Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62006CJ0445

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta' Marzu 2009.
Danske Slagterier vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Miżuri li għandhom effett ekwivalenti - Spezzjonijiet sanitarji - Kummerċ intrakomunitarju - Laħam frisk - Spezzjonijiet veterinarji - Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru - Terminu ta’ preskrizzjoni - Determinazzjoni tad-dannu.
Kawża C-445/06.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:178

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Saħħa tal-annimali — Kummerċ intra-Komunitarju — Laħam frisk — Spezzjonijiet veterinarji — Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru — Terminu ta’ preskrizzjoni — Determinazzjoni tad-dannu”

Fil-Kawża C-445/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-kawża

Danske Slagterier

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič u A. Ó. Caoimh, Presidenti tal-Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet (Relatur), J. Malenovský, J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Mejju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Danske Slagterier, minn R. Karpenstein, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti, assistiti minn L. Giesberts, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

għall-Gvern Grieg, minn V. Kontolaimos, S. Charitaki u S. Papaioannou, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka u P. Kucharski, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Lee, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u H. Krämer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(o) u tal-Artikolu 6(1)(b)(iii) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1964, fuq problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ġewwa l-Kommunità ta’ prodotti tal-laħam (ĠU 1964, 121, p. 2012), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/497/KEE, tad- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 12, p. 72, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 64/433”), tal-Artikoli 5(1), 7 u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE, tal-, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 9, p. 214) kif ukoll tal-Artikolu 28 KE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Danske Slagterier u l-Bundesrepublik Deutschland rigward talba għall-kumpens għad-danni.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 64/433 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-veterinarju uffiċjali jiddikjara mhux tajjeb għal konsum uman:

[…]

o)

laħam li jagħti riħa sesswali pronunzjata.”

4

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

[…]

b)

laħam minn:

[…]

iii)

mingħajr preġudizzju għall-każijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(o) majjali maskili mhux kastrati b’karkassa ta’ iktar minn 80 kilogramma, ħlief meta l-istabbiliment huwa kapaċi jiggarantixxi permezz ta’ metodu rikonoxxut mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16, jew fl-assenza ta’ dan il-metodu b’metodu rikonoxxut mill-awtorità kompetenti kkonċernata, li l-karkassi qegħdin jemittu riħa pronunzjata ta’ ċingjal [sesswali] jistgħu jinkixfu,

ikollu l-marka speċjali prevista bid-Deċiżjoni Nru 84/371/KEE [tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 1984 li tistabbilixxi l-karatteristiċi tal-marka speċjali għal-laħam frisk msemmi fl-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 64/433/KEE (ĠU L 196, p. 46)] u jgħaddi minn wieħed mit-trattamenti previsti fid-Direttiva 77/99/KEE [tal-Kunsill tal- dwar il-problemi ta’ saħħa li jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti tal-laħam (ĠU 1977, L 26, p. 85)];

[…]

ġ)

it-trattament previst fil-punti preċedenti jsir fi stabbiliment ta’ oriġini jew xi stabbiliment ieħor nominat mill-veterinarju uffiċjali;

[…]”

5

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 64/433 kellhom jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali qabel l-1 ta’ Jannar 1993.

6

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/662 jipprovdi:

“L-Istati Membri tad-destinazzjoni għandhom jimplimentaw il-miżuri li ġejjin:

a)

L-awtorità kompetenti tista’, fil-postijiet ta’ destinazzjoni ta’ l-oġġetti, tiċċekja bl-użu ta’ spezzjonijiet veterinarji mhux diskriminatorji fil-lok, li l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 3 kienu ġew mħarsa; Hi tista’ tieħu kampjuni fl-istess ħin.

Barra minn hekk, meta l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ transitu jew ta’ l-Istati Membri ta’ destinazzjoni għandha l-informazzjoni li twassalha biex tissusspetta kull ksur tal-liġi, spezzjonijiet jistgħu jsiru wkoll matul it-trasport ta’ oġġetti fit-territorju tagħha, inkluż spezzjonijiet fuq konformità rigward il-mezzi tat-trasport;

[…]”

7

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Jekk, waqt kull spezzjoni mwettqa fil-post tad-destinazzjoni ta’ kull konsenja jew matul il-vjaġġ, l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru jistabbilixxu:

[…]

b)

li l-oġġetti ma jilħqux il-kondizzjonijiet stabbiliti mid-direttivi tal-Komunità, jew, fl-assenza ta’ deċiżjonijiet dwar l-istandards tal-Komunità provduti mid-direttivi, permezz ta’ standards nazzjonali, jistgħu, kemm-il darba jippermettu konsiderazzjonijiet ta’ saħħa u saħħa ta’ l-annimali, jagħtu l-fornitur jew ir-rappreżentant tiegħu l-għażla li:

jeqirdu l-oġġett,

jew

jużaw l-oġġetti għall-għanijiet oħra, inkluż li jirritornawhom bl-awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti tal-pajjiż li stabbilixxa l-oriġini.

[…]”

8

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Fil-każijiet li hemm provdut għalihom fl-Artikolu 7, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jagħmel kuntatt ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-dispaċċ mingħajr dewmien. L-awtoritajiet ta’ l-aħħar għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa u javżaw lill-awtorità kompetenti ta’ l-ewwel Stat Membru dwar in-natura ta’ l-ispezzjonijiet mwettqa, id-deċiżjoni meħuda u r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet.

[…]

2.   […]

Deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat tad-destinazzjoni u r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjoni għandhom jiġu mgħarrfa lill-fornitur jew lir-rappreżentant tiegħu u lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-dispaċċ.

Jekk il-fornitur jew ir-rappreżentant tiegħu hekk jixtieq, id-deċiżjonijiet imsemmija u r-raġunijiet għandhom jiġu mwassla lilu bil-miktub bid-dettalji tad-drittijiet ta’ l-appell li huma disponibbli għalih taħt il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u tal-proċedura u l-limiti taż-żmien applikabbli.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

Skont l-Artikolu 839 tal-kodiċi ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2001 (iktar ’il quddiem il-“BGB”),

“(1)   Kull uffiċjal li, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqos mid-dmirijiet tiegħu fir-rigward ta’ terza persuna huwa obbligat jipprovdi kumpens għad-danni kkawżati lil dik it-terza persuna. Jekk l-uffiċjal jinstab responsabbli biss ta’ negliġenza, huwa għandu jipprovdi kumpens għad-danni biss jekk il-persuna leża ma tistax tikseb kumpens għad-danni mod ieħor.

(2)   Kull uffiċjal li, fl-għoti ta’ deċiżjoni f’kawża, jonqos mid-dmirijiet tiegħu mhuwiex responsabbli għad-danni li jirriżultaw ħlief jekk dak il-ksur ikun jikkostitwixxi reat kriminali. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’każ ta’ rifjut jew dewmien kolpuż min-naħa tal-uffiċjal fit-twettiq tal-funzjoni tiegħu.

(3)   M’hemmx obbligu ta’ kumpens għad-danni meta l-persuna leża tkun naqset, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli tevita li jseħħ id-dannu billi tuża rimedju legali.”

10

L-Artikolu 852 tal-BGB kien jipprovdi:

“(1)   Id-dritt ta’ kumpens għad-danni li jirriżultaw minn att illeċitu jiġi preskritt wara tliet snin minn meta l-persuna leża tkun saret taf bid-dannu u l-identità tal-persuna responsabbli u, irrispettivament minn meta ssir taf, wara tletin sena minn meta jkun twettaq l-att.

(2)   Meta jkunu jinsabu għaddejjin negozjati bejn il-persuna li tkun obbligata tagħti l-kumpens għad-danni u l-persuna li jkollha dritt għal dak il-kumpens dwar l-ammont ta’ kumpens, il-preskrizzjoni tkun sospiża sakemm waħda mill-partijiet tirrifjuta li tissokta bin-negozjati.

(3)   Jekk il-persuna responsabbli tkun kisbet xi benefiċċju mill-att illeċitu, għas-spejjeż tal-persuna leża, din tal-ewwel għandha obbligu ta’ restituzzjoni anki jekk id-dritt għal kumpens ikun ġie preskritt, abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar ir-restituzzjoni ta’ arrikkament indebitu.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Danske Slagterier, assoċjazzjoni professjonali ta’ kumpanniji Daniżi ta’ biċċeriji u ta’ rziezet Daniżi li jrabbu l-majjali organizzati fil-forma ta’ kooperattiva, li qed taġixxi taħt id-delega mogħtija lilha mill-membri tagħha, titlob mingħand il-Bundesrepublik Deutschland kumpens għad-danni kkawżati minħabba ksur tad-dritt Komunitarju. Hija tallega li din tal-aħħar, bi ksur tad-dritt Komunitarju, imponiet bejn l-1993 u l-1999 projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-laħam tal-majjal maskili mhux ikkastrat. Skont din, din il-projbizzjoni wasslet għal dannu ta’ għall-inqas DEM 280 miljun għal dawk li jrabbu l-majjali u l-kumpanniji tal-biċċeriji, matul il-perijodu kkonċernat.

12

Fil-bidu tas-snin 90, inbeda proġett fid-Danimarka imsejjaħ “Male-Pig-Projekt” li kellu bħala għan it-trobbija ta’ majjali maskili mhux ikkastrati. Issa, dan it-tip ta’ trobbija, interessanti minn perspettiva ekonomika, jippreżenta r-riskju li, wara li jerġa’ jiġi msaħħan, il-laħam jarmi riħa sesswali pronunzjata. Skont riċerkaturi Daniżi, din ir-riħa qawwija tista’ tiġi nnotata diġà fil-proċess tal-qtil billi jitkejjel il-kontenut ta’ skatol. Konsegwentement, fid-Danimarka, il-biċċeriji kollha kienu mgħammra b’tagħmir li jikkalkola l-iskatol sabiex ikun jista’ jiġi identifikat u mwarrab il-laħam affettwat mir-riħa inkwistjoni. Madankollu, f’dak iż-żmien, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tikkunsidra li din ir-riħa qawwija kienet ikkawżata mill-ormon androsteronju, li l-formazzjoni tiegħu tista’ tiġi evitata permezz ta’ kastrazzjoni li sseħħ fi stadju preċedenti, u li l-livell ta’ skatol, ikkunsidrat waħdu, ma setax fih nnifsu jikkostitwixxi metodu li wieħed jista’ jiddependi fuqu sabiex tinstab ir-riħa sesswali.

13

Fix-xahar ta’ Jannar 1993, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għarrfet lill-ogħla awtoritajiet veterinarji tal-Istati Membri li r-regola pprovduta fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 64/433 kienet ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali b’mod illi, indipendentement mil-limitu ta’ piż, ġie ffissat limitu ta’ 0,5 µg/g ta’ androsteronju. Fil-fatt, f’każ li jinqabeż dak il-limitu, il-laħam ikollu riħa sesswali ppronunzjata u b’hekk ma jkunx tajjeb għall-konsum mill-bniedem. B’hekk, hija enfasizzat li kien biss it-test immuno-enżimatiku mmodifikat tal-professur Claus li kien rikonoxxut bħala metodu speċifiku li jippermetti li jiġi identifikat l-androsteronju, u li l-laħam tal-majjali maskili mhux ikkastrati li jaqbeż l-imsemmi limitu stabbilit minn dan it-test ma setax jiġi ttrasportat bħala laħam frisk fil-Ġermanja.

14

B’hekk, lottijiet varji ta’ laħam tal-majjal provenjenti mid-Danimarka ġew konsegwentement issuġġettati għal kontrolli mill-awtoritajiet Ġermaniżi u ġew irrifjutati minħabba li nqabeż il-limitu tal-androsteronju. Barra minn hekk, dawk li jrabbu l-majjali u l-kumpanniji tal-biċċeriji li kienu kważi waqfu l-produzzjoni tal-majjali maskili kkastrati kellhom jerġgħu jibdew dan sabiex ma jipperikolawx l-esportazzjonijiet lejn il-Ġermanja. Danske Slagterier issostni li kieku l-laħam tal-majjal esportat kien oriġina, kif previst mill-Male-Pig-Projekt, minn majjali mhux ikkastrati, setgħu jiġu ffrankati spejjeż ta’ mill-inqas DEM 280 miljun.

15

Il-Landgericht ta’ Bonn, li fis-6 ta’ Diċembru 1999 tressqet quddiemha kawża għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà minn Danske Slagterier kontra l-Bundesrepublik Deutschland, iddeċidiet li din l-azzjoni kienet fondata għall-perijodu li beda jiddekorri fis- u ċaħditha bħala preskritta sa fejn din kienet tikkostitwixxi talba għad-danni li seħħew qabel din id-data. L-Oberlandesgericht ta’ Cologne, adita bl-appell, iddikjarat it-talba ġustifikata fl-intier tagħha fuq il-mertu. Permezz tar-rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof, il-Bundesrepublik Deutschland qed tipprova tikseb iċ-ċaħda kompleta tat-talba.

16

Barra minn hekk, permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-102/96, Ġabra p. I-6871), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1)(o) u l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 64/433, kif ukoll taħt l-Artikoli 5(1), 7 u 8 tad-Direttiva 89/662, meta min-naħa waħda imponiet l-immarkar u t-trattament bis-sħana tal-karkassi tal-majjali maskili mhux ikkastrati malli l-laħmijiet, indipendentement mill-piż tal-annimali, jippreżentaw konċentrazzjoni ta’ androsteronju ogħla minn 0,5 µg/g, misjuba permezz tat-test immuno-enżimatiku mmodifikat tal-professur Claus, u meta min-naħa l-oħra kkunsidrat li, f’każ li jinqabeż il-limitu ta’ 0,5 µg/g, il-laħmijiet ikollhom riħa sesswali pronunzjata li għandha l-konsegwenza li tirrendihom mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5(1)(o) u 6(1)(b)(iii) tad-Direttiva [64/433] kif ukoll tal-Artikoli 5(1), 7 u 8 tad-Direttiva 89/662 […], ipoġġu lill-produtturi u lill-operaturi li jbiegħu l-laħam tal-majjal, f’każ ta’ traspożizzjoni jew applikazzjoni ħażina, f’pożizzjoni ġuridika li tista’ tagħti lok għal pretensjoni ta’ dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat abbażi tad-dritt Komunitarju?

2)

Irrispettivament mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, il-produtturi tal-laħam tal-majjal u l-operaturi li jbiegħuh jistgħu jinvokaw ksur tal-Artikolu 30 tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 28 KE] biex jissostanzjaw pretensjoni ta’ dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat abbażi tad-dritt Komunitarju f’każ ta’ traspożizzjoni u applikazzjoni tad-direttivi ċċitati iktar ’il fuq bi ksur tad-dritt Komunitarju?

3)

Id-dritt Komunitarju jeħtieġ li l-preskrizzjoni ta’ pretensjoni ta’ dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat abbażi tad-dritt Komunitarju tkun interrotta meta jinfetħu proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 226 KE jew fi kwalunkwe każ li dak it-terminu ta’ preskrizzjoni jkun sospiż sat-tmiem ta’ dawk il-proċeduri meta ma jkun jeżisti ebda rimedju legali effettiv taħt id-dritt nazzjonali li jippermetti li wieħed iġiegħel lill-Istat Membru jittrasponi Direttiva?

4)

It-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ pretensjoni ta’ dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat abbażi tad-dritt Komunitarju li tkun ibbażata fuq traspożizzjoni ħażina ta’ direttiva, pretensjoni li tkun toriġina minn projbizzjoni (de facto) fuq l-importazzjoni, jibda jiddekorri, irrispettivament mid-dritt nazzjonali applikabbli, biss mill-mument meta sseħħ it-traspożizzjoni sħiħa ta’ dik id-direttiva jew, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali, dak it-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jibda jiddekorri meta l-ewwel konsegwenzi dannużi jkunu seħħew u konsegwenzi dannużi ulterjuri jkunu prevedibbli? Jekk it-traspożizzjoni sħiħa għandha effett fuq il-bidu tal-preskrizzjoni, din hija regola ġenerali jew tapplika biss jekk id-direttiva tagħti dritt lill-individwi?

5)

Meta jitqies li, fir-rigward ta’ pretensjoni ta’ dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat abbażi tad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu kundizzjonijiet ġuridiċi għall-kumpens għad-danni li jkunu inqas favorevoli minn dawk relattivi għal azzjonijiet analogi li jikkonċernaw biss id-dritt nazzjonali u li ma jistgħux jagħmlu l-għoti ta’ kumpens għad-danni prattikament impossibbli jew eċċezzjonalment diffiċli, teżisti oġġezzjoni fil-prinċipju kontra regola nazzjonali li tistipula li l-obbligu li jingħata kumpens għad-danni ma japplikax meta l-persuna leża tonqos, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli tipprevjeni li d-dannu jseħħ billi tuża rimedju legali? Għaldaqstant jeżistu wkoll oġġezzjonijiet kontra din il-“prijorità tal-protezzjoni tad-dritt primarju” meta din tkun suġġetta għall-kundizzjoni li għandha tkun raġonevolment aċċessibbli għall-persuna kkonċernata? Huwa suffiċjenti li l-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża x’aktarx ma tistax issolvi l-kwistjonijiet tad-dritt Komunitarju inkwistjoni fil-kawża mingħajr ma tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej […] jew li jkunu tressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 226 KE, biex dik il-prijorità tal-protezzjoni ġuridika tad-dritt primarju titqies li mhijiex raġonevolment aċċessibbli fis-sens tad-dritt Komunitarju Ewropew?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

18

Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu ttratati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 5(1)(o) u 6(1)(b)(iii) tad-Direttiva 64/433, kif ukoll tal-Artikoli 5(1), 7 u 8 tad-Direttiva 89/662 ipoġġux lill-produtturi u lill-operaturi li jbiegħu l-laħam tal-majjal, f’każ ta’ traspożizzjoni jew ta’ applikazzjoni inkorretta ta’ dawn id-direttivi, f’pożizzjoni ġuridika li tista’ tippermettilhom jippretendu dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju u jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huma jistgħux jinvokaw ksur tal-Artikolu 28 KE sabiex jissostanzjaw pretensjoni ta’ dritt għal kumpens minħabba din ir-responsabbiltà tal-Istat.

19

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar preliminarjament, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwibbli lilhu huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat KE (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 35; tal-, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 31; tat-, Hedley Lomas, C-5/94, Ġabra p. I-2553, punt 24, kif ukoll tat-, Dillenkofer et, C-178/94, C-179/94 u C-188/94 sa C-190/94, Ġabra p. I-4845, punt 20).

20

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens dment li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li r-regola tad-dritt Komunitarju li nkisret għandha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola huwa suffiċjentement serju, u li teżisti rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit mill-individwi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Brasserie du pêcheur u Factortame, punt 51; Hedley Lomas, punt 25, kif ukoll Dillenkofer et, punt 21).

21

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li teżamina r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt Komunitarju fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-direttivi li għandhom bħala għan li jikkompletaw is-suq intern (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Francovich et, kif ukoll Dillenkofer et). Madankollu, f’kuntrast mal-kawżi li wasslu għaż-żewġ sentenzi ċċitati fejn kien biss id-dritt sekondarju li kien ħoloq qafas ġuridiku li jagħti drittijiet lill-individwi, il-kawża prinċipali tirrigwarda każ fejn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, jiġifieri Danske Slagterier, issostni li l-Artikolu 28 KE diġà jagħtiha d-drittijiet li hija tinvoka.

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huwa paċifiku li l-Artikolu 28 KE għandu effett dirett billi jagħti lill-individwi drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati nazzjonali, u li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jwassal għall-għoti ta’ kumpens (sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

23

Danske Slagterier tinvoka wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 64/433 u 89/662. Hekk kif jirriżulta mill-kliem tat-titolu u tal-ewwel premessa tad-Direttiva 89/662, din ġiet adottata fil-perspettiva tat-tlestija tas-suq intern, bħal fil-każ tad-Direttiva 91/497, li temenda d-Direttiva 64/433, hekk kif tipprovdi t-tielet premessa tad-Direttiva 91/497. B’hekk, il-moviment liberu tal-merkanzija huwa wieħed mill-għanijiet ta’ dawn id-direttivi li, permezz tal-eliminazzjoni tad-differenzi eżistenti bejn l-Istati Membri fil-qasam tar-regoli sanitarji fir-rigward tal-laħam frisk, għandhom l-għan li jiffavorixxu l-kummerċ intra-Komunitarju. B’hekk, id-dritt mogħti mill-Artikolu 28 KE jinsab spjegat u kkonkretizzat permezz tal-imsemmija direttivi.

24

Fir-rigward tal-kontenut tad-Direttivi 64/433 u 89/662, għandu jiġi kkonstatat li dawn jirregolaw, b’mod partikolari, is-saħħa tal-annimali u ċ-ċertifikazzjoni tal-laħam frisk prodott fi Stat Membru u li jiġi kkunsinnjat fi Stat ieħor. Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 89/662, l-Istati Membri jistgħu jopponu l-importazzjonijiet tal-laħam frisk biss meta l-merkanzija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-direttivi Komunitarji jew f’ċerti ċirkustanzi partikolari ħafna bħal f’każ ta’ epidemiji. Il-preklużjoni fuq l-Istati Membri milli jipprojbixxu l-importazzjoni tagħti lill-individwi d-dritt li jbiegħu l-laħam frisk b’mod konformi mar-rekwiżiti Komunitarji fi Stat Membru ieħor.

25

Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 64/433 u 89/662 meħuda flimkien jirriżulta li l-miżuri intiżi għas-sejba ta’ riħa sesswali ppronunzjata mill-majjali maskili mhux ikkastrati kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni Komunitarja (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). Din l-armonizzazzjoni konsegwentement tipprojbixxi lill-Istati Membri, fil-qasam armonizzat b’mod eżawrjenti, li jiġġustifikaw ix-xkiel għall-moviment liberu tal-merkanzija għal raġunijiet oħra apparti minn dawk previsti mid-Direttivi 64/433 u 89/662.

26

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi hija li l-individwi li ġew leżi mit-traspożizzjoni u mill-applikazzjoni inkorretta tad-Direttivi 64/433 u 89/662 jistgħu jinvokaw id-dritt tal-moviment liberu tal-merkanzija sabiex ikun jista’ jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju.

Fuq it-tielet domanda

27

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jimponix li meta l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tkun ippreżentat proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat minħabba ksur tad-dritt Komunitarju previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jiġi interrott jew sospiż waqt dawn il-proċeduri, peress li ma jeżistix f’dan l-Istat rimedju legali effettiv li jippermetti li l-Istat jiġi mġiegħel jittrasponi direttiva.

28

Il-kronoloġija tal-fatti fil-kawża prinċipali tippermetti li din il-kwistjoni tiġi ċċarata. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li wasslu għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, inbdew fis-27 ta’ Marzu 1996. L-ewwel effetti dannużi ġew subiti mill-persuni leżi mis-sena 1993, iżda kien biss fix-xahar ta’ Diċembru 1999 li dawn ressqu kawża għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat. Jekk, hekk kif qed taħseb il-qorti tar-rinviju, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 852(1) tal-BGB jiġi applikat, dan it-terminu jibda jiddekorri minn nofs is-sena 1996, id-data li fiha, skont din il-qorti, il-persuni leżi saru jafu bid-dannu u bl-identità tal-persuna li kienet responsabbli għalih. Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, jista’ jkun li l-azzjoni għal dikjarazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat hija preskritta. Għal din ir-raġuni, huwa rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali li jiġi stabbilit jekk il-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni kellhiex effetti fuq l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni.

29

Madankollu, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha preliminarjament tiġi eżaminata l-kwistjoni impliċitament imqajma minnha, jiġifieri jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix l-applikazzjoni b’analoġija tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 852(1) tal-BGB fil-kawża prinċipali.

30

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 852(1) tal-BGB, Danske Slagterier fil-fatt, iddeplorat nuqqas ta’ ċarezza fis-sitwazzjoni legali fil-Ġermanja dwar ir-regola nazzjonali tal-preskrizzjoni applikabbli għad-dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat minħabba ksur tad-dritt Komunitarju billi din il-kwistjoni għadha ma kienet is-suġġett ta’ ebda miżura leġiżlattiva jew deċiżjoni tal-qorti suprema, u peress li d-duttrina dwar dan is-suġġett għadha diviża, diversi bażijiet legali huma possibbli. L-applikazzjoni għall-ewwel darba u b’analoġija tat-terminu previst fl-Artikolu 852 tal-BGB għal rikorsi għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba ksur tad-dritt Komunitarju tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza legali, kif ukoll tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

31

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati kompetenti u li għandha tistabbilixxi r-regoli proċedurali tal-kawżi legali intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet li jinsiltu favur l-individwi mid-dritt Komunitarju. Huwa b’hekk fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat għandu jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, kemm-il darba l-kundizzjonijiet, b’mod partikolari dwar it-terminu ta’ żmien, stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni, ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw pretensjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux stipulati b’tali mod li fil-prattika jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb il-kumpens (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Francovich et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 27).

32

F’dak li jirrigwarda lil dan l-aħħar prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-iffissar ta’ termini perentorji raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuni taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, termini bħal dawn mhumiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja. F’dan ir-rigward, terminu perentorju nazzjonali ta’ tliet snin jidher raġonevoli (ara b’mod partikolari s-sentenzi Aprile, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, kif ukoll tal-, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 35).

33

Madankollu, jirriżulta wkoll mill-punt 39 tas-sentenza Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, li, sabiex tiġi sodisfatta l-funzjoni tiegħu ta’ garanzija taċ-ċertezza legali, terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi stabbilit minn qabel. Issa, sitwazzjoni kkaratterizzata minn inċertezza legali kbira tista’ tammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ effettività, peress li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi mill-ksur tad-dritt Komunitarju attribwibbli lil Stat Membru jista’ fil-prattika jsir eċċessivament diffiċli jekk dawn ma jkunux jistgħu jistabbilixxu t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli b’livell raġonevoli ta’ ċertezza.

34

Hija l-qorti nazzjonali, wara li tikkunsidra l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni legali u fattwali fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, li għandha tivverifika, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jekk l-applikazzjoni b’analoġija tat-terminu previst fl-Artikolu 852(1) tal-BGB għat-talbiet għal kumpens għad-danni kkawżati minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Istat Membru kkonċernat kinitx suffiċjentement prevedibbli għall-individwu.

35

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-applikazzjoni b’analoġija ta’ tali terminu mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hija xorta waħda l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, minħabba din l-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju minn dan l-Istat Membru kinux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-kumpens għad-danni simili ta’ natura domestika.

36

Fir-rigward tal-interruzzjoni jew is-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni mal-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw dan it-tip ta’ regoli proċedurali sakemm il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunu rispettati.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kumpens għad-danni ma jistax jiġi suġġett għall-ħtieġa ta’ konstatazzjoni minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ ksur tad-dritt Komunitarju attribwibbli lill-Istat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Brasserie du pêcheur u Factortame, punti 94 sa 96, kif ukoll Dillenkofer et, punt 28).

38

Fil-fatt, il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ċertament element importanti, iżda mhux indispensabbli sabiex jiġi vverifikat li hija sodisfatta l-kundizzjoni li l-ksur tad-dritt Komunitarju huwa suffiċjentement serju. Barra minn hekk, id-drittijiet favur l-individwi ma jistgħux jiddependu mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk huwiex opportun li taġixxi skont l-Artikolu 226 KE kontra Stat Membru u lanqas mill-eventwali għoti tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara s-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punti 93 u 95).

39

B’hekk, individwu jista’ jippreżenta talba għad-danni fil-kuntest tar-regoli previsti għal dan il-għan mid-dritt nazzjonali mingħajr ma jkollu jistenna li tingħata sentenza li tikkonstata l-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Istat Membru. Konsegwentement, il-fatt li l-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma għandhiex bħala effett li tinterrompi jew li tissospendi t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-individwu li jeżerċita d-drittijiet li jinsiltu favurih mid-dritt Komunitarju.

40

Barra minn hekk, Danske Slagterier tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza inkwantu d-dritt Ġermaniż jipprovdi għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni meta jiġi ppreżentat fl-istess ħin rimedju legali nazzjonali b’mod konformi mal-Artikolu 839 tal-BGB, billi rikors skont l-Artikolu 226 KE għandu jiġi assimilat ma’ tali rimedju legali.

41

Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li sabiex tittieħed deċiżjoni fuq l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali, għandu jiġi vverifikat b’mod oġġettiv u astratt ix-xebh bejn ir-regoli inkwistjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tagħhom fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u l-fatturi speċifiċi tar-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et, C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 63).

42

Fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn ir-regoli inkwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi speċifiċi tal-proċedura skont l-Artikolu 226 KE.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta teżerċita s-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni m’għandhiex għalfejn turi l-eżistenza ta’ interess ġuridiku (ara s-sentenzi tal-4 ta’ April 1974, Il-Kummissjoni vs Franza, 167/73, Ġabra p. 359, punt 15, kif ukoll tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609, punt 29). Il-Kummissjoni fil-fatt għandha bħala missjoni li tivverifika ex officio u fl-interess ġenerali li d-dritt Komunitarju jiġi applikat mill-Istati Membri u li titlob li tiġi kkonstatata l-eżistenza tan-nuqqasijiet eventwali ta’ twettiq tal-obbligi li jinsiltu minnu, sabiex jintemmu (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 15, u tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 29).

44

L-Artikolu 226 KE b’hekk mhuwiex intiż biex jipproteġi d-drittijiet ta’ din l-istituzzjoni. Hi biss hija li għandha tiddeċiedi jekk huwiex opportun li tibda proċeduri għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, jekk ikun il-każ, minħabba liema att jew ommissjoni dawn il-proċeduri għandhom jiġu ppreżentati (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-394/02, Ġabra p. I-4713, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Kummissjoni konsegwentement għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward li teskludi d-dritt għall-individwi li jeżiġu minn din l-istituzzjoni li hija tieħu pożizzjoni partikolari (ara s-sentenza tal-, Star Fruit vs Il-Kummissjoni, 247/87, Ġabra p. 291, punt 11).

45

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jkun rrispettat minn leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix għall-interruzzjoni jew għas-sospensjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat minħabba ksur tad-dritt Komunitarju meta jkunu ġew ippreżentati proċeduri mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 226 KE.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, ir-risposta li b’hekk għandha tingħata għat-tielet domanda hija li d-dritt Komunitarju ma jeżiġix li, meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens għad-danni minħabba r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt Komunitarju previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun interrott jew sospiż matul dawn il-proċeduri.

Fuq ir-raba’ domanda

47

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva jibdiex jiddekorri biss, indipendentement mid-dritt nazzjonali applikabbli, mit-traspożizzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva, jew jekk dan it-terminu jibdiex jiddekorri, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali, mid-data li fiha l-ewwel konsegwenzi dannużi ta’ din it-traspożizzjoni inkorretta jkunu seħħew u konsegwenzi dannużi ulterjuri tagħha jkunu prevedibbli. Fis-sitwazzjoni fejn it-traspożizzjoni sħiħa għandha effett fuq il-mod kif jiddekorri dan it-terminu ta’ preskrizzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din hijiex regola ġenerali jekk tapplikax biss meta d-direttiva tagħti dritt lill-individwu.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 31 u 32 tas-sentenza preżenti fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, huma l-Istati Membri li għandhom jistipulaw ir-regoli proċedurali dwar il-proċeduri legali intiżi biex jassiguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li jinsiltu favur l-individwi mid-dritt Komunitarju, inklużi r-regoli dwar il-preskrizzjoni, sakemm dawn ir-regoli jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza ta’ effettività. Barra minn hekk għandu jiġi mfakkar li l-iffissar ta’ termini perentorji raġonevoli għall-preżentata tar-rikorsi, jirrispetta dawn il-prinċipji u b’mod partikolari ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li fil-prattika jrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju.

49

Il-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst mid-dritt nazzjonali jibda jiddekorri mill-mument meta jkunu seħħew l-ewwel konsegwenzi dannużi filwaqt li konsegwenzi oħra ta’ dan it-tip ikunu prevedibbli lanqas ma huwa tali li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt Komunitarju.

50

Is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619), li għaliha tirreferi Danske Slagterier, ma tinvalidax din il-konklużjoni.

51

Fil-punti 78 u 79 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx eskluż li terminu ta’ preskrizzjoni qasir għall-preżentata ta’ rikors għal danni li jibda jiddekorri mill-jum fejn l-akkordju jew il-prattika miftiehma ġiet implementata jista’ jrendi prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu kkawżat minn dan l-akkordju jew prattika pprojbita. B’hekk, f’każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, ma jkunx impossibbli li t-terminu ta’ preskrizzjoni jkun għadda anki qabel ma jkun intemm il-ksur, f’liema każ kull persuna li subiet danni wara li jkun skada t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jkunx jista’ jippreżenta rikors.

52

Issa, dan mhux il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-persuna leża tkun saret taf bid-dannu u l-identità tal-persuna responsabbli għad-danni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa b’hekk impossibbli li persuna li subiet danni tinsab f’sitwazzjoni fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri, jew ikun għadda, mingħajr ma tkun taf li ġiet leża hekk kif jista’ jkun il-każ fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, fejn it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-implementazzjoni tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, fejn ċerti persuni kkonċernati jistgħu jsiru jafu bihom biss aktar tard.

53

Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi stabbilit il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni qabel it-traspożizzjoni sħiħa tad-direttiva inkwistjoni, huwa veru li, fil-punt 23 tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott (C-208/90, Ġabra p. I-4269), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sal-mument tat-traspożizzjoni korretta ta’ direttiva, l-Istat Membru inadempjenti ma jistax jeċċepixxi t-tressiq tard ta’ azzjoni ġudizzjarja mressqa kontrih minn individwu sabiex jipproteġi d-drittijiet rikonoxxuti lilu mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u li terminu għall-preżentata ta’ rikors taħt id-dritt nazzjonali jista’ jibda jiddekorri biss minn dan il-mument.

54

Madankollu, hekk kif ikkonfermat is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Johnson (C-410/92, Ġabra p. I-5483, punt 26), jirriżulta mis-sentenza tas-, Steenhorst-Neerings (C-338/91, Ġabra p. I-5475), li s-soluzzjoni li ngħatat fis-sentenza Emmott, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ġustifikata miċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza, li fiha t-terminu perentorju kien wassal sabiex jippriva totalment lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-possibbiltà li tinvoka d-dritt tagħha għal trattament ugwali skont direttiva (ara, ukoll, is-sentenzi tas-, Haahr Petroleum, C-90/94, Ġabra p. I-4085, punt 52, u Texaco u Olieselskabet Danmark, C-114/95 u C-115/95, Ġabra p. I-4263, punt 48, kif ukoll tal-, Ansaldo Energia et, C-279/96 sa C-281/96, Ġabra p. I-5025, punt 20).

55

Issa, fil-kawża prinċipali, ma jirriżulta la mill-atti u lanqas mid-dibattiti li seħħew fil-proċedura orali li l-eżistenza tat-terminu inkwistjoni wasslet, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Emmott, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex il-persuni leżi jieħu pprivati totalment mill-possibbiltà li jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali.

56

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba t-traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva jibda jiddekorri mid-data li fiha jkunu seħħew l-ewwel konsegwenzi dannużi ta’ din it-traspożizzjoni inkorretta u li fiha l-konsegwenzi dannużi ulterjuri tagħha jkunu prevedibbli, anki jekk din id-data tiġi qabel it-traspożizzjoni korretta ta’ din id-direttiva.

57

Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel parti tar-raba’ domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti tagħha.

Fuq il-ħames domanda

58

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix regola bħal dik prevista fl-Artikolu 839(3) tal-BGB li tipprovdi li individwu ma jistax jikseb kumpens għad-danni meta jkun naqas, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli jipprevjeni li jseħħu d-danni billi jirrikorri għal rimedju legali. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża d-domanda tagħha billi tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tmurx kontra d-dritt Komunitarju meta tiġi applikata bil-kundizzjoni li dan ir-rimedju legali jista’ jkun raġonevolment aċċessibbli għall-parti kkonċernata. Il-qorti tar-rinviju fl-aħħar nett tixtieq tkun taf jekk l-użu ta’ rimedju legali jistax ikun ikkunsidrat raġonevoli meta huwa probabbli li l-qorti li tkun qed tittratta l-kawża tippreżenta talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE jew ikunu ġew ippreżentati proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE.

59

Hekk kif ġie mfakkar fil-kuntest tar-risposti mogħtija liż-żewġ domandi preċedenti, huma l-Istati Membri li għandhom, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, jistipulaw ir-regoli proċedurali dwar il-proċeduri legali intiżi biex jassiguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li jinsiltu favur l-individwi mid-dritt Komunitarju, sakemm dawn ir-regoli jirrispettaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

60

Fir-rigward tal-implementazzjoni tar-rimedji legali disponibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 84 tas-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għall-ksur tad-dritt Komunitarju, li l-qorti nazzjonali tista’ tivverifika jekk il-persuna leża kinitx raġonevolment diliġenti sabiex tevita d-danni jew tillimita l-portata tagħhom u jekk, b’mod partikolari, hija rrikorietx fil-ħin għar-rimedji legali kollha li kienu disponibbli għaliha.

61

Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, il-persuna leża, sabiex tevita li jkollha tbati hija stess id-danni, għandha tagħti prova ta’ diliġenza raġonevoli sabiex tillimita l-portata tad-danni (sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, Ġabra p. I-3061, punt 33, kif ukoll Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

62

Madankollu, jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività li jiġi impost fuq persuni leżi li jkunu sistematikament irrikorrew għar-rimedji legali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom meta dan iġib miegħu diffikultajiet eċċessivi jew ma jkunx jista’ jkun meħtieġ minnhom b’mod raġonevoli.

63

Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 106), il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li l-eżerċizzju tad-drittijiet li d-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-dritt Komunitarju jagħtu lill-individwi jiġi reż impossibbli jew eċċessivament diffiċli jekk it-talbiet tagħhom għal kumpens ibbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju kellhom jiġu miċħuda jew imnaqqsa għar-raġuni biss li l-individwi ma talbux li jibbenefikaw mid-dritt mogħti mid-dispożizzjonijiet Komunitarji, u li l-liġi nazzjonali rrifjutatilhom, sabiex jikkontestaw ir-rifjut tal-Istat Membru permezz tar-rimedji legali previsti għal dan l-għan, billi jinvokaw is-supremazija u l-effett dirett tad-dritt Komunitarju. F’każ bħal dan, ma kienx ikun raġonevoli li jiġi meħtieġ mill-persuni leżi li huma jużaw ir-rimedji legali għad-dispożizzjoni tagħhom, peress li dawn kien ikollhom fi kwalunkwe każ iħallsu minn qabel l-ammont inkwistjoni u, anki jekk il-qorti nazzjonali kienet ikkunsidrat il-karattru antiċipat ta’ dan il-ħlas bħala inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, il-persuni inkwistjoni ma kinux ikunu jistgħu jiksbu l-interessi dovuti fuq din is-somma u kienu jkunu esposti għal multa eventwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

64

Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 839(3) tal-BGB, sakemm l-użu tar-rimedju legali inkwistjoni jkun jista’ jiġi raġonevolment rikjest mill-persuna leża. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk dan huwiex il-każ.

65

Fir-rigward tal-possibbiltà li r-rimedju legali użat b’dan il-mod jagħti lok għal talba għal deċiżjoni preliminari u tal-effett li dan ikollu fuq il-karattru raġonevoli ta’ dan ir-rimedju legali, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma neċessarji għalihom sabiex jinqatgħu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 22, u tal-, Schneider, C-380/01, Ġabra p. I-1389, punt 20). Il-kjarifiki b’hekk miksuba mill-qorti nazzjonali jippermettu li jiffaċilitawlha l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju b’tali mod li l-użu ta’ dan l-istrument ta’ kooperazzjoni bl-ebda mod ma jikkontribwixxi sabiex ikun eċċessivament diffiċli għall-individwu li jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilhu mid-dritt Komunitarju. Konsegwentement, ma jkunx raġonevoli li ma jintużax rimedju legali għar-raġuni biss li dan probabbilment iwassal għal talba għal deċiżjoni preliminari.

66

Minn dan isegwi li l-probabbiltà kbira li rimedju legali jwassal għal talba għal deċiżjoni preliminari fiha nfisha mhix raġuni sabiex jiġi konkluż li l-użu ta’ dan ir-rimedju legali mhux raġonevoli.

67

Fir-rigward tal-karattru raġonevoli tal-obbligu li jsir użu mir-rimedji legali disponibbli filwaqt li rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-proċeduri skont l-Artikolu 226 KE huma kompletament indipendenti mill-proċeduri nazzjonali u ma jissostitwuhomx. Hekk kif ġie espost fir-risposta għat-tielet domanda, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-fatt jammonta għal stħarriġ oġġettiv tal-legalità fl-interess ġenerali. Għalkemm ir-riżultat ta’ tali rikors jista’ jservi l-interessi tal-individwu, jibqa’ l-fatt li jkun raġonevoli għalih li jipprevjeni li jseħħ id-dannu billi juża l-mezzi kollha disponibbli għalih, jiġifieri l-użu ta’ rimedji legali disponibbli.

68

Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-probabbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-qorti nazzjonali, fihom infushom ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li mhux raġonevoli li jiġi eżerċitat rimedju legali.

69

B’hekk ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li individwu ma jistax jikseb kumpens għad-danni meta jkun naqas, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli jipprevjeni li jseħħu d-danni billi jirrikorri għal rimedju legali, sakemm l-użu ta’ dan ir-rimedju jkun jista’ jiġi raġonevolment rikjest mill-persuna leża, liema ħaġa għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali. Il-probabbiltà li l-qorti nazzjonali tressaq talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, jew l-eżistenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux, fihom infushom, jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li mhuwiex raġonevoli li jiġi eżerċitat rimedju legali.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-individwi li ġew leżi mit-traspożizzjoni u mill-applikazzjoni inkorretta tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 fuq problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ġewwa l-Kommunità ta’ prodotti tal-laħam, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/497/KEE tad-, u tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE, tal-, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, jistgħu jinvokaw id-dritt tal-moviment liberu tal-merkanzija sabiex ikun jista’ jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju.

 

2)

Id-dritt Komunitarju ma jeżiġix li, meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens għad-danni minħabba r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt Komunitarju previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun interrott jew sospiż matul dawn il-proċeduri.

 

3)

Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba t-traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva jibda jiddekorri mid-data li fiha jkunu seħħew l-ewwel konsegwenzi dannużi ta’ din it-traspożizzjoni inkorretta u li fiha l-konsegwenzi dannużi ulterjuri tagħha jkunu prevedibbli, anki jekk din id-data tiġi qabel it-traspożizzjoni korretta ta’ din id-direttiva.

 

4)

Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li individwu ma jistax jikseb kumpens għad-danni meta jkun naqas, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli jipprevjeni li jseħħu d-danni billi jirrikorri għal rimedju legali, sakemm l-użu ta’ dan ir-rimedju jkun jista’ jiġi raġonevolment rikjest mill-persuna leża, liema ħaġa għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali. Il-probabbiltà li l-qorti nazzjonali tressaq talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, jew l-eżistenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux, fihom infushom, jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li mhuwiex raġonevoli li jiġi eżerċitat rimedju legali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq