Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0297

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-11 ta' Diċembru 2008.
Klaus Bourquain.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Regensburg - il-Ġermanja.
Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen - Artikolu 54 - Prinċipju ta’ ne bis in idem - Kamp ta’ applikazzjoni - Sentenza ta’ kundanna mogħtija in absentia għall-istess fatti - Kunċett ta’ ‘sentenza definittiva’ - Regoli proċedurali tad-dritt nazzjonali - Kunċett ta’ piena li ‘ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed’.
Kawża C-297/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09425

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:708

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen — Artikolu 54 — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Kamp ta’ applikazzjoni — Sentenza ta’ kundanna mogħtija in absentia għall-istess fatti — Kunċett ta’ ‘inqata’ b’mod finali’ — Regoli proċedurali tad-dritt nazzjonali — Kunċett ta’ piena li ’ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed’”

Fil-Kawża C-297/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 35 UE, imressqa mil-Landgericht Regensburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2007, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ġunju 2007, fil-proċeduri kriminali kontra

Klaus Bourquain,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. Bourquain, minn C.-M. Engel, Rechtsanwalt,

għall-iStaatsanwaltschaft Regensburg, minn J. Plöd, Leitender Oberstaatsanwalt,

għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19), iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem il-“KFS”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għal omiċidju mibdija fil-Ġermanja fil-11 ta’ Diċembru 2002 kontra K. Bourquain, ċittadin Ġermaniż, filwaqt li fis-26 ta’ Jannar 1961 kienu diġà nbdew proċeduri kriminali, għall-istess fatti, minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Kontraenti ieħor kontra l-istess persuna, li wasslu għal sentenza ta’ kundanna mogħtija in absentia.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3

Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), tlettax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża, huma awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni iktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, kif iddefinit fl-Anness tal-imsemmi protokoll.

4

Il-Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13), kif ukoll il-KFS, jifformaw parti mill-acquis ta’ Schengen.

5

B’applikazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, fl-20 ta’ Mejju 1999 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 1999/436/KE, li tiddetermina, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, p. 17). Mill-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mal-Anness A tagħha, jirriżulta li l-Kunsill identifika l-Artikoli 34 UE u 31 UE, bħala l-bażi legali tal-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS.

6

Skont l-Artikolu 54 tal-KFS, li jifforma parti mill-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III tal-imsemmija konvenzjoni, li huwa intitolat “Pulizija u Sigurtà”:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali [piena], din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

7

L-Artikolu 57(1) u (2) tal-KFS jipprovdi li:

“1.   Meta Parti Kontraenti tixli lil persuna b’reat u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dik il-Parti Kontraenti jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x’taqsam ma’ l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet f’Parti Kontraenti oħra, dawk l-awtoritajiet għandhom, jekk huma jqisu li dan jinħtieġ, jitolbu l-informazzjoni relevanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun diġà ngħatat is-sentenza.

2.   L-informazzjoni mitluba għandha tingħata kemm jista’ jkun malajr u għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward ta’ azzjoni ulterjuri li trid tittieħed fil-proċeduri pendenti.”

8

L-Artikolu 58 tal-KFS jipprovdi li:

“Id-dispożizzjonijiet li jidhru hawn fuq m’għandhomx iwaqqfu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali aktar estensivi dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda f’pajjiżi barranin.”

9

Għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS, mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 1999/436 jirriżulta li dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa definit mill-Artikolu 138 tal-KFS. Dan l-artikolu tal-aħħar jipprovdi li:

“Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, id-dispożizzjonijiet [tal-KFS] għandhom japplikaw biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża

[…]”

10

Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha hija aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skont il-proċeduri previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

Id-dritt nazzjonali

11

Is-seba’ sad-disa’ paragrafi tal-Artikolu 120 tal-Code de justice militaire pour l’armée de terre français (Kodiċi Militari għall-Armata Franċiża), (JORF tal-15 ta’ Marzu 1928), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fis-26 ta’ Jannar 1961, jipprovdi li:

“Is-sentenza in absentia, mogħtija fil-forma komuni, għandha tiġi […] innotifikata lill-akkużat in absentia jew fir-residenza tiegħu.

L-akkużat in absentia jista’ jopponi fi żmien ħamest ijiem minn din in-notifika. Meta jiskadi dan it-terminu mingħajr ma tkun saret oppożizzjoni, is-sentenza tkun meqjusa li ngħatat skont il-prinċipju tal-kuntradittorju.

Madankollu, jekk din in-notifika ma tkun saret lil ħadd jew jekk mill-atti tal-eżekuzzjoni tas-sentenza ma jirriżultax li l-persuna ħatja kienet taf biha, l-oppożizzjoni tkun ammissibbli sa meta jiskadu t-termini ta’ preskrizzjoni tal-piena.”

12

L-Artikolu 121 tal-imsemmi kodiċi, kif emendat fil-mument meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi, b’referenza għall-Artikolu 639 tal-Code de procédure pénale français (Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Franċiż), li fil-każ li l-persuna misjuba ħatja in absentia terġa’ tidher qabel ma l-piena tkun ġiet preskritta, il-piena ma tiġix infurzata iżda jinbdew proċeduri oħra, din id-darba fil-preżenza tal-akkużat.

13

Skont l-Artikolu 763 tal-Code de procédure pénale français, it-terminu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ piena, li jirreferu għalih l-Artikoli 120(9) u 121 tal-imsemmi Code de justice militaire, huwa ta’ 20 sena.

14

L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 68-697, tal-31 ta’ Lulju 1968, dwar l-amnestija (JORF tat-2 ta’ Awwissu 1968, p. 7521), li jaqa’ taħt it-Titolu I ta’ din il-liġi, intitolat “Amnestija ġenerali għar-reati kollha mwettqa b’rabta mal-avvenimenti fl-Alġerija”, jipprovdi li:

“Ir-reati kollha mwettqa b’rabta mal-avvenimenti fl-Alġerija jgawdu minn amnestija.

Huma kkunsidrati bħala mwettqa b’rabta mal-avvenimenti tal-Alġerija dawk ir-reati kollha mwettqa minn militari li kienu jservu fl-Alġerija matul il-perijodu kopert mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu.”

15

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija liġi jippreċiża li l-effetti tal-amnestija li hija tipprevedi huma dawk li huma definiti mill-Artikoli 9 sa 16 tal-Liġi Nru 66-396, tas-17 ta’ Ġunju 1966, dwar amnestija tar-reati kontra s-sigurtà tal-Istat jew imwettqa b’rabta mal-avvenimenti tal-Alġerija (JORF tat-18 ta’ Ġunju 1966, p. 4915).

16

L-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 66-396 jipprovdi li:

“L-amnestija tinvolvi, mingħajr ma qatt tista’ tagħti lok għal kumpens, il-maħfra tal-pieni kollha prinċipali, aċċessorji u komplementari, b’mod partikolari, tal-piena li biha l-persuna kkonċernata tkun obbligata tirrisjedi jew tkun internata barra mit-territorju kontinentali ta’ Franza (rélégation), kif ukoll ta’ kull inkapaċità jew dekadenza sussegwenti. Hija tagħti mill-ġdid lill-awtur tar-reat il-benefiċċju tas-sospensjoni tas-sentenza li seta’ ngħatalu f’kundanna preċedenti.”

17

L-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi jippreċiża dan li ġej:

“Kull persuna li jkollha konjizzjoni ta’ tali każ fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha hija pprojbita milli tfakkar taħt kwalunkwe forma jew milli tħalli fi kwalunkwe dokument, il-kundanni kriminali […] mħassra bl-amnestija. Madankollu, din il-projbizzjoni ma tapplikax għal verbali tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet.”

Il-fatti li taw lok għall-proċeduri kriminali u d-domanda preliminari

18

Fis-26 ta’ Jannar 1961, K. Bourquain, li kien daħal fil-Leġjun Barrani Franċiż, ġie kkundannat għall-piena tal-mewt in absentia mit-Tribunal permanent des forces armées de la zone est constantinoise (Tribunal Permanenti tal-Forzi Armati taż-żona tal-lvant ta’ Constantinoise), f’Bône (l-Alġerija), talli nstab ħati ta’ diżerzjoni u ta’ omiċidju volontarju.

19

Dan it-Tribunal, filwaqt li applika l-Code de justice militaire pour l’armée de terre français, sab li fl-4 ta’ Mejju 1960, K. Bourquain, filwaqt li kien qed jipprova jiddeżerta fil-fruntiera bejn l-Alġerija u t-Tuneżija, qatel, b’tir ta’ arma tan-nar, suldat ieħor tal-Leġjun li wkoll kien Ġermaniż u li kien ipprova jwaqqfu milli jiddeżerta.

20

Peress li kien refuġjat fir-Repubblika Demokratika Ġermaniża, K. Bourquain ma kienx jaf bin-notifika tas-sentenza mogħtija in absentia u l-piena imposta minn din is-sentenza, meqjusa bħala mogħtija skont il-prinċipju tal-kuntradittorju, ma setgħetx tiġi infurzata.

21

Sussegwentement, ma tressqu ebda proċeduri kriminali kontra K. Bourquain, la fl-Alġerija u lanqas fi Franza. Barra minn hekk, fi Franza, ir-reati kollha mwettqa b’rabta mal-gwerra tal-Alġerija ġew mogħtija amnestija mil-liġijiet imsemmija iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, infetħet investigazzjoni kontrih għall-istess fatti u fl-1962 intbagħat mandat ta’ arrest lill-awtoritajiet tal-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża, li ċaħduh.

22

Fl-aħħar tas-sena 2001, ġie magħruf li K. Bourquain kien joqgħod fir-reġjun ta’ Regensburg (il-Ġermanja). Fil-11 ta’ Diċembru 2002, l-iStaatsanwaltschaft Regensburg (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Regensburg), akkużah b’omiċidju, għall-istess fatti, quddiem il-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 211 tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2003, il-qorti tar-rinviju talbet xi informazzjoni mingħand il-Ministeru tal-Ġustizzja Franċiż, skont l-Artikolu 57(1) tal-KFS, sabiex tkun taf jekk, fis-26 ta’ Jannar 1961, is-sentenza tat-Tribunal permanent des forces armées de la zone est constantinoise kinitx tipprekludi l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali għall-istess fatti fil-Ġermanja, minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS.

24

Il-Prosekutur tat-Tribunal aux armées de Paris (Tribunal Militari ta’ Pariġi) irrisponda għal din it-talba għal informazzjoni billi sostna, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Is-sentenza mogħtija in absentia fis-26 ta’ Jannar 1961 kontra [K. Bourquain] saret res iudicata. Fl-1981, id-deċiżjoni ta’ kundanna għall-piena kapitali saret irrevokabbli. Peress li taħt id-dritt Franċiż il-preskrizzjoni tal-piena fil-qasam kriminali hija ta’ 20 sena, is-sentenza ma tistax tiġi infurzata fi Franza.”

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju talbet parir mingħand il-Max-Planck-Institut für ausländisches und internationales Strafrecht (Istitut tad-Dritt Kriminali Internazzjonali u Barrani) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Fil-parir tiegħu tad-9 ta’ Mejju 2006, dan l-Istitut wasal għall-konklużjoni li, anki jekk l-infurzar immedjat tal-kundanna in absentia kien eskluż minħabba raġunijiet proċedurali tad-dritt Franċiż, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS kienu sodisfatti fil-kawża prinċipali u għalhekk il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali ġodda kontra K. Bourquain kien ipprojbit. Meta dan l-istess Istitut irrisponda, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Frar 2007, għal talba għal osservazzjonijiet addizzjonali huwa żamm l-istess pożizzjoni.

26

Il-Landgericht de Regensburg (Qorti Reġjonali ta’ Regensburg), filwaqt li qieset li l-Artikolu 54 tal-KFS jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-ewwel kundanna fi Stat Kontraenti kellha tkun infurzabbli fi kwalunkwe mument fil-passat sabiex tkun tista’ tipprekludi proċeduri ġodda fit-tieni Stat Kontraenti, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti, tista’ tkun suġġetta għal proċeduri kriminali għall-istess fatti f’Parti Kontraenti oħra, meta l-piena imposta fil-konfront ta’ din il-persuna qatt ma setgħet tiġi infurzata skont il-liġi tal-Istat fejn tkun ingħatat is-sentenza?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, f’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-KFS bis-saħħa tal-Artikolu 35 UE.

28

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 54 tal-KFS japplika ratione temporis għal proċeduri kriminali bħal dawk fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-KFS ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ fi Franza meta ngħatat l-ewwel sentenza ta’ kundanna kontra K. Bourquain minn awtorità ġudizzjarja kompetenti f’dak l-Istat, hija kienet fis-seħħ fiż-żewġ Stati kkonċernati meta ġew evalwati l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem mill-qorti adita bit-tieni proċeduri kriminali li wasslu għal dan ir-rinviju preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, C-367/05 Ġabra p. I-6619, punt 22).

29

Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, għalkemm, kif jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 1999/436, moqri flimkien mal-Artikolu 138 tal-KFS, l-Artikolu 54 tal-KFS qatt ma kien fis-seħħ fl-Alġerija fejn ingħatat l-ewwel kundanna ta’ K. Bourquain, l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 54 ma tistax, f’ċirkustanzi partikolari bħal dawk li jikkaratterizzaw l-imsemmija kundanna, tiddependi mill-post fejn tkun ingħatat il-kundanna peress li l-element deċiżiv huwa li din tkun ingħatat minn awtorità ġudizzjarja kompetenti fi Stat li sar Parti Kontraenti tal-KFS.

30

Peress li, kif osservat ġustament il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 54 tal-KFS ma jipprovdix li l-persuna kkonċernata għandha neċessarjament tkun ikkundannata fit-territorju ta’ Partijiet Kontraenti, din id-dispożizzjoni, li l-għan tagħha huwa li tipproteġi persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali minn proċeduri ġodda għall-istess fatti, ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS ma jistgħu qatt ikunu applikabbli għal persuni li jkunu kkundannati f’Parti Kontraenti li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha barra mit-territorju kopert minn din il-konvenzjoni.

31

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li t-Tribunal permanent des forces armées de la zone constantinoise kien tribunal Franċiż li, meta fis-26 ta’ Jannar 1961 ikkundanna lil K. Bourquain, applika r-regoli inkwistjoni tad-dritt Franċiż.

32

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 58 tal-KFS jawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali l-iktar wiesgħa dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem. B’hekk, l-Istati Kontraenti jistgħu japplikaw dan il-prinċipju għal deċiżjonijiet ġudizzjarji oħra apparti dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 54 (ara, fir-rigward tal-proċedura għall-estinzjoni tal-proċeduri kriminali, is-sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345, punt 45).

Fuq id-domanda preliminari

33

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit mill-Artikolu 54 tal-KFS jistax japplika għal proċeduri kriminali mibdija fi Stat Kontraenti fir-rigward ta’ fatti li l-akkużat ikun diġà ġie definittivament ikkundannat għalihom fi Stat Kontraenti ieħor, filwaqt li, bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru li fih ikun ġie kkundannat, il-piena li tkun ingħatatlu qatt ma kienet setgħet tiġi infurzata.

34

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat, minn naħa, kif sostniet il-Kummissjoni fin-noti tal-osservazzjonijiet tagħha li, bħala prinċipju, sentenza ta’ kundanna mogħtija in absentia tista’ wkoll tkun koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS u b’hekk tikkostitwixxi ostakolu proċedurali għall-ftuħ ta’ proċeduri ġodda.

35

Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-kliem stess tal-Artikolu 54 tal-KFS jirriżulta li s-sentenzi mogħtija in absentia mhumiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, peress li l-kundizzjoni preliminari ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 54 hija biss dik li tkun ingħatat sentenza finali f’Parti Kontraenti.

36

It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS mhijiex subordinata għall-armonizzazzjoni jew għall-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali tal-Istati Kontraenti fil-qasam tas-sentenzi mogħtija in absentia jew in absentia (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-proċedura għall-estinzjoni tal-proċeduri kriminali, is-sentenza Gözütok u Brügge, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 54 tal-KFS, kemm jekk jiġi applikat għal sentenza mogħtija in absentia skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Kontraenti kif ukoll għal sentenza mogħtija b’mod regolari, jimplika neċessarjament li teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati Kontraenti fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed minn dawn l-Istati jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati Kontraenti l-oħra, anki meta l-implementazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu stess tkun twassal għal soluzzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gözütok u Brügge, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

38

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi vverifikat, kif għamlu diversi Stati Membri u l-Kummissjoni fin-noti tal-osservazzjonijiet tagħhom, jekk is-sentenza ta’ kundanna mogħtija in absentia mit-Tribunal permanent des forces armées de la zone est constantinoise hijiex “finali” fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, fid-dawl tal-fatt li kien impossibbli li l-piena tiġi infurzata immedjatament minħabba l-obbligu impost mid-dritt Franċiż li, fil-każ li l-persuna misjuba ħatja in absentia tidher, ikollhom jinżammu proċeduri ġodda, u din id-darba fil-preżenza tagħha.

39

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ċek u dak Ungeriż jiddubitaw kemm is-sentenza tal-imsemmi Tribunal permanent tikkostitwixxi ostakolu definittiv għall-proċeduri kriminali u dan preċiżament minħabba l-obbligu li jinbdew proċeduri ġodda fil-każ li l-akkużat li kien assenti jiġi arrestat.

40

Madankollu, il-fatt biss li taħt id-dritt Franċiż il-proċeduri in absentia kienu jinvolvu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri fil-każ li K. Bourquain kellu jinqabad matul il-perijodu ta’ preskrizzjoni tal-piena u qabel l-għoti ta’ amnestija, jiġifieri bejn is-26 ta’ Jannar 1961 u l-31 ta’ Lulju 1968, ma jeskludix, inkwantu tali, li s-sentenza ta’ kundanna mogħtija in absentia tiġi, fi kwalunkwe każ, ikkwalifikata bħala sentenza finali fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS.

41

Għaldaqstant, sabiex l-għan tal-Artikolu 54 tal-KFS, li huwa li jiġi evitat li persuna, minħabba li teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu, tiġi akkużata bl-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati Kontraenti jiġi mħares (ara s-sentenza Gözütok u Brügge, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38), huwa neċessarju li ġewwa l-Unjoni Ewropea tiġi rrispettata sentenza bħal dik mogħtija fis-26 ta’ Jannar 1961 mit-Tribunal permanent des forces armées de la zone est constantinoise li tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-fatti akkużata bihom il-persuna kkonċernata skont il-liġi tal-Istat Kontraenti li jkun beda l-ewwel proċeduri kriminali.

42

Fil-fatt, it-twettiq tal-imsemmi għan jiġi kompromess jekk l-aspetti partikolari tal-proċeduri nazzjonali, kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 120 u 121 tal-Code de justice militaire pour l’armée de terre français, ma jippermettux interpretazzjoni tal-kunċett ta’ sentenza li taqta’ l-każ b’mod finali fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS li tinkludi s-sentenzi mogħtija in absentia skont il-liġi nazzjonali.

43

Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, mingħajr ma jirreferi għall-fatt li fl-1968 K. Bourquain ingħata amnestija għar-reati li wettaq, il-prosekutur tat-Tribunal aux armées de Paris josserva li s-sentenza li sabet lil dan tal-aħħar ħati saret irrevokabbli fl-1981, jiġifieri qabel ma nbdew it-tieni proċeduri kriminali fil-Ġermanja fl-2002.

44

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad ukoll li, għalkemm il-konsegwenza tal-Liġi Nru 68-697 dwar l-amnestija hija li, mid-dħul fis-seħħ tagħha, ma setgħet tiġi imposta ebda piena fuq K. Bourquain għar-reati tiegħu, l-effetti ta’ din l-istess liġi, kif deskritti b’mod partikolari fl-Artikolu 9 u 15 tal-Liġi Nru 66-396, ma jistgħux jiġu mifhuma fis-sens li l-ewwel sentenza ma teżistix iktar skont l-Artikolu 54 tal-KFS.

45

Peress li s-sentenza mogħtija fl-assenza tal-parti kkonċernata għandha, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, tiġi kkunsidrata bħala finali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni ta’ infurzar stabbilita f’dan l-artikolu, jiġifieri l-fatt li l-piena ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed, hijiex sodisfatta meta, fl-ebda mument fil-passat, anki qabel l-amnestija jew il-preskrizzjoni, il-piena imposta fl-ewwel kundanna ma setgħet tiġi infurzata direttament.

46

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż sostna li l-espressjoni li tinsab fl-Artikolu 54 tal-KFS, li tikkonċerna l-fatt li l-piena “ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed” skont il-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-piena mogħtija kellha tiġi infurzata tal-inqas fid-data meta ngħatat fid-dawl tar-regoli tal-Istat Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.

47

Madankollu, l-imsemmija kundizzjoni ta’ infurzar ma tistabbilixxix li, skont il-liġi ta’ dan l-Istat fejn tkun ingħatat is-sentenza, il-piena kellha tkun infurzabbli direttament iżda teżiġi biss li l-piena imposta minn deċiżjoni finali “ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed”. Il-kliem “ma […] iżjed” jirreferi għall-mument li fih jinbdew proċeduri kriminali ġodda, li fir-rigward tagħhom il-qorti kompetenti fit-tieni Stat Kontraenti għandha, għaldaqstant, tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KFS ikunux sodisfatti.

48

Minn dan isegwi li l-kundizzjoni ta’ infurzar stabbilita fl-imsemmi artikolu hija sodisfatta meta jkun ikkonstatat li, fil-mument li fih jinbdew it-tieni proċeduri kriminali kontra l-istess persuna għall-istess fatti bħal dawk li jkunu wasslu għal kundanna fl-ewwel Stat Kontraenti, il-piena imposta f’dan l-ewwel Stat ma tistax tiġi infurzata iżjed skont il-liġijiet ta’ dan l-Istat.

49

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan tal-Artikolu 54 tal-KFS, li huwa li jiġi evitat li persuna, minħabba li teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu, tiġi akkużata bl-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati Kontraenti.

50

F’sitwazzjoni bħal dik fil-proċeduri prinċipali, dan id-dritt għall-moviment liberu jista’ jiġi ggarantit b’mod effettiv biss jekk il-persuna tkun assigurata li meta tinstab ħatja u l-piena tagħha ma tkunx tista’ tiġi infurzata skont il-liġijiet tal-Istat Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza, hija tkun tista’ tiċċaqlaq ġewwa ż-żona Schengen mingħajr biża’ li jitressqu proċeduri kriminali kontriha fi Stat Kontraenti ieħor għar-raġuni li din il-piena, minħabba partikolaritajiet proċedurali fid-dritt nazzjonali tal-ewwel Stat Kontraenti, ma tkunx setgħet tiġi infurzata direttament.

51

Fil-kawża prinċipali, fejn huwa paċifiku li l-piena imposta ma setgħetx tiġi infurzata iżjed fl-2002 meta nbdew it-tieni proċeduri kriminali fil-Ġermanja, ikun kuntrarju għal applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 54 tal-KFS li tiġi eskluża l-applikazzjoni tiegħu sempliċement minħabba l-aspetti partikolari tal-proċedura kriminali Franċiża li tissuġġetta l-infurzar tal-piena għal kundanna ġdida mogħtija fil-preżenza tal-akkużat.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit mill-Artikolu 54 tal-KFS japplika għal proċeduri kriminali mibdija fi Stat Kontraenti fir-rigward ta’ fatti li l-akkużat ikun diġà ġie definittivament kkundannat għalihom fi Stat Kontraenti ieħor, filwaqt li, bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru li fih ikun ġie kkundannat u minħabba partikolaritajiet proċedurali bħal dawk fil-proċeduri prinċipali, il-piena li tkun ingħatatlu qatt ma kienet setgħet tiġi infurzata direttament.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit mill-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990, japplika għal proċeduri kriminali mibdija fi Stat Kontraenti fir-rigward ta’ fatti li l-akkużat ikun diġà ġie definittivament kkundannat għalihom fi Stat Kontraenti ieħor, filwaqt li, bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru li fih ikun ġie kkundannat u minħabba partikolaritajiet proċedurali bħal dawk fil-proċeduri prinċipali, il-piena li tkun ingħatatlu qatt ma kienet setgħet tiġi infurzata direttament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq