l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-kumpannija RTL Belgium u tal-kumpannija parent tagħha CLT-UFA.

    23      Il-kumpannija RTL Belgium kisbet awtorizzazzjonijiet suċċessivi mill-awtoritajiet Belġjani sabiex tipprovdi s-servizzi ta’ xandir televiżiv, b’mod partikolari s-servizz RTL Belgium mis-sena 1987. L-aħħar awtorizzazzjoni mogħtija lil dan is-servizz skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2005. Il-kumpannija RTL Belgium ma talbitx għat-tiġdid tagħha peress li s-servizz inkwistjoni kien ġie minn dak iż-żmien operat fil-Lussemburgu, minn CLT-UFA.

    24      Din tal-aħħar, li llum tikkontrolla lill-kumpannija RTL Belgium b’66 %, kisbet konċessjoni mill-awtoritajiet Lussemburġiżi għal dan l-istess servizz fis-sena 1995.

    25      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv ikkunsidra li l-kumpannija RTL Belgium kienet qed ixxandar mingħajr awtorizzazzjoni għas-servizzi li tagħhom kienet l-editur, b’mod partikolari s-servizz RTL Belgium, bi ksur tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar ix-xandir, u kkundannata għal multa ta’ EUR 500 000. Il-kumpannija RTL Belgium ippreżentat rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Belġju), li ddikjarah fondat u annulla l-imsemmija deċiżjoni b’sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2009.

    26      Il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv jesponi li, f’din is-sentenza il-Conseil d’État iddeċieda li s-sitwazzjoni ta’ awtorizzazzjoni doppja li damet sas-sena 2005, tikser ir-regola li tipprovdi li Stat Membru wieħed huwa kompetenti fir-rigward ta’ korp tax-xandir u jista’ jostakola l-moviment liberu ta’ servizzi fi ħdan tal-Unjoni Ewropea. Il-Conseil d’État kien iddeċieda li kienet irrelevanti, il-kwistjoni sabiex isir magħruf min, fost CLT-UFA jew il-kumpannija RTL Belgium kellu l-kwalità ta’ editur tas-servizzi skont it-terminoloġija tad-digriet, jew ta’ fornitur tas-servizz, skont it-terminoloġija tad-Direttiva 89/552.

    27      Madankollu, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv iqis li din il-kwistjoni hija rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, b’kunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli fil-Belġju mis-sena 2009, li jinkludi, minn naħa, id-digriet, u min-naħa l-oħra, protokoll ta’ kooperazzjoni bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    28      Id-digriet daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu 2009. Huwa jipprovdi b’mod partikolari, definizzjoni ġdida tal-kunċett “responsabbiltà editorjali”.

    29      Il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv jikkunsidra li huwa qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u għaldaqstant kapaċi sabiex jippreżenta domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra l-kwalifika legali tiegħu ta’awtorità amministrattiva indipendenti, huwa jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi qorti fis-sens ta’ dan l-artikolu.

    30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Il-kunċett ta’ ‘kontoll effettiv kemm fl-għażla ta’ programmi kif ukoll fl-organizzazzjoni tagħhom’ taħt l-Artikolu 1(ċ) tad-[Direttiva 89/552] jista’ jiġi interpretat fis-sens li kumpannija stabbilita fi Stat Membru u awtorizzata permezz ta’ liċenzja mill-Gvern tal-Istat Membru biex tipprovdi servizz tal-media awdjoviżiva, effettivament teżerċita tali stħarriġ, minkejja li hija tiddelega, bil-fakultà ta’ subdelega, lil kumpannija terza stabbilita fi Stat Membru ieħor, bi ħlas ta’ somma indeterminata li tikkorrispondi mat-total tad-dħul mill-bejgħ ta’ pubbliċità magħmul mix-xandir ta’ dan is-servizz, it-twettiq u l-produzzjoni tal-programmi kollha ta’ dan is-servizz, il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ informazzjoni dwar l-iskeda tal-programmi kif ukoll is-servizzi finanzjarji, legali, ta’ riżorsi umani, ta’ ġestjoni ta’ infrastruttura u servizzi oħra relatati mal-persunal, u minkejja li jirriżulta li huwa fis-sede tal-kumpannija terza li qed jiġi deċiż u jitwettaq l-assemblaġġ tal-programmi, it-tħassir eventwali tagħhom u t-tibdil fl-iskeda tal-programmi minħabba ġrajjiet kurrenti?”

     Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31      Qabel kollox, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv jikkostitwixxix qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u jekk, konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domanda li saritilha.

     Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

    32      Ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw li l-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv jissodisfa il-kriterji kollha stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi qorti.

    33      Min-naħa tagħhom, il-kumpannija RTL Belgium, CLT-UFA u l-Gvern Lussemburgiż iqisu li l-kriterju ta’ indipendenza ma huwiex sodisfatt.

    34      Qabel kollox, il-kumpannija RTL Belgium u CLT-UFA isostnu, li l-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv ma huwiex suffiċjentement indipendenti mill-eżekuttiv sa fejn, b’mod partikolari, il-Gvern Belġjan għandu rwol importanti fil-ħatra tal-membri tiegħu. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar huma maħtura b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xejriet ideoloġiċi u filofiċi, li jostakolhom milli jkunu kompletament indipendenti. Ukoll, ma hemmx separazzjoni funzjonali bejn l-investigazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjoni. Fl-aħħar, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv ma għandux il-kwalità ta’ parti terza, la fil-konfront ta’ lanjant eventwali, li ma huwiex marbut li jisma’, u lanqas fil-konfront tas-segretarjat ta’ investigazzjoni li huwa suġġett għall-awtorità tal-uffiċċju.

    35      Il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv huwa parti mill-kawża u għaldaqstant ma għandux l-indipendenza meħtieġa, kif jattesta l-fatt li huwa rrappreżantat fil-kawżi kontra d-deċiżjonijiet tiegħu quddiem il-Conseil d’État.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    36      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiddetermina jekk il-korp ta’ rinviju għandux in-natura ta’ qorti jew tribunal skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23; tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C‑53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29 u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C-246/05, Ġabra p. I-4673, punt 16, kif ukoll id-Digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato, C‑109/07, Ġabra p. I-3503, punt 22).

    37      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat il-kriterju dwar l-indipendenza tal-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv.

    38      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ indipendenza, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jimplika qabel kollox li l-istanza kkonċernata għandha l-kwalità ta’ terza parti fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni li minnha qed isir appell (is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1993, Corbiau, C‑24/92, Ġabra p. I‑1277, punt 15, u tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, Ġabra p. I-8613, punt 49).

    39      Dan il-kunċett fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, estern, jissoponi li l-istanza tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha (is-sentenza Wilson, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51).

    40      It-tieni aspett, intern, jgħaqqad il-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi r-rispett ta’ l-oġġettività (is-sentenza Wilson, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

    41      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kriterju ta’ indipendenza ma huwiex sodisfatt mill-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv.

    42      Fil-fatt, la l-organizzazzjoni strutturali tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv u tal-korpi li jikkomponuh u lanqas il-missjoni tagħhom ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi Kulleġġ jintervjeni bħala parti terza imparzjali bejn, minn naħa, min huwa akkużat li kiser il-liġi, min-naħa l-oħra, l-awtorità amministrattiva responsabbli għall-qasam tal-awdjoviżiv.

    43      Fir-rigward tal-organizzazzjoni strutturali tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv, għandu jiġi nnotat li, qabel kollox, li l-uffiċċju tal-imsemmi Kunsill huwa kompost minn erba’ membri, jiġifieri l-President, l-ewwel, it-tieni u t-tielet Viċi-President tiegħu. Dawn tal-aħħar huma wkoll membri tal-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv fejn jikkostitwixxu parti sinjifikattiva, jiġifieri, erba’ minn għaxar membri.

    44      Fir-rigward tal-missjonijiet li huma inkarigati bihom il-korpi differenti tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv, mid-digriet jirriżulta li, fi ħdan din l-awtorità amministrattiva, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv huwa responsabbli sabiex jikkontrolla l-osservanza, mill-edituri tas-servizzi tal-media kkonċernati tar-regoli dwar l-awdjoviżiv u sabiex jippenalizza l-ksur eventwali. Sabiex iwettaq dan ix-xogħol, huwa jiddependi fuq ix-xogħol tas-segretarjat ta’ investigazzjoni li jitmexxa mis-segretarju ta’ investigazzjoni taħt l-awtorità tal-uffiċċju.

    45      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv, li huwa korp deċiżiv, jippreżenta, permezz tal-uffiċċju, rabta funzjonali mal-imsemmi Kunsill fit-totalità tiegħu, kif ukoll mas-segretarjat ta’ investigazzjoni, peress li jiddeċiedi fuq proposta tiegħu. Minn dan jirriżulta li, meta jadotta deċiżjoni, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv ma jiddistingwixxix ruħu mill-korp amministrattiv ta’ kontroll, li jista’ jissieħeb ma’ parti fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-awdjoviżiv (ara, b’analoġija, is-sentenza Sufait, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

    46      Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-uffiċċju jirrapreżenta lill-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv quddiem il-qrati u fir-rigward ta’ terzi.

    47      Isegwi li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv ma kellux il-kwalità ta’ parti terza fil-konfront tal-interessi preżenti u għaldaqstant, ma kellux l-imparzjalità meħtieġa fil-konfront ta’ min jikser il-liġi, fil-kawża preżenti l-kumpannija RTL Belgium, sabiex jikkostitwixxi qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    48      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-kriterji l-oħra li jippermettu li jiġi evalwat jekk korp ta’ rinviju jipposjedix n-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, humiex sodisfatti mill-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv.

    49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domanda magħmula.

     Fuq l-ispejjeż

    50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domanda magħmula mill-Kulleġġ ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kontroll tal-Kunsill superjuri tal-awdjoviżiv fid-deċiżjoni tiegħu tat-3 ta’ Diċembru 2009.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq