EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0127

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Diċembru 2008.
Société Arcelor Atlantique et Lorraine et. vs Premier ministre, Ministre de l’Écologie et du Développement durable u Ministre de l'Économie, des Finances et de l'Industrie.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - Franza.
Ambjent - Prevenzjoni u tnaqqis integrat tat-tniġġis - Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra - Direttiva 2003/87/KE - Kamp ta’ applikazzjoni - Inklużjoni tal-istallazzjonijiet tas-settur tal-azzar - Esklużjoni tal-istallazzjonijiet tas-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid - Prinċipju ta’ trattament ugwali.
Kawża C-127/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09895

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:728

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Ambjent — Prevenzjoni u tnaqqis integrat tat-tniġġis — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Direttiva 2003/87/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Inklużjoni tal-installazzjonijiet tas-settur tal-azzar — Esklużjoni tal-installazzjonijiet tas-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid — Prinċipju ta’ trattament ugwali”

Fil-Kawża C-127/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2007, fil-proċedura

Société Arcelor Atlantique et Lorraine et

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Écologie et du Développement durable,

Ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič, A. Ó Caoimh u T. von Danwitz (Relatur), Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Unità,,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għas-Société Arcelor Atlantique et Lorraine et, minn W. Deselaers, Rechtsanwalt, u P. Lignières, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, L. Butel u S. Gasri, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio u I. Anagnostopoulou, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn P. Plaza García, K. Michoel u E. Karlsson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.-B. Laignelot u U. Wölker, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32), kif emendata bid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 338, p. 18, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”).

2

Din it-talba tressqet mill-Conseil d’État fil-kuntest ta’ kontroversja bejn, minn naħa, il-kumpannija Arcelor Atlantique et Lorraine et u, min-naħa l-oħra, il-Premier ministre (il-Prim Ministru), il-Ministre de l’Écologie et du Développement durable (il-Ministeru tal-Ekoloġija u tal-Iżvilupp sostenibbli), kif ukoll il-Ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie (il-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija) fir-rigward tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/87 fis-sistema legali Franċiża.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Fid-9 ta’ Mejju 1992, ġiet adottata fi New York il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-klima (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Qafas”), li l-għan aħħari tagħha huwa li tinkiseb stabbilizzazzjoni fil-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprekludi ndħil perikoluż antropoġeniku fis-sistema tal-klima. Fil-11 ta’ Diċembru 1997, il-partijiet fil-Konvenzjoni Qafas adottaw, abbażi ta’ din il-konvenzjoni, il-Protokoll ta’ Kyoto mal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-klima (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Kyoto”), li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Frar 2005.

4

L-għan ta’ dan il-protokoll huwa li jitnaqqas it-total tal-emissjonijiet ta’ sitt gassijiet serra, fosthom id-dijossidu tal-karbonju (iktar ’il quddiem “CO2 ”), b’mill-inqas 5 % meta mqabbel mal-livell ta’ dawn l-emissjonijiet għas-sena 1990 matul il-perijodu bejn l-2008 u l-2012. Il-partijiet imsemmija fl-Anness I tal-Konvenzjoni Qafas jintrabtu li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom ma jaqbżux perċentwali li tiġi attribwita lilhom mill-Protokoll ta’ Kyoto; dawn il-partijiet jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom b’mod konġunt. L-impenn globali adottat mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kyoto jirrigwarda tnaqqis totali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 8 % meta mqabbel mal-livell ta’ emissjonijiet għas-sena 1990 matul il-perijodu ta’ impenn imsemmi iktar ’il fuq.

Id-dritt Komunitarju

5

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva f’isem il-Komunità, minn naħa, il-Konvenzjoni Qafas permezz tad-Deċiżjoni 94/69/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima (ĠU 1994, L 33, p. 11), u min-naħa l-oħra, il-Protokoll ta’ Kyoto permezz tad-Deċiżjoni 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta’ l-obbligi tiegħu (ĠU L 130, p. 1). Bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) ta’ din deċiżjoni tal-aħħar, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom iwettqu b’mod konġunt l-impenn globali li huma adottaw taħt il-Protokoll ta’ Kyoto.

6

Peress li qieset li l-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra kienu ser jikkostitwixxu parti integrali importanti, flimkien ma’ miżuri oħrajn, mill-istrateġija Komunitarja fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fit-8 ta’ Marzu 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentat il-green paper dwar l-iskambju ta’ emissjoni tal-gassijiet ġewwa l-Unjoni Ewropea [COM (2000) 87 finali] (iktar ’il quddiem il-“Green paper”).

7

Abbażi tal-Artikolu 175(1) KE, il-Kummissjoni ppreżentat, fit-23 ta’ Ottubru 2001, proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE [COM (2001) 581 finali], (iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”), li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/87.

8

Skont il-Premessa 5 tagħha, din id-direttiva għandha bħala skop il-kontribuzzjoni għat-twettiq tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra li daħlu għalihom il-Komunità u l-Istati Membri tagħha fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kyoto, b’mod konformi mad-Deċiżjoni 2002/358, f’kundizzjonijiet effettivi, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra iktar ’il quddiem il-“kwoti”), bl-inqas ħsara possibbli għall-iżvilupp ekonomiku u għall-impjieg.

9

Skont il-Premessa 23 tal-imsemmija direttiva, l-iskambju tal-kwoti għandu “jifforma parti minn pakkeġġ komprensiv u koerenti tal-politiki u l-miżuri implimenati fil-livell ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità”. Hekk kif tippreċiża l-Premessa 25 tagħha “[i]l-politiki u l-miżuri għandhom jiġu implimentati fil-livell ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea, u mhux biss ġewwa l-industrija u s-setturi ta’ l-enerġ[i]ja, sabiex jiġi ġġenerat tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet”.

10

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87 jiddefinixxi l-għan tagħha b’dan il-mod:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti […] ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejje[ż] u effiċjenza ekonomika.”

11

Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2003/87 tapplika għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tagħha u għas-sitt gassijiet serra elenkati fl-Annes II tagħha, fosthom is-CO2. L-imsemmi Anness I isemmi ċerti attivitajiet mwettqa fis-setturi tal-enerġija, tal-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ metalli li fihom il-ħadid, kif ukoll tal-industrija minerali u dawk fl-istallazzjonijiet industrijali intiżi għall-manifattura ta’ għaġna tal-karta u fl-istallazzjonijiet industrijali intiżi għall-manifattura tal-karta u tal-kartun, kemm-il darba dawn jarmu s-CO2.

12

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mill-1 ta’ Jannar 2005, l-ebda stallazzjoni ma tindħal għal attività elenkata fl-Anness I li tirriżulta fl-emissjonijiet speċifikati fejn tidħol din l-attivita għajr jekk l-operatur tagħha jkollu permess maħruġ minn awtorità kompetenti skond l-Artikoli 5 u 6, […].”

13

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/87, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra li jawtorizza l-emissjoni tal-gassijiet serra […] minn stallazzjoni fl-intier tagħha jew f’parti minnha jekk hija tqis li l-operatur huwa kapaċi jissorvelja u jiddikjara l-emissjonijiet ta’ dawn il-gassijiet. Skont il-paragrafu (2) tal-istess artikolu, din l-awtorizzazzjoni għandu jkollha, fost l-oħrajn, l-“obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali ta’ l-istallazzjoni kull sena kalendarja, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, fi żmien erba’ xhur mit-tmiem ta’ din is-sena”.

14

L-attribuzzjoni tal-kwantità totali ta’ kwoti lill-operaturi tal-istallazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87 issir, skont l-Artikolu 9 tagħha, abbażi ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mfassal mill-Istati Membri skont kriterji msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

15

Skont l-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jallokaw mingħajr ħlas mill-inqas 95 % tal-kwoti għal perijodu ta’ tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2005 u mill-inqas 90 % ta’ dawn il-kwoti għall-ħames snin segwenti. B’mod konformi mal-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva, il-kwoti allokati jistgħu jiġu ttrasferiti u jistgħu jiġu skambjati bejn persuni ġewwa l-Komunità kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, bejn persuni ġewwa l-Komunità u persuni f’pajjiżi terzi.

16

Skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull operatur li ma jċedix kwoti biżżejjed sat-30 ta’ April ta’ kull sena sabiex ikopri l-emissjonijiet tiegħu matul is-sena ta’ qabel għandu jinżamm [responsabbli] li jħallas penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet. Il-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata metrika tad-dijossidu tal-karbonju mitfugħ minn dik l-istallazzjoni li għaliha l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet ma għandux jeħles lill-operatur mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti [u]gwali għall-dawk l-emissjonijiet maqbuża meta jċedi l-kwoti f’relazzjoni mas-sena kalendarja ta’ wara.”

17

Barra minn hekk, fl-Artikolu 30(2) tagħha, id-Direttiva 2003/87 tistabbilixxi li, sat-30 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport, jekk ikun il-każ, flimkien ma’ proposti, fuq it-tħaddim ta’ din l-istess direttiva, li fih hija teżamina fost l-oħrajn “kif u jekk l-Anness I għandux jiġi emendat sabiex jinkludi setturi oħra rilevanti, fost l-oħrajn is-setturi tal-kimiċi, ta’ l-aluminju u tat-trasport, l-attivitajiet u l-emissjoni ta’ gassijiet oħra elenkati fl-Anness II, bil-ħsieb li tittejjeb […] l-effiċjenza ekonomika ta’ l-iskema”.

18

F’dan ir-rigward, fit-13 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ħolqien ta’ suq dinji tal-faħam [COM (2006) 676 finali]. Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-K unsill li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex l-attivitajiet tal-avjazzjoni jiġu inklużi fi ħdan l-iskema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra [COM (2006) 818 finali]. Barra minn hekk, permezz ta’ proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-K unsill li temenda d-Direttiva 2003/87 sabiex ittejjeb u twessa’ l-iskema Komunitarja ta’ skambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra [COM (2008) 16 finali], tat-23 ta’ Jannar 2008, din l-istituzzjoni beħsiebha, fost affarijiet oħra, twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 billi tinkludi fih gassijiet ġodda kif ukoll kategoriji ta’ attivitajiet ġodda bħall-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ metalli mhux tal-ħadid u l-produzzjoni ta’ aluminju kif ukoll l-industrija kimika.

Id-dritt nazzjonali

19

It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/87 fid-dritt Franċiż saret permezz tal-Ordinanza Nru 2004-330, tal-15 ta’ April 2004, rigward il-ħolqien ta’ skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (JORF tas-17 ta’ April 2004, p. 7089), li b’mod partikolari introduċiet l-Artikoli L.229-5 sa L.229-19 tal-kodiċi tal-ambjent. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli ġew stabbiliti permezz tad-Digriet Nru 2004-832, tad-19 ta’ Awwissu 2004 (JORF tal-21 ta’ Awwissu 2004, p. 14979), li ġie emendat bid-Digriet Nru 2005-189, tal-25 ta’ Frar 2005 (JORF tas-26 ta’ Frar 2005, p. 3498, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2004-832”). L-Anness tad-Digriet Nru 2004-832 jillimita ruħu li jirripproduċi l-Anness I tad-Direttiva 2003/87.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma impriżi li joperaw fis-settur tal-azzar. Huma talbu lill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi sabiex jabrogaw l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2004-832 sa fejn huwa jrendi dan id-digriet applikabbli għall-istallazzjonijiet tas-settur tal-azzar. Peress li ma tteħdietx azzjoni fir-rigward tat-talbiet tagħhom, huma ppreżentaw quddiem il-Conseil d’État rikors għal annullament minħabba ultra vires kontra d-deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ dawn it-talbiet u talbu li dawn l-awtoritajiet jiġu ordnati jwettqu l-imsemmija abrogazzjoni. Insostenn tar-rikors tagħhom, huma invokaw il-ksur ta’ diversi prinċipji ta’ natura kostituzzjonali, fosthom id-dritt għall-proprjetà, il-libertà imprenditorjali u l-prinċipju ta’ ugwaljanza.

21

Il-Conseil d’État ċaħad il-motivi mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bl-eċċezzjoni ta’ dak ibbażat fuq ksur tal-prinċipju kostituzzjonali ta’ ugwaljanza kkawżat minn trattament differenti f’sitwazzjonijiet komparabbli. Fir-rigward ta’ dan, il-Conseil d’État josserva, fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, li l-industriji tal-plastik u tal-aluminju jarmu gassijiet serra identiċi għal dawk li d-Direttiva 2003/87 kienet beħsiebha tillimita l-emissjoni tagħhom u li dawn l-industriji jipproduċu materjali li huma parzjalment sostitwibbli għal dawk prodotti mill-industrija tal-azzar, ma’ liema industrija huma jinsabu, għaldaqstant, f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni. Il-Conseil d’État iqis li, għalkemm id-deċiżjoni li l-industriji tal-plastik u tal-aluminju ma jiġux inklużi immedjatament fl-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ttieħdet fid-dawl tas-sehem relattiv tagħhom fl-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra u fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi stabbilit b’mod progressiv test komuni, il-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament bejn l-industriji kkonċernati hijiex oġġettivament iġġustifikata, tqajjem diffikultà serja.

22

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-Direttiva [2003/87] [hija valida] fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza safejn hija trendi applikabbli l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti […] għall-istallazzjonijiet fis-settur tal-azzar iżda mhux għall-industriji tal-aluminju u tal-plastik[?]”

Fuq id-domanda preliminari

23

Il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28; tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C-133/93, C-300/93 u C-362/93, Ġabra p. I-4863, punti 50 u 51, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C-313/04, Ġabra p. I-6331, punt 33).

24

Peress li tqis li s-setturi tal-azzar, tal-plastik u tal-aluminju jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, permezz tal-esklużjoni tas-setturi tal-plastik u tal-aluminju mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, il-leġiżlatur Komunitarju kisirx dan il-prinċipju fil-konfront tas-settur tal-azzar. Għaldaqstant, ir-rinviju preliminari jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur Komunitarju kisirx l-imsemmi prinċipju permezz ta’ trattament differenti u mhux iġġustifikat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli.

Fuq it-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

25

Il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba trattament differenti jippresupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma komparabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom.

26

L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att Komunitarju li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1971, Rheinmühlen Düsseldorf, 6/71, Ġabra p. 823, punt 14; tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et, 117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, punt 8; tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I-4973, punt 74, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port, C-364/95 u C-365/95, Ġabra p. I-1023, punt 83).

27

F’dan il-każ, il-validità tad-Direttiva 2003/87 għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-inklużjoni tas-settur tal-azzar fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u fir-rigward tal-esklużjoni minnu tas-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid, li jagħmlu parti minnhom, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, is-setturi tal-plastik u tal-aluminju.

28

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi skema ta’ iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Kif jirriżulta mill-punti 4.2 u 4.3 tal-Green paper, permezz ta’ din id-direttiva, il-Komunità riedet tintroduċi tali skema fuq il-livell tal-impriżi u b’hekk li hija intiża għall-attivitajiet ekonomiċi.

29

Skont il-Premessa 5 tagħha, id-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi din l-iskema sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenji tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha abbażi tal-Protokoll ta’ Kyoto, li huwa intiż għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-atmosfera fuq livell li jipprekludi kull indħil perikoluż antropoġeniku fis-sistema tal-klima u li għandu bħala għan finali l-protezzjoni tal-ambjent.

30

Il-politika Komunitarja fil-qasam tal-ambjent, li jagħmel parti minnha l-att leġiżlattiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent, hija intiża, skont l-Artikolu 174(2) KE, għal livell għoli ta’ protezzjoni u b’mod partikolari hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ azzjoni preventiva u l-prinċipju li min iniġġes iħallas (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 64, kif ukoll tal-1 ta’ April 2008, Il-Parlament u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, C-14/06 u C-295/06, Ġabra p. I-1649, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għalkemm l-għan aħħari tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti huwa l-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, din l-iskema ma tnaqqasx minnha nfisha dawn l-emissjonijiet, iżda tħeġġeġ u tiffavorixxi t-twettiq tal-inqas spejjeż sabiex jinkiseb tnaqqis fl-imsemmija emissjonijiet fuq livell speċifiku, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 3 tal-Green paper u mill-punt 2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva. Il-vantaġġ għall-ambjent jiddependi minn kemm hija stretta l-kwantità totali li tiġi stabbilita għall-kwoti mogħtija, li tikkostitwixxi l-limitu globali tal-emissjonijiet awtorizzati mill-imsemmija skema.

32

Minn dan jirriżulta wkoll li l-loġika ekonomika tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti hija li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġ sabiex jinkiseb riżultat ambjentali stabbilit minn qabel isir bl-inqas spejjeż. B’mod partikolari, billi tippermetti l-bejgħ tal-kwoti allokati, din l-iskema hija intiża sabiex tħeġġeġ lil kull parteċipant fl-imsemmija skema jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex iċedi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li taqbeż il-kwoti allokati.

33

Għaldaqstant, it-tħaddim tajjeb tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti timplika li jkun hemm domanda u offerta ta’ kwoti min-naħa tal-parteċipanti f’din l-iskema, li timplika wkoll li l-potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet attribwibbli lill-attivitajiet koperti minn din l-iskema jista’ jvarja, anki b’mod konsiderevoli. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Green paper, iktar ma tkun wiesgħa l-portata tal-iskema, iktar tkun importanti l-varjazzjoni tal-ispejjeż ta’ tqegħid f’konformità sostnuti mill-impriżi individwali, u ikbar ikun il-potenzjal ta’ tnaqqis globali tal-ispejjeż.

34

Minn dan jirriżulta li, meta mqabbla mal-għan tad-Direttiva 2003/87, mal-għanijiet tagħha msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza kif ukoll mal-prinċipji li hija bbażata fuqhom il-politika Komunitarja fil-qasam tal-ambjent, id-diversi sorsi ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra li jaqgħu taħt l-ambitu ta’ attività ekonomika jinsabu, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni komparabbli, peress li kull emissjoni ta’ gassijiet serra tista’ tikkontribwixxi għal interferenza perikoluża fis-sistema tal-klima u peress li kull settur tal-ekonomija li jemetti tali gassijiet jista’ jikkontribwixxi għat-tħaddim tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti.

35

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-Premessa 25 tad-Direttiva 2003/87 tipprovdi li l-politiki u l-miżuri għandhom jiġu implementati fis-setturi kollha tal-ekonomija tal-Unjoni sabiex jiġi ġġenerat tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet, u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li għandu jsir eżami mill-ġdid bil-għan li jiġu inklużi setturi oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

36

Għaldaqstant, fir-rigward tal-natura komparabbli tas-setturi inkwistjoni fir-rigward tad-Direttiva 2003/87, l-eventwali eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn dawn is-setturi ma tistax tikkostitwixxi kriterju deċiżiv, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu.

37

Lanqas ma hija essenzjali, sabiex tiġi evalwata n-natura komparabbli ta’ dawn is-setturi, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-istituzzjonijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwantità ta’ CO2 emessa minn kull wieħed minnhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 u tat-tħaddim tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti kif deskritti fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza.

38

Għaldaqstant, is-setturi tal-azzar, tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid jinsabu, għall-finijiet tal-eżami tal-validità tad-Direttiva 2003/87 fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, f’sitwazzjoni komparabbli u madankollu huma trattati b’mod differenti.

Fuq żvantaġġ li jirriżulta minn trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli

39

Skont il-ġurisprudenza, sabiex persuna tkun tista’ tikkritika lil-leġiżlatur Komunitarju talli kiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, jeħtieġ li huwa jkun ittratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti, bil-konsegwenza ta’ żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1962, Klöckner-Werke u Hoesch vs L-Awtorità Għolja, 17/61 u 20/61, Ġabra p. 615, 652; tal-15 ta’ Jannar 1985, Finsider vs Il-Kummissjoni, 250/83, Ġabra p. 131, punt 8, kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria, C-462/99, Ġabra 2003 p. I-5197, punt 115).

40

F’dan ir-rigward, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-inklużjoni tas-settur tal-azzar fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 ma tpoġġix lil dan is-settur f’sitwazzjoni sfavorevoli meta mqabbel mas-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid, peress li dawn is-setturi għandhom teoretikament jikkonformaw ruħhom mal-għanijiet stabbiliti mill-ftehim internazzjonali kkonċernat permezz ta’ mezzi ekonomikament inqas vantaġġjużi. Skont l-imsemmija istituzzjonijiet, it-twettiq tal-impenji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ma tistax tkun limitata għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti. Fil-fatt, din l-iskema tikkompleta miżuri adottati mill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet u s-setturi temporanjament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87.

41

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

42

L-issuġġettar ta’ ċerti setturi, u b’hekk tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għall-iskema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti timplika, għall-operaturi kkonċernati, minn naħa, l-obbligu li huma jkollhom awtorizzazzjoni għall-emissjoni ta’ gassijiet serra u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jagħtu lura kwantità ta’ kwoti li tikkorrispondi għall-emissjonijiet totali tal-istallazzjonijiet tagħhom matul perijodu determinat, taħt piena ta’ sanzjonijiet pekunjarji. Jekk l-emissjonijiet ta’ stallazzjoni jaqbżu l-kwantitajiet allokati fil-kuntest ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti lill-operatur ikkonċernat, dan ikun marbut li jakkwista kwoti supplimentari billi juża l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti.

43

Min-naħa l-oħra, ma jeżistux obbligi legali simili fuq il-livell Komunitarja għall-operaturi ta’ stallazzjonijiet mhux koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87, intiżi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Konsegwentement, l-inklużjoni ta’ attività ekonomika fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 toħloq, għall-operaturi kkonċernati, żvantaġġ meta huma jitqabblu ma’ dawk li jeżerċitaw attivitajiet li mhumiex inklużi fl-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni.

44

Anki jekk jitqies li, kif issostni l-Kummissjoni, l-issuġġettar għal tali skema mhux neċessarjament u sistematikament iwassal għal konsegwenzi ekonomiċi sfavorevoli, l-eżistenza ta’ żvantaġġ ma tistax, għal din ir-raġuni biss, tiġi miċħuda, peress li l-iżvantaġġ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jista’ jkun ukoll tali li jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata permezz ta’ differenza fit-trattament.

45

Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, u bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-istituzzjonijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-iżvantaġġ li batew l-operaturi ta’ stallazzjonijiet li jagħmlu parti mis-setturi suġġetti għad-Direttiva 2003/87 ma jistgħux jiġu kkumpensati permezz ta’ miżuri nazzjonali mhux stabbiliti mid-dritt Komunitarju.

Fuq il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament

46

Madankollu, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jirriżultax li huwa miksur kemm-il darba d-differenza fit-trattament bejn is-settur tal-azzar, minn naħa, u s-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid, min-naħa l-oħra, tkun iġġustifikata.

47

Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġjonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun fi proporzjon mal-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 1977, Bela-Mühle Bergmann, 114/76, Ġabra p. 1211, punt 7; tal-15 ta’ Lulju 1982, Edeka Zentrale, 245/81, Ġabra p. 2745, punti 11 u 13; tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973, punti 68 u 71, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation, C-535/03, Ġabra p. I-2689, punti 53, 63, 68 u 71).

48

Peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija att leġiżlattiv tal-Komunità, huwa l-leġiżlatur Komunitarju li għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kriterji oġġettivi mressqin bħala ġustifikazzjoni, u li għandu jippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji għall-verifika mill-imsemmija qorti tal-eżistenza tal-imsemmija kriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1977, Moulins et Huileries de Pont-à-Mousson u Providence agricole de la Champagne, 124/76 u 20/77, Ġabra p. 1795, punt 22, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

49

F’dan ir-rigward, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru n-natura innovattiva tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll il-kumplessità tagħha kemm fuq il-livell politiku u ekonomiku kif ukoll fuq dak tal-leġiżlazzjoni neċessarja. Din is-sistema tinsab fil-fażi ta’ tnedija. Ir-reviżjoni tagħha kif prevista mill-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva, li attwalment qed tiġi diskussa, hija bbażata mhux biss fuq il-progress mwettaq fis-sorveljanza tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, iżda wkoll fuq l-esperjenza miksuba f’din l-ewwel fażi ta’ implementazzjoni.

50

Għaldaqstant, il-leġiżlatur Komunitarju qies bħala xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni inizjali tad-Direttiva 2003/87 jinkludi biss is-CO2, li kien jirrappreżenta iktar minn 80 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità, u numru relattivament limitat ta’ setturi ekonomiċi li jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għall-emissjonijiet globali ta’ dan il-gass serra. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 stabbilit b’dan il-mod ikopri fil-preżent madwar 10000 stallazzjoni, li jirrappreżentaw kważi nofs l-emissjonijiet ta’ CO2 fuq il-livell Komunitarju u, konsegwentement, sorsi importanti ta’ emissjonijiet ta’ dan il-gass.

51

B’hekk, il-kriterji għall-għażla ta’ inklużjoni jew le ċerti setturi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

52

Wieħed mill-kriterji oġġettivi determinanti sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 kien il-livell tal-emissjonijiet diretti tas-CO2 ta’ settur. B’riferiment għal rapport bit-titolu “Economic Evaluation of Sectoral Emission Reduction Objectives for Climate Change. Top-Down Analysis of Greenhouse Gas Emission Reduction Possibilities in the EU, Final Report, march 2001”, stabbilit minn P. Capros, N. Kouvaritakis u L. Mantzos, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni josservaw li, fl-1990, l-emissjonijiet ta’ CO2 kienu, rispettivament, ta’ 174.8 miljun tunnellata għas-settur tal-azzar, ta’ 26.2 miljun tunnellata għas-settur tal-kimika u ta’ 16.2 miljun tunnellata għas-settur tal-metalli mhux tal-ħadid.

53

Fir-rigward tas-settur tal-kimika, dawn l-istituzzjonijiet josservaw barra minn hekk li n-numru kbir ta’ stallazzjonijiet li jinkludi fih dan is-settur, jiġifieri ta’ madwar 34000, żied b’mod konsiderevoli l-kumplessità amministrattiva tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti fil-fażi inizjali tagħha. Issa, il-fattibbiltà amministrattiva hija wkoll kriterju leġittimu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura xierqa ta’ azzjoni leġiżlattiva.

54

Barra minn hekk, għall-inqas inizjalment, kull differenza ta’ trattament hija proporzjonata u l-leġiżlatur Komunitarju ma qabiżx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li huwa kellu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti li ġiet stabbilita. Sa minn meta ġiet stabbilita, din l-iskema kienet tinkludi fiha l-ikbar emetturi ta’ CO2 li, b’numru relattivament limitat ta’ stallazzjonijiet fissi, kienu l-iktar adatti sabiex jibdew l-imsemmija skema.

55

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b’riferiment għal statistika tar-reġistru Ewropew tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu għas-sena 2001, li s-settur tal-kimika jemetti kwantità ta’ CO2 konsiderevolment għola minn dik imsemmija mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 tal-impriżi kimiċi li jemettu kwantità ta’ CO2 li taqbeż ċertu livell ma ppreżentatx problemi fuq il-livell amministrattiv, peress li kważi 59 % tal-emissjonijiet globali ta’ CO2 tas-settur tal-kimika ġejjin minn biss 96 stallazzjoni.

56

Fir-rigward tas-settur tal-aluminju, l-esklużjoni tiegħu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 bl-ebda mod ma ġiet iġġustifikata b’mod oġġettiv mil-leġiżlatur Komunitarju. Il-kwantità ta’ emissjonijiet diretti ma tistax tiġġustifika l-esklużjoni ta’ dan is-settur. Mill-istudju stess li rreferew għalih l-istituzzjonijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li dan is-settur jemetti 16.2 miljun tunnellata ta’ CO2, filwaqt li s-settur tal-għaġna tal-karta, li huwa inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, jemetti biss 10.6 miljun tunnellata ta’ gassijiet serra.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur Komunitarju, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtijin lilu, meta l-azzjoni tiegħu tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u meta jkun mitlub jagħmel evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi (ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 80). Barra minn hekk, meta jkun mitlub jirristruttura jew joħloq sistema kumplessa, huwa jista’ jadotta approċċ maqsum fi stadji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale, 37/83, Ġabra p. 1229, punt 20; tat-18 ta’ April 1991, Assurances du crédit vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-63/89, Ġabra p. I-1799, punt 11, kif ukoll tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punt 43) u b’mod partikolari li jaġixxi skont l-esperjenza miksuba.

58

Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, il-leġiżlatur Komunitarju huwa marbut li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1982, Kind vs KEE, 106/81, Ġabra p. 2885, punti 22 u 23, kif ukoll Sermide, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28), billi jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt kollha kif ukoll l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C-284/95, Ġabra p. I-4301, punt 51).

59

Meta jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju għandu, minbarra l-għan prinċipali ta’ protezzjoni tal-ambjent, jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-interessi involuti (ara, fir-rigward tal-miżuri dwar l-agrikoltura, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk, C-96/03 u C-97/03, Ġabra p. I-1895, punt 48, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 37). Fil-kuntest tal-eżami tar-restrizzjonijiet marbuta ma’ diversi miżuri possibbli, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-importanza tal-għan imfittex hija tali li tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki jekk huma konsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punti 15 sa 17, kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-86/03, Ġabra p. I-10979, punt 96), l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur Komunitarju ma jistax joħloq riżultati manifestament inqas xierqa minn dawk li jirriżultaw minn miżuri oħrajn daqstant xierqa għal dawn l-għanijiet.

60

F’dan il-każ, huwa stabbilit, minn naħa, li l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti introdotta permezz tad-Direttiva 2003/87 hija skema ġdida u kumplessa li l-implementazzjoni u l-funzjonament tagħha setgħu jiġu mfixkla mill-involviment ta’ numru kbir wisq ta’ parteċipanti u, min-naħa l-oħra, li d-delimitazzjoni inizjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 kienet neċessarja fid-dawl tal-għan li tintlaħaq massa kritika ta’ parteċipanti neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din l-iskema.

61

Fir-rigward tan-natura innovattiva u tal-kumplessità tal-imsemmija skema, id-delimitazzjoni inizjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 u l-approċċ progressiv li ġie adottat, li huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq l-esperjenza miksuba matul l-ewwel fażi tal-implementazzjoni tagħha, sabiex ma tiġix imfixkla l-implementazzjoni ta’ din l-iskema, kienu jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali li għandu l-leġiżlatur Komunitarju.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm dan seta’ leġittimament jibbaża ruħu fuq tali approċċ progressiv għall-introduzzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, huwa marbut, b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 u tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-ambjent, li jeżamina mill-ġdid il-miżuri stabbiliti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-setturi koperti mid-Direttiva 2003/87, f’intervalli raġjonevoli, kif huwa wara kollox previst fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva.

63

Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-setgħa diskrezzjonali li għandu l-leġiżlatur Komunitarju fir-rigward tal-approċċ progressiv ma setgħetx, fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, teżentah milli juża, għad-determinazzjoni tas-setturi li kien iqis xierqa li jiġu inklużi mill-bidu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, kriterji oġġettivi bbażati fuq l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva.

64

Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-settur tal-kimika, mix-xogħol ta’ tħejjija tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li dan jinvolvi numru partikolarment għoli ta’ stallazzjonijiet, jiġifieri madwar 34000, mhux biss meta mqabbel mal-emissjonijiet li huma jikkawżaw, iżda wkoll meta mqabbel man-numru ta’ stallazzjonijiet attwalment inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, li huwa ta’ madwar 10000.

65

Għaldaqstant, l-inklużjoni ta’ dan is-settur fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 taqqlet it-tmexxija u żiedet l-ispejjeż amministrattivi tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, b’tali mod li l-eventwalità ta’ tfixkil fil-funzjonament ta’ din l-iskema waqt l-implementazzjoni tagħha minħabba l-imsemmija inklużjoni ma tistax tiġi eskluża. Barra minn hekk, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ jikkunsidra li l-vantaġġi tal-esklużjoni tas-settur sħiħ fil-bidu tal-implementazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti kienu jipprevalu fuq il-vantaġġi tal-inklużjoni tiegħu sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2003/87. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju pprova suffiċjentement skont il-liġi li huwa bbaża ruħu fuq kriterji oġġettivi sabiex jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, fl-ewwel fażi ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, lis-settur kollu tal-kimika.

66

L-evalwazzjoni preċedenti ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 tal-impriżi tal-imsemmi settur li jemetti kwantità ta’ CO2 ’il fuq minn ċertu livell ma ħolqotx problemi fuq il-livell amministrattiv.

67

Fil-fatt, l-istatistika li huma jirreferu għaliha tirrigwarda informazzjoni dwar “faċilitàjiet”, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/479/KE, tas-17 ta’ Lulju 2000, dwar l-implementazzjoni ta’ reġistru Ewropew ta’ emissjoni ta’ tniġġis (EPER) skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE li tikkonċerna l-prevenzjoni integrata ta’ tniġġis u kontroll (IPPC) (ĠU L 192, p. 36). Issa, faċilità fis-sens ta’ din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix stallazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2003/87, peress li mid-definizzjonijiet li jinsabu fl-Anness A 4 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li tali faċilità hija “[k]umpless industrijali b’installazzjoni waħda jew iktar fl-istess post, fejn [operatur] wieħed iwettaq Attività jew aktar ta’ l-Anness I”. Għaldaqstant, l-informazzjoni invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirreferi biss għal faċilitajiet, mingħajr ma huwa speċifikat n-numru ta’ stallazzjonijiet ikkonċernati.

68

B’hekk, l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali insostenn tal-argument tagħhom imsemmi iktar ’il fuq, ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-allegazzjoni li numru żgħir ta’ stallazzjonijiet tas-settur tal-kimika kien responsabbli għal parti konsiderevoli mill-emissjonijiet globali ta’ CO2 ta’ dan is-settur, b’tali mod li l-leġiżlatur Komunitarju kellu jinkludih parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87.

69

Fid-dawl ta’ dak li ntqal u fid-dawl tal-approċċ progressiv li fuqu hija bbażata d-Direttiva 2003/87, matul l-ewwel fażi ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti, it-trattament differenzjat tas-settur tal-kimika meta mqabbel ma’ dak tal-azzar jista’ jitqies bħala ġustifikat.

70

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-settur tal-metalli mhux tal-ħadid, mir-rapport xjentifiku msemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li, skont l-osservazzjonijiet tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-leġiżlatur Komunitarju bbaża ruħu fuqu matul it-tfassil u l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/87, jirriżulta li fl-1990 l-emissjonijiet diretti ta’ dan is-settur kienu jammontaw għal 16.2 miljun tunnellata ta’ CO2, filwaqt li s-settur tal-azzar kien jemetti 174.8 miljun tunnellata ta’ CO2.

71

Fid-dawl tal-intenzjoni tiegħu li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 b’tali mod li ma jfixkilx il-fattibbiltà amministrattiva tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti fil-fażi inizjali tagħha bl-involviment ta’ numru kbir wisq ta’ parteċipanti, il-leġiżlatur Komunitarju ma kienx marbut, sabiex jilħaq l-għan imfittex, li juża biss il-mezz li jikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ livell massimu ta’ emissjoni, għal kull settur tal-ekonomija li jemetti s-CO2. B’hekk, f’ċirkustanzi bħal dawk li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/87, huwa seta’, waqt l-introduzzjoni ta’ din l-iskema, validament jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha permezz ta’ approċċ settorjali mingħajr ma jaqbeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li huwa kellu.

72

Id-differenza tal-livell ta’ emissjonijiet diretti bejn iż-żewġ setturi kkonċernati hija daqstant konsiderevoli li t-trattament differenzjat ta’ dawn is-setturi jista’ jkun, matul l-ewwel fażi ta’ implementazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti u fid-dawl tal-approċċ progressiv li hija bbażata fuqu d-Direttiva 2003/87, meqjus bħala ġustifikat mingħajr ma l-leġiżlatur Komunitarju jkun meħtieġ jieħu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet indiretti attribwabbli lid-diversi setturi.

73

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju ma kisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba t-trattament differenzjat ta’ sitwazzjonijiet komparabbli meta eskluda s-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87.

74

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-mistoqsija preliminari għandha tkun li l-eżami tad-Direttiva 2003/87, fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, ma weriex elementi li jistgħu jaffettwaw il-validità tagħha sa fejn din trendi applikabbli l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-settur tal-azzar mingħajr ma tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004, fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, ma weriex elementi li jistgħu jaffettwaw il-validità tagħha safejn din trendi applikabbli l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-settur tal-azzar mingħajr ma tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-setturi tal-kimika u tal-metalli mhux tal-ħadid.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq