Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0166

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-3 ta' Settembru 2009.
    il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament - Regolament (KE) Nru 1968/2006 - Kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda - Għażla tal-bażi legali.
    Kawża C-166/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-07135

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:499

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    3 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

    “Rikors għal annullament — Regolament (KE) Nru 1968/2006 — Kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda — Għażla tal-bażi legali”

    Fil-Kawża C-166/07,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE, ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2007,

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Klavina, kif ukoll minn L. Visaggio u A. Troupiotis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrent,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u M. Moore, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn u A. Steiblytė, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer, bħala aġent, assistita minn D. W. Anderson QC, barrister,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u G. Arestis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ April 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1968/2006, tal-21 ta’ Diċembru 2006, dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010) (ĠU L 409, p. 86, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), minħabba li ma kienx adottat fuq bażi legali xierqa.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-kuntest ġuridiku internazzjonali

    Il-Ftehim Anglo-Irlandiż tal-1985

    2

    In-negozjati politiċi bejn il-Gvernijiet tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li saru f’nofs is-snin 80 sabiex jiġu kkonsolidati l-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq wasslu, fil-15 ta’ Novembru 1985, għall-iffirmar ta’ ftehim bejn dawn iż-żewġ Gvernijiet (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1413, Nru I-23668, iktar ’il quddiem it-“Trattat Anglo-Irlandiż”), li l-Artikolu 2 tiegħu jipprovdi għall-organizzazzjoni ta’ konferenza intergovernattiva sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet politiċi, kwistjonijiet ta’ sigurtà, kwistjonijiet ġuridiċi, inkluża l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, kif ukoll il-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali.

    3

    Skont l-Artikolu 4(a)(ii) tat-Trattat Anglo-Irlandiż, dawn il-Gvernijiet jintrabtu li jikkooperaw, fil-kuntest ta’ din il-konferenza intergovernattiva, sabiex ikattru l-paċi, l-istabbilità u l-prosperità fil-gżira tal-Irlanda filwaqt li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali.

    4

    Dan it-trattat jipprevedi, fost oħrajn, bħala qasam ta’ azzjoni, il-kooperazzjoni transkonfinali dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà, kif ukoll kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, qasam li fih iż-żewġ Gvernijiet jikkooperaw, skont l-Artikolu 10(a) tal-imsemmi Trattat, sabiex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni, fiż-żewġ partijiet tal-Irlanda, li l-iktar soffrew il-konsegwenzi tal-instabbiltà ta’ dawn l-aħħar snin. Għal dan il-għan, il-Gvernijiet ser jeżaminaw il-possibbiltà li jiksbu għajnuna internazzjonali.

    Il-ftehim li jikkonċerna l-Fond Internazzjonali għall-Irlanda

    5

    Abbażi tal-Artikolu 10(a) tat-Trattat Anglo-Irlandiż, il-Gvern Irlandiż u dak tar-Renju Unit adottaw il-Ftehim tat-18 ta’ Settembru 1986 li jikkonċerna l-Fond Internazzjonali favur l-Irlanda (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1515, Nru I-26244, iktar ’il quddiem il-“Ftehim FII”). Permezz ta’ dan il-ftehim huma ħolqu l-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (iktar ’il quddiem il-“Fond”) li l-objettiv tiegħu, skont l-Artikolu 2, huwa li jippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali, u li jinkoraġġixxi l-kuntatt, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fl-Irlanda kollha.

    6

    L-Artikolu 4 tal-istess ftehim jelenka l-kategoriji ta’ proġetti jew azzjonijiet li jingħataw prijorità mill-Fond, jiġifieri l-inkoraġġiment ta’ investimenti fis-settur privat, b’mod partikolari, permezz ta’ arranġamenti li jinvolvu kapital ta’ riskju, ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam ekonomiku, fl-edukazzjoni u fir-riċerka, ta’ proġetti għat-titjib tal-infrastrutturi, b’mod partikolari fl-oqsma soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-ambjent, kif ukoll ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ professjonali f’pajjiżi barranin.

    7

    Il-Fond huwa, skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim FII, organizzazzjoni internazzjonali li għandha personalità ġuridika u li l-membri tagħha huma ż-żewġ Gvernijiet kontraenti. Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi ftehim, dan il-Fond huwa mmexxi minn bord, li l-membri u l-president tiegħu huma maħtura minn dawn iż-żewġ Gvernijiet. Huma jwettqu l-kompiti tagħhom skont il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija Gvernijiet. L-Istati donaturi, jekk ikunu jixtiequ, jistgħu jaġixxu bħala osservaturi fi ħdan dan il-bord.

    8

    Id-donaturi huma l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, New Zealand, l-Awstralja u l-Komunità Ewropea.

    Id-dritt Komunitarju

    Ir-regolament ikkontestat

    9

    Ir-regolament ikkontestat jistabbilixxi qafas ġuridiku għall-ħlas lill-Fond, tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità għall-perijodu 2007-2010. Huwa kien adottat abbażi tal-Artikolu 308 KE.

    10

    Skont il-Premessa 2 ta’ dan ir-regolament, il-Komunità tirrikonoxxi li l-objettivi tal-Fond, li ilha tikkontribwixxi għalih finanzjarjament mill-1989, huma riflessjoni tal-objettivi tagħha stess. Skont il-Premessa 3 tal-imsemmi regolament, il-valutazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005, tal-24 ta’ Jannar 2005, dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-[Fond] (2005-2006) (ĠU L 30, p. 1) ikkonfermaw il-ħtieġa għal appoġġ ulterjuri għall-attivitajiet tal-Fond, filwaqt li tissokta s-sinerġija ta’ tisħiħ tal-objettivi u l-koordinazzjoni mal-interventi tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari, mal-Programm Speċjali għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq u l-Pajjiżi Konfinali tal-Irlanda (iktar ’il quddiem il-“programm PEACE”).

    11

    L-objettiv prinċipali tar-regolament ikkontestat, kif jirriżulta mill-Premessa 6 tiegħu, huwa li jappoġġa l-paċi u r-rikonċiljazzjoni permezz ta’ firxa ta’ attivitajiet usa’ minn dawk koperti mill-Fondi Strutturali, u li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. Fir-rigward tal-istrateġija li tikkonċerna l-fażi finali tal-attivitajiet tal-Fond, fuq il-perijodu 2006-2010, l-objettiv aħħari tal-Fond u tar-regolament ikkontestat huwa, skont il-Premessa 15 tal-imsemmi regolament, li jinkoraġġixxi r-rikonċiljazzjoni intra-Komunitarja. Barra minn hekk, il-Premessi 16 u 17 tal-imsemmi regolament jipprovdu li l-appoġġ Komunitarju ser jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u bejn il-popli tagħhom, u li l-adozzjoni tar-regolament hija kkunsidrata meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Komunità fl-ambitu tal-funzjonament tas-suq komuni.

    12

    L-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jistabbilixxi, għall-perijodu inkwistjoni, l-ammont finanzjarju ta’ riferiment għall-implementazzjoni tal-Fond.

    13

    Skont l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat:

    “Il-kontribuzzjoni għandha tintuża mill-Fond skont [il-Ftehim FII].

    Fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni l-Fond għandu jagħti prijorità għal proġetti ta’ natura transkonfinali u transkomunitarja, b’tali mod li jikkomplementa l-attivitajiet finanzjati mill-Fondi Strutturali, u speċjalment dawk tal-Programm PEACE li jopera fl-Irlanda ta’ Fuq u l-Pajjiżi Konfinali ta’ l-Irlanda.

    Il-kontribuzzjoni għandha tintuża b’tali mod li twassal għal titjib sostenibbli ekonomiku u soċjali fl-oqsma kkonċernati. Hija m’għandhiex tintuża bħala sostitut għal infiq ieħor pubbliku jew privat.”

    14

    L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

    “Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Komunità bħala osservatur waqt il-laqgħat tal-Bord tal-Fond […].

    Il-Fond għandu jkun rappreżentat bħala osservatur fil-laqgħat tal-Kumitat tas-Sorveljanza tal-programm PEACE, u f’interventi oħrajn tal-Fondi Strutturali skond kif ikun xieraq.”

    15

    L-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-Fond u l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji Komunitarji lill-Fond huma marbuta ma’ diversi kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 11 tar-regolament ikkonstestat. L-Artikolu 6 jipprovdi li l-preżentazzjoni u l-approvazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-istrateġija tal-għeluq tal-attivitajiet tal-Fond, hija kundizzjoni preliminari sabiex jibqa’ jsir ħlas favur il-Fond. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet tal-Fond huma amministrati mill-Kummissjoni u mħallsa f’partijiet, li minnhom l-ewwel ħlas isir wara li l-Kummissjoni tirċievi garanzija, iffirmata mill-President tal-Bord tal-Fond, li fiha jkun iddikjarat li dan tal-aħħar għandu josserva l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-kontribuzzjoni skont ir-regolament ikkontestat.

    Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u l-programm PEACE

    16

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, tal-11 ta’ Lulju 2006, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, p. 25), jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni.

    17

    Il-programm PEACE huwa inizjattiva Komunitarja li ttieħdet fil-kuntest tal-Fondi Strutturali. Skont il-punt 22 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1083/2006, dan il-programm huwa implementat bħala programm transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 3(2)(ċ) tal-imsemmi regolament taħt l-objettiv ta’ Koperazzjoni Territorjali Ewropea. Huwa jinkludi, b’mod partikolari, azzjonijiet intiżi sabiex jippromwovu l-koeżjoni bejn il-komunitajiet bil-għan li jippromwovu l-istabbilità soċjali u ekonomika fir-reġjuni kkonċernati. Ir-reġjun eliġibbli jinkludi l-Irlanda ta’ Fuq kollha u l-pajjiżi konfinali tal-Irlanda.

    It-talbiet tal-partijiet

    18

    Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla r-regolament ikkontestat;

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    19

    Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala infondat;

    tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

    sussidjarjament, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, iżżomm l-effetti tar-regolament ikkontestat sakemm jiġi adottat regolament ġdid u tiddeċiedi li l-annullament ma jaffettwa la l-validità tal-ħlasijiet magħmula u lanqas dik tal-impenji meħuda abbażi tar-regolament ikkontestat.

    20

    B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2007, l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ġew awtorizzati sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

    Fuq ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    21

    Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament iressaq motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tat-Trattat KE minħabba l-għażla żbaljata tal-Artikolu 308 KE bħala bażi legali.

    22

    Skont il-Parlament, il-leġiżlatur Komunitarju għandu s-setgħat neċessarji, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE, sabiex jadotta r-regolament ikkonstestat. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tagħti lill-istituzzjonijiet il-kompetenza li jieħdu l-azzjonijiet speċifiċi li jkunu neċessarji barra l-Fondi Strutturali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 158 KE.

    23

    Il-kliem “tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali” li jinsab f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, jinkludu kull azzjoni intiża sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tal-Komunità kollha, it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali, kif ukoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-popli tal-Komunità.

    24

    L-elementi li jirriżultaw mir-regolament ikkontestat, mir-Regolament Nru 1083/2006, kif ukoll mir-Rapport tat-12 ta’ Ottubru 2006 dwar il-[Fond] skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 [COM(2006) 563 finali] jippermettu li jiġi konkluż li l-objettivi tal-Fond huma riflessjoni tal-objettivi tal-Komunità stess, fil-kuntest tal-Fondi Strutturali, permezz tal-interventi tagħha stess fir-reġjuni interessati taż-żewġ partijiet tal-Irlanda u jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà bejn il-popli tal-Irlanda ta’ Fuq u tar-reġjuni mal-fruntiera tal-Irlanda.

    25

    Għalhekk, attwalment l-istrateġiji tal-programm PEACE u tal-Fond, jiffokaw fuq ir-rikonċiljazzjoni u t-titjib tar-relazzjonijiet bejn il-komunitajiet. L-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati għat-twettiq ta’ dawn iż-żewġ prijoritajiet strateġiċi huma perfettament l-istess fiż-żewġ każijiet.

    26

    L-azzjonijiet intiżi sabiex jappoġġjaw ir-rikonċiljazzjoni intra-Komunitarja fl-Irlanda jikkostitwixxu, inevitabbilment, parti integrali mill-politika ta’ koeżjoni, preċiżament minħabba l-fatt li mingħajr rikonċiljazzjoni u mingħajr fehim reċiproku bejn il-komunitajiet, ma jistax ikun hemm koeżjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni inkwistjoni.

    27

    Barra minn hekk, jidher li l-Premessa 6 tar-regolament ikkontestat hija biss sempliċi dikjarazzjoni tal-intenzjoni tal-Kunsill intiża li tiġġustifika l-użu tal-Artikolu 308 KE. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE jipprovdi għal setgħat għal azzjonijiet speċifiċi, mingħajr ma jispeċifika f’liema setturi tali azzjonijiet jistgħu jittieħdu jew taħt liema forom jistgħu jittieħdu, u li jippermettu lill-Komunità tagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-Fond.

    28

    Il-Parlament josserva wkoll li sabiex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 308 KE setax jikkostitwixxi bażi legali għar-regolament ikkontestat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet li dan ir-regolament xtaq jilħaq permezz tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-Fond, u mhux li jitqiesu x’kienu l-għanijiet tal-Fond stess. Għalhekk, huwa irrilevanti li l-Fond huwa organizzazzjoni intergovernattiva b’personalità ġuridika, li jikkontribwixxu għaliha anki Stati terzi.

    29

    Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jenfasizza li t-Titolu XVII tat-Trattat KE, li jinkludi l-Artikoli 158 KE sa 162 KE, ma jipprovdix għas-setgħat għall-azzjoni meħtieġa mill-attivitajiet tal-Fond u għaldaqstant ma jistax jikkostitwixxi bażi legali xierqa sabiex jiġġustifika l-għoti tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji rilevanti.

    30

    Din l-istituzzjoni ssostni li l-istruttura u l-ispirtu ġenerali tal-Artikoli 158 KE u 159 KE huma tali li l-kunċett ta’ “azzjonijiet speċifiċi”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-imsemmi Artikolu 159, għandu jinftiehem bħala li jifforma parti mill-objettivi msemmija fl-Artikolu 158 KE. Konsegwentement, l-adozzjoni ta’ azzjoni speċifika barra mill-Fondi Strutturali tikkostitwixxi mezz li għandu jintuża, fuq l-istess bażi bħall-parteċipazzjoni tal-Komunità permezz ta’ dawn il-Fondi, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità, u dan bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp armonjuż globali tagħha.

    31

    Għall-kuntrarju, ir-regolament ikkontestat għandu l-objettiv li jikkontribwixxi finanzjarjament f’organiżmu internazzjonali li huwa responsabbli prinċiparjament mir-rikonċiljazzjoni intra-Komunitarja Irlandiża filwaqt li jirrikonoxxi u jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi storiċi, politiċi, kulturali u reliġjużi tal-kunflitt fit-territorju tal-gżira tal-Irlanda. Dawn l-objettivi, evidentement, ma jistgħux ikunu inklużi fil-portata tal-Artikolu 158 KE li huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex inaqqas id-differenzi bejn il-livell ta’ żvilupp tad-diversi reġjuni. In-nuqqas ta’ konċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fit-territorji koperti mill-Fond huwa pjuttost meqjus bħala ostakolu għat-tmexxija effettiva ta’ politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.

    32

    Barra minn hekk, il-Kunsill jenfasizza li l-bażi legali tal-programm PEACE ma tagħtihx il-kompetenzi sabiex ikopri l-azzjonijiet kollha li huma attwalment koperti mill-Fond, minkejja li dawn iż-żewġ strumenti huma komplementari u għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw bejniethom. Dawn iż-żewġ strumenti jindirizzaw, b’mod parallel, aspetti tal-instabbiltà politika, minn naħa, u tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, min-naħa l-oħra, minkejja li għandhom approċċ differenti, peress li l-Fond jikkonċerna r-rikonċiljazzjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-koeżjoni, filwaqt li l-programm PEACE jikkonċerna l-koeżjoni sabiex tiġi iffaċilitata r-rikonċiljazzjoni. Għaldaqstant, l-element prinċipali tal-Fond jaqa’ barra mit-Titolu XVII tat-Trattat KE.

    33

    Il-Kunsill u l-Irlanda jqisu li dan it-titolu jikkonċerna mezzi ta’ azzjoni li huma tal-Komunità stess u amministrati skont il-modalitajiet tal-qafas regolatorju Komunitarju, inkluż ir-Regolament Finanzjarju tagħha. Barra minn hekk, skont il-Kunsill, la t-Titolu XVII tat-Trattat KE u lanqas il-qafas regolatorju Komunitarju ma jistgħu japplikaw għal organiżmu internazzjonali li, apparti dan, il-Komunità mhijiex membru tiegħu. Anki jekk, f’mument partikolari, il-prijorità tal-Fond kellha tkun il-koeżjoni ekonomika, u mhux ir-rikonċiljazzjoni, xorta waħda jkun impossibbli li l-kontribuzzjonijiet tal-Komunità jiġu bbażati fuq it-Titolu XVII tal-imsemmi Trattat.

    34

    Il-Kunsill isostni wkoll li ma qiesx li kien xieraq li jibbaża r-regolament ikkontestat fuq bażi legali oħra li tkun tkopri l-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, peress li l-objettiv ta’ rikonċiljazzjoni intra-Komunitarja Irlandiża jikkostitwixxi l-għan predominanti tal-Fond u peress li dan huwa entità esterna għall-Komunità. L-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali huwa biss konsegwenza tal-insegwiment tar-rikonċiljazzjoni, miksuba permezz tal-azzjoni ta’ organiżmu internazzjonali estern għall-Komunità.

    35

    Il-Kummissjoni tqis li minħabba l-għan tar-regolament ikkontestat, jiġifieri, li għas-snin 2007 sa 2010 issir kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja lill-Fond, li għandha tintuża skont il-Ftehim FII, jeħtieġ li jsir rinviju għat-Trattat Anglo-Irlandiż li, skont il-preambolu u l-Artikoli 2(a) u 4(a)(ii) tal-imsemmi Trattat, l-għan uniku tiegħu huwa l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fl-interess taż-żewġ Stati kontraenti u b’mod partikolari, dak tal-poplu tal-Irlanda ta’ Fuq. Il-punt ta’ tluq huwa l-instabbiltà politika u mhux id-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali. L-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim FII jservu sabiex jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni transkonfinali msemmija fl-Artikolu 10(a) tat-Trattat Anglo-Irlandiż, peress li din il-kooperazzjoni tikkostitwixxi fiha nnifisha mezz li bih jintlaħaq l-għan ta’ dan it-Trattat, jiġifieri, il-paċi u r-rikonċiljazzjoni fl-interess taż-żewġ Stati kontraenti. Konsegwentement, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali kif previst mit-Trattat Anglo-Irlandiż qatt ma seta’ kien għan fih innifsu.

    36

    Il-Kummissjoni tosserva, barra minn hekk, li għalkemm ċertament hemm sovrapożizzjoni bejn l-attivitajiet tal-Fond u dawk tal-Fondi Strutturali, dan tal-ewwel għandu firxa ta’ attivitajiet li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali. L-Artikolu 4 tal-Ftehim FII, li jiddetermina l-kategoriji ta’ proġetti jew azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati bi prijorità mill-Fond skont l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, mhuwiex eżawrjenti fir-rigward tal-lista ta’ kategoriji ta’ interventi, u jista’ jinkorpora azzjonijiet li jaqgħu taħt il-politika Komunitarja ta’ koeżjoni mingħajr ma bl-ebda mod ikun limitat għal dawn.

    37

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-artikoli tat-Titolu XVII tat-Trattat KE jikkostitwixxu bażijiet legali sabiex jiġu adottati strumenti Komunitarji għall-implementazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni. Madankollu, peress li l-Fond mhuwiex strument bħal dan u l-attivitajiet tiegħu jmorru lil hinn minn din il-politika, ir-regolament ikkontestat ma setax jiġi adottat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu XVII tal-imsemmi Trattat.

    38

    L-Irlanda tqis li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika u unika tal-Fond li l-objettiv tiegħu huwa li jkattar il-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet. Madankollu, l-interess tal-Fond fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali huwa ta’ natura strumentali. Dan l-iżvilupp mhuwiex għan fih innifsu, iżda huwa fattur ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ progress politiku. L-erba’ oqsma fundamentali tal-istrateġija tal-Fond, għall-perijodu 2006-2010, juru l-funzjoni ewlenija tiegħu bħala mekkaniżmu intiż sabiex iwassal għal rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti.

    39

    Skont il-Gvern tar-Renju Unit, l-Artikoli 158 KE u 159 KE huma intiżi sabiex jirrimedjaw l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni tal-Komunità u mhux sabiex ikattru l-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet differenti li jinsabu fl-istess reġjun. L-istrateġija l-ġdida tal-Fond tenfasizza b’mod ċar ir-rikonċiljazzjoni. Anki kieku l-Fond u l-programm PEACE kienu komplementari f’ċerti aspetti, huma xorta waħda differenti, inkwantu l-programm PEACE ġie konkluż speċifikament mill-Komunità sabiex jippromwovi il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunità, mentri l-Fond jaqdi eżiġenzi ta’ natura differenti ddefiniti barra mill-qafas Komunitarju.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-użu tal-Artikolu 308 KE bħala bażi legali huwa ġġustifikat biss jekk ebda dispożizzjoni oħra tat-Trattat KE ma tagħti lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-kompetenza meħtieġa sabiex jadottaw l-att ikkonċernat (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 48; tat-28 ta’ Mejju 1998, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-22/96, Ġabra p. I-3231, punt 22, kif ukoll tat-2 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-436/03, Ġabra p. I-3733, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    Din il-bażi legali hija intiża sabiex tirrimedja għan-nuqqas ta’ setgħat ta’ azzjoni mogħtija espressament jew b’mod impliċitu lill-istituzzjonijiet Komunitarji mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, sa fejn dawn is-setgħat ikunu jidhru neċessarji sabiex il-Komunità tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha bil-għan li jintlaħaq xi wieħed mill-objettivi stabbiliti minn dan it-Trattat (Opinjoni 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I-1759, punt 29, kif ukoll is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 211).

    42

    Fil-kuntest tas-sistema ta’ kompetenzi tal-Komunità, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, u li fosthom insibu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att ikkonċernat (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-338/01, Ġabra p. I-4829, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll l-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Ġabra p. I-9713, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Konsegwentement għandu jiġi eżaminat, abbazi tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, jekk, bħalma jallega l-Parlament, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE jikkostitwixxix bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u, jekk għaldaqstant, dan kellux fil-fatt jiġi adottat abbazi ta’ din il-bażi legali.

    Fuq it-Titolu XVII tat-Trattat KE

    44

    F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata s-sistema mwaqqfa mit-Titolu XVII tat-Trattat KE, kompost mill-Artikoli 158 KE sa 162 KE u li jagħti lill-Komunità l-kompetenza sabiex tistabbilixxi politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, sabiex tippromwovi żvilupp armonjuż fil-Komunità kollha.

    45

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 159 KE, l-objettivi ta’ din il-politika Komunitarja, ippreċiżati fl-Artikolu 158 KE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Komunità waqt il-formulazzjoni u l-implementazzjoni tal-politiki Komunitarji. Il-Komunità tappoġġa wkoll it-twettiq ta’ dawn l-objettivi, b’mod partikolari, bl-azzjoni li tieħu permezz tal-Fondi Strutturali. F’dan l-istess kuntest hija tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, taġixxi abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE b’azzjonijiet speċifiċi barra minn dan il-Fond.

    46

    Huwa ċertament minnu li din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tipprevedix il-forma li jistgħu jieħdu tali azzjonijiet speċifiċi. Madankollu, bħalma sostnew essenzjalment l-Irlanda, il-Kunsill u l-Kummissjoni, permezz tal-azzjonijiet kollha tagħha, il-Komunità timplementa politika Komunitarja awtonoma, b’mod illi t-Titolu XVII tat-Trattat KE jipprovdi għal bażijiet legali xierqa li jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri li huma tal-Komunità stess, amministrati skont il-qafas regolatorju Komunitarju u li l-kontenut tagħhom ma jmurx lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.

    Fuq l-għan u l-kontenut tar-regolament ikkontestat

    47

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-għan u l-kontenut tar-regolament ikkontestat sabiex jiġi ddeterminat jekk, meta ġie adottat, dawn kellhomx iwasslu lil-leġiżlatur sabiex juża t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE bħala bażi legali.

    48

    Għal dak li jirrigwarda l-għan tar-regolament ikkontestat, mill-Premessi 6, 15 u 16 jirriżulta li dan huwa intiż prinċipalment sabiex jinkoraġġixxi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq, u li l-appoġġ tal-Komunità ser jikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u bejn iċ-ċittadini tagħhom.

    49

    F’dan il-kuntest, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat li jirrigwarda mhux biss il-kundizzjonijiet iżda wkoll l-għanijiet tal-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji Komunitarji mill-Fond.

    50

    Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprovdi, minn naħa, li l-Fond jagħti prijorità lil proġetti ta’ natura transkonfinali jew intra-Komunitarji sabiex jikkomplementaw l-attivitajiet iffinanzjati mill-programm PEACE u li l-kontribuzzjonijiet jintużaw b’mod li jwasslu għal titjib sostenibbli ekonomiku u soċjali fl-oqsma kkonċernati.

    51

    Min-naħa l-oħra, hija tirreferi għall-Ftehim FII. Għalhekk, l-objettivi prinċipali tal-Ftehim FII, deskritti fl-Artikolu 2 ta’ dan l-istess ftehim, għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti mir-regolament ikkontestat. Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi ftehim, l-objettivi tiegħu huma li jippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali, u li jinkoraġġixxi l-kuntatt, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fl-Irlanda.

    52

    Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-qafas legali li jifforma parti minnu r-regolament ikkontestat, b’mod partikolari, mit-Trattat Anglo-Irlandiż li huwa l-bażi tal-Ftehim FII. Madankollu, jekk l-għan prinċipali tat-Trattat Anglo-Irlandiż huwa li jippromwovi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq, l-għan tal-qasam ta’ attività li fih jaqa’ l-Ftehim FII huwa, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 10(a) ta’ dan it-Trattat, li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni.

    53

    Għaldaqstant, mir-regolament ikkontestat u mir-riferiment għall-Ftehim FII jirriżulta li l-objettivi ta’ dan tal-ewwel huma l-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet tal-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-progress ekonomiku u soċjali taż-żoni kkonċernati mill-kunflitt armat.

    54

    Minn dan isegwi li l-objettivi tar-regolament ikkontestat jikkorrispondu għall-objettivi tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, u dan huwa ikkonfermat ukoll mill-Premessa 2 tal-imsemmi regolament.

    55

    Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tar-regolament ikkontestat, fl-Artikolu 1 tiegħu huwa jiddetermina l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunita lill-Fond għall-perijodu 2007-2010. Permezz tal-Artikoli 2 sa 11 tiegħu, dan ir-regolament jirreferi għall-Ftehim FII dak li jikkonċerna l-użu ta’ din il-kontribuzzjoni mill-Fond, filwaqt li jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ dan l-użu u l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità u l-Fond, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-metodu ta’ ħlas tal-imsemmija kontribuzzjoni.

    56

    Għaldaqstant, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat jipprovdi li fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Komunità, il-Fond għandu jagħti prijorità lill-proġetti ta’ natura transkonfinali jew intra-Komunitarji sabiex jikkomplementa l-attivitajiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, u b’mod partikolari, dawk tal-programm PEACE fl-Irlanda ta’ Fuq u l-Pajjiżi Konfinali tal-Irlanda. Skont it-tielet paragrafu tal-imsemmi artikolu, il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw b’tali mod li jwasslu għal titjib sostenibbli ekonomiku u soċjali fiż-żoni kkonċernati.

    57

    F’dan ir-rigward, mill-Artikoli 6 u 10 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-ħlasijiet sussegwenti magħmula mill-Komunità lill-Fond u l-ħlas annwali tagħhom jiddependi milll-approvazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-istrateġija tal-għeluq ippreżentata minnu. Barra minn hekk, mill-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-ħlas ta’ parti kunsiderevoli tal-kontribuzzjoni annwali tiddependi fuq il-fatt li l-FII jipprovdi garanzija li jiġu osservati l-kundizzjonijiet ippreċiżati fl-imsemmi regolament stess, kif ukoll l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Fond.

    58

    Mill-kunsiderazzjonijijet preċedenti jirriżulta li l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja lill-Fond, mingħajr ma jitqies il-qafas regolatorju li jifforma parti minnu, taqa’ taħt azzjonijiet speċifiċi li, meta jinħass il-bżonn tagħhom barra mill-Fondi Strutturali sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 158 KE, jiġu adottati skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE.

    59

    Madankollu, la l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità u l-Fond u lanqas il-kundizzjonijiet u l-metodu ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità ma jippermettu lil din tal-aħħar li tipprevedi li l-użu ta’ din il-kontribuzzjoni mill-Fond ma jkoprix l-azzjonijiet li, filwaqt li josservaw l-objettivi tal-Ftehim FII, imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali jew, tal-inqas mhumiex amministrati skont il-kriterji applikati mill-Komunità fil-kuntest ta’ din il-politika.

    60

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim FII, il-Fond huwa organiżmu b’personalità ġuridika fid-dritt internazzjonali pubbliku. Għalkemm il-Komunità tista’ taġixxi bħala osservatur matul il-laqgħat tal-Bord tal-Fond u, minkejja li r-regolament ikkontestat jipprovdi li għandu jkun hemm koordinazzjoni fuq kull livell bejn il-Fond u l-Fondi Strutturali, b’mod partikolari, il-programm PEACE, xorta jibqa l-fatt li l-Komunità la hija membru ta’ dan l-organiżmu u lanqas tal-Bord tiegħu li, skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim FII, jaġixxi b’konformità mal-modalitajiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti miż-żewġ Gvernijiet kontraenti.

    61

    Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji Komunitarji għandhom jintużaw skont il-Ftehim FII, li bħalma sostniet b’mod ġust il-Kummissjoni, ma jiddeterminax b’mod eżawrjenti, l-azzjonijiet li għandhon jiġu ffinanzjati iżda, fl-Artikolu 4 tiegħu, jillimita ruħu li jiddetermina l-kategoriji ta’ azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati bi prijorità. Permezz tar-riferiment għall-Ftehim FII, ir-regolament ikkontestat jippermetti l-użu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet li, tal-inqas fid-data tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, l-għanijiet speċifiċi u l-kontenut kontret tagħhom ma kinux magħrufa, peress li mhijiex il-Kummissjoni li għandha tippjana jew timplementa dawn l-azzjoniijiet.

    62

    Barra minn hekk, għalkemm l-Artikoli 6, 7 u 10 tar-regolament ikkontestat jimponu kundizzjonijiet formali fir-rigward tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji Komunitarji favur il-Fond, huma ma jistabbilixxux kundizzjonijiet materjali fir-rigward tal-attivitajiet li għandhom jiġi ffinanzjali minn dawn il-kontribuzzjonijiet, li huma differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat ma jistgħux, għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-Parlament, jiggarantixxu li l-interventi kollha tal-Fond ffinanzjati mill-Komunità jindirizzaw b’mod effettiv l-għanijiet tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.

    63

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur Komunitarju seta’, fil-Premessa 6 tar-regolament ikkontestat, validament jikkunsidra li l-firxa ta’ attivitajiet iffinanzjati mir-regolament ikkontestat tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.

    64

    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 159 KE jkopri biss azzjonijiet awtonomi tal-Komunità, amministrati skont il-qafas regolatorju Komunitarju u li kontenut tiegħu ma jmurx lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali.

    65

    Għaldaqstant, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE waħdu, ma jagħtix lill-Komunità l-kompetenza meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi tal-politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja f’kundizzjonijiet bħal dawk previsti mir-regolament ikkontestat.

    Fuq il-bażi legali xierqa

    66

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlatur kellux juża kemm l-Artikolu 308 KE, kif ukoll it-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE sabiex jadotta r-regolament ikkontestat.

    67

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie espost fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 308 KE huwa intiż sabiex jirrimedja għan-nuqqas ta’ setgħat ta’ azzjoni mogħtija espressament jew b’mod impliċitu lill-istituzzjonijiet Komunitarji mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, sa fejn dawn is-setgħat ikunu jidhru neċessarji sabiex il-Komunità tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha bil-għan li jintlaħaq xi wieħed mill-objettivi stabbiliti minn dan it-Trattat. Barra minn hekk, mill-Artikolu 308 KE jirriżulta li l-użu ta’ din id-dispożizzjoni jirrikjedi li l-azzjoni prevista tkun tikkonċerna l-“funzjonament tas-suq komuni” (ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 200).

    68

    Ir-regolament ikkontestat għandu l-għan li jappoġġa l-azzjonijiet ta’ organiżmu internazzjonali mwaqqaf minn żewġ Stati Membri li l-objettiv tiegħu huwa t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Kif jirriżulta mill-Artikolu 2 KE u l-Artikolu 3(1)(k) KE, it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali jikkostitwixxi, barra mit-Titolu XVII tat-Trattat KE li jagħti lill-Komunità l-kompetenza li tistabbilixxi politika Komunitarja ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, objettiv għall-Komunità. Kif jirriżulta wkoll mill-Premessa 17 tar-regolament ikkontestat, l-għan tar-regolament ikkontestat jaqa’ taħt il-qasam tas-suq komuni peress li huwa intiż li jwassal għal titjib ekonomiku f’żoni żvantaġġati ta’ żewġ Stati Membri, u għaldaqstant għall-funzjonament tas-suq komuni.

    69

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li r-regolament ikkontestat jipprova jilħaq l-għanijiet previsti fl-Artikolu 2 KE u fl-Artikolu 3(1)(k) KE kif ukoll fit-Titolu XVII tat-Trattat KE, mingħajr ma dan it-titolu waħdu jagħti lill-Komunità l-kompetenza sabiex tilħaqhom, il-leġiżlatur Komunitarju kellu juża t-tielet paragrafu tal-Artikolu 159 KE u l-Artikolu 308 KE flimkien (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 242/87, Ġabra p. 1425, punti 6 u 37, kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 211 sa 214), filwaqt li josserva l-proċeduri leġiżlattivi previsti fihom, jiġifieri, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 KE imsejħa ta’ “kodeċiżjoni”, kif ukoll il-vot unanimu fi ħdan il-Kunsill.

    Fuq it-talba li jinżammu l-effetti tar-regolament ikkontestat

    70

    Il-Kunsill appoġġat, f’dan ir-rigward, mill-intervenjenti kollha, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li hija tannulla r-regolament ikkontestat, sabiex iżżomm, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, l-effetti tiegħu sa meta jiġi adottat regolament ġdid u tiddeċiedi li l-annullament ma jaffettwa la l-validità tal-ħlasijiet magħmula u lanqas dik tal-impenji meħuda abbażi tar-regolament ikkontestat.

    71

    Skont il-Kunsill, iż-żamma tal-effetti ta’ dan ir-regolament huwa meħtieġ minħabba raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali marbuta kemm mal-proġetti attwali, kif ukoll mal-aspettattivi leġittimi tal-amministrazzjoni tal-Fond.

    72

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tikkunsidrah meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti tar-regolament annullat għandhom jitqiesu li jibqgħu fis-seħħ.

    73

    Skont l-Artikolu 12 tiegħu, ir-regolament ikkontestat daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007 u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010. Għaldaqstant, l-annullament tar-regolament ikkontestat ser iseħħ f’mument meta tal-inqas tnejn mill-erba’ kontribuzzjonijiet annwali u konsegwentement, il-biċċa l-kbira tal-ħlasijiet korrispondenti laħqu saru, u meta l-amministrazzjoni tal-Fond tista’ leġittimament tistenna li l-kumplament tal-ħlas isirilha wkoll.

    74

    Għalhekk, l-annullament tar-regolament ikkontestat mingħajr iż-żamma tal-effetti tiegħu jista’ jkollu konsegwenzi negattivi, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula għal azzjonijiet jew proġetti ppjanati jew attwali, u jkun ta’ natura li jwassal għal inċertezzi dannużi għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tal-Fond fil-preżent u fil-futur.

    75

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeżistu raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita s-setgħa li jagħtiha t-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE u li tindika l-effetti tar-regolament annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li l-annullament tar-regolament ikkontestat ma jaffettwa la l-validità tal-ħlasijiet magħmula u lanqas dik tal-impenji meħuda abbażi tal-imsemmi regolament qabel l-għoti ta’ din is-sentenza, u li għandhom jinżammu l-effetti tar-regolament ikkontestat sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ regolament ġdid ibbażat fuq bażi legali xierqa.

    Fuq l-ispejjeż

    76

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu, taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

    77

    Peress li f’din il-kawża kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament tilfu parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

    78

    Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1968/2006, tal-21 ta’ Diċembru 2006, dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Komunità lill-Fond Internazzjonali għall-Irlanda (2007-2010) huwa annullat.

     

    2)

    L-effetti tar-Regolament Nru 1968/2006 għandhom jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ regolament ġdid adottat fuq bażi legali xierqa.

     

    3)

    L-annullament tar-Regolament Nru 1968/2006 ma jaffettwa la l-validità tal-ħlasijiet magħmula u lanqas dik tal-impenji meħuda abbażi tal-imsemmi regolament.

     

    4)

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    5)

    L-Irlanda, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq