Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62008CJ0165
Judgment of the Court (Second Chamber) of 16 July 2009.#Commission of the European Communities v Republic of Poland.#Genetically modified organisms - Seed - Prohibition on placing on the market - Prohibition on inclusion in the national catalogue of varieties - Directives 2001/18/EC and 2002/53/EC - Reliance on ethical and religious grounds - Burden of proof.#Case C-165/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-16 ta' Lulju 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika tal-Polonja.
Organiżmi modifikati ġenetikament - Żerriegħa - Projbizzjoni ta’ tpoġġija fis-suq - Projbizzjoni ta’ inklużjoni fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet - Direttivi 2001/18/KE u 2002/53/KE - Invokazzjoni ta’ motivi ta’ natura etika u reliġjuża - Oneru tal-prova.
Kawża C-165/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-16 ta' Lulju 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika tal-Polonja.
Organiżmi modifikati ġenetikament - Żerriegħa - Projbizzjoni ta’ tpoġġija fis-suq - Projbizzjoni ta’ inklużjoni fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet - Direttivi 2001/18/KE u 2002/53/KE - Invokazzjoni ta’ motivi ta’ natura etika u reliġjuża - Oneru tal-prova.
Kawża C-165/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-06843
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:473
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )
“Organiżmi modifikati ġenetikament — Żerriegħa — Projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq — Projbizzjoni ta’ inklużjoni fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet — Direttivi 2001/18/KE u 2002/53/KE — Invokazzjoni ta’ motivi ta’ natura etika u reliġjuża — Oneru tal-prova”
Fil-Kawża C-165/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fil-15 ta’ April 2008,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Doherty u A. Szmytkowska, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi pprojbixxiet iċ-ċirkulazzjoni libera ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ġenetikament immodifikati kif ukoll l-introduzzjoni tal-varjetajiet ġenetikament modifikati fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 15, Vol. 6, p. 77), kkunsidrata fl-intier tagħha u b’mod partikolari l-Artikoli 22 u 23 tagħha, kif ukoll taħt id Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 281), b’mod partikolari l-Artikoli 4(4) u 16 tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Id-Direttiva 2001/18
|
2 |
Id-Direttiva 2001/18 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE. Skont l-Artikolu 1 tagħha, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, hija għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet, regolamenti, u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta tagħmel rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (iktar ’il quddiem il-“GMO”) għal skopijiet oħra barra dawk li tqegħdhom fis-suq fil-Komunità, u min-naħa l-oħra, meta jitqegħdu fis-suq organiżmi modifikati ġenetikament bħal jew fi prodotti fil-Komunità. |
|
3 |
Il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/18 tipprovdi: “Rispett għal prinċipji etiċi rikonoxxuti fi Stat Membru huwa partikolarment importanti. L-Istati Membri jistgħu jieħdu in konsiderazzjoni aspetti etiċi meta l-GMOs ikunu intenzjonatament rilaxxati jew mpoġġija fis-suq bħal jew ġo prodotti.” |
|
4 |
Skont il-premessi 56 sa 58 ta’ din id-direttiva:
|
|
5 |
Il-parti B ta’ din id-direttiva jikkunsidra l-kundizzjonijiet li fihom ikun hemm awtorizzazzjoni għal rilaxx intenzjonat ta’ GMOs għal kull skop ieħor ħlief li jitqegħdu fis-suq. |
|
6 |
Il-parti C ta’ din id-direttiva, li tinkludi l-Artikoli 12 sa 24 tagħha, tikkunsidra awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ GMOs bħala jew fi prodotti. |
|
7 |
Intitolat “Cirkolazzjoni libera”, l-Artikolu 22 tad-Direttiva jipprovdi: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jirrifjutaw it-tpoġġija fis-suq ta’ GMOs, bħal jew fi prodotti, li josservaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.” |
|
8 |
Intitolat “Klawżola ta’ salvagwardja”, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Fejn Stati Membru, b’riżultat ta’ informazzjoni ġdida jew addizjonali li ssir disponnibli mid-data tal-kunsens u taffetwa l-stima ta’ riskju ambjentali jew eżami mill-ġdid ta’ informazzjoni eżiżtenti jew għarfien xjentifiku addizzjonali, għandhu raġunijiet iktar dettaljati biex tikkunsidra li GMO bħal jew fi prodott li ġie proprjament notifikat u rċieva kunsens bil-miktub skond din id-Direttiva jikkostitwixxi riskju lis-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew bejgħ ta’ dik l-GMO bħal jew fi prodott fit-territorju tagħhom. L-Istat Membru għandu jassigura li fil-każ ta’ riskju gravi, miżuri ta’ emerġenza, bħal sospensjoni jew terminazzjoni ta’ tpoġġija fis-suq, jiġu applikati, inkluż informazzjoni lill-pubbliku. L-Istat Membru għandu immedjatament jinforma lil Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’azzjonijiet li ttieħdu skond dan l-Artikolu u tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, u tagħti ir-reviżjoni ta’ stima ta’ riskju ambjentali, u tindika jekk u kif il-kondizzjonijiet tal-kunsens għandhom jiġu emendati jew il-kunsens għandu jiġi mitmum, u, fejn xieraq, l-informazzjoni ġdida jew addizzjonali li fuqha hija bbażata id-deċiżjoni tagħha. Deċiżjoni tittieħed fuq il-kwistjoni fi żmien 60 ġurnata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2). […]” |
|
9 |
L-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri dwar kwistjonijiet etiċi, l-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha, jew fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, tikkonsulta kwalunkwe kumitat li ġie kreat bil-ħsieb li tikseb parir fuq implikazzjonijiet etiċi ta’ bijoteknoloġija, bħal Grupp Ewropew fuq Etika fi Xjenza u Teknoloġiji ġodda, fuq kwistjonijiet etiċi ta’ natura ġenerali. Din il-konsultazzjoni tista’ ssir ukoll fuq talba ta’ Stat Membru. […] 3. Il-proċeduri amministrattivi stabbiliti f’din id-direttiva ma jiġux affetwati mill-paragrafu 1.” |
|
10 |
L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi: “1. Id-Direttiva 90/220/KEE għandha tiġi mħassra fis-17 ta’ Ottubru 2002. 2. Riferenzi li jsiru għad-Diettiva mħassra għandhom jiġu mfissra li saru lil din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond il-kaxxa ta’ korrelazjoni fl-Anness VIII.” |
Id-Direttiva 2002/53
|
11 |
Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2002/53 “tikkonċerna l-aċċettazzjoni għal inklużjoni f’katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli ta’ dawk il-varjetajiet ta’ pitravi, pjanti mill-għalf, ċereali, patata u pjanta taż-żejt u tal-fibra li ż-żerriegħa tagħhom tista’ tiġi mibjugħa taħt disposizzjonijiet tad-Direttivi li jikkonċernaw rispettivament il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (2002/54/KE [tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 292)]), żerriegħa mill-pjanti ta’ l-għalf (66/401/KEE [tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1966, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 55)]), żerriegħa taċ-ċereali (66/402/KEE [tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 66)]), patata taż-żerriegħa (2002/56/KE [tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 340)]) u żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (2002/57/KE [tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 354)]).” Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, dan il-katalgu komuni huwa “kompilat fuq il-bażi tal-katalgi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.” |
|
12 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/53 li jipprovdi ċertu numru ta’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri għal aċċettazzjoni ta’ varjetà, jipprovdi fil-paragrafu 4 tiegħu: “Fil-każ ta’ varjetà ġenetikament modifikata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 90/220/KEE ir-rilaxx deliberat fl-ambjent tal-varjetà għandha tiġi aċċettata biss jekk il-miżuri xierqa kollha jkunu ttieħdu biex jiġu evitati effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa umana u l-ambjent.” |
|
13 |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/53 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b’effett mill-pubblikazzjoni riferit fl-Artikolu 17, żerriegħa ta’ varjetajiet aċċettati skond din id-Direttiva jew skond il-prinċipji li jikkorrispondu għal dawk ta’ din id-Direttiva mhiex suġġetta għal xi restrizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-varjetà. 2. Stat Membru jista’, fuq applikazzjoni li trid tiġi trattata taħt il-proċedura riferita fl-Artikolu 23(2) jew fl-Artikolu 23(3) fil-każ ta’ varjetajiet ġenetikament modifikati, ikun awtorizzat li jipprojbixxi l-użu tal-varjetà fit-territorju kollu jew parti minnu jew li jippreskrivi kondizzjonijiet xierqa għal koltivazzjoni tal-varjetà skond, fil-każijiet provvduti fis-subparagrafu (ċ), flimkien mal-kondizzjonijiet għall-użu tal-prodotti li jirriżultaw minn koltivazzjoni bħal din:
|
|
14 |
Skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva: “Il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tat-tagħrif provvdut mill-Istati Membri u minħabba li din hija rċevuta, tippubblika fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej taħt it-titolu “Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċi ta’ Pjanti Agrikoli” lista tal-varjetajiet kollha li minnhom iż-żerriegħa u l-materjal ta’ propagazzjoni, taħt l-Artikolu 16, mhumiex suġġetti għal xi restrizzjonijiet ta’ bejgħ fis-suq rigward varjetà […]” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
|
15 |
L-Artikolu 5(4) tal-liġi dwar iż-żerriegħa tas-26 ta’ Ġunju 2003 (Dz. U Nru 137, pożizzjoni 1299), kif emendata bil-liġi tas-27 ta’ April 2006 (Dz. U Nru 92, pożizzjoni 639, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar iż-żerriegħa”) tipprovdi li “l-varjetajiet ġenetikament modifikati mhumiex introdotti fil-katalgu nazzjonali”. |
|
16 |
L-Artikolu 57(3) tal-liġi dwar iż-żerriegħa tipprovdi li “iż-żerriegħa ta’ varjetajiet ġenetikament modifikati ma tistax tiġi introdotta fis-suq fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja.” Skont l-Artikolu 67(1) ta’ din l-istess liġi, il-persuna li tqiegħed fis-suq żerriegħa bi ksur tal-Artikolu 57(3) tista’ tbati sanzjoni pekunarja. |
Il-proċedura prekontenzjuża
|
17 |
Wara l-ewwel skambju ta’ ittri mar-Repubblika tal-Polonja bejn id-19 ta’ Ġunju u d-19 ta’ Lulju 2006, fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru, abbażi tal-Artikolu 226 KE. Fiha l-Kummissjoni sostniet li l-Artikoli 5(4) u 57(3) tal-liġi dwar iż-żerriegħa (iktar ‘il quddiem id-“dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni” jiksru d-Direttiva 2001/18, b’mod partikolari l-Artikolu 22 u 23 tagħha, kif ukoll id-Direttiva 2002/53, b’mod partikolari l-Artikoli 4(4) u 16 tagħha. |
|
18 |
B’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2006, ir-Repubblika tal-Polonja kkontestat li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha. Hija b’mod partikolari bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq ir-riskji ta’ konsegwenzi rriversibbli għall-bijodiversità u l-ambjent inġenerali kif ukoll għas-settur agrikolu Pollakk b’mod partikolari li jħallu fis-seħħ prinċipji ta’ evalwazzjoni ftit ċari, kontrolli u garanziji insuffiċjenti u regoli lakunarji fil-qasam ta’ koeżistenza tal-kultivazzjoni, li jinsabu fid-Direttiva 2001/18. Dan l-Istat Membru sostna wkoll li l-varjetajiet introdotti fil-katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi ta’ pjanti agrikoli stabbilit bid-Direttiva 2002/53 ma kinux ġew ittestjati fl-ambjent speċifikament Pollakk u għalhekk ma kinux joffru garanziji suffiċjenti f’termini ta’ nuqqas ta effetti negattivi fit-tul. |
|
19 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja rreferiet għal preokkupazzjonijiet dwar id-dannu għas-saħħa pubblika u għall-ambjent, kif ukoll għall-oppożizzjoni qawwija murija mill-maġġoranza tal-pubbliku fil-Polonja fir-rigward tal-GMOs u għall-ħtieġa li jiġu osservati l-prinċipji etiċi, skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/18, billi tallega, f’dan ir-rigward, li l-introduzzjoni fis-sistema legali Pollakka ta’ dispożizzjonijiet li ma taqbilx magħhom il-maġġoranza tas-soċjetà Pollakka tmur kontra l-etika. |
|
20 |
Billi ma kinitx sodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni indirizzat, fid-29 ta’ Ġunju 2007, opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja, billi stiednitha, f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi din l-opinjoni motivata, sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma magħha. |
|
21 |
Bi tweġiba tat-28 ta’ Awwissu 2007, ir-Repubblika Pollakka essenzjalment irrepetiet l-argument li kien diġà żviluppat bħala tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li l-adozzjoni unanima, fl-2006, mill-assemblej tal-voïvodies (reġjuni amministrattivi) Pollakki, ta’ riżoluzzjonijiet li jiddikjaraw li t-territorju tal-voïvodies għandhom jiġu eżentati mill-kultivazzjonijiet ġenetikament modifikati u ta’ GMO turi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jaqgħu taħt il-moralità pubblika, u żiedet tgħid li tali miżuri jiġu għaldaqstant awtorizzati fuq il-bażi biss tal-Artikolu 30 KE, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu invokati għal dan il-għan il-proċeduri speċjali li jistabbilixxi d-dritt sekondarju invokat mill-Kummissjoni. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
|
23 |
Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 57(1) tal-liġi dwar iż-żerriegħa huwa inkompatibbli mas-sistema ta’ ċirkulazzjoni libera stabbilita bid-Direttiva 2001/18 fl-intier tagħha u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 22 u 23 tagħha. L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva fil-fatt jeħtieġ li kull GMO li t-tqegħid fis-suq tiegħu ġie awtorizzat skont din id-direttiva jista’ jintuża liberament fil-Komunità kollha. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, li jillimita strettament il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ GMO individwali wara analiżi li ssir għal kull każ, jimplika li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu b’mod ġenerali t-tqegħid fis-suq fit-territorju tagħhom ta’ kategorija sħiħa ta’ GMO, li barra minn hekk ma taqax taħt il-proċedura li din id-dispożizzjoni tipprovdi. |
|
24 |
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2002/53 bl-istess mod jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li, sa mill-introduzzjoni ta’ varjetà fil-katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi ta’ pjanti agrikoli, iż-żerriegħa tagħha ma tkun suġġetta għal ebda restrizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni. Issa, fil-preżent, jeżistu approssimament sebgħin varjetajiet ġenetikament modifikati, awtorizzati skont id-Direttiva 2001/18, li huma introdotti f’dan il-katalgu komuni. |
|
25 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2002/53, li għandha bħala għan li tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ kwalità uniformi adegwati sabiex jiffavorixxu ċ-ċirkulazzjoni libera tal-varjetajiet, ma tippermettix lill-Istati Membri li jipprojbixxu, b’mod ġenerali, l-introduzzjoni ta’ varjetajiet ġenetikament modifikati fil-katalgu nazzjonali tagħhom. Minn meta GMO hija awtorizzata, b’mod partikolari wara l-evalwazzjoni xjentifika fil-fond li tistabbilixxi d-Direttiva 2001/18, ma jistax jiġi kkunsidrat ukoll li tippreżenta riskju għas-saħħa jew għall-ambjent li jista’ jiġġustifka, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53, in-nonammissjoni ta’ din il-GMO fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet. |
|
26 |
Fir-rigward tal-oġġezzjonijiet imqajma mir-Repubblika tal-Polonja matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni ssostni li l-preokkupazzjonijiet espressi minn dan l-Istat Membru fir-rigward tal-allegati imperfezzjonijiet tad-Direttiva 2001/18 fuq il-pjanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa ma jistgħux jinterferixxu mal-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tagħha u li dawn huma, f’kull każ, infondati. Skont il-Kummissjoni, il-proċeduri stabbiliti bid-Direttiva 2001/18 effettivament jiggarantixxu, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, għal kull GMO individwali evalwazzjoni rigoruża tar-riskji eventwali għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem billi jipprovdu l-mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ salvagwarda effettivi. |
|
27 |
Ir-referenza ġenerali għall-prinċipji etiċi li jinsabu fit-tweġiba għall-ittra ta’ intimazzjoni ma tinkludix, min-naħa tagħha, argument etiku preċiż fir-rigward tar-rilaxx ta’ GMO. Minbarra dan, jirriżulta mill-Premessa 9 tad-Direttiva 2001 li l-kunsiderazzjonijiet etiċi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, biex b’hekk projbizzjoni ta’ prodotti awtorizzati skont din id-direttiva ma tistax tiġi deċiża barra mill-proċeduri li hija tistabbilixxi. Skont il-Kummissjoni, hija barra minn hekk ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 30 KE ma jistax ukoll jiġi invokat meta dispożizzjonijiet Komunitarji jirregolaw il-qasam ikkunsidrat b’mod iddettaljat u armonjuż, kif inhuwa l-każ tad-Direttivi 2001/18 u 2002/53 f’dak li jikkonċerna l-kummerċ tal-GMO. |
|
28 |
Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors minħabba li l-ilmenti wisq impreċiżi tal-Kummissjoni ma jippermettulhiex li tidentifika s-suġġett eżatt tiegħu u lanqas, għaldaqstant, li torganizza d-difiża tagħha b’mod effettiv. Fil-fatt, għalkemm hija titlob b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja kisret id-Direttivi 2001/18 u 2002/53 “fl-intier tagħhom”, id-dispożizzjonijiet iktar preċiżi msemmija fir-rikors kienu apparentament eżempju biss, u għalhekk il-Kummissjoni ma tipprovdi ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward. |
|
29 |
Fir-rigward tal-mertu, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza tikkonferma li rikors skont l-Artikolu 30 KE ma jieqafx li jkun possibbli ħlief meta l-armonizzazzjoni Komunitarja applikata tinkludi l-miżuri neċessarji għat-twettiq tal-għan speċifiku li din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE għandha l-għan li tippreserva. Issa, il-kunsiderazzjonijiet etiċi huma preċiżament mhux relatati mad-Direttivi 2001/18 u 2002/53 li huma intiżi esklużivament sabiex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Il-premessa 57 u l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2001/18 jippreservaw, minbarra dan, espressament il-kompetenza tal-Istati membri sabiex jirregolaw l-aspetti etiċi marbuta mal-GMOs. |
|
30 |
F’dan il-każ, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienet tmexxiet minn prinċpji ta’ etika nisranija u umanistika maqsuma mill-maġġoranza tal-popolazzjoni Pollakka. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja qiegħed dejjem il-quddiem kunċett nisrani tal-ħajja li jmur kontra li organiżmi ħajjin maħluqa minn Alla jiġu mmanipolati u mibdula f’materji li huma suġġetti għal-liġi ta’ proprjetà industrijali. Dan huwa kunċett nisrani u umanistiku tal-progress u tal-iżvilupp li jeħtieġ osservanza tal-proġett ta’ ħolqien kif ukoll it-tfittxija ta’ armonija bejn il-bniedem u n-natura. Fl-aħħar nett dawn huma prinċipji nsara u umanistiċi li jikkonċernaw l-ordni soċjali, it-tnaqqis ta’ organiżmi ħajjin fuq livell ta’ prodott għal għanjiet purament kummerċjali li jistgħu b’mod partikolari jdgħajfu s-sisien tas-soċjetà. |
|
32 |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta li r-rikors huwa inammissibbli. L-ilmenti u l-argumenti tagħha ġew effettivament esposti b’mod ċar u f’termini identiċi fl-ittra ta’ intimazzjoni, fl-opinjoni motivata u fir-rikors. |
|
33 |
F’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2001/18, lil hinn mill-Artikoli 22 u 23 tagħha li huma espressament imsemmija minħabba li jikkostitwixxu l-ewwel ġebla tas-sistema taċ-ċirkulazzjoni libera stabbilita, huma tassew din is-sistema u l-ispirtu stess ta’ din id-direttiva kif ukoll id-dispożizzjonijiet tagħha kollha li ġew miksura. Fir-rigward tad-Direttiva 2002/53, il-Kummissjoni tippreċiża, min-naħa l-oħra, li r-rikors tagħha jikkonċerna speċifikament l-Artikoli 4(4) u 16 ta’ dan l-att, u mhux l-intier tiegħu. |
|
34 |
Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid li l-kwistjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjoni u mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ żerriegħa GMO kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti, fejn id-Direttiva 2001/18 iddaħħal, minbarra dan, il-kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet etniċi, b’mod partikolari fl-Artikolu 29 tagħha, għalkemm ir-referenza għall-Artikolu 30 KE minn Stat Membru ma għadhiex possibbli. |
|
35 |
Minbarra dan, il-Kummissjoni għandha dubji rigward ir-raġunijiet fattwali li wasslu għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. Minn naħa, ir-Repubblika tal-Polonja ma kinitx ippreżentat elementi ta’ natura li jistabbilixxu li, billi adottat il-projbizzjonijiet ikkonċernati, hija ispirat ruħha minn kunsiderazzjonijiet etiċi u reliġjużi invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet iddettaljati ta’ natura reliġjuża u etika esposti fir-risposta ma ssemmewx matul il-fażi prekontenzjuża li matulha ir-Repubblika tal-Polonja bbażat ruħha prinċipalment fuq kunsiderazzjonijiet ambjentali u ta’ saħħa pubblika. |
|
36 |
Skont il-Kummissjoni, Stat Membru ma jistax, minbarra dan, jibbaża ruħu fuq il-preċezzjoni ta’ parti mill-opinjoni pubblika, sabiex jikkontesta unilateralment miżura ta’ armonizzazzjoni Komunitarja. |
|
37 |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssosnti li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors u sabiex tistabbilixxi allegat dannu għas-sistema u għall-għan tad-Direttiva 2001/18 huma inammissibbli minħabba li huma kemm tardivi u wisq vagi. Dawn l-ispjegazzjonijiet huma, f’kull każ, mingħajr bażi, anki minħabba li din id-direttiva tistabbilixxi diversi sistemi relatati mat-tqegħid fis-suq tal-GMOs, għar-rilaxx intenzjonat tagħhom jew, fl-aħħar nett, għar-rilaxx mhux intenzjonat tagħhom. |
|
38 |
Fir-rigward tal-mertu, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li meta direttiva tinjora aspetti essenzjali li jikkaratterizzaw kategorija ta’ prodotti, l-armonizzazzjoni magħmula ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompluta. L-argument difiż mill-Kummissjoni għandu f’dan il-każ bħala konsegwenza li l-aspetti etiċi marbuta mal-GMOs, li l-importanza tagħhom hija għaldaqstant rikonoxxuta mil-leġiżlatur Komunitarju fil-premessi u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18, ma jistgħux iktar jittieħdu inkunsiderazzjoni la fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti minn din id-direttiva u lanqas skont il-kompetenzi miżmuma mill-Istati Membri. |
|
39 |
Fir-rigward tal-għanijiet etiċi tagħhom, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jistgħux fir-realtà jiġu eżaminati ħlief fir-rigward tal-Artikoli 28 KE u 30 KE u mhux skont id-Direttivi 2001/18 u 2002/53. Madankollu il-Kummissjoni ma allegatx ksur ta’ dan l-Artikolu 28 KE u lanqas ma kkontestat li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti, b’mod partikolari ta’ proporzjonalità, mogħtija fl-Artikolu 30 KE, peress li d-dibattitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jirrigwarda biss il-kwistjoni jekk Stat Membru jistax jibqa’ jibbaża fuq kunsiderazzjonijiet etiċi fil-qasam tal-kummerċ ta’ GMO. |
|
40 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja hija tal-fehma li l-Kummissjoni, li fuqha hemm l-oneru tal-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, ma stabbilixxietx li l-ispjegazzjonijiet ta’ natura etika pprovduti minn dan l-Istat Membru huma ineżatti. Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, Stat Membru jibqa’ liberu li joħloq prijorità quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-motivi invokati fid-difiża matul il-fażi prekontenzjuża kif ukoll li jiżviluppa wħud minnhom għad-dannu ta’ oħrajn. |
|
41 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, minbarra dan, li huwa magħruf li, fi żmien tal-vot tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, il-maġġoranza tad-deputati kienu jappartjenu għal partiti politiċi li għalihom il-fidi Kattolika tikkostitwixxi valur ċentrali, u allura mhijiex sorpriża li dawn tħallew jiġu ggwidati minn valuri nsara u umanistiċi omnipreżenti u maqsuma mal-elettorat pjuttost milli minn kunsiderazzjonijiet ambjentali jew ta’ saħħa pubblika xjentifikament kumplessi u iktar diffiċli biex jiġu mifhuma. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fuq is-suġġett tar-rikors u fuq l-ammissibbiltà
|
42 |
L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata miegħu li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa għalhekk neċessarju li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jistgħu jiftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-475/07, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 226 KE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt Komunitarju kkontestat, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv l-eċċezzjonijiet tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
F’dan il-każ u, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-parti tar-rikors relatata mad-Direttiva 2002/53, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, minkejja l-ambigwità relattiva tat-talbiet tar-rikors fuq dan il-punt, il-Kummissjoni kkonfermat, fil-kontroreplika tagħha, li dan ir-rikors huwa intiż sabiex jinkiseb il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ wettiq ta’ obbligu tar-Repubblika tal-Polonja għall-obbligi li jirriżultaw għaliha unikament mid-dispożizzjonijiet espressament identifikati f’dawn it-talbiet, jiġifieri l-Artikoli 4(4) u 16 ta’ din id-direttiva. Il-Kummissjoni barra minn hekk esponiet b’mod ċar, kemm matul il-fażi prekontenzjuża kif ukoll fir-rikors tagħha, ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jiksru dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, u peress li r-Repubblika tal-Polonja kellha, għaldaqstant, kull opportunità sabiex issostni effettivament l-eċċezzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, din il-parti tar-rikors ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli. |
|
45 |
F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, l-ammissibbiltà tal-parti tar-rikors relatata mad-Direttiva 2001/18, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni spjegat l-ilmenti tagħha b’mod li jinftiehem u biżżejjed preċiż f’dak li jikkonċerna l-Artikoli 22 u 23 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, hija ma esponietx biċ-ċarezza meħtieġa r-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li r-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi kollha tagħha skont din l-istess direttiva. |
|
46 |
Fil-fatt, ir-rikors tal-Kummissjoni jillimita ruħu l-ewwel nett sabiex jipproduċi l-uniċi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2001/18 li fihom definizzjoni tal-GMOs, kif ukoll dawk tal-Artikoli 19(1) u (2) u 23(1) ta’ din id-direttiva li jinsabu fil-parti Ċ tagħha dwar it-tqegħid fis-suq ta’ GMO. Dan ir-rikors jistabbilixxi, sussegwentement, żviluppi preċiżi għal dawn l-Artikoli 22 u 23 biss, qabel ma jikkonkludi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni mhumiex kompatibbli “mas-sistema ta’ ċirkoluzzjoni libera introdotta minn din id-direttiva fl-intier tagħha u b’mod partikolari bl-Artikoli 22 u 23 tagħha.” |
|
47 |
Hekk kif issostni korrettament ir-Repubblika tal-Polonja, tali affirmazzjoni qasira ma tipprovdi ebda spjegazzjoni rigward ir-raġunijiet li għalihom id-Direttiva 2001/18, li tinkludi b’mod partikolari l-parti B stabbilita għar-rilaxx intenzjonat ta’ GMO għal kull għan ieħor minbarra t-tqegħid tagħhom fis-suq, jew ukoll il-parti D li tinkludi dispożizzjonijiet relatati mal-konfidenzjalità, mat-tikkettjar jew mal-iskambju ta’ informazzjoni, kienu ġew miksura “fl-intier tagħhom” kif jaffermaw ukoll it-talbiet tar-rikors. |
|
48 |
Jirriżulta minn dan kollu li r-rikors huwa, fil-parti tiegħu relatata mad-Direttiva 2001/18, ammissibbli biss f’dak li jikkonċerna nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat tal-Artikoli 22 u 23 ta’ din id-direttiva, iżda mhux fejn isostni l-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ din l-istess direttiva kkunsidrata “fl-intier tagħha.” |
Fuq il-mertu
|
49 |
Ir-Repubblika tal-Polonja, fid-difiża u fil-kontroreplika tagħha, ikkonċentrat l-argument tagħha esklużivament fuq il-motivi ta’ natura etika jew reliġjuża li huma l-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. |
|
50 |
Mingħajr ma tikkontesta li l-projbizzjonijiet li jinsabu fid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jiksru d-Direttivi 2001/18 u 2002/53 jekk kellu jiġi kkonfermat li dawn tal-aħħar huma intiżi biss sabiex jirregolaw l-iskambji ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ġenetikement modifikati u l-introduzzjoni tagħhom fil-katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi ta’ pjanti agrikoli, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jsegwu għanijiet etiċi li mhumiex relatati mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika kif ukoll taċ-ċirkulazzjoni libera li jikkaratterizzaw dawn id-direttivi, dawn fil-fatt ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, għalkemm l-ostakoli għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-GMOs li huma joħolqu bi ksur potenzjali tal-Artikolu 28 KE jistgħu, skont il-każ, jiġu ġġustifikati skont l-Artikolu 30 KE. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu li, sabiex tiddeċiedi din il-kawża, mhuwiex neċessarju li tieħu deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk, u sa fejn u skont liema kundizzjonijiet eventwali, l-Istati Membri jikkonservaw possibbiltà li jinvokaw argumenti ta’ natura etika jew reliġjuża sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri interni li, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2001/18 u 2002/53. |
|
52 |
F’dan il-każ, fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja, li f’każ bħal dan għandha l-oneru tal-prova, madankollu ma stabbilixxietx li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu effettivament segwew l-għanijiet reliġjużi u etiċi allegati, għanijiet li r-realtà tagħhom hija barra minn hekk ikkontestata mill-Kummissjoni. |
|
53 |
Għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li huma l-Istati Membri li għandhom juru li l-kundizzjonijiet li jippermettu deroga għall-Artikolu 28 KE huma sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 62). Huwa għalhekk, b’mod partikolari, li meta Stat Membru li kontrih huwa ppreżentat rikors għal konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jinvoka, bħala difiża, ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 30 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa teżamina din il-ġustifikazzjoni unikament sa fejn jiġi kkonstatat jew debitament stabbilit li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni effettivament issegwi l-għanijiet li jagħtiha f’dan ir-rigward l-Istat konvenut (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 124/81, Ġabra p. 203, punt 35; tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-320/03, Ġabra p. I-9871, punt 71, u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 47). |
|
54 |
Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-moralità pubblika invokata mir-Renju tal-Polonja fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li ma jistgħux jissodisfaw tali rekwiżit probatorju affermazzjonijiet daqstant ġenerali bħal dawk imressqa minn dan l-Istat Membru matul il-fażi prekontenzjuża u li jikkonsistu f’referenza għal preokkupazzjonijiet fil-qasam ambjentali u tas-saħħa pubblika u fuq oppożizzjoni qawwija manifesta mill-popolazzjoni Pollakka kontra l-GMOs jew ukoll il-fatt li l-assemblej tal-voïvodies kienu adottaw riżoluzzjonijiet li jiddikjaraw li l-territorju tal-voïvodies għandhom jiġu eżentati mill-kultivazzjonijiet ġenetikament modifikati u minn GMO. |
|
55 |
Fil-fatt, jidher li, f’dawn il-kundizzjonijiet, il-moralità pubblika mhijiex fir-realtà invokata b’mod awtonomu iżda hija parti mill-ġustifikazzjoni relatata mal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa, li f’dan il-każ, huma preċiżament is-suġġett tad-Direttiva 2001/18 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1998, Compassion in World Farming, C-1/96, Ġabra p. I-1251, punt 66). |
|
56 |
Għalhekk, Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuq il-fehma ta’ parti mill-opinjoni pubblika sabiex jikkontesta unilateralment miżura ta’ armonizzazzjoni stabbilita mill-istituzzjonijiet Komunitarji (ara s-sentenza Compassion in World Farming, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67). Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f’kawża li kienet preċiżament ikkunsidrat id-Direttiva 2001/18, Stat Membru ma jistax b’mod partikolari jeċċepixxi diffikultajiet fl-applikazzjoni li dehru fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ att Komunitarju, inklużi diffikultajiet marbutin mar-reżistenza ta’ individwi, biex jiġġustifika n-nonosservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mir-regoli tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-121/07, Ġabra p. I-9159, punt 72). |
|
57 |
It-tieni nett, u fir-rigward tal-argumenti ta’ natura iktar speċifikament reliġjuża jew etika mressqa mir-Repubblika tal-Polonja, għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-risposti u tal-kontrorepliki tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma stabbilixxiex li tali kunsiderazzjonijiet kienu effettivament fil-bażi tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. |
|
58 |
Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja kienet essenzjalment, pjuttost irreferiet għal forma ta’ preżunzjoni ġenerali li hija li ma għandhiex tkun sorpriża li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati f’dan il-każ. Minn naħa, qed tiġi invokata ċ-ċirkustanza li huwa magħruf li s-soċjetà Pollakka tagħti importanza fundamentali għall-valuri nsara u kattoliċi. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-partijiet politiċi li kienu jibbenefikaw minn maġġoranza fil-Parlament Pollakk fiż-żmien l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni sostnew preċiżament appartenenza lejn tali valuri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont dan l-Istat Membru huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li d-deputati li, bħala regola ġenerali, ma għandhomx taħriġ xjentifiku jistgħu iktar jiġu influwenzati mill-kunċetti reliġjużi jew etiċi li jiggwidawhom hekk ġeneralment fl-azzjoni politika tagħhom pjuttost milli kunsiderazzjonijiet oħra b’mod partikolari marbuta ma’ evalwazzjonijiet xjentifikament kumplessi relatati mal-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa pubblika. |
|
59 |
Tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux madankollu jkunu biżżejjed sabiex jistabbilixxu li l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ġiet effettivament iggwidata minn raġunijiet ta’ natura etika u reliġjuża deskritti fir-risposta u fil-kontroreplika, u dan partikolarment minħabba li r-Repubblika tal-Polonja kienet, matul il-fażi prekontenzjuża, prinċipalment ibbażat id-difiża tagħha fuq l-imperfezzjonijiet li allegatament jaffettwaw id-Direttiva 2001/18 fir-rigward tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u tar-riskji li din toħloq kemm għall-ambjent kif ukoll għas-saħħa pubblika. |
|
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-aħħar nett, jibqa’ li għandha tittieħed deċiżjoni dwar ir-rikors tal-Kummissjoni, sabiex jiġi kkonstatat li, hekk kif sostniet din tal-aħħar, projbizzjonijiet ġenerali bħal dawk li jinkludu d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jiksru l-obbligi li jirriżultaw għar-Repubblika tal-Polonja kemm mill-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2001/18 kif ukoll mill-Artikoli 4(4) u 16 tad-Direttiva 2002/53. |
|
61 |
Minn naħa, għandu jiġi mfakkar li l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2001/18 jimponu lill-Istati Membri li ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jirrifjutaw it-tqegħid fis-suq ta’ GMOs, bħal jew fi prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, ħlief sabiex jibbażaw, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet preċiżi li tipprovdi f’dan ir-rigward it-tieni minn dawn id-dispożizzjonijiet, fuq il-possibbiltà li jadottaw il-miżuri ta’ salvagwardja maħsuba minnha. Ukoll, miżura nazzjonali unilaterali ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa ta’ GMO bħal dik li tipprovdi l-Artikolu 57(3) tal-liġi dwar iż-żerriegħa tikser b’mod manifest id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22 u 23. |
|
62 |
Tali projbizzjoni ġenerali tikser manifestament ukoll l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2002/53 li jobbliga lill-Istati Membri li ma jissottomettux ruħhom għal xi restrizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-varjetà taż-żerriegħa ta’ varjetajiet ammessi skont din id-direttiva, ħlief sabiex jibbażaw fuq eċċezzjonijiet, mhux applikabbli f’dan il-każ, imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Huwa paċifiku, f’dan ir-rigward, li hekk kif fakkret il-Kummissjoni, ċertu numru ta’ varjetajiet li ġew ammessi skont din id-direttiva u li għalhekk jidhru fil-katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi msemmi fl-Artikou 17 ta’ din id-direttiva huma varjetajiet ġenetikament modifikati. |
|
63 |
Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/53 li l-introduzzjoni ta’ varjetajiet ġenetikament modifikati fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet ma tistax tiġi suġġetta għal miżura ta’ projbizzjoni ġenerali bħal dik li jipprovdi l-Artikolu 5(4) tal-liġi dwar iż-żerriegħa. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari minn dan l-Artikolu 4(4) li r-rifjut eventwali ta’ inklużjoni ta’ varjetà f’dan il-katalgu nazzjonali minħabba l-uniku fatt li hija tippreżenta l-karatteristika li hija ġenetikament modifikata huwa ġġustifikat biss jekk il-miżuri xierqa kollha ma jkunux ittieħdu sabiex jiġu evitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem li, hekk kif ġustament issostni l-Kummissjoni, ma jistax b’mod partikolari jkun il-każ meta varjetà tibbenefika minn awtorizzazzjoni mogħtija abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18. |
|
64 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi pprojbixxiet iċ-ċirkulazzjoni libera ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ġenetikament modifikati kif ukoll l-introduzzjoni tal-varjetajiet ġenetikament modifikati fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2001/18 kif ukoll taħt l-Artikoli 4(4) u 16 tad-Direttiva 2002/53. |
|
65 |
Min-naħa l-oħra, u hekk kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa intiż jikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2001/18 fl-intier tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
|
66 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, għalkemm ġew miċħuda l-parti l-kbira tal-motivi tar-Repubblika tal-Polonja, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikors tal-Kummissjoni ġie ddikjarat parzjalment inammissibbli. Fid-dawl tal-fatti ineżami, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika tal-Polonja għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, iż-żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.