Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62008CJ0064
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 9 September 2010.#Criminal proceedings against Ernst Engelmann.#Reference for a preliminary ruling: Landesgericht Linz - Austria.#Freedom to provide services - Freedom of establishment - National rules establishing a system of concessions for the operation of games of chance in casinos - Concessions obtainable solely by public limited companies established in national territory - All concessions granted without any competitive procedure.#Case C-64/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tad-9 ta' Settembru 2010.
Proċedura kriminali kontra Ernst Engelmann.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landesgericht Linz - l-Awstrija.
Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Libertà ta’ stabbiliment - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet għall-operat ta’ logħob tal-ażżard fil-kasinos - Possibbiltà ta’ ksib ta’ konċessjoni miftuħa biss għall-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti fit-territorju nazzjonali - Għoti tal-konċessjonijiet kollha mingħajr ebda forma ta’ kompetizzjoni.
Kawża C-64/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tad-9 ta' Settembru 2010.
Proċedura kriminali kontra Ernst Engelmann.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landesgericht Linz - l-Awstrija.
Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Libertà ta’ stabbiliment - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet għall-operat ta’ logħob tal-ażżard fil-kasinos - Possibbiltà ta’ ksib ta’ konċessjoni miftuħa biss għall-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti fit-territorju nazzjonali - Għoti tal-konċessjonijiet kollha mingħajr ebda forma ta’ kompetizzjoni.
Kawża C-64/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-08219
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:506
Kawża C-64/08
Proċeduri kriminali
kontra
Ernst Engelmann
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Linz (l-Awstrija))
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet għall-operat ta’ logħob tal-ażżard fil-każinòs — Ksib ta’ konċessjonijiet miftuħa biss għall-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti fit-territorju nazzjonali — Għoti tal-konċessjonijiet kollha mingħajr ebda forma ta’ kompetizzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet
(Artikoli 43 KE u 46 KE)
2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-konċessjonijiet għall-operat ta’ stabbilimenti tal-logħob
(Artikoli 43 KE u 49 KE)
1. L‑Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l‑operat tal‑logħob tal‑ażżard fl‑istabbilimenti tal‑logħob esklużivament għall‑operaturi li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fit‑territorju ta’ dan l‑Istat Membru. Fil-fatt, l‑obbligu impost fuq id‑detenturi ta’ konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fit‑territorju nazzjonali jikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn dan l‑obbligu jiddiskrimina kontra l‑kumpanniji li l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom ikun fi Stat Membru ieħor u jipprekludi lil dawn il‑kumpanniji milli joperaw, permezz ta’ aġenzija, fergħa jew sussidjarja, stabbilimenti tal‑logħob fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.
F’dan ir-rigward, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l‑għan li jkun hemm kontroll effettiv tal‑operaturi attivi fis‑settur tal‑logħob tal‑ażżard, u dan bil‑għan li jiġi evitat l‑operat ta’ dawn l‑attivitajiet għal finijiet kriminali jew frawdolenti, jistax ikun kopert mill‑kunċett ta’ ordni pubbliku, b’tali mod li r-restrizzjoni inkwistjoni tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l‑esklużjoni kategorika tal‑operaturi li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor tidher li hija sproporzjonata sa fejn tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi miġġielda l‑kriminalità. Fil‑fatt, jeżistu diversi mezzi sabiex jiġu kkontrollati l‑attivitajiet u l‑kontijiet ta’ dawn l‑operaturi, bħall-possibbiltà li tkun meħtieġa ż‑żamma ta’ kontijiet separati għal kull stabbiliment tal‑logħob tal‑istess operatur, li jiġu vverifikati minn awditur estern, il‑possibbiltà li tinkiseb il‑komunikazzjoni sistematika tad‑deċiżjonijiet tal‑organi tad‑detenturi ta’ konċessjonijiet kif ukoll il‑possibbiltà li tinġabar informazzjoni dwar id‑diriġenti jew l‑azzjonarji prinċipali tagħhom. Barra minn hekk, jistgħu jsiru kontrolli fuq kull impriża stabbilita fi Stat Membru u jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet fuqha irrispettivament mill‑post ta’ residenza tad‑diriġenti tagħha.
(ara l-punti 32, 34-38, 40 u d-dispożittiv 1)
2. L‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll mill‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, jipprekludi l‑għoti, mingħajr ebda forma ta’ kompetizzjoni, tal‑konċessjonijiet kollha għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob fit‑territorju ta’ Stat Membru.
Fil-fatt, minn naħa, għalkemm, fl‑istat attwali tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑konċessjonijiet ta’ servizzi ma humiex irregolati minn waħda mid‑direttivi li permezz tagħhom il‑leġiżlatur tal‑Unjoni rregola l‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi, l‑awtoritajiet pubbliċi li jagħtu tali konċessjonijiet huma madankollu marbuta li josservaw ir‑regoli fundamentali tat‑Trattati, b’mod partikolari l‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom. Mingħajr ma jimplika neċessarjament obbligu li tinżamm sejħa għal offerti, dan l‑obbligu ta’ trasparenza, li japplika meta l‑konċessjoni ta’ servizzi kkonċernata tkun ta’ natura li tista’ tinteressa impriża stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih tingħata din il‑konċessjoni, jeżiġi li l‑awtorità li tagħti l‑konċessjoni tiggarantixxi, favur kull offerent potenzjali, livell ta’ pubbliċità adegwat li jippermetti li l‑konċessjoni ta’ servizzi tkun miftuħa għall‑kompetizzjoni kif ukoll il‑kontroll tal‑imparzjalità tal‑proċeduri tal‑għoti.
Min-naħa l-oħra, il‑fatt li l‑ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob ma huwiex ekwivalenti għal kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi ma jistax jiġġustifika, fih innifsu, in‑nuqqas ta’ osservanza tar‑rekwiżiti li jirriżultaw mill‑Artikolu 49 KE, b’mod partikolari l‑prinċipju ta’ trattament ugwali u l‑obbligu ta’ trasparenza. L-obbligu ta’ trasparenza huwa b’hekk prerekwiżit obbligatorju għad‑dritt ta’ Stat Membru li jagħti awtorizzazzjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob, irrispettivament mill‑metodu tal‑għażla tal‑operaturi minħabba li l‑effetti tal‑għoti ta’ tali awtorizzazzjonijiet fil‑konfront tal‑impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra u li potenzjalment ikunu interessati fl‑eżerċizzju ta’ din l‑attività huma l‑istess bħall‑effetti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi.
(ara l-punti 49, 50, 52, 53, 58 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
9 ta’ Settembru 2010 (*)
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet għall-operat ta’ logħob tal-ażżard fil-każinòs – Ksib ta’ konċessjonijiet miftuħa biss għall-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti fit-territorju nazzjonali – Għoti tal-konċessjonijiet kollha mingħajr ebda forma ta’ kompetizzjoni”
Fil‑Kawża C‑64/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mil‑Landesgericht Linz (l‑Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2008, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fid‑19 ta’ Frar 2008, fil‑proċeduri kriminali kontra
Ernst Engelmann,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal‑Awla, C. Toader, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑14 ta’ Jannar 2010,
wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal E. Engelmann, minn P. Ruth u T. Talos, avukati, kif ukoll minn A. Stadler,
– għall‑Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,
– għall‑Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn P. Vlaemminck u A. Hubert, avukati,
– għall‑Gvern Elleniku, minn A. Samoni‑Rantou, M. Tassopoulou, O. Patsopoulou u E.‑M. Mamouna, bħala aġenti,
– għall‑Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,
– għall‑Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u P. Mateus Calado, kif ukoll minn A. Barros, bħala aġenti,
– għall‑Kummissjoni Ewropea, minn P. Dejmek, sussegwentement minn E. Traversa u H. Krämer, bħala aġenti,
wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat‑23 ta’ Frar 2010,
tagħti l‑preżenti
Sentenza
1 It‑talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l‑interpretazzjoni tal‑Artikoli 43 KE u 49 KE.
2 Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra E. Engelmann minħabba nuqqas ta’ osservanza tal‑leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar l‑operat tal‑istabbilimenti tal‑logħob.
Il‑kuntest ġuridiku
3 Il‑logħob tal‑ażżard fl‑Awstrija huwa rregolat mil‑Liġi federali dwar il‑logħob tal‑ażżard (Glücksspielgesetz), fil‑verżjoni tagħha ppubblikata fil‑Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich 620/1989 (iktar ’il quddiem il‑“GSpG”).
4 Skont it‑travaux préparatoires tal‑GSpG, din il‑liġi, minn naħa, hija intiża li tirregola l‑logħob tal‑ażżard u, min‑naħa l‑oħra, għandha għan ta’ natura fiskali.
5 Fir‑rigward tal‑għan li jiġi rregolat il‑logħob tal‑ażżard, il‑parti l‑kbira tan‑noti ta’ spjega tal‑GSpG tindika li, idealment, projbizzjoni totali tal‑logħob tal‑ażżard kienet tkun l‑iktar leġiżlazzjoni għaqlija iżda li, fid‑dawl tal‑fatt magħruf sew li l‑passjoni għal‑logħob tidher li hija inerenti fil‑bniedem, ikun ħafna iktar għaqli li din il‑passjoni tiġi rregolata fl‑interess tal‑individwu u tas‑soċjetà. Hija tippreċiża li b’hekk ikunu jistgħu jintlaħqu żewġ għanijiet, jiġifieri li jiġi evitat li l‑logħob tal‑ażżard jaqa’ fil‑kamp tal‑illegalità, kif huwa evidenti fl‑Istati li jipprojbixxu kompletament il‑logħob tal‑ażżard u, fl‑istess ħin, li l‑Istat ikun jista’ jżomm il‑possibbiltà li jissorvelja l‑logħob tal‑ażżard operat fuq bażi legali, liema sorveljanza għandu jkollha bħala għan prinċipali l‑protezzjoni ta’ min jilgħab.
6 Mill‑aspett fiskali, fin‑noti ta’ spjega huwa osservat li l‑Istat Federali għandu interess li jikseb l‑ikbar dħul possibbli mill‑monopolju fuq il‑logħob tal‑ażżard u għalhekk il‑Gvern Federali għandu, fl‑adozzjoni tal‑leġiżlazzjoni dwar il‑logħob tal‑ażżard u filwaqt li josserva u jipproteġi l‑għan li jiġi rregolat dan il‑logħob, jiżgura li dan il‑logħob jiġi implementat b’tali mod li permezz ta’ dan il‑monopolju jikseb l‑ikbar dħul possibbli.
7 L‑Artikolu 3 tal‑GSpG jistabbilixxi “monopolju tal‑Istat” fir‑rigward tal‑logħob tal‑ażżard billi jipprovdi li d‑dritt li jiġi organizzat u operat dan il‑logħob huwa rriżervat, bħala prinċipju, lill‑Istat, fin‑nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja prevista f’din il‑liġi.
8 Skont l‑Artikolu 21(1) tal‑GSpG, il‑Ministru Federali tal‑Finanzi jista’ jagħti d‑dritt li jiġi organizzat u operat logħob tal‑ażżard billi joħroġ konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob. In‑numru ta’ konċessjonijiet li jistgħu jingħataw huwa limitat għal total ta’ tnax u tista’ tingħata konċessjoni waħda għal kull territorju muniċipali.
9 Il‑kundizzjonijiet għall‑għoti tal‑konċessjonijiet tal‑operat huma stabbiliti fl‑Artikolu 21(2) tal‑GSpG. F’dan l‑Artikolu huwa ppreċiżat, b’mod partikolari, li l‑konċessjonarju għandu jkun kumpannija b’responsabbiltà limitata li jkollha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha fl‑Awstrija u li l‑kapital bażiku tagħha għandu jkun minn tal‑inqas EUR 22 miljun, u li dan il‑konċessjonarju għandu, skont iċ‑ċirkustanzi, joffri lill‑awtoritajiet pubbliċi lokali l‑aħjar prospetti ta’ dħul fiskali fl‑osservanza tar‑regoli tal‑GSpG dwar il‑protezzjoni ta’ min jilgħab.
10 Skont l‑Artikolu 22 tal‑GSpG, it‑tul ta’ konċessjoni ma jistax ikun ta’ iktar minn ħmistax‑il sena.
11 Skont l‑Artikolu 31(1) tal‑GSpG, il‑Ministru Federali tal‑Finanzi għandu dritt ta’ sorveljanza ġenerali fuq il‑konċessjonarju. Għal dan il‑għan huwa jista’ jikkonsulta l‑kontijiet ta’ dan tal‑aħħar u, fl‑eżerċizzju tad‑dritt ta’ sorveljanza, l‑aġenti tiegħu jistgħu jidħlu fil‑postijiet kummerċjali tal‑konċessjonarju. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 31(2) ta’ din il‑liġi, dan il‑ministru għandu jaħtar kummissarju tal‑Istat fi ħdan il‑kumpannija konċessjonarja. Skont l‑Artikolu 31(3) tal‑liġi msemmija, il‑kontijiet annwali vverifikati għandhom jiġu ppreżentati wkoll lill‑Ministru Federali tal‑Finanzi fi żmien sitt xhur minn meta tingħalaq is‑sena finanzjarja.
12 L‑organizzazzjoni ta’ logħob tal‑ażżard minn persuna li ma jkollhiex konċessjoni għall‑operat kif ukoll il‑parteċipazzjoni kummerċjali f’logħob organizzat f’tali kundizzjonijiet huma suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali. L‑Artikolu 168 tal‑iStrafgesetzbuch (Kodiċi Kriminali Awstrijak, iktar ’il quddiem l‑“StGB”) jippenalizza lil “kull min jorganizza logħba formalment ipprojbita jew li r‑rebħ jew it‑telf tagħha jiddependu esklużivament jew prinċipalment mix‑xorti, jew lil kull min jikkontribwixxi biex issir laqgħa bil‑għan li jiġi organizzat tali logħob sabiex jibbenefika finanzjarjament minn din l‑organizzazzjoni jew minn din il‑laqgħa jew sabiex jikseb tali benefiċċju lil terz”.
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
13 It‑tnax‑il konċessjoni għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob previsti fl‑Artikolu 21 tal‑GSpG huma attwalment miżmuma minn Casinos Austria AG.
14 Dawn il‑konċessjonijiet kienu inizjalment ingħataw lil din il‑kumpannija permezz ta’ digriet amministrattiv tat‑18 ta’ Diċembru 1991 għal tul massimu ta’ ħmistax‑il sena.
15 Il‑konċessjonijiet għall‑operat tas‑sitt stabbilimenti tal‑logħob ta’ Bregenz, Graz, Innsbruck, Linz, Salzburg u Vjenna ġew sussegwentement imġedda qabel l‑iskadenza tagħhom għal ħmistax‑il sena b’effett mill‑1 ta’ Jannar 1998, b’tali mod li jiskadu fil‑31 ta’ Diċembru 2012. Bl‑istess mod, il‑konċessjonijiet dwar is‑sitt stabbilimenti tal‑logħob ta’ Baden, Bad Gastein, Kitzbühel, Kleinwalsertal, Seefeld u Velden ġew imġedda għal ħmistax‑il sena b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2001 u għalhekk jiskadu fil‑31 ta’ Diċembru 2015.
16 Il‑Gvern Awstrijak ikkonferma, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, li dawn il‑konċessjonijiet kollha ngħataw mingħajr ma saret sejħa għal offerti pubblika minn qabel.
17 E. Engelmann, ċittadin Ġermaniż, opera stabbilimenti tal‑logħob fl‑Awstrija mill‑bidu tas‑sena 2004 sad‑19 ta’ Lulju 2006 f’Linz u minn April 2004 sal‑14 ta’ April 2005 f’Schärding. F’dawn l‑istabbilimenti huwa kien joffri lill‑klijentela tiegħu, b’mod partikolari, logħba msejħa “roulette ta’ osservazzjoni” u l‑logħob tal‑karti “Poker” u “Two Aces”. Huwa la kien talab li jingħata konċessjoni għall‑organizzazzjoni ta’ logħob tal‑ażżard u lanqas ma kellu awtorizzazzjoni legali fi Stat Membru ieħor.
18 Permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2007, il‑Bezirksgericht Linz sabet lil E. Engelmann ħati li organizza, fit‑territorju Awstrijak, logħob tal‑ażżard bl‑intenzjoni li jikseb vantaġġ finanzjarju minnu. Huwa għalhekk instab ħati tar‑reat ta’ organizzazzjoni illegali ta’ logħob tal‑ażżard previst fl‑Artikolu 168(1) tal‑StGB. Huwa għalhekk ġie kkundannat iħallas multa ta’ EUR 2 000.
19 E. Engelmann appella minn din is‑sentenza quddiem il‑Landesgericht Linz. Din tal‑aħħar għandha dubji dwar il‑kompatibbiltà tad‑dispożizzjonijiet tal‑StGB, moqrija flimkien mar‑regoli Awstrijaċi dwar il‑logħob tal‑ażżard, mad‑dritt tal‑Unjoni, b’mod iktar partikolari mal‑Artikoli 43 KE u 49 KE.
20 Dawn id‑dubji huma bbażati, l‑ewwel nett, fuq il‑fatt li, sa fejn taf il‑qorti tar‑rinviju, l‑adozzjoni tad‑dispożizzjonijiet applikabbli tal‑GSpG ma kinitx ippreċeduta minn analiżi tal‑perikoli li tirrappreżenta l‑passjoni għal‑logħob u tal‑possibbiltajiet ta’ prevenzjoni li jeżistu fil‑liġi jew fil‑fatt. Skont il‑Landesgericht Linz, dawn id‑dispożizzjonijiet huma kuntrarji għall‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tistabbilixxi li r‑raġunijiet li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom ikunu akkumpanjati minn analiżi tal‑opportunità u tal‑proporzjonalità tal‑miżura restrittiva adottata minn dan l‑Istat.
21 It‑tieni nett, il‑qorti tar‑rinviju għandha dubju dwar in‑natura koerenti u sistematika tal‑politika Awstrijaka fil‑qasam tal‑logħob tal‑ażżard mogħti b’konċessjoni. Hija tqis li f’dan il‑qasam jista’ jkun hemm limitazzjoni koerenti u sistematika tal‑attività marbuta mal‑logħob tal‑ażżard u mal‑imħatri biss jekk il‑leġiżlatur jevalwa l‑oqsma u s‑setturi kollha tal‑logħob tal‑ażżard u mbagħad jintervjeni skont il‑potenzjal ta’ perikolu jew ta’ dipendenza li jirrappreżenta kull tip ta’ logħob. Dan ma huwiex il‑każ fl‑Awstrija. Fil‑fatt, il‑monopolju Awstrijak tal‑logħob tal‑ażżard jippermetti l‑organizzazzjoni massima tar‑reklamar għal dan is‑settur u, għalhekk, hija saħansitra aċċettata inċitazzjoni attiva għall‑parteċipazzjoni fil‑logħob tal‑ażżard jew fl‑imħatri.
22 It‑tielet nett, il‑Landesgericht Linz għandha dubju jekk huwiex konformi mar‑rekwiżiti ta’ adegwatezza, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, il‑fatt li l‑għoti ta’ konċessjonijiet huwa limitat għall‑kumpanniji b’responsabbiltà limitata li l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom jinsab fit‑territorju nazzjonali bil‑għan li jiġu miġġielda l‑kriminalità ekonomika, il‑ħasil tal‑flus jew il‑passjoni għal‑logħob.
23 Ir‑raba’ nett, il‑Landesgericht Linz tevoka r‑riċerka attiva, mill‑awtoritajiet nazzjonali, ta’ dħul fiskali mill‑ħlasijiet magħmula mill‑istabbilimenti tal‑logħob. Din is‑sitwazzjoni tinsab f’kontradizzjoni mal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tistabbilixxi li r‑restrizzjonijiet għal‑libertajiet fundamentali fil‑qasam tal‑logħob tal‑ażżard għandhom verament ikollhom l‑għan li jillimitaw l‑okkażżjonijiet tal‑logħob u mhux li joħolqu sors ta’ finanzjament ġdid.
24 Skont il‑qorti tar‑rinviju, jekk id‑dispożizzjonijiet tad‑dritt tal‑Unjoni jippermettu li E. Engelmann jingħata awtorizzazzjoni sabiex jopera stabbiliment tal‑logħob tal‑ażżard mingħajr ma jkun meħtieġ li jinkorpora jew jakkwista kumpannija b’responsabbiltà limitata li jkollha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha fit‑territorju Awstrijak, huwa jkun jista’, bħala prinċipju, jippreżenta applikazzjoni sabiex jikseb konċessjoni. Jekk tingħatalu tali awtorizzazzjoni, l‑elementi li jikkostitwixxu r‑reat tal‑organizzazzjoni illegali ta’ logħob tal‑ażżard fis‑sens tal‑Artikolu 168 tal‑StGB ma jkunux għadhom sodisfatti.
25 F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Landesgericht Linz iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel id‑domandi preliminari segwenti lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:
“1. L‑Artikolu 43 [KE] għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi dispożizzjoni legali ta’ Stat Membru li tirriżerva l‑operat tal‑logħob tal‑ażżard fl‑istabbilimenti tal‑logħob esklużivament għall‑kumpanniji stabbiliti bħala kumpanniji b’responsabbiltà limitata li għandhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fit‑territorju ta’ dan l‑Istat Membru u li għalhekk timponi l‑istabbiliment jew l‑akkwist ta’ tali kumpannija f’dan l‑Istat Membru?
2. L‑Artikoli 43 [KE] u 49 [KE] għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jipprojbixxu kull monopolju nazzjonali ta’ ċertu logħob tal‑ażżard, bħal‑logħob tal‑ażżard fl‑istabbilimenti tal‑logħob, meta l‑Istat Membru kkonċernat ma jkollux politika koerenti u sistematika ta’ limitazzjoni tal‑logħob tal‑ażżard minħabba li l‑organizzaturi li jkunu ngħataw konċessjoni nazzjonali jinkoraġġixxu l‑parteċipazzjoni f’logħob tal‑ażżard – bħal imħatri sportivi u lotteriji nazzjonali – u jirriklamaw f’dan is‑sens fuq it‑televiżjoni, fil‑gazzetti jew fir‑rivisti, riklamar li jħabbar anki li tista’ tintrebaħ somma flus kontanti ma’ biljett ftit qabel it‑tlugħ tal‑lottu (‘TOI TOI TOI – Glaub’ ans Glück’) (‘Xorti tajba – Temmen fix‑xorti’)?
3. L‑Artikoli 43 [KE] u 49 [KE] għandhom jiġu interpretati fis‑sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li kull konċessjoni għall‑operat tal‑logħob tal‑ażżard u ta’ stabbilimenti tal‑logħob previsti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali għal‑logħob tal‑ażżard, tingħata għal perijodu ta’ ħmistax‑il sena fuq il‑bażi ta’ liġi li teskludi mis‑sejħa għal offerti lill‑kandidati taż‑żona Komunitarja (li ma għandhomx in‑nazzjonalità ta’ dan l‑Istat Membru)?”
Fuq id‑domandi preliminari
26 E. Engelmann, li ma huwiex jikkontesta l‑fatt li huwa ma kienx talab li jingħata konċessjoni għall‑operat ta’ stabbiliment tal‑logħob fl‑Awstrija, ma setax, fi kwalunkwe każ, jikseb tali konċessjoni, minn naħa, minħabba li ma kienx jissodisfa l‑kundizzjonijiet meħtieġa mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, jiġifieri li jkun kumpannija b’responsabbiltà limitata li jkollha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha f’dan l‑Istat Membru, u, min‑naħa l‑oħra, minħabba li l‑konċessjonijiet kollha previsti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali kienu diġà ngħataw lil kumpannija Awstrijaka. Skont il‑qorti tar‑rinviju, l‑eżistenza tal‑elementi li jikkostitwixxu r‑reat akkużat bih E. Engelmann hija marbuta mal‑kwistjoni tal‑legalità ta’ din l‑esklużjoni. Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati fl‑ewwel lok l‑ewwel u t‑tielet domandi.
Fuq l‑ewwel domanda
27 Permezz tal‑ewwel domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 43 KE jipprekludix ż‑żewġ kundizzjonijiet imposti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali fuq id‑detenturi ta’ konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob, jiġifieri l‑obbligu li jkollhom il‑forma legali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata u l‑obbligu li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fit‑territorju nazzjonali.
Fuq l‑obbligu li l‑konċessjonarji jkollhom il‑forma legali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata
28 Il‑kundizzjoni li l‑operaturi li jkunu jixtiequ joperaw stabbilimenti tal‑logħob għandu jkollhom il‑forma legali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata tikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment fis‑sens tal‑Artikolu 43 KE. Tali kundizzjoni tipprekludi b’mod partikolari lill‑operaturi li huma persuni fiżiċi, kif ukoll lill‑impriżi li jkunu għażlu, fil‑pajjiż ta’ stabbiliment tagħhom, forma ta’ kumpannija oħra, milli joħolqu stabbiliment sekondarju fl‑Awstrija (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1984, Klopp, 107/83, Ġabra p. 2971, punt 19; tas‑7 ta’ Lulju 1988, Stanton u L’Étoile 1905, 143/87, Ġabra p. 3877, punt 11, kif ukoll tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/02, Ġabra p. I‑5645, punt 42).
29 Madankollu, għandu jiġi eżaminat sa fejn din ir‑restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata taħt il‑miżuri derogatorji previsti espressament mit‑Trattat KE jew tista’ tiġi ġustifikata, skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. L‑Artikolu 46(1) KE jaċċetta restrizzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja identifikat numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ukoll l‑imsemmija restrizzjonijiet, bħalma huma b’mod partikolari l‑għanijiet ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal‑frodi u tal‑inċitazzjoni taċ‑ċittadini għal spejjeż eċċessivi marbuta mal‑logħob kif ukoll ta’ prevenzjoni ta’ problemi ta’ natura soċjali b’mod ġenerali.
30 Kif osservat il‑Kummissjoni Ewropea fl‑osservazzjonijiet tagħha u l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 68 tal‑konklużjonijiet tiegħu, ċerti għanijiet jistgħu eventwalment jiġġustifikaw l‑impożizzjoni fuq operatur tal‑obbligu li jkollu forma legali partikolari. Fil‑fatt, l‑obbligi li huma marbuta bihom il‑kumpanniji b’responsabbiltà limitata, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑organizzazzjoni interna tagħhom, taż‑żamma tal‑kontijiet tagħhom, tal‑kontrolli li jistgħu jkunu suġġetti għalihom u tar‑relazzjonijiet ma’ terzi, jistgħu, fid‑dawl tal‑karatteristiċi speċifiċi tas‑settur tal‑logħob u tal‑perikoli relatati ma’ dan is‑settur, jiġġustifikaw tali obbligu.
31 L‑evalwazzjoni li għandha ssir dwar il‑kwistjoni jekk, fil‑kawża ineżami, ir‑rekwiżit li l‑operatur ikollu l‑forma legali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata għandux effettivament tali għanijiet u jekk dawn l‑għanijiet jistgħux jikkostitwixxu ġustifikazzjoni bħala miżura derogatorja espressament prevista mit‑Trattat jew bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali rikonoxxuta mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, kif ukoll, jekk ikun il‑każ, jekk l‑imsemmi rekwiżit josservax il‑prinċipju ta’ proporzjonalità ma tistax issir mingħajr elementi ta’ informazzjoni addizzjonali. F’tali ċirkustanzi, huma l‑qrati nazzjonali li għandhom jagħmlu din l‑evalwazzjoni.
Fuq l‑obbligu impost fuq id‑detenturi ta’ konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fit‑territorju nazzjonali
32 Kif osserva essenzjalment l‑Avukat Ġenerali fil‑punti 51 u 52 tal‑konklużjonijiet tiegħu, l‑obbligu impost fuq id‑detenturi ta’ konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fit‑territorju nazzjonali jikkostitwixxi restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment fis‑sens tal‑Artikolu 43 KE sa fejn dan l‑obbligu jiddiskrimina kontra l‑kumpanniji li l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom ikun fi Stat Membru ieħor u jipprekludi lil dawn il‑kumpanniji milli joperaw, permezz ta’ aġenzija, fergħa jew sussidjarja, stabbilimenti tal‑logħob fl‑Awstrija.
33 Din il‑konstatazzjoni b’ebda mod ma hija mdgħajfa mill‑fatt, invokat mill‑Gvern Awstrijak, li dan l‑obbligu japplika għall‑operaturi biss mill‑mument li fih jintgħażlu u għat‑tul tal‑konċessjoni. Fil‑fatt, kif osserva l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 62 tal‑konklużjonijiet tiegħu, tali obbligu jista’ jkun ta’ natura li jiddiswadi lill‑kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jressqu l‑applikazzjoni tagħhom minħabba l‑ispejjeż ta’ stabbiliment u ta’ installazzjoni fl‑Awstrija li huma jkolhom jidħlu għalihom fil‑każ li tintlaqa’ l‑applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, din is‑sistema ma tippermettix li jiġi evitat li kumpannija li jkollha l‑uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor tiġi prekluża milli topera stabbilimenti tal‑logħob fit‑territorju Awstrijak permezz ta’ aġenzija, fergħa jew sussidjarja.
34 F’dan ir‑rigward, mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li sa fejn restrizzjoni, bħal dik ikkonstatata f’din il‑kawża, ikollha natura diskriminatorja, din ir‑restrizzjoni tkun kompatibbli mad‑dritt tal‑Unjoni biss jekk taqa’ taħt dispożizzjoni derogatorja espressa, bħall‑Artikolu 46 KE, jiġifieri l‑ordni pubbliku, is‑sigurtà pubblika u s‑saħħa pubblika (sentenzi tas‑16 ta’ Jananr 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑388/01, Ġabra p. I‑721, punt 19, u tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑153/08, Ġabra p. I‑9735, punt 37).
35 Barra minn hekk, tali restrizzjoni għandha tissodisfa l‑kundizzjonijiet li jirriżultaw mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fir‑rigward tal‑proporzjonalità tagħha u tista’ titqies li hija adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l‑għan invokat biss jekk tissodisfa verament l‑intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punti 59 sa 61).
36 Il‑Gvern Awstrijak isostni li l‑għan tal‑obbligu impost fuq id‑detenturi ta’ konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fit‑territorju nazzjonali huwa li jkun possibbli jsir kontroll effettiv tal‑operaturi attivi fis‑settur tal‑logħob tal‑ażżard, u dan bil‑għan li jiġi evitat l‑operat ta’ dawn l‑attivitajiet għal finijiet kriminali jew frawdolenti. Dan l‑obbligu jippermetti, b’mod partikolari, li jkun eżerċitat ċertu kontroll fuq id‑deċiżjonijiet meħuda mill‑organi tal‑kumpanniji minħabba l‑preżenza, fi ħdan organi bħall‑kumitat ta’ sorveljanza, ta’ rappreżentanti tal‑Istat.
37 Mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk dan l‑għan jistax ikun kopert mill‑kunċett ta’ ordni pubbliku, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir‑rigward li l‑esklużjoni kategorika tal‑operaturi li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor tidher li hija sproporzjonata sa fejn tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi miġġielda l‑kriminalità. Fil‑fatt, jeżistu diversi mezzi sabiex jiġu kkontrollati l‑attivitajiet u l‑kontijiet ta’ dawn l‑operaturi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et, C‑243/01, Ġabra p. I‑13031, punt 74; tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 62, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).
38 Jistgħu jissemmew, b’mod partikolari, il‑possibbiltà li tkun meħtieġa ż‑żamma ta’ kontijiet separati għal kull stabbiliment tal‑logħob tal‑istess operatur, li jiġu vverifikati minn awditur estern, il‑possibbiltà li tinkiseb il‑komunikazzjoni sistematika tad‑deċiżjonijiet tal‑organi tad‑detenturi ta’ konċessjonijiet kif ukoll il‑possibbiltà li tinġabar informazzjoni dwar id‑diriġenti jew l‑azzjonarji prinċipali tagħhom. Barra minn hekk, kif osserva l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 60 tal‑konklużjonijiet tiegħu, jistgħu jsiru kontrolli fuq kull impriża stabbilita fi Stat Membru u jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet fuqha irrispettivament mill‑post ta’ residenza tad‑diriġenti tagħha.
39 Barra minn hekk, fid‑dawl tal‑attività inkwistjoni, jiġifieri l‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob li jinsabu fit‑territorju Awstrijak, ma hemm xejn li jwaqqaf milli jsiru verifiki fil‑bini ta’ dawn l‑istabbilimenti sabiex, b’mod partikolari, tiġi evitata kull frodi min‑naħa tal‑operaturi għad‑detrimenti tal‑konsumaturi.
40 Għaldaqstant, ir‑risposta għall‑ewwel domanda għandha tkun li l‑Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li tirriżerva l‑operat tal‑logħob tal‑ażżard fl‑istabbilimenti tal‑logħob esklużivament għall‑operaturi li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fit‑territorju ta’ dan l‑Istat Membru.
Fuq it‑tielet domanda
41 Minkejja li t‑tielet domanda tikkonċerna, skont il‑formulazzjoni tagħha stess, il‑kundizzjonijiet diskriminatorji applikabbli, taħt il‑leġiżlazzjoni nazzjonali, għas‑sejħiet ta’ offerti fid‑dawl tal‑għoti tal‑konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob fl‑Awstrija, huwa paċifiku, fid‑dawl tal‑informazzjoni mogħtija mill‑Gvern Awstrijak, li ebda sejħa għal offerti ma ġiet organizzata u ebda trasparenza ma kienet żgurata meta Casinos Austria AG ingħatat, b’effett, rispettivament, mill‑1 ta’ Jannar 1998 u mill‑1 ta’ Jannar 2001, it‑tnax‑il konċessjoni eżistenti fid‑data tal‑fatti fil‑kawża prinċipali. Barra minn hekk, dawn it‑tnax‑il konċessjoni huma l‑konċessjonijiet kollha previsti mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali.
42 Għaldaqstant, it‑tielet domanda għandha tiġi interpretata bħala indirizzata lejn il‑kwistjoni jekk l‑Artikoli 43 KE u 49 jipprekludux l‑għoti, mingħajr ebda forma ta’ kompetizzjoni, tal‑konċessjonijiet kollha għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob fit‑territorju ta’ Stat Membru għal tul ta’ ħmistax‑il sena.
43 F’dan il‑kuntest jistgħu jiġu identifikati tliet restrizzjonijiet distinti, jiġifieri, l‑ewwel nett, il‑limitazzjoni tan‑numru tal‑konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob, it‑tieni nett, l‑għoti ta’ dawn il‑konċessjonijiet għal tul ta’ ħmistax‑il sena u, it‑tielet nett, il‑fatt li dan l‑għoti sar mingħajr ebda trasparenza. Għal kull waħda minn dawn ir‑restrizzjonijiet għandu jiġi eżaminat separatament, b’mod partikolari, jekk ir‑restrizzjoni hijiex adegwata sabiex tiżgura li jintlaħaq jew jintlaħqu l‑għan jew l‑għanijiet invokati mill‑Istat Membru inkwistjoni u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq jew jintlaħqu (sentenzi Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, kif ukoll tat‑8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, C‑46/08, Ġabra p. I‑0000, punt 60).
44 Fir‑rigward, l‑ewwel nett, tal‑fatt li n‑numru ta’ konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob huwa limitat, huwa paċifiku li tali limitazzjoni timplika ostakoli għal‑libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51).
45 Madankollu, suġġett għal verifika mill‑qorti tar‑rinviju, jidher li, fis‑settur ikkonċernat, limitazzjoni tan‑numru ta’ konċessjonijiet, u għalhekk tal‑istabbilimenti tal‑logħob, għal tnax, li skont l‑informazzjoni mogħtija mill‑Gvern Awstrijak ifisser stabbiliment għal kull 750 000 abitant, tippermetti, min‑natura tagħha stess, li jiġu limitati l‑opportunitajiet ta’ logħob u għalhekk li jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mid‑dritt tal‑Unjoni (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Gambelli et, punti 62 u 67; Placanica et, punt 53, kif ukoll Carmen Media Group, punt 84). Minħabba li l‑konsumaturi jkollhom jivvjaġġaw sabiex jaslu fil‑bini ta’ stabbiliment fejn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil‑logħob tal‑ażżard inkwistjoni, limitazzjoni tan‑numru ta’ dawn l‑istabbilimenti għandha l‑konsegwenza li ssaħħaħ l‑ostakoli għall‑parteċipazzjoni f’tali logħob.
46 Fir‑rigward, fit‑tieni lok, tat‑tul tal‑konċessjonijiet, mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li l‑għoti ta’ konċessjonijiet għal tul ta’ żmien li jista’ jkun sa ħmistax‑il sena huwa ta’ natura li jfixkel, jekk mhux ukoll jipprojbixxi, l‑eżerċizzju, minn operaturi li jinsabu fi Stati Membri oħra, tal‑libertajiet iggarantiti permezz tal‑Artikoli 43 KE u 49 KE, u jikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni għall‑eżerċizzju ta’ dawn il‑libertajiet (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑323/03, Ġabra p. I‑2161, punt 44).
47 Fir‑rigward tal‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà ta’ din ir‑restrizzjoni mad‑dritt tal‑Unjoni, għandu jiġi mfakkar li l‑libertà ta’ stabbiliment u l‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħala prinċipji fundamentali tat‑Trattat, jistgħu jiġu limitati biss permezz ta’ dispożizzjonijiet ġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li japplikaw għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit‑territorju tal‑Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, sabiex tkun ġustifikata b’dan il‑mod, id‑dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l‑għan tagħha u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l‑għan jintlaħaq (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
48 Dan jidher li huwa l‑każ f’din il‑kawża fejn l‑għoti ta’ konċessjonijiet għal tul ta’ żmien li jista’ jkun sa ħmistax‑il sena jidher li, suġġett għal verifika mill‑qorti tar‑rinviju, huwa ġustifikat fid‑dawl, b’mod partikolari, tal‑ħtieġa tal‑konċessjonarju li jkollu żmien twil biżżejjed sabiex jifdi l‑investimenti meħtieġa għall‑ħolqien ta’ stabbiliment tal‑logħob.
49 Fir‑rigward, fit‑tielet lok, tal‑proċedura tal‑għoti tal‑konċessjonijiet inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li, għalkemm, fl‑istat attwali tad‑dritt tal‑Unjoni, il‑konċessjonijiet ta’ servizzi ma humiex irregolati minn waħda mid‑direttivi li permezz tagħhom il‑leġiżlatur tal‑Unjoni rregola l‑qasam tal‑kuntratti pubbliċi, l‑awtoritajiet pubbliċi li jagħtu tali konċessjonijiet huma madankollu marbuta li josservaw ir‑regoli fundamentali tat‑Trattati, b’mod partikolari l‑Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, Ġabra p. I‑10745, punti 60 u 61; tal‑21 ta’ Lulju 2005, Coname, C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punti 16 sa 19; tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punti 46 sa 48; tat‑13 ta’ April 2010, Wall, C‑91/08, Ġabra p. I‑2815, punt 33, u tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange, C‑203/08, Ġabra p. I‑0000, punt 39).
50 Mingħajr ma jimplika neċessarjament obbligu li tinżamm sejħa għal offerti, dan l‑obbligu ta’ trasparenza, li japplika meta l‑konċessjoni ta’ sevizzi kkonċernata tkun ta’ natura li tista’ tinteressa impriża stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak li fih tingħata din il‑konċessjoni, jeżiġi li l‑awtorità li tagħti l‑konċessjoni tiggarantixxi, favur kull offerent potenzjali, livell ta’ pubbliċità adegwat li jippermetti li l‑konċessjoni ta’ servizzi tkun miftuħa għall‑kompetizzjoni kif ukoll il‑kontroll tal‑imparzjalità tal‑proċeduri tal‑għoti (sentenza Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41, kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).
51 L‑għoti ta’ konċessjoni, mingħajr l‑ebda trasparenza, lil operatur stabbilit fl‑Istat Membru tal‑awtorità li tagħti l‑konċessjoni jikkostitwixxi effettivament differenza fit‑trattament għad‑detriment tal‑operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li ma jkollhom ebda possibbiltà reali li juru l‑interess tagħhom fil‑kisba tal‑konċessjoni inkwistjoni. Tali differenza fit‑trattament hija kuntrarja għall‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza u tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba ċittadinanza pprojbita mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE, sakemm din id‑differenza ma tkunx iġġustifikata minħabba ċirkustanzi oġġettivi (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, kif ukoll tas‑17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, Ġabra p. I‑5641, punti 59 u 60).
52 Il‑fatt li l‑ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob ma huwiex ekwivalenti għal kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi ma jistax jiġġustifika, fih innifsu, in‑nuqqas ta’ osservanza tar‑rekwiżiti li jirriżulta mill‑Artikolu 49 KE, b’mod partikolari l‑prinċipju ta’ trattament ugwali u l‑obbligu ta’ trasparenza (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).
53 Fil‑fatt, l‑obbligu ta’ trasparenza huwa prerekwiżit obbligatorju għad‑dritt ta’ Stat Membru li jagħti awtorizzazzjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob, irrispettivament mill‑metodu tal‑għażla tal‑operaturi minħabba li l‑effetti tal‑għoti ta’ tali awtorizzazzjonijiet fil‑konfront tal‑impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra u li potenzjalment ikunu interessati fl‑eżerċizzju ta’ din l‑attività huma l‑istess bħall‑effetti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi.
54 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, meta fi Stat Membru tkun stabbilita sistema ta’ awtorizzazzjoni li jkollha għanijiet leġittimi rikonoxxuti mill‑ġurisprudenza, tali sistema ta’ awtorizzazzjoni ma tistax tilleġittima aġir arbitrarju min‑naħa tal‑awtoritajiet nazzjonali ta’ natura li jġib fix‑xejn l‑effettività tad‑dispożizzjonijiet tad‑dritt tal‑Unjoni, b’mod partikolari dawk dwar il‑libertajiet fundamentali bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sporting Exchange, punt 49, u Carmen Media Group, punt 86).
55 Fil‑fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel tkun ġustifikata minkejja li tidderoga minn tali libertajiet fundamentali, tali sistema għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’tali mod li tistabbilixxi l‑limiti tal‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tal‑awtoritajiet nazzjonali sabiex tali setgħa ma tintużax b’mod arbitrarju. Barra minn hekk, kull persuna milquta minn miżura restrittiva bbażata fuq tali deroga għandha tkun tista’ tirrikorri għal rimedju effettiv ta’ natura ġudizzjarja (ara s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sporting Exchange, punt 50, u Carmen Media Group, punt 87).
56 Fil‑kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l‑assenza totali ta’ trasparenza għall‑finijiet tal‑għoti tal‑konċessjonijiet għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 1998 u mill‑1 ta’ Jannar 2001, ma hijiex konformi mal‑Artikoli 43 KE u 49 KE.
57 F’dan ir‑rigward il‑Gvern Awstrijak osserva sempliċement li l‑proċedura għall‑għoti tal‑konċessjonijiet kienet konformi mad‑dritt nazzjonali li kien fis‑seħħ f’dak iż‑żmien u li ebda rekwiżit ta’ trasparenza ma seta’ jiġi dedott, f’dak iż‑żmien, mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja. Dan il‑gvern isostni wkoll li l‑operaturi li kienu jissodisfaw il‑kundizzjonijiet previsti mil‑leġiżlazzjoni applikabbli setgħu jippreżentaw fuq inizjattiva tagħhom stess applikazzjonijiet għall‑għoti ta’ konċessjoni. Issa, ebda waħda minn dawn iċ‑ċirkustanzi ma tikkostitwixxi ġustifikazzjoni taħt miżura derogatorja espressament prevista mit‑Trattat jew minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali rikonoxxuta mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tista’ tiġġustifika l‑għoti tal‑konċessjonijiet inkwistjoni fil‑kawża prinċipali fl‑assenza ta’ kull trasparenza.
58 Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet kollha, ir‑risposta li għandha tingħata għat‑tielet domanda hija li l‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll mill‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, jipprekludi l‑għoti, mingħajr ebda forma ta’ kompetizzjoni, tal‑konċessjonijiet kollha għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob fit‑territorju ta’ Stat Membru.
Fuq it‑tieni domanda
59 Fid‑dawl tar‑risposti mogħtija għall‑ewwel u għat‑tielet domandi, kif ukoll fid‑dawl tal‑fatt li l‑qorti tar‑rinviju tistabbilixxi, kif ġie indikat fil‑punt 26 ta’ din is‑sentenza, rabta bejn l‑elementi li jikkostitwixxu r‑reat li bih E. Engelmann jinsab akkużat u l‑kwistjoni jekk dan ġiex eskluż legalment mill‑possibbiltà li jikseb konċessjoni, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat‑tieni domanda.
Fuq l‑ispejjeż
60 Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija dik il‑qorti li għandha tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L‑Artikolu 43 KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l‑operat tal‑logħob tal‑ażżard fl‑istabbilimenti tal‑logħob esklużivament għall‑operaturi li jkollhom l‑uffiċċju rreġistrat tagħhom fit‑territorju ta’ dan l‑Istat Membru.
2) L‑obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill‑Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll mill‑prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza jipprekludi l‑għoti, mingħajr ebda forma ta’ kompetizzjoni, tal‑konċessjonijiet kollha għall‑operat ta’ stabbilimenti tal‑logħob fit‑territorju ta’ Stat Membru.
Firem
* Lingwa tal‑kawża: il‑Ġermaniż.