EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62009CJ0197

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2009.
M vs L-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali.
Kawża C-197/09 RX-II.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-12033;FP-I-B-2-00015
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2009 II-B-2-00153

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:804

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla speċjali skont l-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura)

24 ta’ Ġunju 2009

“Eżami mill-ġdid”

“Eżami mill-ġdid tas-sentenza T-12/08 P — Kawża fi stat li tiġi deċiża — Smigħ xieraq — Prinċipju ta’ kontradittorju — Preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju”

Fil-Kawża C-197/09 RX,

li għandha bħala suġġett proposta ta’ eżami mill-ġdid imressqa mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-4 ta’ Ġunju 2009,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla speċjali skont l-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta’ Awla,

wara li rat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 225(2) KE,

wara li rat l-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni, E. Sharpston,

tagħti l-preżenti

Deċiżjoni

1

Il-proposta ta’ eżami mill-ġdid imressqa mill-Avukat Ġenerali Ewlieni tirrigwarda s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Awla tal-Appell) tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009”), li biha hija, minn naħa, annullat id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2007, M vs EMEA (F-23/07) kif ukoll id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA) tal-25 ta’ Ottubru 2006 li biha ċaħdet it-talba ta’ M, tat-8 ta’ Awwissu 2006, intiża sabiex il-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006”), u, min-naħa l-oħra, ikkundannat l-EMEA għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000 lir-rikorrent.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Mis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 jirriżulta li M, membru tal-persunal temporanju li beda jaħdem mal-EMEA f’Ottubru 1996, safa vittma ta’ inċident tax-xogħol f’Marzu 2005 u jinsab, minn dakinhar, bil-leave tal-mard. Il-kuntratt tiegħu mal-EMEA skada fil-15 ta’ Ottubru 2006.

3

Fis-17 ta’ Frar 2006, M talab il-konvokazzjoni tal-Kumitat ta’ Invalidità, liema talba ġiet irrifjutata mill-EMEA b’ittra tal-31 ta’ Marzu 2006.

4

Fit-3 ta’ Lulju 2006, M ressaq, kontra dan ir-rifjut, kontestazzjoni li ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006.

5

Sadanittant, M ressaq, fit-8 ta’ Awwissu 2006, talba ġdida għall-konvokazzjoni tal-Kumitat ta’ Invalidità, u annetta miegħu rapport mediku tat-tabib W.

6

B’ittra tad-29 ta’ Novembru 2006, l-EMEA għarraf lil M li din it-talba ma setgħatx tittieħed inkunsiderazzjoni bħala talba ġdida, fis-sens tal-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, u li hija kellha tiġi miċħuda għall-istess raġunijiet indikati fid-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006.

7

B’ittra tal-25 ta’ Jannar 2007, M ressaq kontestazzjoni li biha talab l-irtirar tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006 sa fejn hija kienet tiċħad it-talba tiegħu tat-8 ta’ Awwissu 2006. L-għada, huwa wkoll indirizza talba għall-kumpens mill-EMEA għad-danni morali u materjali li sofra.

8

Ittra tal-31 ta’ Jannar 2007 tal-EMEA ċaħdet din il-kontestazzjoni u din it-talba.

9

M ressaq, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fid-19 ta’ Marzu 2007, rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006 u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-EMEA għall-ħlas ta’ EUR 100000 bħala danni għal nuqqasijiet fis-servizz.

10

Wara li tqajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mill-EMEA, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bid-digriet M vs EMEA, iċċitat iktar ’il fuq, ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli, f’dak li jirrigwarda kemm it-talba għal annullament kif ukoll it-talbiet għal kumpens. Huwa qies, b’mod partikolari, li t-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, sa fejn kienet ċaħdet it-talba ta’ M tat-8 ta’ Awwissu 2006, kienu inammissibbli, għar-raġuni li din id-deċiżjoni kellha tinqara bħala deċiżjoni purament konfermattiva tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-EMEA tal-31 ta’ Marzu 2006.

11

Wara appell ippreżentat minn M minn dan id-digriet, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, annullatu, peress li qieset li kien ivvizzjat bi żball ta’ liġi għaliex kien ġie ddikjarat li t-talbiet għal annullament u għal kumpens kienu inammissibbli.

12

Peress li qieset li l-kawża kienet fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Prim’Istanza, sussegwentement, b’mod partikolari ddeċidiet li t-talbiet għal kumpens ta’ M. kienu ammissibbli. Fir-rigward tal-mertu, hija kkundannat lill-EMEA għall-ħlas għal kumpens ta’ EUR 3000 għad-danni morali allegati minn M.

Kunsiderazzjonijiet

13

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ inkwistjoni, il-kwistjoni proċedurali, fis-sens tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli, f’dak iż-żmien, għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li kienet tikkostitwixxi l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EMEA quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kellha bħala konsegwenza li t-trattazzjoni fl-ewwel istanza quddiem din il-qorti, u l-evalwazzjoni tiegħu, irrigwardaw esklużivament l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn M u t-talbiet li saru f’dan ir-rikors.

14

It-talbiet għal kumpens imressqa minn M, intiżi, b’mod partikolari, li jiksbu kumpens għad-dannu morali allegat minn dan tal-aħħar ma wasslu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għal ebda trattazzjoni bil-miktub, u lanqas orali, fuq il-mertu, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Huma lanqas kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni u ta’ deċiżjoni fuq il-mertu minn dan it-tribunal.

15

Barra minn hekk, min-noti bil-miktub ippreżentati mill-partijiet ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn l-istess talbiet kienu s-suġġett ta’ trattazzjoni bil-miktub fir-rigward tal-mertu, qabel ma din il-qorti, hija u tieħu deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-talba għal kumpens għad-dannu morali mressqa minn M, iddeċidiet li tagħti li dan tal-aħħar, bi spejjeż tal-EMEA, kumpens ta’ EUR 3000 għal dan id-dannu. Barra minn hekk, la l-verbal tas-seduta li nżammet fit-23 ta’ Jannar 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u lanqas is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, ma jagħtu xi indikazzjoni li l-mertu ta’ din it-talba, b’mod partikolari l-portata preċiża tad-dritt ta’ M għal kumpens għad-dannu morali, ma ġie ttrattat matul din is-seduta.

16

Għaldaqstant jirriżulta li, fis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħat parzjalment, fuq il-mertu, it-talba għal kumpens għad-dannu allegat minn M filwaqt li, minn naħa, il-kwistjoni proċedurali li tqajmet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ppermettietx trattazzjoni fuq il-mertu, kemm miktub u kemm orali, quddiem dan it-tribunal, u li, min-naħa l-oħra, ma jidhirx li din it-trattazzjoni seħħet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju billi s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 ddeċidiet, fuq il-mertu, fuq it-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat minn M.

18

Għaldaqstant, hemm lok ta’ eżami mill-ġdid tas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009.

19

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat x’għandu jinftiehem b’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikoli 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u 13(1) tal-anness ta’ dan l-Istatut, meta, quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-konvenut ikun talabha tiddeċiedi fuq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma jibda t-trattazzjoni fuq il-mertu, u li l-qorti tal-appell, f’dan il-każ il-Qorti tal-Prim’Istanza, tannulla d-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza peress li tkun laqgħat l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

20

Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-fatt li, wara li tkun annullat l-imsemmi digriet u ddeċidiet li rikors huwa ammissibbli, b’mod partikolari t-talbiet għal kumpens li jidhru f’dan tal-aħħar, il-qorti tal-appell, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza, tiddeċiedi fuq il-mertu dwar talba għal kumpens għad-dannu morali allegat mir-rikorrent, filwaqt li l-ebda trattazzjoni bil-miktub jew orali ma tkun seħħet quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, f’dan il-każ it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u li ma jkunx jidher li din it-trattazzjoni tkun seħħet quddiem il-qorti tal-appell, jikkostitwixxix jew le nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tad-difiża.

21

Fit-tielet lok, fil-każ li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat li s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 tikser l-Artikoli 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll 13(1) tal-anness ta’ dan l-Istatut, u/jew mhux qed tosserva r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi eżaminat jekk hemmx u, jekk dan ikun il-każ, kemm hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju b’din is-sentenza.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla speċjali skont l-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Hemm lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Awla tal-Appell) tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P).

 

2)

L-eżami mill-ġdid għandu jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P), toħloqx riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju sa fejn l-imsemmija qorti, bħala qorti tal-appell, interpretat il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikoli 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u 13(1) tal-anness ta’ dan l-Istatut, b’mod li tippermettilha taqta’ kawża hija stess u tiddeċiedi fuq il-mertu, minkejja l-fatt li l-appell quddiemha kien jirrigwarda l-eżami tat-trattament mogħti fl-ewwel istanza fuq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li, fuq il-kwistjoni tal-kawża li tkun ġiet deċiża, l-ebda trattazzjoni ma tkun seħħet quddiemha, u lanqas quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea bħala qorti fl-ewwel istanza.

 

3)

Il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej huma mitluba jippreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fuq din il-kwistjoni.

 

Firem

Fuq

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

“Eżami mill-ġdid tas-sentenza T-12/08 P — Kawża fi stat li tiġi deċiża — Smigħ xieraq — Prinċipju ta’ kontradittorju — Preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju”

Fil-Kawża C-197/09 RX-II,

li għandha bħala suġġett eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (Awla tal-Appell) tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P), mogħtija fil-proċedura

M

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis, T. Von Danwitz (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M, minn S. Orlandi, J.-N. Louis u E. Marchal, avukati,

għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA), minn V. Salvatore u N. Rampal Olmedo, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

għall-Parlament Ewropew, minn E. Perillo, M. Gómez-Leal u L. Visaggio, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn C. Fekete u M. Bauer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 225(2) KE,

wara li rat l-Artikoli 62a u 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din il-proċedura għandha bħala suġġett eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (Awla tal-Appell) tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009”), li permezz tagħha, din il-Qorti, minn naħa, annullat id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tad-19 ta’ Ottubru 2007, M vs EMEA (F-23/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠabraSP), kif ukoll id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA), tal-25 ta’ Ottubru 2006, inkwantu din ċaħdet it-talba ta’ M tat-8 ta’ Awwissu 2006, intiża sabiex il-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità, u min-naħa l-oħra, ikkundannat lil EMEA għall ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000 lir rikorrent.

2

L-eżami mill-ġdid jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt Komunitarju, inkwantu, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell, interpretat il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 13(1) tal-anness tal-imsemmi statut, b’tali mod li jippermettilha tieħu konjizzjoni ta’ kawża u tiddeċiedi dwar il-mertu, minkejja l-fatt li l-appell li kienet adita bih kien jirrigwarda l-eżami, magħmul fl-ewwel istanza, ta’ kif eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kienet ittrattata u li, fir-rigward tat-tilwima li kienet is-suġġett ta’ dan il-konjizzjoni, ma saret ebda trattazzjoni la quddiemha u lanqas quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bħala qorti tal-ewwel istanza.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li:

“Jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex din tiddeċidiha.”

4

L-Artikolu 13(1) tal-Anness tal-imsemmi statut jipprovdi li:

“Jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tħassar id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi l-kawża hija stess. Jekk il-kawża tkun f’punt fejn għad ma tistax tinqata’, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tibgħat l-atti lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Mis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 jirriżulta li M, membru tal-persunal temporanju li daħal fis-servizz ta’ EMEA fix-xahar ta’ Ottubru 1996, kellu inċident fuq il-post tax-xogħol fix-xahar ta’ Marzu 2005 u, minn dakinhar ħareġ bil-leave tal-mard. Peress li ma ġiex imġedded, il-kuntratt tiegħu ma’ EMEA skada fil-15 ta’ Ottubru 2006.

6

Fl-17 ta’ Frar 2006, M talab li tiġi kkostitwit Kumitat ta’ Invalidità, iżda dan ġie rrifjutat minn EMEA permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Marzu 2006. Fit-3 ta’ Lulju 2006, M ippreżenta ilment kontra dan ir-rifjut, li ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006.

7

Fil-frattemp, fit-8 ta’ Awwissu 2006, M għamel talba mill-ġdid sabiex jiġi kkostitwit Kumitat ta’ Invalidità fejn magħha annetta rapport mediku tat-tabib W.

8

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2006, M talab lil EMEA sabiex tiċċara jekk id-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, li tikkonferma d-deċiżjoni li l-każ tiegħu ma jitressaqx quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità, kinitx tikkostitwixxi ċaħda tat-talba tat-8 ta’ Awwissu 2006.

9

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2006, EMEA informat lil M li, fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2006, hija kienet ikkunsidrat b’mod xieraq li t-talba tat-8 ta’ Awwissu 2006 ma setgħetx titqies bħala talba ġdida, fis-sens tal-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u li konsegwentement, dik kellha tiġi miċħuda għar-raġunijiet mogħtija fl-imsemmija deċiżjoni.

10

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2007, M ippreżenta ilment li jitlob l-irtirar tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, sa fejn din ċaħdet it-talba tiegħu tat-8 ta’ Awwissu 2006. Barra minn hekk, l-għada għamel talba lil EMEA għad-danni materjali u morali subiti minnu.

11

L-ittra ta’ EMEA tal-31 ta’ Jannar 2007 caħdet dan l-ilment u din it-talba.

12

Fid-19 ta’ Marzu 2007 M ippreżenta, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, rikors intiż minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, u min-naħa oħra, għall-kundanna ta’ EMEA għall-ħlas ta’ EUR 100000 għad-danni għal ksur tad-dmirijiet amministrattivi.

13

Permezz ta’ att separat, EMEA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra l-imsemmi rikors skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 333, p. 7), sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan tal-aħħar, li seħħ fl-1 ta’ Novembru 2007.

14

Permezz tad-digriet M vs EMEA, iċċitat iktar ’il fuq, mogħti taħt l-Artikolu 114, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mingħajr ma beda l-proċeduri orali u mingħajr ma rrinvija d-deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għas-sentenza finali, ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli.

15

Fir-rigward tat-talbiet għal annullament magħmula kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, sa fejn din kienet ċaħdet it-talba ta’ M tat-8 ta’ Awwissu 2006, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li dawn it-talbiet kienu inammissibbli minħabba li l-imsemmija deċiżjoni kellha titqies bħala deċiżjoni li sempliċiment tikkonferma d-deċiżjoni inkluża fl-ittra ta’ EMEA tal-31 ta’ Marzu 2006 u li t-talbiet magħmula kontra din id-deċiżjoni kienu diġà ġew iddikjarati bħala inammissibbli, għar-raġuni li l-ilment preċedenti kien tardiv, permezz tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-20 ta’ April 2007, L vs EMEA (F-13/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠabraSP).

16

It-talbiet għall-kumpens ukoll ġew miċħuda bħala inammissibbli, b’mod partikolari, minħabba r-rabta mill-qrib bejn dawn tal-aħħar u t-talbiet għal annullament eżaminati preċedentement.

L-appell quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009

17

Permezz tal-appell tiegħu mid-digriet M vs EMEA, iċċitat iktar ’il fuq, M ma talabx biss lill-Qorti Ġenerali tannulla dan id-digret, iżda talabha wkoll tiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża. EMEA, minn naħa tagħha, talbet sabiex dan l-appell jiġi miċħud bħala manifestament infondat billi illimitat l-argument tagħha għall-inammissibbiltà tar-rikors ta’ M.

18

Wara li laqgħet it-talba ta’ M għal smigħ, fil-fażi orali tal-proċedura, fis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, il-Qorti Ġenerali annullat id-digriet M vs EMEA, iċċitat iktar ’il fuq, billi qieset li dan kien ivvizzjat bi żball ta’ liġi sa fejn it-talbiet għal annullament u t-talbiet għad-danni ta’ M kienu ddikjarati bħala inammissibbli.

19

Billi qieset il-kawża bħala fi stat li tiġi deċiża, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-Anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, sussegwentement il-Qorti Ġenerali ddeċidiet il-kawża hija stess. Hija ddikjarat it-talbiet għal annullament ammissibbli u fondati u annullat id-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006. Hija ddikjarat ammissibbli wkoll, it-talbiet għall-kumpens ta’ M u kkundannat lil EMEA għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnu.

20

F’dan ir-rigward, fil-punt 100 tas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, il-Qorti Ġenerali rrilevat li fir-rikors tiegħu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, M enfasizza li billi baqgħet tirrifjuta li tibda proċedimenti għal invalidità, EMEA poġġietu fi stat ta’ ansjetà u inċertezza. Fil-punt 104 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, f’dan il-każ, M sofra dannu morali li ma jistax jiġi kompletament irrimedjat permezz tal-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Wara l-proposta tal-Avukat Ġenerali Prinċipali għal eżami mill-ġdid tas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, l-Awla speċjali prevista fl-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2009 (C-197/09 RX, ara C-197/09 RX-II, Ġabra p. I-12033, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2009”), li hemm lok li jinbeda eżami mill-ġdid ta’ din is-sentenza u li dan l-eżami mill-ġdid għandu jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt Komunitarju, inkwantu l-Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell, interpretat il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 13(1) tal-Anness tal-imsemmi statut, b’tali mod li jippermettilha tieħu konjizzjoni ta’ kawża u tiddeċiedi dwar il-mertu, minkejja l-fatt li l-appell li kienet adita bih kien jirrigwarda l-eżami, magħmul fl-ewwel istanza, ta’ kif eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kienet ittrattata u li, fir-rigward tat-tilwima li kienet is-suġġett ta’ dini l-konjizzjoni, ma saret ebda trattazzjoni la quddiemha u lanqas quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bħala qorti tal-ewwel istanza.

22

Fil-fatt, fir-rigward tal-mertu, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment it-talba għal kumpens għad-danni allegati minn M għalkemm, minn naħa, b’riżultat tal-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax ikun hemm trattazzjoni dwar il-mertu, bil-miktub jew orali, quddiem din il-qorti tal-aħħar u li, min-naħa l-oħra, ma jidhirx li tali trattazzjoni seħħet quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, jeżisti riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju, inkwantu s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 iddeċidiet dwar il-mertu tat-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat minn M.

23

Fir-rigward tas-suġġett tal-eżami mill-ġdid, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizza tal-24 ta’ Ġunju 2009, identifikat tliet kwistjonijiet speċifiċi għall-eżami mill-ġdid. L-ewwel kwistjoni tikkonsisti f’li jiġi eżaminat dak li għandu jinftiehem b’“kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 13(1) tal-anness tal-imsemmi statut, f’sitwazzjoni fejn quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, f’dan il-każ it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-konvenut ikun talabha tiddeċiedi dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu u l-qorti tal-appell, f’dan il-każ il-Qorti Ġenerali, tannulla digriet tal-qorti tal-ewwel istanza li tkun laqgħet l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

24

It-tieni kwistjoni tikkonsisti f’li jiġi eżaminat jekk il-fatt li, wara li annullat l-imsemmi digriet u ddikjarat ammissibbli r-rikors, b’mod partikolari, it-talbiet għad-danni magħmula hemmhekk, il-qorti tal-appell, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, iddeċidiet dwar il-mertu ta’ talba għal kumpens ta’ dannu morali allegat mir-rikorrent, minkejja li ma kien hemm ebda trattazzjoni, bil-miktub jew orali f’dan ir-rigward, quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u li ma jidhirx li tali trattazzjoni seħħet quddiem il-qorti tal-appell, jikkostitwixxix jew le, nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti marbuta mad-dritt ta’ smigħ xieraq, b’mod speċifiku, dak relatat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

25

Fil-każ fejn ikun hemm lok li jiġi kkonstatat li s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 tmur kontra l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll l-Artikolu 13(1) tal-anness tal-imsemmi statut u/jew ma tosservax ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod speċifiku, dak relatat mal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi eżaminat jekk ikun il-każ, sa fejn l-imsemmija sentenza tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt Komunitarju.

Fuq il-kwistjonijiet suġġetti għall-eżami mill-ġdid

26

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2009 jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 17 u 20 tagħha, li l-eżami mill-ġdid jikkonċerna biss il-kundanna ta’ EMEA għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000 lir-rikorent għad-dannu morali allegat. Għall-kuntrarju ta’ dan, l-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006 u ċ-ċaħda tar-rikors għall-kumplament tiegħu, ma humiex is-suġġett ta’ din il-proċedura. Din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, tikkostitwixxi proċedura ta’ stħarriġ oġġettiv, kompletatment indipendenti minn kull inizjattiva tal-partijiet.

27

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, M allega li l-Qorti Ġenerali applikat, b’mod ġust, il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”u la ppreġudikat l-unità jew il-koerenza tad-dritt Komunitarju u lanqas naqset milli tirrispetta d-drittijiet tad-difiża jew milli tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju. Għall kuntrarju ta’ dan, kull parti oħra kkonċernata li ppreżentat osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja pproponiet, essenzjalment, li tirrispondi fil-pożittiv id-domanda prinċipali mqajma mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2009.

Fuq il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”

28

Għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk, u sa fejn, kawża hija fi stat li tiġi deċiża mill-qorti tal-appell meta l-qorti tal-ewwel istanza tkun laqgħet l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà imqajma mill-konvenut mingħajr ma daħlet fil-mertu, u l-appell minn din id-deċiżjoni jkun fondat.

29

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, bħala regola, kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża dwar il-mertu ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali meta din tal-aħħar tkun ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli billi tkun laqgħet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tirrinvija d-deċiżjoni għas-sentenza finali (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1994, SFEI et vs Il-Kummissjoni, C-39/93 P, Ġabra p. I-2681, punt 38; tal-10 ta’ Jannar 2002, Plant et vs Il-Kummissjoni u South Wales Small Mines, C-480/99 P, Ġabra p. I-265, punt 57; tal-15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u BĊE, C-193/01 P, Ġabra p. I-4837, punt 32; tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punti 91 u 123; tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 66, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il-Kummissjoni, C-319/07 P, Ġabra p. I-5963, punt 98).

30

Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, huwa possibbli li tingħata deċiżjoni dwar il-mertu ta’ rikors minkejja li l-proċedura fl-ewwel istanza kienet limitata għal eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li ntlaqgħet mill-Qorti Ġenerali. Dan jista’ jkun il-każ meta, minn naħa, l-annullament tas-sentenza jew tad-digriet ikkontestat jinvolvi neċessarjament ċerta soluzzjoni rigward il-mertu tar-rikors inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, Ca’ Pasta vs Il-Kummissjoni, C-359/98 P, Ġabra p. I-3977, punti 32 sa 36 u 39) jew, min-naħa l-oħra, l-eżami dwar il-mertu tar-rikors għal annullament jibbaża fuq l-argumenti skambjati mill-partijiet fil-kuntest tal-appell wara r-raġunament tal-qorti tal-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2001, Gevaert vs Il-Kummissjoni, C-389/98 P, Ġabra p. I-65, punti 27 sa 30, 34, 35 u 52 sa 58, kif ukoll Martínez del Peral Cagigal vs Il-Kummissjoni, C-459/98 P, Ġabra p. I-135, punti 29, 34 u 48 sa 54).

31

Madankollu, f’dan il-każ, ma eżistewx tali ċirkustanzi speċifiċi li ppermettew lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi hija stess dwar il-mertu tar-rikors intiż għall-għoti ta’ kumpens għad-dannu morali allegat.

32

Fl-ewwel lok, id-dritt għal ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali allegatament subit ma jirriżultax direttament mill-illegalità tad-digriet ikkontestat, u lanqas mill-att inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, l-elementi fil-qofol tal-analiżi tal-fondatezza tat-talbiet għal kumpens ma humiex essenzjalment identiċi għal dawk li huma fil-qofol tal-analiżi tal-eżistenza ta’ żball ta’ liġi li jivvizzja d-digriet M vs EMEA, iċċitat iktar ’il fuq, u tal-ammissibbilità tar-rikors, u min-naħa l-oħra, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, l-annullament ta’ dan l-att jista’ jikkostitwixxi fih innifsu, ir-rimedju adattat għall-imsemmi dannu morali.

33

Fit-tieni lok, il-fondatezza tat-talbiet għad-danni la ġiet diskussa matul il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u lanqas evalwata minn dan tal-aħħar fid-digriet M vs EMEA, iċċitat iktar ’il fuq, peress li din iddeċidiet biss fuq l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà.

34

Għaldaqstant, meta l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar it-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat minn M, hija tbiegħdet mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relattiva għall-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex kawża titqies bħala fi stat li tiġi deċiża, fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Qorti tal-Ġustizzja meta, quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, il-konvenuta talbitha tiddeċiedi dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu u din il-qorti laqgħet l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

35

Huwa minnu li l-Artikolu 13(1) tal-Anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jirregola d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-każ li appell ikun fondat, ma huwiex ifformulat b’mod kompletament identiku għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu tal-imsemmi statut, li hija d-dispożizzjoni rilevanti għall-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, fir-rigward ta’ sitwazzjoni ta’ proċedura, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża” għandu jiġi interpretat bl-istess mod skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, independentement mill-fatt li, għall-kuntrarju ta’ dan l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 61 jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja marġni ta’ diskrezzjoni fil-każ ta’ kawża fi stat li tiġi deċiża, li tawtorizzha tirrinvijaha quddiem il-qorti tal-ewwel istanza.

36

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li f’każ komparabbli ma’ dak ta’ din il-kawża, fejn qorti tal-ewwel istanza, b’mod żbaljat, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli billi laqgħet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma tirrinvija d-deċiżjoni għas-sentenza finali, il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha sabiex tikkonstata li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża dwar il-mertu u tirrinvija l-kawża quddiem l-imsemmija qorti mingħajr ma teżerċita ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, SFEI et vs Il-Kummissjoni, punt 38; Plant et vs Il-Kummissjoni u South Wales Small Mines, punt 57; Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il-BĊE, punt 32; PKK u KNK vs Il-Kunsill, punti 91 u 123; Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 66, kif ukoll 3F vs Il-Kummissjoni, punt 98).

37

Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat, il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 13(1) tal-Anness tal-imsemmi statut u li kisret din id-dispożizzjoni tal-aħħar billi qieset li, f’dan il-każ, il-kawża kienet fi stat li tiġi deċiża sa fejn jikkonċerna t-talbiet intiżi għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali allegat minn M.

Fuq ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari, dak relatat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

38

Hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet dwar il-mertu tat-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat mir-rikorrent, osservatx ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari, dak relatat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u dan indipendentement mill-iżball ta’ liġi kkonstatat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

39

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja d-drittijiet tad-difiża, jokkupaw post importanti ħafna fl-organizzazzjoni u fl-iżvolġiment ta’ smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, C-462/98 P, Ġabra. p. I-7183, punt 36; tat-8 ta’ Mejju 2008, Weiss und Partner, C-14/07, Ġabra p. I-3367, punt 47, kif ukoll tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi, C-394/07, Ġabra p. I-2563), punt 28).

40

Id-drittijiet tad-difiża jinkludu l-prinċipju ta’ kontradittorju (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 61, kif ukoll tal-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punt 50).

41

Dan il-prinċipju japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja li taffettwa, b’mod kunsiderevoli, l-interessi ta’ persuna (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 28, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50). Dan ifisser, bħala regola ġenerali, li l-partijiet fi proċedura għandhom dritt li jkollhom l-opportunità jieħdu pożizzjoni dwar il-fatti u d-dokumenti li fuqhom ser tkun ibbażata deċiżjoni ġudizzjarja, kif ukoll li jiddiskutu l-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u l-punti ta’ liġi mqajma ex officio mill-qorti li fuqhom, din tal-aħħar, ikollha intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52 u 55). Fil-fatt, sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt ta’ smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatti kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 56).

42

Il-qrati Komunitarji jiżguraw li jiġi osservat quddiemhom u osservat minnhom stess, il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 51 u 54). Kull parti f’kawża li biha tkun adita l-qorti Komunitarja, għandha tgawdi minn dan, irrispettivament mill-istatus legali. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu wkoll igawdu minn dan meta huma stess ikunu parti f’’tali kawża (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 53).

43

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, EMEA gawdietx matul il-proċedura jew le, mill-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fondatezza tat-talbiet għal kumpens ta’ M.

44

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li t-trattazzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-evalwazzjoni magħmula minnu, kienu jirrigwardaw esklużivament l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn M u tat-talbiet magħmulin f’dan ir-rikors, peress li l-imsemmi tribunal laqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibblità mqajma minn EMEA skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma daħal fil-mertu u mingħajr ma beda l-proċedura orali.

45

Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet fil-kuntest tal-appell quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jirriżultax li EMEA ħadet pożizzjoni dwar il-fondatezza tat-talbiet għal kumpens ta’ M. La l-proċess verbali tas-seduta tat-23 ta’ Jannar 2009 tal-Qorti Ġenerali u lanqas is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, ma fihom indikazzjoni li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ dritt ta’ M għal kumpens għad-dannu morali u l-portata eżatta ta’ dan id-dritt, ġew diskussi matul l-imsemmija seduta.

46

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali mhux biss issostitwiet il-motivi iżda, billi kkundannat lil EMEA għal ħlas tad-danni, bidlet l-eżitu tar-rikors għad-detriment tal-konvenuta.

47

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, tqum il-kwistjoni ta’ jekk huwiex possibbli li dan in-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni u ta’ trattazzjoni jiġux attribwiti lill-imsemmija talbiet ta’ EMEA minħabba li fiż-żewġ istanzi, hija ddeċidiet liberament li tillimita d-difiża tagħha sempliċement għal kwistjoni ta’ inammissibbiltà u għalhekk, irrinunzjat deliberatament li tiddefendi l-interessi tagħha fir-rigward tal-mertu.

48

L-eccezzjoni ta’ inammissibblità prevista kemm fl-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll fl-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, bħala kwistjoni proċedurali, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, tippermetti li fl-ewwel fażi, it-trattazzjoni u l-eżami jiġu llimitati għall-kwistjoni ta’ jekk ir-rikors inkwistjoni huwiex ammissibbli. Għaldaqstant, din il-kwistjoni proċedurali tippermeti li jiġi evitat li l-osservazzjonijiet tal-partijiet, kif ukoll l-eżami tal-qorti jirrigwardaw il-mertu tal-kawża minkejja li r-rikors ikun inammissibbli.

49

Għal kuntrarju ta’ dan, jekk ir-rikors ikun iddikjarat ammissibbli fil-kuntest taċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew meta d-deċiżjoni dwar l-imsemmija eċċezzjoni hija rrinvijata għas-sentenza finali, f’fażi sussegwenti, għandu jkun hemm trattazzjoni dwar il-mertu ta’ rikors. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jipprevedu espliċitament li l-President għandu jistabbilixxi termini ġodda għall-kontinwazzjoni tal-kawża, jekk it-talba għal deċiżjoni dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija miċħuda jew irrinvijata għas-sentenza finali.

50

Għaldaqstant, ikun inkonsistenti mal-loġika tal-leġiżlazzjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibblità li konvenut, li jkun qajjem tali eċċezzjoni, jiġi obbligat jagħmel, bi prudenza, fl-istess ħin meta jkun rebaħ il-kawża fl-ewwel istanza, l-argumenti tiegħu dwar il-mertu tal-kawża, fir-risposti tiegħu għall-appell.

51

Għaldaqstant, EMEA ma tistax tiġi kkritikata li rrinunzjat liberament li ssostni l-argumenti tagħha dwar il-fondatezza tat-talbiet għad-danni.

52

Fit-tieni lok, tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali tistax titqies legali, billi jiġi sostnut li, anki fin-nuqqas tal-irregolarità inkwistjoni, il-proċedura ma setgħetx twassal għal riżultat differenti b’mod li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju ma setax jinfluwenza l-kontentut tas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 u ma ppreġudikax l-interessi ta’ EMEA (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 sa 35; tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 70, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 61).

53

Skont l-analiżi tal-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006 ikkawżat dannu morali lil M li ma setax jiġi kompletament irrimedjat permezz tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni b’tali mod li kien hemm lok li jiġi attribwit EUR 3000 bħala danni, ammont li ġie ddeterminat skont il-kriterji ta’ ekwità (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 1962, De Bruyn vs Assemblée, 25/60, Ġabra p. 39, 60; tat-13 ta’ April 1978, Mollet vs Il-Kummissjoni, 75/77, Ġabra p. 897, punt 29, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Girardot, C-348/06 P, Ġabra p. I-833, punt 58, kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2008, M vs L-Ombudsman Ewropew, T-412/05, punt 158). Minn dan isegwi li din l-analizi tirriżulta minn evalwazzjoni ġenwina li setgħet tagħti lok għal kontestazzjoni.

54

Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali setgħet tkun differenti kieku EMEA ngħatat l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talbiet għad-danni u li, għalhekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju seta’ jinfluwenza l-kontenut tas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009.

55

Fit-tielet u l-aħħar lok, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni M fl-osservazzjonjiet bil-miktub tiegħu, lanqas il-proċedura adottata mill-Qorti Ġenerali ma tista’ tiġi ġġustifikata permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej f’tilwim ta’ karattru finanzjarju bejn il-Komunitajiet Ewropej u kull persuna li għaliha japplikaw l-imsemmija regolamenti.

56

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-ġurisdizzjoni tagħti lill-qorti Komunitarja l-missjoni li tagħti soluzzjoni sħiħa lill-kawżi li jitressqu quddiemha (ara, s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C-135/06 P, Ġabra p. I-12041, punt 67). Din tippermettilha, anki fin-nuqqas ta’ talbiet formali f’dan ir-rigward, mhux biss li tannulla, iżda wkoll, jekk ikun hemm lok, tikkundanna ex officio lil konvenut għal ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali kkawżat minn ksur tad-dmirijiet amministrattivi (ara, fis-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1960, Fiddelaar vs Il-Kummissjoni, 44/59, Ġabra p. 1077, 1093; tad-9 ta’ Lulju 1970, Fiehn vs Il-Kummissjoni, 23/69, Ġabra p. 547, punt 17, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 1987, Houyoux u Guery vs Il-Kummissjoni, 176/86 u Ġabra p. 4333, punt 16).

57

Madankollu, il-qorti Komunitarja ma tistax, bħala regola, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq punt ta’ liġi mqajjem ex officio, anki jekk ikun ta’ ordni pubbliku, mingħajr ma qabel tistieden il-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi punt (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

58

Konsegwentement, il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qrati Komunitarji fit-tilwim ta’ karattru finanzjarju bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-persunal tagħhom ma tistax titqies bħala li tagħti lil dawn il-qrati, is-setgħa li jeskludu tali tilwim mill-osservanza tar-regoli proċedurali marbuta mal-prinċipju ta’ kontradittorju, b’mod partikolari, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq tali ġurisdizzjoni.

59

Min dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma tatx lil EMEA l-opportunità li effettivament tagħti l-fehma tagħha dwar il-fondatezza tat-talbiet għal kumpens u għaldaqstant, ma osservatx il-prinċipju ta’ kontradittorju li jirriżulta mir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq.

Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju

60

Peress li, minn naħa, fis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat, il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 13(1) tal-Anness tal-imsemmi statut u għaldaqstant, kisret din id-dispożizzjoni tal-aħħar billi qieset il-kawża fi stat li tiġi deċiża fl-intier tagħha, u li min-naħa l-oħra, ma osservatx ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, skont id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2009, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ikun il-każ, sa fejn l-imsemmija sentenza tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt Komunitarju.

61

F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti li ġejjin.

62

Fl-ewwel lok, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 hija l-ewwel deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li biha, din tal-aħħar, ikkonstatat li appell minn digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li laqa’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma daħal fil-mertu, huwa fondat. Għaldaqstant, hija tista’ tikkostitwixxi preċedent għal kawżi futuri.

63

Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ġie rrilevat fil-punti 29, 34 u 36 ta’ din is-sentenza.

64

Fit-tielet lok, l-iżbalji tal-Qorti Ġenerali jikkonċernaw żewġ regoli ta’ proċedura li ma jaqgħux esklużivament taħt id-dritt tas-servizz pubbliku, iżda li japplikaw indipendentemnet mis-suġġett inkwistjoni.

65

Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-regoli li ma ġewx osservati mill-Qorti Ġenerali jokkupaw post importanti fis-sistema legali Komunitarja. B’mod partikolari, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Anness tiegħu, jagħmlu parti mid-dritt primarju.

66

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kkunsidrati kollha f’daqqa, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt Komunitarju inkwantu l-Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell, interpretat il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 13(1) tal-anness tal-imsemmi statut, b’tali mod li jippermettilha tieħu konjizzjoni tal-kawża inkwistjoni, li tiddeċiedi dwar il-mertu tat-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat, u li tikkundanna lil EMEA għal ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000, minkejja l-fatt li l-appell li kienet adita bih kien jirrigwarda l-eżami, magħmul fl-ewwel istanza, ta’ kif eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kienet ittrattata u li, fir-rigward tat-tilwima li kienet is-suġġett ta’ din il-konjizzjoni, ma saret ebda trattazzjoni la quddiemha u lanqas quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bħala qorti tal-ewwel istanza.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jonqos li jiġu stabbiliti l-konsegwenzi li jinsiltu mill-preġudizzju għall-unità u għall-koerenza tad-dritt Komunitarju kkonstatat.

68

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt Komunitarju, hija għandha tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li tkun marbuta bil-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tirrinvija l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, barra minn hekk, tindika liema mill-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandhom jitqiesu bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet involuti fit-tilwima. F’każijiet ta’ eċċezzjoni, jekk, b’kunsiderazzjoni tar-riżultat tal-eżami mill-ġdid, is-soluzzjoni tal-kwistjoni toħroġ minn konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu deċiżjoni li ma tkunx appellabbli.

69

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tillimita ruħha li tikkonstata l-preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju mingħajr ma tislet il-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni fir-rigward tal-kawża inkwistjoni. Għaldaqstant, f’dan il-każ hemm lok li s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 tiġi annullata sa fejn, fil-punti 3 u 5 tad-dispożittiv ta’ din is-senteza, il-Qorti Ġenerali kkundannat lil EMEA għal ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000 lil M, kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u dik quddiem il-Qorti Ġenerali.

70

Peress li l-preġudizzju għall-unità u għall-koerenza tad-dritt Komunitarju jirriżulta, f’dan il-każ, minn interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża” u minn nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, hija nnifisha, tieħu deċiżjoni li ma tkunx appellabbli skont l-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

71

Konsegwentement, il-kawża għandha tiġi rrinvijata, għal dak li jikkonċerna t-talbiet intiżi għal kumpens għad-dannu morali allegatament subit minn M, quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex EMEA tkun tista’ ssostni l-argumenti tagħha dwar il-fondatezza ta’ dawn it-talbiet.

Fuq l-ispejjeż

72

Skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 123e tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid tkun ingħatat skont l-Artikolu 225(2) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

73

Fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi li jiiregolaw it-tqassim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, għandu jiġi deċiż li l-interessi msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll peress li l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, noti jew osservazzonijiet bil-miktub dwar il-kwistjonijiet suġġetti għall-eżami mill-ġdid, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla bħala Appell), tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P), tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt Komunitarju inkwantu l-imsemmija qorti, bħala qorti tal-appell, interpretat il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 13(1) tal-anness tal-imsemmi statut, b’tali mod li jippermettilha tieħu konjizzjoni tal-kawża inkwistjoni, li tiddeċiedi dwar il-mertu tat-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat, u li tikkundanna lil Agence européenne des médicaments (EMEA) għal ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000, minkejja l-fatt li l-appell li kienet adita bih kien jirrigwarda l-eżami, magħmul fl-ewwel istanza, ta’ kif eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kienet ittrattata u li, fir-rigward tat-tilwima li kienet is-suġġett ta’ din il-konjizzjoni, ma saret ebda trattazzjoni la quddiemha u lanqas quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea bħala qorti tal-ewwel istanza.

 

2)

Il-punti 3 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla bħala Appell) tas-6 ta’ Mejju, M vs EMEA (T-12/08 P), huma annullati.

 

3)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

4)

M, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq