Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62009CJ0111
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 20 May 2010.#Česká podnikatelská pojišťovna as, Vienna Insurance Group v Michal Bilas.#Reference for a preliminary ruling: Okresní soud v Chebu - Czech Republic.#Regulation (EC) No 44/2001- Action brought by an insurer before the court of its place of domicile seeking the payment of an insurance premium by the policyholder, domiciled in a different Member State - Appearance of the defendant entered before the court seised - Jurisdiction not contested and defence as to substance - Entering an appearance conferring jurisdiction.#Case C-111/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-20 ta' Mejju 2010.
Česká podnikatelská pojišťovna as, Vienna Insurance Group vs Michal Bilas.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Okresní soud v Chebu - ir-Repubblika Ċeka.
Regolament (KE) Nru 44/2001 - Rikors ta’ assiguratur quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu intiż sabiex jikseb il-ħlas ta’ primjum ta’ assigurazzjoni mill-persuna assigurata ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor - Dehra tal-konvenut quddiem il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża - Nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni u difiża fuq il-mertu - Dehra bbażata fuq ġurisdizzjoni.
Kawża C-111/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-20 ta' Mejju 2010.
Česká podnikatelská pojišťovna as, Vienna Insurance Group vs Michal Bilas.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Okresní soud v Chebu - ir-Repubblika Ċeka.
Regolament (KE) Nru 44/2001 - Rikors ta’ assiguratur quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu intiż sabiex jikseb il-ħlas ta’ primjum ta’ assigurazzjoni mill-persuna assigurata ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor - Dehra tal-konvenut quddiem il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża - Nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni u difiża fuq il-mertu - Dehra bbażata fuq ġurisdizzjoni.
Kawża C-111/09.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2010:290
Kawża C-111/09
Česká podnikatelská pojišťovna as, Vienna Insurance Group
vs
Michal Bilas
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresní soud v Chebu)
“Regolament (KE) Nru 44/2001 — Rikors ta’ assiguratur quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu intiż sabiex jikseb il-ħlas ta’ primjum ta’ assigurazzjoni mill-persuna assigurata ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor — Dehra tal-konvenut quddiem il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża — Nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni u difiża fuq il-mertu — Dehra li tagħti lok għal ġurisdizzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Estensjoni ta’ ġurisdizzjoni — Dehra tal-konvenut mingħajr ma jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża
(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 24)
2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet — Raġunijiet għal rifjut — Nuqqas ta’ rikonoxximent tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament — Kamp ta’ applikazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 24 u 35)
1. L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, meta r-regoli msemmija fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament ma ġewx osservati, għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni meta l-konvenut jidher quddiemha u ma jressaqx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, peress li tali dehra tikkostitwixxi estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni.
Fil-fatt, it-tieni sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ġenerali u għalhekk, peress li tistabbilixxi l-eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali fuq l-estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Minn dan isegwi li din it-tieni sentenza ma għandhiex tinftiehem fis-sens li tippermetti li tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regola ġenerali stabbilita fl-ewwel sentenza tal-istess artikolu għal kawżi oħra li ma humiex dawk li għalihom tirreferi r-regola espressament, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva.
(ara l-punti 22-24, 26, 33 u d-dispożittiv)
2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li jipprovdu bħala raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent, il-ksur ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, jikkonċernaw in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni u li quddiemha l-kawża ma tressqitx b’osservanza ta’ dawn ir-regoli. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli meta d-deċiżjoni tingħata minn qorti li għandha ġurisdizzjoni. Dan jgħodd b’mod partikolari għal qorti li quddiemha titressaq il-kawża, anki jekk ma jiġux osservati l-imsemmija regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, li quddiemha jidher il-konvenut u ma jressaqx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Fil-fatt, tali qorti għandha ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, l-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament ma jipprojbixxix ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti.
(ara l-punti 28, 29)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ Mejju 2010 (*)
“Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikors ta’ assiguratur quddiem il‑qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu intiż sabiex jikseb il-ħlas ta’ primjum ta’ assigurazzjoni mill-persuna assigurata ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor – Dehra tal-konvenut quddiem il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża – Nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni u difiża fuq il-mertu – Dehra li tagħti lok għal ġurisdizzjoni”
Fil-Kawża C‑111/09,
li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Okresní soud v Chebu (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Marzu 2009, fil-proċedura
Česká podnikatelská pojišťovna as, Vienna Insurance Group
vs
Michal Bilas,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President ta’ Awla, C. Toader (Relatur), K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,
– għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët u M. Šimerdová, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 24 u 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Česká podnikatelská pojišťovna as, Vienna Insurance Group (iktar ’il quddiem, “ČPP”), kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fir-Repubblika Ċeka u, min-naħa l-oħra, M. Bilas, persuna assigurata ddomiċiljata fis-Slovakkja, rigward talba ta’ ħlas ta’ primjum tal-assigurazzjoni.
Il-kuntest ġuridiku
3 Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni huma stabbiliti mis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, li tinkludi l-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan tal-aħħar.
4 L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5.”
5 L-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(3), l-assiguratur jista’ jressaq proċedimenti biss fil-qrati tal-Istat Membru li fih id-difensur jkun ddomiċiljat, irrispettivament milli jekk ikunx dak li jkollu l-polza tal-assigurazzjoni, l-assigurat jew il-benefiċjarju.”
6 L-Artikolu 13 tal-istess regolament jipprovdi:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ din is-sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:
1) li jkun seħħ wara li tkun qamet il-kwistjoni, jew
[…]”
7 L-Artikolu 22 tas-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 stabbilixxa r-regoli fuq il-“Ġurisdizzjoni esklużiva”.
8 L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 7, intitolat “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, tal-Kapitolu II, jipprovdi:
“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola ma għandiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex ikun ikkontestat il-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 22.”
9 Is-Sezzjoni 8, intitolata “Eżami dwar ġurisdizzjoni u ammisibilità”, tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, tinkludi l-Artikoli 25 u 26.
10 L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament jipprovdi:
“Meta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment ikkonċernata b’materja li dwarha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 22, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li ma għandhiex ġurisdizzjoni.”
11 L-Artikolu 26(1), tal-istess regolament jistabbilixxi:
“Meta konvenut ddomiċiljat fi Stat Membru wieħed ikun imfittex f’qorti ta’ Stat Membru ieħor u li ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara, bl-inizjattiva tagħha stess, li ma għandhiex ġurisdizzjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”
12 L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa msemmi fil-Kapitolu III, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, taħt is-Sezzjoni 1, din stess intitolata “Rikonoxximent”, jaqra kif ġej:
“1. Iktar minn hekk, sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 tal-Kapitolu II, jew fil-każ previst fl-Artikolu 72.”
[...]
3. Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 tal-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 Fl-14 ta’ April 2008, ČPP ippreżentat kawża kontra M. Bilas quddiem il-qorti tar-rinviju, sabiex tikseb il-kundanna ta’ dan tal-aħħar għall-ħlas tal-ammont ta’ CZK 1 755, flimkien mal-interessi moratorji, skont il-primjum dovut taħt kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn il-partijiet fit-30 ta’ Mejju 2002.
14 Meta ġie mistieden mill-Okresní soud v Chebu sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu, M. Bilas ikkontesta l-mertu tat-talba ta’ ČPP, mingħajr ma qajjem l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża.
15 Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-Okresní soud v Chebu sostniet li, mir-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ tali eċċezzjoni hija ma tistax tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha peress li l-kawża ma taqax taħt l-ambitu tal-każijiet previsti fl-Artikoli 25 u 26 ta’ dan ir-regolament.
16 Hija ssostni wkoll li, jekk taġixxi fuq il-mertu mingħajr ma tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha, id-deċiżjoni tagħha ma tistax tiġi rrikonoxxuta fis-sens tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li fi Stat Membru tiġi rrikonoxxuta deċiżjoni li ma ngħatatx minn qorti li għandha ġurisdizzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet fis-Sezzjonijiet 3, 4 u 6 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament. Issa, skont l-Okresní soud v Chebu, peress li l-kawża tressqet quddiemha mingħajr ma ġie osservat l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament, id-deċiżjoni tagħha ma tistax tiġi rrikonoxxuta fi Stat Membru ieħor.
17 Għalhekk il-qorti tar-rinviju kellha dubji fir-rigward tal-korrettezza ta’ tali konklużjoni. Hija ssostni li l-qorti għandha jew tkun tista’ tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha, mingħajr ma tqis l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 44/2001, jew għandha tkun tista’ tapplika, sa fejn tikkonċerna l-ġurisdizzjoni tagħha, l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, minkejja li l-possibbiltà tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tirriżultax espressament mit-test tal-Artikolu 8 tal-istess regolament.
18 Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, l-Okresní soud v Chebu ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 26 tar-Regolament […] Nru 44/2001 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix lill-qorti tistħarreġ il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fil-każ fejn il-konvenut jidher fil-proċeduri, anki meta l-kawża hija suġġetta għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni obbligatorja fis-sens tas-Sezzjoni 3 [tal-Kapitolu II ta’ dan] ir-regolament u r-rikors ikun ġie ppreżentat bi ksur ta’ dawn ir-regoli?
2) Il-konvenut jista’, minħabba l-fatt li jidher fil-proċeduri, jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolament [Nru 44/2001] anki meta l-proċeduri jkunu altrimenti suġġetti għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni obbligatorja fis-sens tas-Sezzjoni 3 [tal-Kapitolu II ta’ dan] ir-regolament u r-rikors ikun ġie ppreżentat bi ksur ta’ dawn ir-regoli?
3) Fil-każ li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda, il-fatt li l-konvenut jidher fil-proċeduri li jirrigardaw l-assigurazzjoni quddiem qorti li altrimenti taħt ir-Regolament [Nru 44/2001] ma għandhiex ġurisdizzjoni, jista’ jiġi meqjus bħala ftehim fuq il-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) [ta’ dan] ir-regolament?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda
19 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, mingħajr ma jiġu osservati r-regoli msemmija fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, għandha jkollha ġurisdizzjoni meta l-konvenut jidher quddiemha u ma jressaqx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.
20 Din id-domanda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, anki għall-kawżi li għalihom japplikaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fir-Regolament Nru 44/2001, bħal dawk li jinsabu fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, fil-qasam tal-assigurazzjoni, id-dehra tal-konvenut li ma jikkontestax il-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, tikkostitwixxix estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni.
21 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq id-dehra tal-konvenut għal kawżi kollha, fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża ma tirriżultax minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni tapplika anki fil-każ fejn il-kawża tressqet quddiem il-qorti bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, u timplika li d-dehra tal-konvenut tista’ titqies bħala aċċettazzjoni taċita tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, u għalhekk bħala estensjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar.
22 It-tieni sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali. Hija tistabbilixxi li ma jkunx hemm estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti li quddiemha titressaq il-kawża jekk il-konvenut iqajjem eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, kif ukoll jesprimi l-volontà tiegħu li ma jaċċettax il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, jew fil-każ ta’ kawżi li għalihom l-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament jipprovdi regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva.
23 Din it-tieni sentenza tinkludi dispożizzjoni li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ġenerali. Għalhekk, kif ġie rrilevat mill-Gvern Ċek, dak Ġermaniż u dak Slovakk, kif ukoll mill-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għandha titqies bħala eċċezzjoni u għandha tiġi interpretata b’mod strett.
24 Isegwi li t-tieni sentenza tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 ma għandhiex tinftiehem fis-sens li tippermetti li tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regola ġenerali stabbilita fl-ewwel sentenza tal-istess artikolu għal kawżi oħra li ma humiex dawk li għalihom tirreferi r-regola espressament.
25 Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każijiet li ma jissemmewx espressament fost l-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 18, tapplika r-regola ġenerali fuq l-estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni. Meta ddeċidiet fil-kuntest ta’ kawża fejn il-partijiet kienu kkonkludew ftehim fuq il-ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kien hemm ebda raġuni marbuta mal-istruttura ġenerali jew mal-għanijiet tal-imsemmi ftehim sabiex tikkunsidra li l-partijiet huma pprojbiti milli jissottomettu kawża f’qorti oħra differenti minn dik imsemmija fil-ftehim (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1981, Elefanten Schuh, 150/80, Ġabra p. 1671, punt 10, kif ukoll tas-7 ta’ Marzu 1985, Spitzley, 48/84, Ġabra p. 787, punti 24 u 25).
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, ma humiex regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, meta l-imsemmija regoli ma jiġux osservati, għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni meta l-konvenut jidher u ma jressaqx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.
27 Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-Okresní soud v Chebu tistaqsi jekk, meta tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001, iżda meta r-regoli tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament ma ġewx osservati, id-deċiżjoni tagħha tistax ma tiġix rrikonoxxuta, fis-sens tal-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi Artikolu 35 jipprovdi, bħala raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent, il-ksur ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, b’mod partikolari ta’ dawk fil-qasam tal-assigurazzjoni, li għandhom bħala għan il-garanzija ta’ protezzjoni sħiħa tal-parti l-iktar dgħajfa.
29 Tali dispożizzjoni tikkonċerna n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni u li quddiemha l-kawża ma tressqitx b’osservanza ta’ dawn ir-regoli. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tapplikax meta d-deċiżjoni tingħata minn qorti li għandha ġurisdizzjoni. Dan jgħodd b’mod partikolari għal qorti li quddiemha titressaq il-kawża, anki jekk ma jiġux osservati l-imsemmija regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, li quddiemha jidher il-konvenut u ma jressaqx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Fil-fatt, tali qorti għandha ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, l-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament ma jipprojbixxix ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti.
30 Għaldaqstant, minkejja li fl-oqsma previsti fis-Sezzjonijiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II tal-istess regolament, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom l-għan li joffru protezzjoni sħiħa lill-parti l-iktar dgħajfa (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen, C‑463/06, Ġabra p. I‑11321, 7punt 28), il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont dawn is-sezzjonijiet ma tistax tiġi imposta fuq din il-parti. Jekk din tal-aħħar tiddeċiedi deliberament li tidher quddiem il-qorti, ir-Regolament Nru 44/2001 iħallilha l-possibbiltà li tiddefendi ruħha fuq il-mertu quddiem qorti oħra differenti minn dawk stabbiliti abbażi tal-imsemmija sezzjonijiet
31 Il-Gvern Ċek u dak Slovakk fl-osservazzjonijiet tagħhom sostnew li sabiex id-dehra tal-konvenut tikkwalifika għal estensjoni ta’ ġurisdizzjoni f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, il-konvenut, il-parti l-iktar dgħajfa, għandu jkun f’pożizzjoni li jkollu konoxxenza sħiħa tal-effetti tad-difiża tiegħu fuq il-mertu. Barra minn hekk, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża għandha tivverifika ex officio, fl-interess tal-protezzjoni tal-parti l-iktar dgħajfa, li l-konvenut kien effettivament konxju tal-konsegwenzi meta wera l-intenzjoni tiegħu u li ried jagħti ġurisdizzjoni lil dik il-qorti.
32 Għandu jiġi rrilevat li tali obbligu jista’ jiġi impost biss bl-introduzzjoni ta’ regola espressa għal dan il-għan fir-Regolament Nru 44/2001. Madankollu, il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tista’ dejjem tiżgura, fid-dawl tal-għan tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jirriżultaw mis-Sezzjonijiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li toffri iktar protezzjoni lil parti meqjusa bħala l-iktar dgħajfa, b’tali mod li l-konvenut imfittex quddiemha f’dawn iċ-ċirkustanzi jkollu konoxxenza sħiħa tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-aċċettazzjoni tiegħu li jidher quddiemha.
33 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, meta r-regoli msemmija fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament ma ġewx osservati, għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni meta l-konvenut jidher quddiemha u ma jressaqx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, peress li tali dehra tikkostitwixxi estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni.
Fuq l-ewwel u t-tielet domandi
34 Fid-dawl tar-risposta pożittiva li ngħatat għat-tieni domanda, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa t-tielet domanda, peress li fil-fatt din saret biss mill-qorti tar-rinviju fl-eventwalità li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva.
35 Fir-rigward tal-ewwel domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress li mir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha, f’dan il-każ, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni taħt dan ir-regolament, evalwazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li, skont il-formulazzjoni tagħha stess, tapplika biss fejn hemm qorti li għandha ġurisdizzjoni li ma hijiex ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, hija irrilevanti.
Fuq l-ispejjeż
36 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, meta r-regoli msemmija fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament ma ġewx osservati, għandha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni meta l-konvenut jidher quddiemha u ma jressaqx eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, peress li tali dehra tikkostitwixxi estensjoni taċita ta’ ġurisdizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.