EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0229

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Jannar 2010.
Colin Wolf vs Stadt Frankfurt am Main.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Frankfurt am Main - il-Ġermanja.
Direttiva 2000/78/KE - Artikolu 4(1) - Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa għal 30 sena l-età massima għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fil-korp ta’ impjieg tal-pompieri - Għan segwit - Kunċett ta’ ‘ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol’.
Kawża C-229/08.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:3

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

“Direttiva 2000/78/KE — Artikolu 4(1) — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa għal 30 sena l-età massima għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali fil-korp tal-pompieri — Għan li għandu jintlaħaq — Kunċett ta’ ‘ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol’”

Fil-Kawża C-229/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Mejju 2008, fil-proċedura

Colin Wolf

vs

Stadt Frankfurt am Main,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President, E. Levits, P. Lindh (Relatur), Presidenti tal-Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, P. Kūris, A. Borg Barthet, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn B. Murray, SC u P. McGarry, BL,

għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante u M. Russo, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u B. Conte, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 4 p. 79, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Wolf u Stadt Frankfurt am Main (il-Ġermanja) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni l-kandidatura ta’ C. Wolf għar-reklutaġġ fil-korp ta’ impjieg tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri, minħabba li kien qabeż il-limitu ta’ età ta’ 30 sena.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 13 KE. Il-premessi 9, 11, 18 u 25 ta’ din id-direttiva huma fformulati kif ġej:

“(9)

L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

[…]

(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

[…]

(18)

Din id-Direttiva ma teħtieġx, b’mod partikolari, illi l-forzi armati u l-pulizija, is-servizz tal-ħabsijiet jew ta’ l-emerġenza jirreklutaw jew iżommu fl-impjieg persuni li ma jkollhomx il-kapaċità rikjesta biex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba illi jwettqu fir-rigward ta’ l-għan leġittimu li tinżamm il-kapaċità operattiva ta’ dawn is-servizzi.

[…]

(25)

Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikolari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

4

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, sabiex jiġi implementat, fl-Istati Membri, il-prinċipju tat-trattament ugwali.

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva jistabbilixxi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament [trattament ugwali]’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

[…]”

6

L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva jippreċiża:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni”.

7

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva huwa fformulat hekk:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikolari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina [essenzjali] u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

8

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

9

L-Artikolu 17 tad-Direttiva huwa fformulat hekk:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi […]”

10

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva, it-traspożizzjoni tagħha fis-sistema legali tal-Istati Membri kellha ssir sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003. Madankollu, skont it-tieni paragrafu tal-istess artikolu:

“Sabiex jittieħed kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri [setgħu], jekk neċessarju, jkollhom perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri total ta’ 6 snin, biex jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u ta’ diżabilità. F’ dak il-kaz [kellhom] jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih […]”

11

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja użat din il-possibbiltà, b’mod li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u d-diżabbiltà kellha ssir f’dan l-Istat Membru mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2006.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-leġiżlazzjoni tal-Land de Hesse

12

Ir-Regolament dwar il-Karrieri tal-Uffiċjali tas-Servizzi ta’ Intervent tal-Pompieri Professjonali tal-Land ta’ Hesse (Hessische Feuerwehrlaufbahnverordnung), tal-21 ta’ Diċembru 1994 (iktar ’il quddiem il-“FeuerwLVO”), jipprovdi, fil-punt 1 tal-Artikolu 3(1) tiegħu, li biss dawk il-persuni li ma għandhomx iktar minn 30 sena jistgħu jiġi rreklutati fil-korp ta’ impjieg tas-servizz intermedjarju.

13

L-Artikoli 194 u 197 tal-Liġi dwar is-Servizz Pubbliku tal-Land de Hesse (Hessisches Beamtengesetz), tal-21 ta’ Marzu 1962 (GVBl. 1962 I, p. 26), huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 194 — Irtirar

(1)   L-uffiċjali tal-pulizija li jkollhom pożizzjoni permanenti joħorġu bil-pensjoni fi tmiem ix-xahar li matulu jagħlqu sittin sena (limitu ta’ età).

(2)   Fl-interess tas-servizz u fuq talba tal-uffiċjal tal-pulizija, l-irtirar jista’ jiġi pospost għal wara l-għeluq tal-età ta’ sittin sena, għal terminu definit ta’ mhux iktar minn sena kull darba, u dan sal-età massima ta’ tnejn u sittin sena magħluqa.

[…]

Artikolu 197 — Status legali

(1)   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 187 u 192 sa 194 japplikaw b’mod analogu għall-uffiċjali tas-servizzi ta’ intervent tal-pompieri professjonali.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni federali

14

Il-Liġi dwar il-Pensjoni tal-Uffiċjali u tal-Imħallfin Federali u Reġjonali (Gesetz über die Versorgung der Beamten und Richter in Bund und Ländern), tal-24 ta’ Awwissu 1976 (BGBl. 1976 I, p. 3839), tipprovdi fl-Artikoli 4 u 14 tagħha, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali:

“Artikolu 4 — Ftuħ u kalkolu tad-dritt għall-pensjoni

(1)   Pensjoni tingħata biss jekk l-uffiċjal

1.

ikun għamel perijodu ta’ servizz ta’ mhux inqas minn ħames snin […]

Artikolu 14 — Ammont tal-pensjoni

(1)   Għal kull sena tas-servizz li tagħti dritt għall-pensjoni, il-pensjoni tammonta għal 1.79375% tal-ħlasijiet li jagħtu dritt għall-pensjoni (Artikolu 5), iżda mingħajr ma taqbeż it-total ta’ 71.75%.

[…]

(4)   Il-pensjoni tammonta tal-inqas għal 35% tal-ħlasijiet li jagħtu dritt għall-pensjoni (Artikolu 5).

[…]”

15

Il-Liġi Ġenerali dwar it-Trattament Ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”), ittrasponiet id-Direttiva.

16

L-Artikoli 1, 3, 7, 10 u 15 tal-AGG huma fformulati hekk:

“Artikolu 1 — Skop tal-liġi

Din il-liġi għandha l-iskop li tipprojbixxi jew telimina kull żvantaġġ ibbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali.

Artikolu 3 — Tifsir

(1)   Ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta, fuq il-bażi ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1, persuna tiġi ttrattata b’mod anqas favorevoli milli persuna oħra hija, kienet jew tista’ tkun f’sitwazzjoni komparabbli […]

[…]

Artikolu 7 — Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni

(1)   Il-ħaddiema ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ wieħed mill-motivi elenkati fl-Artikolu 1 […]

(2)   Id-dispożizzjonijiet li, fi ftehim, jiksru l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1 huma nulli.

[…]

Artikolu 10 — Awtorizzazzjoni tad-differenza ta’ trattament abbażi tal-età

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, differenza ta’ trattament bbażata fuq l-età hija wkoll awtorizzata meta hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu. Il-mezzi li jintużaw sabiex jitwettaq dan il-għan jistgħu b’mod partikolari jinkludu:

[…]

3.

l-iffissar ta’ età massima għar-reklutaġġ, ibbażata fuq taħriġ speċifiku meħtieġ għall-pożizzjoni kkonċernata jew fuq in-neċessità ta’ perijodu ta’ impjieg raġonevoli qabel l-irtirar.

[…]

Article 15 — Kumpens u danni

(1)   F’każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, min iħaddem huwa obbligat li jħallas kumpens għad-dannu kkawżat. Dan ma jkunx il-każ jekk min iħaddem ma jkunx responsabbli għall-ksur.

(2)   Il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens finanzjarju xieraq għal dannu mhux patrimonjali. F’każ ta’ nuqqas ta’ reklutaġġ, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn tliet xhur salarju jekk il-ħaddiem ma kienx jiġi rreklutat f’każ ta’ għażla mhux diskriminatorja.

(3)   F’każ ta’ applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv, min iħaddem ikun obbligat iħallas kumpens fil-każ biss li jkun aġixxa intenzjonalment jew b’negliġenza gravi.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

B’ittra li waslet fid-Direttorat tas-Servizzi ta’ Tifi tan-Nar tal-iStadt Frankfurt am Main fl-4 ta’ Ottubru 2006, C. Wolf, imwieled fid-9 ta’ Diċembru 1976, applika għal reklutaġġ fil-korp ta’ impjieg tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri.

18

Fit-13 ta’ Novembru 2006, l-iStadt Frankfurt am Main spjegat lil C. Wolf li r-reklutaġġ li kien imiss kellu jseħħ fl-1 ta’ Awwissu 2007. Madankollu din id-data ġiet iddifferita għall-1 ta’ Frar 2008, bi proċedura ta’ selezzjoni matul ix-xahar ta’ Awwissu 2007.

19

B’ittra tat-28 ta’ Frar 2007, l-iStadt Frankfurt am Main informat lil C. Wolf li hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-kandidatura tiegħu minħabba li kien jaqbeż il-limitu tal-età ta’ 30 sena.

20

Fit-12 ta’ April 2007, C. Wolf talab lill-iStadt Frankfurt am Main danni abbażi tal-Artikolu 21 tal-AGG. L-ammont tad-danni mitlub jikkorrispondi għal tliet xhur paga li kieku kien jirċievi fil-każ ta’ reklutaġġ.

21

Peress li din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2007, li ġiet ikkonfermata fl-10 ta’ Ottubru 2007, C. Wolf talab lill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main tannulla d-deċiżjonijiet tal-4 ta’ Mejju u tal-10 ta’ Ottubru 2007 kif ukoll tikkundanna lill-iStadt Frankfurt am Main għall-ħlas tad-danni.

22

Quddiem din il-qorti, C. Wolf sostna li l-FeuerwLVO hija kuntrarja għall-AGG.

23

Peress li l-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main għandha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża mal-Artikoli 6 u 17 tad-Direttiva, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“(1)

Il-leġiżlatur nazzjonali għandu marġni ġenerali wiesa’ ta’ diskrezzjoni u ta’ organizzazzjoni sabiex juża l-possibbiltà għal manuvra fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […] jew din id-diskrezzjoni hija, f’kull każ, limitata għal dak li huwa neċessarju f’dak li jikkonċerna l-iffissar ta’ età massima ta’ reklutaġġ fid-dawl tal-ħtieġa ta’ perijodu ta’ impieg minimu qabel l-irtirar, skont il-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […]?

(2)

Ir-rekwiżit ta’ ħtieġa fil-punt (ċ) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […] jispeċifika n-natura xierqa tal-mezzi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […] f’termini iktar konkreti, u b’hekk jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ġenerali?

(3)

(a)

Il-fatt li, permezz ta’ età massima ta’ reklutaġġ, min iħaddem isegwi l-interess tiegħu billi jimpjega uffiċjali li jkunu ser jibqgħu f’servizz attiv l-iktar żmien possibbli jikkostitwixxi għan leġittimu għal min iħaddem fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […]?

(b)

It-twettiq ta’ tali għan mhuwiex approprjat diġà meta dan għandu l-konsegwenza li l-uffiċjali jibqgħu fis-servizz għal iktar miż-żmien neċessarju sabiex ikollhom dritt għall-pensjoni minima ggarantita mil-liġi fil-każ ta’ tluq għall-irtirar kmieni wara ħames snin ta’ servizz?

(ċ)

It-twettiq ta’ tali għan jsir mhux approprjat fil-każ biss li jkollu l-konsegwenza li l-uffiċjali jibqgħu fis-servizz għal iktar miż-żmien neċessarju, mill-aspett matematiku, għall-ksib tal-pensjoni minima ggarantita mil-liġi fil-każ ta’ rtirar kmieni — attwalment 19.51 snin?

(4)

(a)

Il-fatt li, permezz ta’ età massima ta’ reklutaġġ l-inqas għolja possibbli, jiġi limitat mill-iktar possibbli n-numru totali ta’ uffiċjali li għandhom jiġu reklutati sabiex jitnaqqas, mill-iktar possibbli, in-numru ta’ provvisti individwali bħall-assigurazzjoni għall-inċidenti jew l-assigurazzjoni kontra l-mard (allokazzjonijiet, għall-membri tal-familja wkoll) jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […]?

(b)

F’dan ir-rigward, x’importanza għandu jingħata l-fatt li, maż-żieda fl-età, il-provvista ta’ assistenza soċjali fil-każ ta’ inċident jew tal-allokazzjonijiet fil-każ ta’ mard (ukoll għall-membri tal-familja) togħla meta mqabbla ma’ dik tal-uffiċjali li huma iżgħar, b’tali mod li, fil-każ ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali ikbar fl-età, l-ispejjeż totali relatati ma’ din il-provvista jistgħu jogħlew?

(ċ)

F’dan ir-rigward, għandhom ikunu disponibbli pronjożi jew statistiċi ċerti jew huma biżżejjed preżunzjonijiet ġenerali bbażati fuq probabbiltà?

(5)

(a)

Il-fatt li min iħaddem jixtieq japplika ċerta età massima ta’ reklutaġġ sabiex jiggarantixxi ‘struttura ta’ età bbilanċjata fil-karrieri differenti’ jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […]?

(b)

Jekk dan ikun il-każ, liema huma r-rekwiżiti li l-kunsiderazzjonijiet rigward il-ħolqien ta’ tali struttura ta’ età għandhom jissodisfaw sabiex ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet għal element ta’ ġustifikazzjoni (natura approprjata u neċessarja)?

(6)

Fir-rigward tal-età massima ta’ reklutaġġ, il-fatt li min iħaddem jindika li huwa ġeneralment possibbli li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ reklutaġġ għal taħriġ fis-servizzi intermedjarji tal-pompieri, jiġifieri taħriġ skolastiku korrispondenti u taħriġ professjonali, sa meta din l-età tintlaħaq, jikkostitwixxi kunsiderazzjoni leġittima fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […]?

(7)

Liema huma l-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk perijodu minimu ta’ impjieg qabel l-irtirar huwiex approprjat jew neċessarju?

(a)

Il-ħtieġa ta’ perijodu minimu ta’ impjieg tista’ tiġi ġġustifikata esklużivament inkwantu kumpens għall-ksib ta’ kwalifika mingħand min iħaddem, iffinanzjata esklużivament min dan tal-aħħar (kwalifika għall-karriera fis-servizzi intermedjarji tal-pompieri) sabiex tiggarantixxi perijodu sussegwenti approprjat ma’ min iħaddem, fid-dawl ta’ din il-kwalifika, b’tali mod li l-ispejjeż ta’ taħriġ jkunu b’hekk imroddha lura gradwalment mill-uffiċjal?

(b)

Kemm huwa t-tul taż-żmien massimu tal-perijodu ta’ impjieg wara l-perijodu ta’ taħriġ? Jista’ jaqbeż il-ħames snin u, jekk iva, f’liema ċirkustanzi?

(ċ)

Indipendentement mir-risposta għad-domanda 7(a), in-natura approprjata jew neċessarja ta’ perijodu massimu ta’ impjieg tista’ tiġi ġġustifikata mill-kunsiderazzjoni li, għall-uffiċjali li l-irtirar tagħhom huwa ffinanzjat esklużivament minn min iħaddem, il-perijodu previdibbli ta’ impjieg attiv bejn id-data tar-reklutaġġ u d-data probabbli ta’ rtirar għandu jkun biżżejjed biex jiggarantixxi l-kisba tal-pensjoni minima ggarantita mil-liġi li hija bħalissa matematikament miksuba wara perijodu ta’ impjieg ta’ 19.51 snin?

(d)

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […], ir-rifjut ta’ reklutaġġ huwa ġustifikat biss meta l-persuna kkonċernata hija rreklutata f’età li twassal, fid-dawl tad-data probabbli ta’ rtirar, għall-ħlas tal-pensjoni minima għalkemm din ma tkunx inkisbet mill-aspett matematiku?

(8)

(a)

Għall-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ rtirar fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt (ċ) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […], għandu wieħed japplika l-limitu ta’ età stabbilit mil-liġi għall-irtirar mal-ġbir sussegwenti ta’ pensjoni jew għandu wieħed jibbaża ruħu fuq l-età medja ta’ rtirar ta’ kategorija professjonali jew ta’ uffiċjali speċifika?

(b)

Jekk ikun il-każ, sa fejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal ċerti uffiċjali, l-irtirar normali jista’ jiġi pospost għal tul ta’ żmien li jista’ jilħaq sentejn? Dan il-fatt iwassal għal żieda korrispondenti fl-età massima ta’ reklutaġġ?

(9)

Għall-kalkolu tal-perijodu ta’ impjieg minimu fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […], it-taħrig li għandu, qabel kollox, jitlesta fil-kuntest tax-xogħol ta’ uffiċjal, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni? F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk it-tul taż-żmien tat-taħriġ għandux jittieħed kollu kemm hu inkunsiderazzjoni bħala perijodu ta’ impjieg li jagħti d-dritt għall-pensjoni jew jekk dan il-perijodu ta’ taħriġ għandux jitnaqqas mill-perijodu ta’ impjieg minimu li min iħaddem jista’ jeżiġi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-punt (ċ) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva […] hija importanti?

(10)

Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 15(3) tal-[AGG] huma kompatibbli mal-Artikolu 17 tad-Direttiva […]?”

Fuq id-domandi preliminari

24

Bl-ewwel disa’ domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-marġni ta’ manuvra li għandu l-leġiżlatur nazzjonali sabiex jipprovdi li differenzi ta’ trattament ibbażati fuq l-età ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt Komunitarju. Hija tistaqsi b’mod partikolari jekk għanijiet bħal dawk li tiġi żgurata karriera twila għall-uffiċjali, li jitnaqqsu l-ammonti tal-benefiċċji soċjali, li tinħoloq struttura tal-etajiet ekwilibrata fi professjoni jew li jiġi żgurat perijodu minimu ta’ impjieg qabel l-irtirar humiex leġittimi fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva u jekk l-iffissar ta’ 30 sena tal-età massima ta’ reklutaġġ fil-korp ta’ impjieg tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri huwiex mezz xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

25

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu l-ewwel jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jekk tinkludix differenza ta’ trattament fis-sens tal-imsemmija direttiva u, fl-affermattiv, jekk din id-differenza ta’ trattament hijiex iġġustifikata jew le.

26

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tapplika, fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità, “għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda […] il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali” (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C-88/08, Ġabra p. I-5325, punt 34).

27

Mill-Artikolu 3 tal-FeuerwLVO jirriżulta li huma biss il-persuni li ma għandhomx iktar minn 30 sena li jistgħu jiġu rreklutati fil-korp ta’ impjieg tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri professjonali. Din id-dispożizzjoni għalhekk taffettwa l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ fil-korp ta’ impjieg. Għalhekk, leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi kkunsidrata li tistabbilixxi regoli fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva.

28

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix differenza ta’ trattament skont l-età f’dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, għall-iskopijiet ta’ din tal-aħħar, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ifisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna hija trattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni komparabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Palacios de la Villa, punt 50, u Age Concern England, punt 33).

29

L-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-FeuerwLVO għandha bħala konsegwenza li persuni huma ttrattati b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuni oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli minħabba li qabżu l-età ta’ 30 sena. Tali dispożizzjoni tintroduċi differenza ta’ trattament bbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva.

30

Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat, kif titlob il-qorti tar-rinviju, jekk id-differenza ta’ trattament li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-FeuerwLVO hijiex iġġustifikata jew le fid-dawl tad-Direttiva.

31

Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li għandu jiġi vverifikat jekk id-differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età setgħetx tkun iġġustifikata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-AGG li, essenzjalment, jirriproduċi l-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Għalhekk hija ffokat id-diversi domandi tagħha fuq din id-dispożizzjoni tad-Direttiva u eskludiet mill-ewwel il-possibbiltà li d-differenza ta’ trattament tista’, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, il-kapaċità fiżika tal-kandidat għar-reklutaġġ fil-korp ta’ impjieg tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri hija evalwata matul proċedura ta’ selezzjoni separata, li C. Wolf ma ġiex ammess għaliha minħabba l-età tiegħu. Għalhekk, il-limitu ta’ età legali għall-aċċess għal dan il-korp ta’ impjieg ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4(1).

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, anki jekk, fuq il-livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva f’dak li jikkonċerna l-eżami ta’ ġustifikazzjoni għad-differenza ta’ trattament li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domanda tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Dyson, C-321/03, Ġabra p. I-687, punt 24; tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 Jannar 2008, Lianakis et, C-532/06, Ġabra p. I-251, punt 23). F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ dritt Komunitarju li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C-115/08, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Kemm mir-risposti tal-Gvern Ġermaniż għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-osservazzjonijiet ta’ dan l-istess gvern waqt is-seduta jirriżulta li l-iffissar għal 30 sena għal-limitu tal-età għar-reklutaġġ tal-pompieri tas-servizz tekniku intermedjarju fil-Land de Hesse għandu l-għan li jiżgura n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-pompieri professjonali.

34

Fil-fatt, is-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri jirrikjedi, għal ċerti interventi, ħtiġiet fiżiċi eċċezzjonalment għolja li jistgħu jitwettqu biss mill-uffiċjali l-iktar żgħażagħ. Fid-dawl tal-proċess ta’ xjuħija pprovat medikament, l-uffiċjali li jkunu qabżu l-45 sa 50 sena ma jkunx għad għandhom dawn il-kapaċitajiet fiżiċi għolja u l-imsemmija interventi jkollhom jitwettqu mill-uffiċjali l-iktar żgħażagħ. B’hekk, l-età massima ta’ reklutaġġ hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-uffiċjali tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri jkunu jistgħu jwettqu l-missjonijiet li jippreżentaw ħtiġiet fiżiċi partikolarment għolja matul perijodu relattivament twil tal-karriera tagħhom.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont it-termini stess tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, “differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 [ta’ din id-direttiva] ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikolari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina [essenzjali] u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”. Minn dan jirriżulta li ma hijiex ir-raġuni li fuqha hija bbażata d-differenza ta’ trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ din ir-raġuni li għandha tikkostitwixxi ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol.

36

Sabiex jiġi eżaminat jekk id-differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età li tinsab fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex iġġustifikata, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-kapaċità fiżika hijiex karatteristika marbuta mal-età u jekk din tikkostitwixxix ħtieġa essenzjali u determinanti għall-attività professjonali inkwistjoni jew għall-eżerċizzju tagħha, sakemm l-għan intiż minn din il-leġiżlazzjoni huwa leġittimu u sakemm din il-ħtieġa hija proporzjonata.

37

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għan tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-għan li għandu jintlaħaq huwa li tiġi żgurata n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tal-korp tal-pompieri professjonali.

38

Fuq dan il-punt għandu jiġi osservat li l-korp tal-pompieri professjonali jagħmel parti mis-servizz ta’ emerġenza. Il-premessa 18 tad-Direttiva tippreċiża li din ma jistax ikollha l-effett li ġġiegħel lil dan is-servizz jirrekluta persuni li ma jkollhomx il-kapaċità meħtieġa sabiex jaqdu l-funzjonijiet kollha li huma jistgħu jkunu mitluba jwettqu fir-rigward tal-għan leġittimu li tinżamm in-natura operattiva tal-imsemmi servizz.

39

Għalhekk jidher li l-interess li tiġi żgurata n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizz tal-pompieri professjonali jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol għall-attività ta’ pompier jew għall-eżerċizzju tagħha, mill-ispjegazzjonijiet li ta l-Gvern Ġermaniż, li ma ġewx ikkontestati, jirriżulta li l-membri tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri jeżegwixxu l-kompiti attribwiti lill-pompieri professjonali fuq il-post. Kuntrarjament għall-funzjonijiet ta’ tmexxija u ta’ organizzazzjoni li jwettaq is-servizz tekniku tal-pompieri, l-attivitajiet tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri huma kkaratterizzati min-natura fiżika tagħhom. F’dan ir-rigward, il-membri ta’ dan is-servizz jipparteċipaw fit-tifi tan-nar, is-salvataġġ tal-persuni, xogħlijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, is-salvataġġ tal-annimali u l-protezzjoni mill-annimali perikolużi kif ukoll xogħlijiet ta’ sostenn, bħall-manutenzjoni u l-kontroll tat-tagħmir ta’ protezzjoni u tal-vetturi tal-interventi. Minn dan jirriżulta li l-fatt li wieħed ikollu kapaċitajiet fiżiċi partikolarment għolja jista’ jitqies bħala ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pompier tas-servizz tekniku intermedjarju.

41

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ħtieġa li persuna jkollha kapaċitajiet fiżiċi għolja hijiex marbuta mal-età, għandu jiġi osservat li l-Gvern Ġermaniż isostni, mingħajr ma jiġi kkontestat, li ċerti xogħlijiet fdati lill-membri tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri bħat-tifi tan-nar jew is-salvataġġ ta’ persuni, jeħtieġu kapaċitajiet fiżiċi eċċezzjonalment għolja u jistgħu jiġu eżerċitati biss minn uffiċjali żgħażagħ. Fuq dan il-punt, dan il-gvern jipproduċi data xjentifika li tirriżulta minn studji magħmula fil-qasam tal-mediċina tax-xogħol u tal-isport, li minnha jirriżulta li l-kapaċitajiet respiratorji, il-muskulatura u r-reżistenza jonqsu bl-età. B’hekk, huma ftit wisq dawk l-uffiċjali li għandhom iktar minn 45 sena u li għandhom il-kapaċitajiet fiżiċi suffiċjenti sabiex jeżerċitaw l-attività tagħhom fil-qasam tat-tifi tan-nar. Fil-qasam tas-salvataġġ ta’ persuni, huwa mal-50 sena li l-uffiċjali kkonċernati ma jkunx għad għandhom l-imsemmija kapaċitajiet. L-uffiċjali li jkunu qabżu dawn l-etajiet jaħdmu fis-setturi ta’ attività l-oħrajn imsemmija iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li l-ħtieġa li persuna jkollha l-kapaċità fiżika sħiħa sabiex teżerċita l-professjoni ta’ pompier tas-servizz tekniku intermedjarju hija marbuta mal-età tal-membri ta’ dan is-servizz.

42

Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li tiffissa għal 30 sena l-limitu tal-età massima ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali li għandhom kapaċitajiet fiżiċi għolja li jippermettu l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pompier tas-servizz tekniku intermedjarju hijiex proporzjonata, għandu jiġi eżaminat jekk dan il-limitu huwiex xieraq sabiex jintlaħaq l-għan intiż u jekk imurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

43

F’dan ir-rigward, kif għadu kemm intqal, ix-xogħlijiet ta’ tifi tan-nar u ta’ salvataġġ ta’ persuni, li huma f’idejn is-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri, jistgħu jitwettqu biss mill-uffiċjali l-iktar żgħażagħ. L-uffiċjali li għandhom iktar minn 45 jew 50 sena jagħmlu x-xogħlijiet l-oħra. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effikaċi tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri, jista’ jiġi kkunsidrat bħala neċessarju li l-maġġoranza tal-uffiċjali ta’ dan is-servizz ikunu f’pożizzjoni li jwettqu x-xogħlijiet eżiġenti fuq il-livell fiżiku u li jkollhom għalhekk inqas minn 45 jew 50 sena. Barra minn hekk, l-assenjazzjoni tal-uffiċjali li jkunu għalqu l-45 jew il-50 sena għal xogħlijiet li huma inqas eżiġenti fuq il-livell fiżiku tirrikjedi li dawn ikunu ssostitwiti minn uffiċjali żgħażagħ. Issa, l-età li uffiċjal ikollu meta jiġi rreklutat tiddetermina ż-żmien li matulu huwa jkun f’pożizzjoni li jwettaq x-xogħlijiet li huma eżiġenti fuq il-livell fiżiku. Il-funzjonarju rreklutat qabel l-età ta’ 30 sena, peress li għandu barra minn hekk isegwi taħriġ ta’ mill-inqas sentejn, jista’ jiġi assenjat għal dawn ix-xogħlijiet għal perijodu minimu ta’ bejn 15 u 20 sena. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi rreklutat fl-età ta’ 40 sena, dan il-perijodu jkun ta’ mill-iktar bejn 5 u 10 snin. Reklutaġġ f’età avvanzata jkollu l-konsegwenza li numru kbir wisq ta’ uffiċjali ma jkunux jistgħu jiġu assenjati għax-xogħlijiet li huma l-iktar eżiġenti fuq il-livell fiżiku. Bl-istess mod, tali reklutaġġ ma jippermettix li l-uffiċjali hekk reklutati jiġu assenjati għall-imsemmija xogħlijiet għal perijodu ta’ żmien twil biżżejjed. Fl-aħħar nett, kif sostna l-Gvern Ġermaniż, l-organizzazzjoni raġonevoli tal-korp tal-pompieri professjonali tirrikjedi, għas-servizz tekniku intermedjarju, korrelazzjoni bejn il-pożizzjonijiet li huma eżiġenti fuq il-livell fiżiku u mhux xierqa għall-uffiċjali li huma l-ikbar fl-età u l-pożizzjonijiet fiżikament inqas eżiġenti u xierqa għal dawn l-uffiċjali.

44

Għalhekk, jidher li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tiffissa għal 30 sena l-limitu tal-età massima għar-reklutaġġ fil-korp ta’ impjieg tas-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri tista’ tiġi kkunsidrata, minn naħa, li hija xierqa għall-għan li tiġi żgurata n-natura operattiva u l-funzjonament tajjeb tas-servizz tal-pompieri professjonali u, min-naħa l-oħra, li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

45

Peress li d-differenza fit-trattament skont l-età hija ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk din tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

46

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel sad-disa’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa għal 30 sena l-età massima għar-reklutaġġ fil-korp ta’ impjieg fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri.

47

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel sad-disa’ domandi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-għaxar domanda preliminari.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa għal 30 sena l-età massima għar-reklutaġġ fil-korp ta’ impjieg fis-servizz tekniku intermedjarju tal-pompieri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq