EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0464

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-2 ta' Diċembru 2010.
Holland Malt BV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Għajnuna mill-Istat - Linji gwida dwar l-għajnuna fis-settur agrikolu - Punt 4.2.5 - Suq tal-malt - Nuqqas ta’ ftuħ normali fis-suq - Miżura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.
Kawża C-464/09 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-12443

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:733

Kawża C-464/09 P

Holland Malt BV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Linji gwida dwar l-għajnuna fis-settur agrikolu — Punt 4.2.5 — Suq tal-malt — Nuqqas ta’ ftuħ normali fis-suq — Miżura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Effett tal-linji gwida adottati mill-Kummissjoni

(Artikolu 87(3) KE)

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE — Għajnuna għall-investiment fis-settur agrikolu

(Artikolu 33 KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 KE u Artikolu 87(3)(ċ) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2000/C 28/02)

1.        Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kumplessi, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju. Meta tadotta regoli ta’ kondotta u meta tiddikjara, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha awtomatikament fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali msemmija u ma tistax twarrab dawn ir‑regoli taħt il-piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Minn dan isegwi li, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida u bil-komunikazzjonijiet li tadotta, sa fejn jew sakemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat.

(ara l-punti 46, 47)

2.        Il‑Kummissjoni tista’ tikkunsidra bħala inkompatibbli mas-suq komuni miżura intiża għall-iżvilupp ta’ reġjun jew ta’ attività meta din tingħata f’settur, bħal dak tal-ipproċessar ta’ prodott agrikolu, li fih kull żieda tal‑produzzjoni fin-nuqqas ta’ ftuħ normali tista’ tbiddel il-kummerċ intrakomunitarju sal-punt li tmur kontra l-interess komuni, irrispettivament mill-effetti pożittivi fir-reġjun tal-attività kkonċernata.

Fil-fatt, l-Artikolu 87(3)(ċ) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, meta għajnuna tingħata f’suq li fih hemm kapaċità produttiva ogħla minn dak li hu meħtieġ, din l-għajnuna tkun ta’ natura li tbiddel il‑kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tmur kontra l-interess komuni.

Il-fatt li għajnuna jkollha wkoll effetti pożittivi għar-reġjun jew għas‑settur ekonomiku kkonċernat ma jimplikax neċessarjament li din għandha tiġi kkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, mill-Artikolu 87(3)(ċ) KE jirriżulta li, meta l-miżura ta’ għajnuna tbiddel il‑kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li din tmur kontra l-interess komuni, hija ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, irrispettivament mill-effetti pożittivi li hija tipproduċi. Madankollu, fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kummerċ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull karatteristika tal-miżura u tas-suq ikkonċernati.

Din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju tapplika wkoll għall-għajnuna fis-settur agrikolu. Fil-fatt, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 KE, li jirrikonoxxi s-supremazija tal-politika agrikola fuq l-għanijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni, jirriżulta li l-applikazzjoni eventwali f’dan il‑qasam tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat hija suġġetta għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 33 KE, jiġifieri l‑għanijiet tal-politika agrikola komuni. Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija f’dan is-settur, il‑Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi ta’ din il‑politika li jikkorrispondu għal dawk tas-suq komuni fit-totalità tiegħu. Fost dawn l‑eżiġenzi jinsab il-kontroll tal-produzzjoni.

Minn dan isegwi li r-regoli ta’ kondotta li jinsabu fil-punt 4.2.5 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna għall-investiment marbuta mal-ipproċċessar u l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli mogħtija fin-nuqqas ta’ ftuħ normali, huma konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u b’mod partikolari mal-Artikolu 87(3)(ċ) KE, applikat b’osservanza tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni.

(ara l-punti 48-53)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Linji gwida dwar l-għajnuna fis-settur agrikolu – Punt 4.2.5 – Suq tal-malt – Nuqqas ta’ ftuħ normali fis-suq – Miżura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni”

Fil-Kawża C‑464/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-25 ta’ Novembru 2009

Holland Malt BV, stabbilita f’Lieshout (il-Pajjizi l-Baxxi), irrappreżentata minn O. Brouwer, A. Stoffer u P. Schepens, advocaten,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2010,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Holland Malt BV (iktar ’il quddiem “Holland Malt”) qed titlob l-annullament tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Holland Malt vs Il-Kummissjoni (T-369/06, Ġabra p. II-3313, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali) ċaħdet r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad- Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/59/KE, tas-26 ta’ Settembru 2006, dwar l‑għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi lill-Holland Malt BV (ĠU 2007, L 32, p. 76, iktar ’il quddiem id-deċiżjoni kkontestata).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-punt 3.2 tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu (ĠU 2000, C 28, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), li jinsab fil-parti li tistabbilixxi l-“Prinċipji ġenerali”, jiddisponi:

“Għalkemm l-Artikoli 87 [KE], 88 [KE] u 89 [KE] huma kompletament applikabbli għas-setturi koperti mill-organizzazzjonijiet komuni tas-suq, madankollu l-applikazzjoni tagħhom tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet stabbiliti bir-regolamenti kkonċernati. Fi kliem ieħor, ir-rikors minn Stat Membru għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 87 [KE], 88 [KE] u 89 [KE] ma jistax jipprevali fuq dawk tar-regolament li jirregola l-organizzazzjoni tas-suq inkwistjoni [...]. Għaldaqstant, fl-ebda ċirkustanza ma tista’ l-Kummissjoni tapprova għajnuna li ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw organizzazzjoni ta’ suq komuni jew li tfixkel il-funżjonament tajjeb tal-organizzazzjoni tas-suq ikkunsidrat. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

3        Il-punt 4.2.5 tal-linji gwida, li jinsab fil-parti relatata mal-“Għajnuna għall-investimenti”, jipprevedi:

“L-ebda għajnuna ma tista’ tingħata [għal investimenti marbuta mal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli] jekk ma jintweriex b’mod suffiċjenti li xi ftuħ normali jista’ jinsab fis-suq għall-prodotti inkwistjoni. Ir‑rilevanza ta’ din it-turija għandha tiġi evalwata fil-livell xieraq fid-dawl tal-prodotti inkwistjoni, tat-tipi ta’ investimenti, kif ukoll tal-kapaċitajiet eżistenti u mistennija. Għal dan l-għan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull restrizzjoni fil-qasam ta’ produzzjoni jew kull limitu ta’ sostenn Komunitarju eventwalment previsti mill-organizzazzjonijiet komuni tas-suq. B’mod partikolari, ebda għajnuna ma tista’ tingħata bi ksur ta’ kwalunkwe projbizzjoni jew restrizzjoni prevista mill-organizzazzjonijiet komuni tas-suq [...]

[...] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

4        Fl-aħħar nett, il-punt 4.2.6 tal-istess parti tal-linji gwida jiddisponi:

“L-għajnuna għall-investimenti li l-ispejjeż eliġibbli tagħhom jeċċedu EUR 25 miljun jew li għalihom l-ammont effettiv tal-għajnuna jeċċedi EUR 12 miljun għandhom jiġu speċifikament innotifikati mill-Kummissjoni, skont l‑Artikolu 88(3) tat-Trattat.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

5        Holland Malt BV, hija joint venture bejn il-birrerija Bavaria NV, li tipproduċi birra u xorb mhux alkoħoliku, u Agrifirm, kooperattiva li fi ħdanha jikooperaw produtturi ta’ ċereali Ġermaniżi u mit-Tramuntana tal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija l-proprjetarja ta’ privattiva għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-malt HTST (“High Temperature, Short Time”).

6        Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta programm ta’ investiment reġjonali intitolat “Regionale investeringsprojecten 2000”. Il-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2000, approvat dan il-programm u, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2002, ukoll approvat l-emenda tiegħu li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għas-setturi tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli msemmija fl-Anness I tat-Trattat KE.

7        Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta għajnuna għall-investiment ta’ EUR 7 425 000 fil-kuntest ta’ dan il-programn ta’ investiment reġjonali. Dan is-sussidju kien intiż għall-kostruzzjoni ta’ stabbiliment fejn jiġi ppreparat u maħżun ix-xgħir f’Eemshaven (il-Pajjiżi l-Baxxi). Il-ħlas tiegħu kien suġġett għat-twettiq tal-investiment qabel l-1 ta’ Lulju 2005. Madankollu, il-ħlas effettiv tal-għajnuna ġie sospiż sal-approvazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni.

8        B’ittra tal-31 ta’ Marzu 2004, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifika lill-Kummissjoni dwar il-miżura ta’ għajnuna skont l-Artikolu 88(3) KE u l-punt 4.2.6 tal-linji gwida. Fil-5 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni fetħet proċedura taħt l‑Artikolu 88(2) KE. Peress li l-imsemmija proċedura ħolqot dewmien fil-ħlas tas-sussidju lil hinn mit-terminu inizzjali għar-realizzazzjoni tal-istabbiliment stabbilit mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Holland Malt talbet estensjoni tat-terminu sal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar l-imsemmi sussidju.

9        Fis-26 ta’ settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li fiha kkonkludiet li l-imsemmija miżura, li tikkonċerna investiment li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-prodotti ta’ Holland Malt u jżid il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha, tammonta għal għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Hija mbagħad eżaminat jekk din setgħetx madankollu tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(c) KE.

10      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkonstatat li ma jeżistix suq separat għall-malt HTST jew għall-malt premium meta mqabbel ma’ malt normali. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kapaċità żejda fis-swieq dinjija u Komunitarji tal-malt, hija osservat li ma ntweriex li fis-suq ta’ dan il-prodott kien jeżisti ftuħ normali fis-sens tal-punt 4.2.5 tal-linji gwida. B’hekk, għalkemm hija rrikonoxxiet, fil-punt 94 tal-motivi tal-istess deċiżjoni, l-importanza tal-għajnuna fil-kuntest tal-iżvilupp reġjonali, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punt 94 tal-motivi tal-istess deċiżjoni, li din ma tissodisfax kundizzjoni importanti stabbilita fil-linji gwida.

11      Abbażi ta’ dawn il-motivi, il-Kummissjoni ddikjarat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni. Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa obbligat jirtira l-għajnuna u skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa għandu jirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna indebitament imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu magħha.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

12      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Diċembru 2006, l‑appellanti ressqet talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ April 2007, ir‑Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab sabiex jintervjeni fil-proċedura insostenn ta’ Holland Malt. Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Ġunju 2007, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

14      Insostenn tar-rikors tagħha, Holland Malt invokat erba’ motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 87(3)(c), fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 253 KE.

15      It-tieni parti tat-tieni motiv li tikkonċerna l-ksur tal-Artikolu 87(3)(c), kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ bilanċjar adegwat tal-effetti pożittivi tal-għajnuna u tal-impatt ta’ din tal-aħħar fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ intra-Komunitarju.

16      Permezz ta’ din it-tieni parti, l-appellanti tilmenta, essenzjalment, li l‑Kummissjoni bbażat ruħha biss, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-punt 4.2.5 tal‑linji gwida mingħajr ma bbilanċjat, minn naħa, l-effetti pożittivi tas-sussidju inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-impatt negattiv eventwali tiegħu fuq il‑kundizzjonijiet tal-kummerċ fi ħdan il-Komunità Ewropea u li b’hekk kisret l‑Artikolu 87(3)(c) KE.

17      Hija tirrileva li l-fatt li l-linji gwida huma bbażati fuq l-Artikolu 87(3) KE, jimplika bilfors li l-Kummissjoni ma tistax tillimita s-segħta diskrezzjonali tagħha biss għall-kriterji previsti minnhom. B’mod partikolari, hija għandha tinterpreta l‑punt 4.2.5 tal-linji gwida fid-dawl tal-kriterju ġenerali previst fit-trattat, b’mod li tikkunsidra bħala inkompatibbli mas-suq komuni biss l-għajnuna li taffettwa l‑kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li din tmur kontra l-interess komuni.

18      Skont Holland Malt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma evalwatx jekk, fid-dawl tal-vantaġġi li għandu jġib miegħu s-sussidju inkwistjoni, l-impatt tiegħu imurx realment kontra l-interess komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, iżda hija llimitat ruħha li teskludi l-kompatibbiltà ta’ dan is-sussidju abbażi tal-ineżistenza allegata ta’ ftuħ normali tal-prodott ikkonċernat fis-suq. Għall-kuntrarju, il‑Kummissjoni kellha tikkunsidra, minn naħa, li l-investiment inkwistjoni kellu impatt favorevoli kbir fuq it-twettiq tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni u, b’mod partikolari, fuq il-politika tal-iżvilupp rurali tar-reġjun ikkonċernat mill-imsemmi sussidju, u, min-naħa l-oħra, li kien wara l-għoti tiegħu li l-appellanti kienet iddeċidiet li tbati l-ispejjeż tal-ftuħ tal-fabbrika tagħha f’Eemshaven, f’żona li kellha tiżviluppa ekonomikament, pjuttost milli f’post li jinsab ekonomikament iktar konvenjenti f’reġjun ieħor fil-Pajjiżi l-Baxxi.

19      Bis-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u ordnat lill-appellanti tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

20      Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 166 sa 180 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata kemm skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) u (3) KE kif ukoll il‑linji gwida, b’mod partikolari s-sezzjoni 4.2 tagħhom.

21      Fakkret li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba l-Kummissjoni adottat linji gwida, dawn jimponu fuqha u fuq il-qorti tal-Unjoni li jivverifikaw li din l-istituzzjoni rrispettat ir-regoli li hija imponiet. Hija rrilevat li, f’dan il-każ, jirriżulta mill-punt 3.7 tal-linji gwida li kull aspett pożittiv tal-għajnuna inkwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-linji gwida.

22      F’dan ir-rigward, ġie kkunsidrat li, skont il-punt 4.2.5 tal-linji gwida, il‑Kummissjoni, wara li kkonstatat li l-għajnuna inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, kienet marbuta li teżamina, l-ewwel, jekk intweriex b’mod suffiċjenti li jista’ jinstab ftuħ normali fis-suq għall-prodotti inkwistjoni. Skont il‑Qorti Ġenerali, sa fejn, f’dan il-każ, din il-kundizzjoni preliminari ma kinitx sodisfatta, il-Kummissjoni ma setgħetx tapprova l-għajnuna inkwistjoni mingħajr ma tikser il-linji gwida tagħha stess, b’mod li l-eżami tal-għanijiet u tal-effetti pożittivi ta’ din l-għajnuna kien superfluwu.

23      Hija ddeċidiet barra minn hekk li l-appellanti ma tistax validament issostni li n‑nuqqas ta’ applikazzjoni tal-linji gwida u l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 87(3)(c) KE jimplikaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet u tal-effetti pożittivi tal-għajnuna inkwistjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. F’dan ir-rigward, hija fakkret li, skont is-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni (310/85, Ġabra p. 901, punt 18), l-Artikolu 87(3) KE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju u din ma taqbiżx il-limiti ta’ din is-setgħa meta qieset li l-għoti ta’ għajnuna għal investiment li żżid il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni f’settur li diġà jipproduċi żżejjed kien imur kontra l-interess komuni u li tali għajnuna ma kinitx ta’ natura li tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun inkwistjoni.

24      Il-Qorti Ġenerali żiedet li din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argument ta’ Holland Malt li l-għajnuna kkontestata kienet biss ikkumpensat l‑iżvantaġġi ekonomiċi li rriżulta mill-għażla tagħha li tiftaħ il-fabbrika f’żona ekonomikament inqas żviluppata.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25      Holland Malt titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–      tannulla l-punti 168 sa 180 tas-sentenza appellata;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jew tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–      tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lil Holland Malt għall-ispejjeż.

27      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkonkludi bħall-appellanti li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata u li l-Kummissjoni għandha tiġi orndata tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-appell

28      Insostenn tal-appell tagħha, Holland Malt tqajjem żewġ aggravji li jirrigwardaw l‑evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq it-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

29      L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi kif ukoll fuq il-kontradizzjoni u motivazzjoni insuffiċjenti rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni kemm tal-Artikolu 87(3)(c) KE u tal-linji gwida. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l‑irregolarità ta’ proċedura tal-fatt ta’ qari żbaljat u ta’ preżentazzjoni ineżatta tal-argumenti invokati mill-appellanti.

 Fuq l-ewwel aggravju, fuq żball ta’ liġi kif ukoll fuq il-kontradizzjoni u insuffiċjenza ta’ motivi rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni kemm tal-Artikolu 87(3)(c) KE u tal-linji gwida.

 L-argumenti tal-partijiet

30      Insostenn tal-ewwel aggravju, Holland Malt tinvoka tliet partijiet ibbażati rispettivament fuq l-iżball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-linji gwida kif ukoll tal-kontradizzjoni u tal-motivazzjoni insuffiċjenti fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

31      L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l‑applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(c) KE billi ddeduċiet mis-sentenza Deufil vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti pożittivi ta’ sussidju fl-evalwazzjoni fuq il‑kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, meta dan is-sussidju jwassal għal żieda tal-kapaċitajiet produttivi f’settur li għalih diġà kien hemm kapaċità produttiva ogħla minn dak li hu meħtieġ fis-suq.

32      F’dan ir-rigward, hija tirrileva li din il-kawża tikkonċerna miżura differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, fiha, is-sussidju mogħti ma għandux interess ġenerali, filwaqt li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza tal-proġett ta’ Holland Malt għall-iżvilupp tar-reġjun. Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, is-settur li għalih diġà kien hemm kapaċità produttiva ogħla sew minn dak li hu meħtieġ fis-suq, peress li r-rata ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kienet ta’ 72 % u 64 %, filwaqt li, f’dan il-każ, ir-rata ta’ użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kienet taqbeż d-90 %.

33      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jaqbel mal-opinjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li, l-Kummissjoni, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l‑effetti pożittivi tal-għajnuna inkwistjoni, ma kisritx l-Artikolu 87(3)(c) KE. Huwa jaqbel ukoll mal-kritiċi dwar l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw is-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Dan l‑Istat Membru jqis li l-Kummissjoni, sabiex tipprova tiżgura applikazzjoni korretta tal-imsemmija dispożizzjoni u wkoll sabiex tiggarantixxi l-effett sħiħ, peress li kienet obbligata tibbilanċja l-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna inkwistjoni, ma setgħetx tikkontenta ruħha bis-sempliċi konstatazzjoni li ma teżistix prova tal-eżistenza ta’ ftuħ normali fis-suq tal-malt.

34      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-punt ta’ tluq ta’ kull analizi tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna huwa li l-Artikolu 87(3) KE jipprevedi eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali ta’ projbizzjoni prevista fl-Artikolu 87(1) KE, li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Issa, il-linji gwida jistabbilixxu biss regoli minimi assoluti li għandhom jiġu osservati sabiex l-għajnuna fis-settur agrikolu tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni tosserva, barra minn hekk, li fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni tagħha fl-iżvilupp tal-għajnuna taħt l-Artikolu 87(3)(c) KE, hija għandha s-setgħa li tillimita dan il‑marġni billi adottat linji gwida fuq il-mod li hija trid tapplika din id‑dispożizzjoni għal settur jew għal tip ta’ għajnuna partikolari, sa fejn dawn il‑linji ma jeskludux ir-regoli tat-trattat. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ladarba hija adottat tali indikazzjonijiet għal settur jew tip ta’ għajnuna, hija ma tistax iktar teskludihom. Ir-raġuni ta’ dan hija li, bl-adozzjoni tagħhom, hija llimitat s-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tikkonsisti, konsegwentement, biss fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet definiti fil-linji gwida.

35      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li hi kellha tapplika l-punt 4.2.5 tal-linji gwida, peress li l-eżistenza ta’ ftuħ normali fis-suq tal-malt ma ntwerietx biżżejjed.

36      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tenfasizza li, f’din is-sentenza, il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna kienet ġiet direttament evalwata abbażi tal-Artikolu 87(3)(c) KE, peress li ma kien jeżisti, fiż-żmien tad-deċiżjoni kkontestata, ebda test ieħor applikabbli għall-prodott li għalih din l‑għajnuna kienet intiża. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna d-differenzi fattwali invokati mill-appellanti fir-rigward tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-Kummissjoni ssostni li dawn huma irrilevanti peress li, f’dan il-każ, il-linji gwida jsemmu mhux n-neċessità li jiġi stabbilit li hemm kapaċità produttiva ogħla minn dak li hu meħtieġ fis-settur, iżda biss dik li jiġi stabbilit li hemm ftuħ normali fis-suq.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

37      Skont Holland Malt, l-interpretazzjoni tal-linji gwida magħmula mill-Qorti Ġenerali ma hijiex korretta peress li din tintroduċi kundizzjoni qabel għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li għajnuna li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida ma tistax tiġi approvata abbażi tal-kriterju tal-ibbilanċjar tal-iżvantaġġi u tal-effetti pożittivi, hekk kif previst fl-Artikolu 87(3)(c) KE, meta l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 4.2.5 tagħhom ma ġietx sodisfatta. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 87(3)(c) KE ma fihiex il-kundizzjoni li l-ftuħ normali fis-suq għandu jkun disponibbli sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti pożittivi ta’ għajnuna.

38      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jaqbel mal-opinjoni tal-appellanti. Huwa jafferma li l‑Qorti Ġenerali, anki jekk iddeċidiet li l-linji gwida ma jistgħux jinftiehmu biss fid-dawl tal-kliem tagħhom iżda għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 87 KE u tal-għan li jrid jintlaħaq minn din id-dispożizzjoni, fil-verità analizzathom billi rreferiet biss għall-kliem tagħhom. L-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat għall-linji gwida għandha l-konsegwenza li tirrestrinġi l-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 87 KE biss għall-kwistjoni dwar jekk ftuħ normali jeżistix. Interpretazzjoni daqshekk limitata, ibbażata fuq l-interpretazzjoni litterali tal-linji gwida, hija żbaljata u tippreġudika l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 87(3)(c) KE.

39      Il-Kummissjoni tqis li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma huma vviżjati mill-ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, l-ibbilanċjar previst fl-Artikolu 87(3)(c) KE huwa inkluż fil-linji gwida u ma huwiex neċessarju għaldaqstant li jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oħra meta l-għajnuna kkonċernata hija suġġetta għar-regoli stabbiliti fil-linji gwida. Il-Kummissjoni ma tistax tipproċedi għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għanijiet oħra li ma humiex dawk ipprovduti mill-linji gwida, jekk dawn imorru lil hinn minn dak li stabbilit fihom din l-istituzzjoni. F’dan il‑każ, il-punt 4.2.5 tal-linji gwida jistabbilixxu mingħajr ambigwità li ebda għajnuna ma tista’ tingħata għal investimenti marbuta tal-ipproċċesar ta’ prodotti agrikoli jekk ma ntweriex biżżejjed li ftuħ normali jista’ jinsab fis-suq għall-prodotti inkwistjoni. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, jekk din il-kundizzjoni ma hijiex sodisfatta, ma hemmx possibbiltà li jiġu bbilanċjati l-effetti pożittivi allegati tal-għajnuna inkwistjoni u l-impatt tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ.

–       Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

40      Skont l-appellanti, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija kontradittorja u insuffiċjenti għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-linji gwida. Fil-fatt, fil-punti 132 u 133 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali affermat li l-linji gwida la jistgħu jinftiehmu biss fid-dawl tal-liem tagħhom u lanqas jiġu interpretati f’sens li jnaqqas il-portata tal-Artikoli 87 KE u 88 KE jew li jikser l-għanijiet previsti minnhom. Għall-kuntrarju, fil-punti 170 sa 172 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fil-punt 4.2.5 tal-linji gwida mingħajr ma tinterpretahom fid-dawl tal-Artikolu 87(3)(c) KE u għaldaqstant mingħajr ma tevalwa jekk il-kundizzjonijiet tal-kummerċ inbidlux mill-għajnuna inkwistjoni sal-punt li din tmur kontra l‑interess komuni.

41      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jaqbel mal-opinjoni tal-appellanti u jafferma li s‑sentenza appellata hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-linji gwida.

42      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-motivi tas-sentenza appellata la huma insuffiċjenti u lanqas kontradittorji. Hija tirrileva, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali fakkret, ġustament, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li l-linji gwida għandhom dejjem jiġu interpretati fid-dawl tal-għan ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni u hija spjegat b’mod ċar, fil-punti 173 sa 177 ta’ din is-sentenza, għalfejn l‑applikazzjoni diretta tal-Artikolu 87(3)(c) KE ma tinvolvix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet u tal-effetti pożittivi tal-għajnuna mitluba mill-appellanti. F”dan ir-rigward, hija indikat, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, li l‑kriterju li jinsab fil-punt 4.2.5 tal-linji gwida jirrifletti l-kundizzjoni li toħroġ mill-Artikolu 87(3)(c) KE, li l-ebda għajnuna li tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li din tmur kontra l-interess komuni, ma tista’ tkun kompatibbli mas-suq komuni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      It-tliet partijiet tal-ewwel aggravju jikkonċernaw il-portata u l-interpretazzjoni tal-linji gwida u jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar it-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikors tal-ewwel istanza. Għaldaqstant, għandhom jiġu ttrattati flimkien.

44      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni, billi applikat il-punt 4.2.5 tal-linji gwida, ikkunsidrat li l‑għajnuna intiża għal Holland Malt ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni, sa fejn is-suq inkwistjoni huwa kkaratterizzat minn nuqqas ta’ ftuħ normali. Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, minn naħa, li sa fejn il‑kundizzjoni prevista fil-punt 4.2.5 tal-linji gwida ma kinitx sodisfatta, il‑Kummissjoni ma setgħetx tapprova l-għajnuna inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, billi semmiet is-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, hija affermat li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-linji gwida u l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(3)(c) KE biss ma jimplikaw f’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li qed issostni l-appellanti, l-obbligu għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l‑effetti pożittivi tal-għajnuna inkwistjoni fir-reġjun ikkunsidrat.

45      Dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet ma huma vvizjati mill-ebda żball ta’ liġi.

46      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom jiġu mwettqa f’kuntest Komunitarju (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I 6619, punt 59 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata). Billi tadotta dawn ir-regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il‑mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tistax tmur kontra dawn ir‑regoli mingħajr ma tinstab fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s‑sentenza Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

47      Għaldaqstant, skont din il-ġurisprudenza, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa u bil-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-trattat (ara s‑sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 62 u Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mis-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 87(3)(c) KE għandhu jiġi interpretat fis-sens li bħala prinċipju, meta għajnuna tingħata f’suq li fih hemm kapaċità produttiva ogħla minn dak li hu meħtieġ, din hija ta’ natura li tbiddel il‑kundizzjonijiet ta’ kummerċ sal-punt li tmur kontra l-interess komuni.

49      Sussegwentement, il-fatt li għajnuna għandha wkoll effetti pożittivi għar-reġjun jew is‑settur ekonomikament ikkonċernat ma jimplikax neċessarjament li din għandha tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni. Fil-fatt, mill-Artikolu 87(3)(c) KE li, meta l-miżura ta’ għajnuna tbiddel il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ sal-punt li din tmur kontra l-interess komuni, hija ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, indipendentement mill-effetti pożittivi li hija tipproduċi. Madankollu, fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kummerċ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza tal-miżura u tas-suq ikkonċernati (ara s‑sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il-Kummissjoni, 47/69, Ġabra p.487, punti 7 sa 9).

50      Xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li din l-interpretazzjoni tad-dritt primarju ma għandhiex tapplika wkoll għall-għajnuna fis-settur agrikolu. Fil-fatt, jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 KE, li jirrikonoxxi s-supremazija tal-politika agrikola fuq l-għanijiet tat-Trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni, li l-applikazzjoni eventwali f’dan il-qasam tad-dispożizzjonijiet tat-trattat hija suġġetta għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 33 KE, jiġifieri l-għanijiet tal-politika agrikola komuni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1996, Ijissel/Vliet, C-311/94, Ġabra p. I-5023, punt 31).

51      Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija f’dan is-settur, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi ta’ din il-politika li jikkorrispondu għal dawk tas-suq komuni fit-totalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ijissel-Vliet, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Fost dawn l‑eżiġenzi jinsab il-kontroll tal-produzzjoni. B’hekk, pereżempju, fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja Komunitarja, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391), jipprojbixxi, fl-Artikolu 6 tiegħu, l-għoti ta’ għajnuna għal investiment li għandha bħala għan li żżid il-produzzjoni ta’ prodotti li ma jsibux ftuħ normali fis-suq.

52      F’dan il-każ, fil-punt 4.2.5 tal-linji gwida, il-Kummissjoni stabbilixxiet li hija tikkunsidra inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna marbuta mal-ipproċċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli mogħtija fin-nuqqas ta’ ftuħ normali. Minn dan il-punt jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, tali miżura hija kkunsidrata bħala kuntrarja għall-interess komuni, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-settur li fih hija tipproduċi dawn l-effetti. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni pprevediet, dejjem fl-imsemmi punt 4.2.5, li fl-evalwazzjoni ta’ tali miżura ta’ għajnuna hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-livell tal-provvista fis-suq tal-prodott inkwistjoni u wkoll kull restrizzjoni fil-qasam ta’ produzzjoni jew kull limitazzjoni tal-għajnuna Komunitarja, eventwalment previsti mill-organizzazzjonijiet komuni tas-suq. Hija b’hekk tagħmel analiżi oġġettiva ta’ dan is-suq.

53      Tali regoli ta’ kondotta huma konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u b’mod partikolari mal-Artikolu 87(3)(c) KE, applikat b’osservanza tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni. Fil-fatt, għajnuna mogħtija f’suq li fih hemm kapaċità produttiva ogħla minn dak li hu meħtieġ hija ta’ natura li tbiddel il‑kundizzjonijiet ta’ kummerċ sal-punt li tmur kontra l-interess komuni. Il‑Kummissjoni tista’ b’hekk tikkunsidra bħala inkompatibbli mas-suq komuni miżura intiża għall-iżvilupp ta’ reġjun jew ta’ attività meta din tingħata f’settur, bħal dak tal-ipproċessar ta’ prodott agrikolu, li fih kull żieda tal-produzzjoni fin-nuqqas ta’ ftuħ normali tista’ tbiddel il-kummerċ intrakomunitarju sal-punt li tmur kontra l-interess komuni, irrispettivament mill-effetti pożittivi fir-reġjun tal-attività kkonċernata.

54      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet applikazzjoni korretta kemm tal-punt 4.2.5 tal-linji gwida kif ukoll tal-Artikolu 87(3)(c) KE. Fil-fatt, billi kkonstatat in‑nuqqas ta’ ftuħ normali fis-suq tal-malt abbażi ta’ analiżi ddettaljata ħafna tiegħu, il-Kummissjoni kienet obbligata tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

55      Barra minn hekk, id-differenzi ta’ natura fattwali bejn l-għajnuna inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u dik inkwistjoni f’din il-kawża, bħal dawk imsemmija mill-appellanti, huma irrilevanti fl-interpretazzjoni tar-regoli dwar il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna previsti fl-Artikolu 87(3)(c) KE.

56      B’mod partikolari, il-fatt imressaq minn Holland Malt li s-suq tal-malt li fih ma hemmx kapaċità produttiva ogħla sew minn dak li hu meħtieġ bħal dak ikkonċernat fil-kawża li tat lok għas-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jimplikax li l-Kummissjoni kellha teskludi l-applikazzjoni tal-punt 4.2.5 tal-linji gwida. Fil-fatt, jirriżulta minn dan il-punt li, għas-settur tal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli, miżura ta’ għajnuna li tinvolvi żieda anki jekk żgħira tal-produzzjoni hija kkunsidrata, skont il-karatteristiċi ta’ dan is-settur ekonomiku u tar-restrizzjonijiet tal-politika agrikola, bħala inkompatibbli mas-suq komuni. Konsegwentement, is-sentenza kkontestata ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tar-regoli applikabbli hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deufil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

57      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kontradizzjoni allegata tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, invokata fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li qed issostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali, wara li semmiet, fil-punti 170 sa 172 tas-sentenza appellata, l-obbligu tal-Kummissjoni li josserva l-linji gwida, evalwat id-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju.

58      Fil-fatt, hija kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, adottata abbażi tal-punt 4.2.5 tal-linji gwida, ma kinitx tmur kontra r-regoli rilevanti tat-trattat. Huwa għalhekk mingħajr kontradizzjoni tal-motivi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din id-deċiżjoni, li hija konformi mal-linji gwida, ma teskludix l-applikazzjoni korretta tar-regoli tat-trattat.

59      Peress li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma kinitx kontradittorja, lanqas it‑tielet parti tal-ewwel aggravju ma hija fondata.

60      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-ewwel aggravju kollu kemm hu invokat mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-irregolarità ta’ proċedura tal-fatt ta’ qari żbaljat u preżentazzjoni ineżatta tal-argumenti invokati mill-appellanti.

 L-argumenti tal-partijiet

61      L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, affermat b’mod żbaljat li, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent, hija ma kkontestatx il-valur vinkolanti tal-linji gwida u l-kompatibbiltà tagħhom mad-dispożizzjonijiet tat-trattat, Għall-kuntrarju, f’din in-nota, hija sostniet li l-linji gwida ma jissodisfawx l-eżiġenza tal-Artikolu 87(3)(c) KE, għalkemm huma ġew interpretati fis-sens li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tipproċedi għall-ibbilanċjar tal-effetti ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, hija tafferma li “billi applikat id-dispożizzjonijiet tal-linji gwida proprji tagħha b’mod riġidu u b’mod mhux ibbilanċjat, il-Kummissjoni eċċediet b’mod ċar il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li jagħtiha l-Artikolu 87(3)(c) KE, kif interpretata fil-ġurisprudenza tal-qrati Komunitarji”.

62      L-appellanti minn dan tiddeduċi li tali irregolarità ta’ proċedura kkompromettiet l‑interessi tagħha, peress li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-argumenti tagħha sabiex tasal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kellha tapplika direttament l‑Artikolu 87(3)(c) KE.

63      Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li t-tieni aggravju, anki jekk fondat, ma jistax ikollu effett fuq l-evalwazzjoni tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali jew fuq il‑konklużjonijiet ifformulati minnha. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali eżaminat il‑kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 87(3)(c) KE kinitx tobbliga lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi għal analiżi differenti minn dik segwita fid-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-punt 4.2.5 tal-linji gwida.

64      Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tirreleva li r-rikorrenti kienet espressament iddikjarat, hekk kif jirriżulta mis-sentenza appellata, li hija ma kinitx qed tikkontesta li, meta stabbilixxiet il-linji gwida tagħha, hija llimitat s-setgħa diskrezzjonali tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali effettivament ikkonstatat li, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in‑nota ta’ intervent, l-appellanti ma kkontestatx il-valur vinkolanti tal-linji gwida u l-kompatibbiltà tagħhom mad-dispożizzjonijiet tat-trattat.

66      Madankollu, fil-punti 169 sa 177 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx konformi mal-linji gwida u jekk din kisritx l-Artikolu 87(3)(c) KE. Hija, fi kliem ieħor, eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata li teskludi l-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna mogħtija lil Holland Malt biss abbażi tal-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat kinitx tmur kontra kemm-il-linji gwida kif ukoll kontra din id-dispożizzjoni tat-trattat.

67      Għaldaqstant, l-appellanti ma tistax issostni b’mod utli li l-Qorti Ġenerali ma rrispondietx għall-argument tagħha li l-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq il-linji gwida, ma pproċedietx għal applikazzjoni eżatta tal-imsemmija dispożizzjoni tat-trattat.

68      Minn dan isegwi li t-tieni aggravju ma huwiex fondat u għandu jinċaħad.

69      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’ u, għaldaqstant, dan l‑appell għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Holland Malt BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Fuq