Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0363

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-26 ta' Novembru 2009.
Romana Slanina vs Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija.
Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti - Allowances tal-familja - Rifjut - Ċittadina nazzjonali stabbilita mal-wild tagħha fi Stat Membru ieħor, filwaqt li missier il-wild jaħdem fit-territorju nazzjonali.
Kawża C-363/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11111

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:732

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Allowances tal-familja — Rifjut — Ċittadina nazzjonali stabbilita mal-wild tagħha fi Stat Membru ieħor, filwaqt li missier il-wild jaħdem fit-territorju nazzjonali”

Fil-Kawża C-363/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura

Romana Slanina

vs

Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tar-Raba’ Awla, aġent President tat-Tieni Awla, C. Toader, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann (Relatur) u P. Kūris, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal R. Slanina, minn M. Tröthandl, Rechtsanwalt,

għall-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien, minn W. Pavlik, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u M. Winkler, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn S. Vodina u O. Patsopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3, iktar ’il-quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn R. Slanina, ċittadina Awstrijaka ddivorzjata, li ttrasferiet id-domiċilju tagħha lejn il-Greċja, kontra l-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien, dwar l-irkupru ta’ allowances tal-familja u ta’ krediti ta’ taxxa rċevuti minnha fl-Awstrija għat-tifla tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddefinixxi l-kelmiet “membru tal-familja” bħala:

“[…] kwalunkwe persuna definita jew magħrufa bħala membru tal-familja jew iddisinjat bħala membru ta’ dar bil-leġislazzjoni taħt liema benefiċċji huma pprovduti […]; fejn, madanakollu, l-imsemmija leġislazzjonijiet iqisu bħala membru ta’ familja jew membru ta’ dar biss persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħall-impjegat jew bħal dak li jaħdem għal rasu, din il-kondizzjoni tkun ikkunsidrata sodisfatta jekk il-persuna inkwestjoni tkun prinċipalment dipendenti fuq dik il-persuna. […]”

4

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, dan tal-aħħar japplika:

“[…]għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri […] kif ukoll membri tal-familji tagħhom u tas-superstiti tagħhom.”

5

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“1.   Suġġetti għall-Artikolu 14ċ, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru singolu biss. Dik il-leġislazzjoni tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’dan it-Titolu.

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita [irrisjeda] fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor […]

[…]”

6

L-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw [jirrisjedu] fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti” huwa fformulat kif ġej:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw [jirrisjedu] fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw [jirrisjedu] f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”

7

L-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”, jipprovdi li:

“Fejn, matul l-istess perijodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni [attività professjonali], il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-familja tabita [tirrisjedi], l-intitolament [għall-]benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun [il-każ skont] l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġiżlazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.”

8

Għalkemm saru xi emendi għar-Regolament Nru 1408/71 matul il-perijodu tal-kawża prinċipali, dawn ma jaffettwax id-deċiżjoni ta’ din il-kawża.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

Taħt l-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar il-kumpens għall-ispejjeż tal-familja permezz ta’ allowances (Familienlastenausgleichsgesetz) tal-1967, (iktar ’il quddiem il-“FLAG”), għandhom dritt għall-allowances tal-familja għat-tfal, dawk il-persuni li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza tagħhom fit-territorju federali.

10

L-Artikolu 2(2) tal-FLAG jipprovdi li dik il-persuna li fil-familja tagħha għandha wild, għandha d-dritt għal allowances tal-familja. Persuna li fil-familja tagħha ma għandhiex wild iżda li hija primarjament responsabbli għall-ispejjeż tal-manteniment ta’ din tal-aħħar, għandha dritt għall-allowances tal-familja jekk ebda pesuna oħra ma jkollha dritt għalihom taħt l-ewwel sentenza ta’ dan is-subparagrafu.

11

L-Artikolu 2(8) tal-FLAG jipprovdi li l-persuni li huma ddomiċiljati kemm fit-territorju federali kif ukoll barra mill-pajjiż, ma għandhomx dritt għal allowances tal-familja ħlief jekk is-sede prinċipali tal-interessi tagħhom jinsab fit-territorju federali u jekk it-tfal għandhom ir-residenza permanenti f’dan it-territorju. Skont din l-istess dispożizzjoni, persuna għandha s-sede prinċipali tal-interessi tagħha fl-Istat fejn għandha l-eqreb rabtiet personali u ekonomiċi.

12

L-Artikolu 26(1) tal-FLAG jipprovdi:

“Persuna li illegalment tkun irċeviet allowances tal-familja, għandha tħallas lura dawn l-ammonti […]”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li R. Slanina hija l-omm ta’ tifla, Nina, imwielda fl-1991. Meta l-allowances tal-familja bdew jitħallsu lil R. Slanina, il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom kienu sodisfatti.

14

Mis-sajf tas-sena 1997, R. Slanina stabbilixxiet ruħha fil-Greċja fejn Nina bdiet l-iskola fil-ħarifa tal-istess sena. Missierha, l-ex konjuġi ta’ R. Slanina u ċittadin Awstrijak, huwa residenti fl-Awstrija fejn jeżerċita attività professjonali. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha weħdiha s-setgħa tal-ġenitur fuq it-tifla tagħha. Missier it-tifla għandu l-obbligu li jħallas il-manteniment iżda qatt ma jagħmel dan.

15

Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Ottubru 2003, R. Slanina bbenifikat fl-Awstrija minn allowances tal-familja u minn krediti ta’ taxxa għat-tifla tagħha Nina, għall-ammont totali ta’ EUR 10884.95, jiġifieri, EUR 7824.79 f’allowances tal-familja u EUR 3060.16 fi krediti ta’ taxxa. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Finanzamt (l-Uffiċċju tat-Taxxa) ta’ Mödling (l-Awstrija) tat-22 ta’ Ottubru 2003, hija ntalbet lura dawn l-ammonti minħabba li mis-sena 1997 hija, flimkien mat-tifla tagħha, kienet tirrisjedi b’mod permanenti fil-Greċja. Fil-fatt, l-imsemmi Finanzamt qies li waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowances tal-familja taħt l-Artikolu 2(8) tal-FLAG, jiġifieri dik marbuta mad-determinazzjoni tas-sede prinċipali tal-interessi u tar-residenza permanenti tat-tifla fl-Awstrija, ma kinitx sodisfatta.

16

Qabel is-sena 2001, R. Slanina ma kienet twettaq ebda attività professjonali u lanqas ma kienet tirreġistra għax-xogħol fil-Greċja. Hija kienet tgħix permezz tal-għajnuna mill-ġenituri tagħha u tal-flus imfaddlin tagħha. Mis-sena 2001, hija għandha impjieg staġunali, mix-xahar ta’ Mejju sal-bidu tax-xahar ta’ Ottubru ta’ kull sena, bħala gwida turistika ma’ impriża Griega.

17

Ir-rikors ippreżentat minn R. Slanina kontra d-deċiżjoni tal-Finanzamt ta’ Mödling, tat-22 ta’ Ottubru 2003, ġie miċħud inizjalment permezz ta’ deċiżjoni preliminari tal-imsemmi Finanzamt, tad-9 ta’ Diċembru 2004, u sussegwentement permezz ta’ deċiżjoni tal-Unabhängiger Finanzsenat, Außenstelle Wien, tat-30 ta’ Ġunju 2005. Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdiet proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. Essenzjalment, hija enfasizzat li, għalkemm taħt il-leġiżlazzjoni Awstrijaka hija ma kellhiex dritt għal allowances tal-familja, kien hemm lok li jiġi applikat ir-Regolament Nru 1408/71. Peress li missier Nina, l-ex konjuġi tagħha kien jirrisjedi u jaħdem fl-Awstrija, R. Slanina għandha d-dritt, taħt l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament, għal allowances tal-familja, minkejja l-fatt li hija kienet residenti fil-Greċja.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Mir-Regolament […] Nru 1408/71[…] jirriżulta li l-mara ddivorzjata u mingħajr attività professjonali ta’ raġel domiċiljat fl-Awstrija, fejn huwa impjegat, iżżom, fir-rigward tal-Awstrija, id-dritt tagħha li tirċievi allowances tal-familja (għal wild), fil-każ fejn hija tistabbilixxi domiċilju fi Stat Membru ieħor u fejn tittrasferixxi, lejn dan l-aħħar Stat, is-sede prinċipali tal-interessi tagħha, filwaqt li tibqa ma taħdimx?

2)

Il-fatt li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Awstrija — fejn ir-raġel iddivorzjat baqa’ jgħix, għandu d-domiċilju tiegħu u jeżerċita attività professjonali — tat lil dan ir-raġel, id-dritt li jirċievi allowances tal-familja (għall-wild), ladarba d-dritt tal-mara ddivorzjata jkun iddekada?

3)

Mir-Regolament [Nru 1408/71] jirriżulta li l-mara ddivorzjata għandha d-dritt li tirċievi l-allowances tal-familja (għall-wild) mill-Awstrija, l-Istat ta’ fejn ir-raġel iddivorzjat u missier tat-tifla huwa domiċiljat u jeżerċita attività professjonali, fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi esposti fl-ewwel domanda jinbidlu minħabba l-fatt li l-mara tkun bdiet taħdem fl-Istat Membru l-ġdid?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

19

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna ddivorzjata u li tħallset allowances tal-famillja mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet tirrisjedi u fejn l-ex konjuġi tagħha għadu jgħix u jaħdem, tibqa’ tibbenefika minn dawn l-allowances minkejja li titlaq dan l-Istat sabiex tistabbilixxi ruħha, mal-wild tagħha, fi Stat Membru ieħor fejn hija ma taħdimx u minkejja li l-ex konjuġi tagħha, missier il-wild, jista’ jirċievi l-imsemmija allowances fl-Istat ta’ residenza tiegħu.

20

Mill-proċess jirriżulta li R. Slanina hija l-ex konjuġi ta’ impjegat li matul il-perijodu li jikkonċerna l-kawża prinċipali, kien suġġett, taħt l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71, għal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, l-Istat Membru fejn huwa kien jeżerċita attività professjonali.

21

Skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li jkunu qed jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni tal-Istat tal-ewwel, bħallikieku huma kienu jirrisjedu f’dak l-Istat.

22

L-għan tal-Artikolu 73 huwa li jiżgura li l-membri tal-familja ta’ persuna impjegata suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, jingħataw il-benefiċċji tal-familja pprovduti mil-leġiżlazzjoni applikabbli fl-ewwel Stat (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow, C-245/94 u C-312/94, Ġabra p. I-4895, punt 32, kif ukoll tal-5 ta’ Frar 2002, Humer, C-255/99, Ġabra p. I-1205, punt 39).

23

Anki jekk il-qorti tar-rinviju ma għamlitx domandi f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal allowances tal-familja għal wild, abbażi tal-Artkolu 73 tar-Regolament Nru 1480/71, li jitħallsu kemm lil R. Slanina inkella lill-ex konjuġi tagħha, kien effettivament suġġett għall-kundizzjoni li l-wild jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71. Dan huwa ddefinit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, skont il-kliem ta’ dan l-Artikolu 2(1), l-imsemmi regolament japplika, b’mod partikolari, “għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri […] kif ukoll membri tal-familji tagħhom […]”.

24

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “membru tal-familja”, dan huwa ddefinit fl-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 bħala “kwalunkwe persuna definita jew magħrufa bħala membru tal-familja jew iddisinjat bħala membru ta’ dar bil-leġislazzjoni taħt liema benefiċċji huma pprovduti […]; madanakollu, l-imsemmija leġislazzjonijiet iqisu bħala membru ta’ familja jew membru ta’ dar biss persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħall-impjegat jew bħal dak li jaħdem għal rasu, din il-kondizzjoni tkun ikkunsidrata sodisfatta jekk il-persuna inkwestjoni tkun prinċipalment dipendenti fuq dik il-persuna […]”.

25

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, din id-dispożizzjoni tirreferi speċifikament għal-leġiżlazzjoni nazzjonali billi tindika bħala “membru tal-familja”“kwalunkwe persuna definita jew magħrufa bħala membru tal-familja jew iddisinjat bħala membru ta’ dar bil-leġislazzjoni taħt liema benefiċċji huma pprovduti […]”, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, bid-dispożizzjonijiet tal-FLAG.

26

Fit-tieni lok, l-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jintroduċi r-rettifika li “fejn, madanakollu, l-imsemmija leġislazzjonijiet [nazzjonali] iqisu bħala membru ta’ familja jew membru ta’ dar biss persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħall-impjegat jew bħal dak li jaħdem għal rasu, din il-kondizzjoni tkun ikkunsidrata sodisfatta jekk il-persuna inkwestjoni tkun prinċipalment dipendenti fuq dik il-persuna […]”.

27

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjoni imposta fl-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 hijiex sodisfatta f’dan il-każ, jiġifieri jekk it-tifla, minkejja li ma għexietx ma’ missierha matul il-perijodu fil-kawża prinċipali, setgħetx titqies, fis-sens u skont il-liġi nazzjonali, bħala “membru tal-familja” ta’ missierha u, jekk dan ma jkunx il-każ, jekk hija setgħetx titqies bħala “prinċipalment dipendenti” fuq missierha.

28

Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ex konjuġi ta’ R. Slanina kien effettivament obbligat iħallas manteniment għat-tifla tiegħu Nina. Il-fatt li huwa ma ħallsux huwa rrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk it-tifla hijiex membru tal-familja tiegħu.

29

Fil-każ li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju jwassluha għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71, tqum il-kwistjoni dwar jekk persuna li ssib ruħha fis-sitwazzjoni ta’ R. Slanina tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l-konjuġi ddivorzjat baqa’ fl-Awstrija, fejn jaħdem u għandu dritt għall-benefiċċji fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-liġi nazzjonali, jistax ikollu effett fuq id-dritt ta’ persuna li ssib ruħha fis-sitwazzjoni ta’ R. Slanina, li żżom l-imsemmija benefiċċji.

30

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-fatt li R. Slanina u l-ex konjuġi huma ddivorzjati huwa rrilevanti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li, għalkemm huwa minnu li r-Regolament Nru 1408/71 ma jsemmix speċifikament is-sitwazzjonijiet familjari wara divorzju, ma hemm xejn li jiġġustifika li jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, waħda mill-konsegwenzi normali ta’ divorzju hija li l-kustodja tat-tfal hija mogħtija lil wieħed miż-żewġ ġenituri, fejn il-wild ikun jirrisjedi. Issa, jista’ jagħti l-każ li, għal diversi raġunijiet, f’dan il-każ wara divorzju, il-ġenitur li għandu l-kustodja tal-wild jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor bl-għan, bħal fil-kawza li wasslet għas-sentenza Humer, iċċitata iktar ’il fuq, li jaħdem hemm jew inkella, bħal fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi impjegat biss diversi snin wara li jistabbilixxi r-residenza tiegħu hemmhekk. F’każijiet bħal dawn, ir-residenza tal-minuri tiġi ttrasferita wkoll f’dan l-Istat Membru l-ieħor (ara s-sentenza Humer, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

31

Għandu jiġi rrilevat li l-benefiċċji tal-familja ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom stess, jitqiesu bħala dovuti lil individwu indipendentement mis-sitwazzjoni familjari tiegħu. Konsegwentement, huwa rrilevanti li l-persuna li tingħata benefiċċji tal-familja tkunx R. Slanina minflok il-persuna impjegata nnifisha, jiġifieri l-ex konjuġi tagħha (ara s-sentenza Humer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

32

Fid-dawl ta’ dak kollu preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda tkun li l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ddivorzjata, li tħallset allowances tal-famillja mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet tirrisjedi u fejn l-ex konjuġi tagħha għadu jgħix u jaħdem, tibqa’ tibbenefika, għall-wild tagħha, bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar ikun rikonoxxut bħala “membru tal-familja” ta’ dan l-ex konjuġi, fis-sens tal-Artikolu 1(f)(1) tal-imsemmi regolament, minn dawn l-allowances minkejja li titlaq dan l-Istat sabiex tistabbilixxi ruħha, mal-wild tagħha, fi Stat Membru ieħor fejn hija ma taħdimx u minkejja li l-imsemmi ex konjuġi jista’ jirċievi l-imsemmija allowances fl-Istat Membru fejn jirrisjedi.

Fuq it-tielet domanda

33

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li R. Slanina bdiet teżerċita attività professjonali fil-Greċja affettwax id-dritt tagħha għall-allowances tal-familja fl-Awstrija.

34

Li kieku kellu jiġi stabblit li l-eżerċizzju tal-imsemmija attività professjonali effettivament ħoloq, fil-Greċja, dritt għal allowances tal-familja ekwivalenti għal dawk irċevuti fl-Awstrija, ir-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv.

35

Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Grieg u dawk tal-Kummissjoni jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Griega ma tipprovdi għall-ħlas ta’ allowances tal-familja biss għal ċerti persuni impjegati. Għaldaqstant, dan il-ħlas huwa dejjem assoċjat ma’ relazzjoni ta’ impjieg, filwaqt li s-sempliċi residenza fil-Greċja, ma hijiex biżżejjed waħedha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-fatt li R. Slanina kienet twettaq attività professjonali fit-territorju tar-Repubblika Ellenika jagħtihiex id-dritt għall-benefiċċju ta’ allowances tal-familja f’dan l-Istat Membru.

36

Jekk dan ikun il-każ, ikun hemm lok li tiġi applikata r-regola “antikumulu” prevista fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tirregola l-kumulu ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja dovuti, minn naħa, taħt l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza tal-membri tal-familja li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer, C-543/03, Ġabra p. I-5049, punt 53).

37

Taħt l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, l-obbligu tal-ħlas tal-benefiċċji tal-familja kellu għalhekk jaqa’ primarjament fuq ir-Repubblika Ellenika, bħala l-Istat Membru ta’ residenza ta’ Nina u ta’ ommha. Id-dritt għall-benefiċċji tal-familja Awstrijaċi, taħt l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament, kellu jkun sospiż sal-ammont previst mil-leġiżlazzjoni Griega.

38

Fid-dawl ta’ dak kollu preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-eżerċizzju ta’ attività professjonali minn persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża principali, fl-Istat Membru tar-residenza tagħha, li effettivament jagħtiha dritt għal allowances tal-familja, għandu l-effett li jissospendi, skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, id-dritt għall-allowances tal-familja dovuti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ex konjuġi ta’ din il-persuna jeżerċita attività professjonali, sal-ammont previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u iddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ddivorzjata, u li tħallset allowances tal-famillja mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet tirrisjedi u fejn l-ex konjuġi tagħha għadu jgħix u jaħdem, tibqa’ tibbenefika, għall-wild tagħha, bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar ikunu rikonoxxuti bħala “membru tal-familja” ta’ dan l-ex konjuġi, fis-sens tal-Artikolu 1(f)(1) tal-imsemmi regolament, minn dawn l-allowances minkejja li titlaq dan l-Istat sabiex tistabbilixxi ruħha, mal-wild tagħha, fi Stat Membru ieħor fejn hija ma taħdimx u minkejja li l-imsemmi ex konjuġi jista’ jirċievi l-imsemmija allowances fl-Istat Membru fejn jirrisjedi.

 

2)

L-eżerċizzju ta’ attività professjonali minn persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża principali, fl-Istat Membru tar-residenza tagħha, li jagħtiha effettivament dritt għal allowances tal-familja, għandu l-effett li jissospendi, skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 118/97, id-dritt għall-allowances tal-familja dovuti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ex konjuġi ta’ din il-persuna jeżerċita attività professjonali, sal-ammont previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq