Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CJ0375

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-20 ta' Novembru 2008.
    Staatssecretaris van Financiën vs Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading BV.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
    Talba għal deċiżjoni preliminari - Validità ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni - Interpretazzjoni tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1196/97 - Artikoli 220 u 239 tal-Kodiċi Doganali - Artikoli 871 u 905 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Folji nexfin magħmulin minn dqiq tar-ross, melħ u ilma - Klassifikazjoni tariffarja - Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni - Proċedura ta’ remissjoni - Żball tal-awtoritajiet doganali li seta’ jiġi individwat - Traskuraġni manifesta tal-importatur.
    Kawża C-375/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08691

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:645

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    20 ta’ Novembru 2008 ( *1 )

    “Talba għal deċiżjoni preliminari — Validità ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni — Interpretazzjoni tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1196/97 — Artikoli 220 u 239 tal-Kodiċi Doganali — Artikoli 871 u 905 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Folji mnixxfin magħmulin minn dqiq tar-ross, melħ u ilma — Klassifikazzjoni tariffarja — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Proċedura ta’ remissjoni — Żball tal-awtoritajiet doganali li seta’ jiġi individwat — Traskuraġni manifesta tal-importatur”

    Fil-Kawża C-375/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċedura

    Staatssecretaris van Financiën,

    vs

    Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading BV,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Mejju 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading BV, minn H. de Bie, advocaat,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, C. ten Dam u M. Mol, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis kif ukoll minn Z. Chatzipavlou u I. Pouli, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia, assistita minn F. Tuytschaever, advocaat,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-intestatura tariffarja applikabbli għall-importazzjoni tal-karta tar-ross u l-invalidità eventwali tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1196/97, tas-27 ta’ Ġunju 1997, li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-nomenklatura magħquda (ĠU L 170, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ klassifikazzjoni”), u, min-naħa l-oħra, il-prerogattivi tal-qorti nazzjonali, li tkun ġiet adita b’rikors kontra deċiżjoni dwar l-irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni, meta l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tkun diġà għamlet ċerti evalwazzjonijiet fattwali jew legali fuq l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni inkwistjoni.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Financiën u Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading BV (iktar ’il quddiem “H & S”) fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-folji tar-ross, li jissejħu wkoll “karta tar-ross”.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt Komunitarju

    Il-leġiżlazzjoni relattiva għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-karta tar-ross

    3

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), stabbilixxa nomenklatura kompleta tal-merkanzija li tiġi importata jew esportata fil-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem in-“NM”), u din in-nomenklatura tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    4

    Is-Subintestaturi 19019099 u 19059020 tan-NM, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1624/97, tat-13 ta’ Awwissu 1997, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 224, p. 16), setgħu jiġu applikati f’dan il-każ.

    5

    L-Intestaturi 1901 u 1905 tan-NM kif ukoll is-subintestaturi korrispondenti, fil-verżjoni tagħhom fil-lingwa Maltija, jistipulaw kif ġej:

    “1901

    Estratt tax-xgħir; preparazzjonijiet ta’ l-ikel tad-dqiq, groats (xgħir u barli mitħun oħxon), pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir, ma fihomx kawkaw […], li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra; preparazzjonijiet ta’ l-ikel ta’ oġġetti ta’ titli 0401 sa 0404, ma fihomx kawkaw […], li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:

    […]

     

    1901 90 99

    — — —

    oħrajn:

    […]

     

    1905

    Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u oġġetti oħrajn tal-furnara, fihom il-kawkaw jew le; ostji tat-tqarbin, cachets vojta ta’ kwalita’ li huma tajbin għal użu farmaċewtiku, karti tas-siġill (sealing wafers), karta ostja u prodotti simili:

    […]

     

    1905 90

    oħrajn:

    […]

     

    1905 90 20

    — —

    Ostji tat-tqarbin, cachets vojta ta’ kwalità li huma tajbin għal użu farmaċewtiku, karti tas-siġill (sealing wafers), karta ostja u prodotti simili.”

    6

    Il-verżjoni Olandiża tan-NM tiddeskrivi l-Intestatura 1905 u s-subintestaturi korrispondenti b’dan il-mod:

    “1905

    Brood, gebak, biscuits en andere bakkerswaren, ook indien deze producten cacao bevatten; ouwel in bladen, hosties, ouwels voor geneesmiddelen, plakouwels en dergelijke producten van meel of van zetmeel:

    […]

     

    1905 90

    andere:

    […]

     

    1905 90 20

    — —

    ouwel in bladen, hosties, ouwels voor geneesmiddelen, plakouwels en dergelijke producten, van meel of van zetmeel.”

    7

    Sabiex tassigura l-applikazzjoni uniformi tan-NM fil-Komunità, il-Kummissjoni tista’ tadotta, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, regolamenti intiżi biex jikklassifikaw merkanzija partikolari fin-NM.

    8

    Skont l-Anness tar-Regolament ta’ klassifikazjoni, jaqgħu taħt is-Subintestatura 19059020 tan-NM “[p]reparazzjoni[jiet] ta’ l-ikel, f’forma ta’ folji mnixxfin li jgħaddi d-dawl minnhom, ta’ qisien differenti, magħmulin minn dqiq tar-ross, melħ u ilma”. F’dan l-Anness, huwa speċifikat ukoll li “[d]awn il-folji, wara li jixxarbu fl-ilma […], huma ġeneralment użati biex jagħmlu r-wrappers għall-ispring-rolls jew prodotti simili”.

    9

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal- (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni fuq is-SA”) ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas- (ĠU L 198, p. 1).

    10

    Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni fuq is-SA, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika ta’ din is-sistema. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tiġix modifikata l-portata tagħhom.

    11

    Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani, imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali li ħolqot l-imsemmi kunsill, iffirmata fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, japprova, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni fuq is-SA, in-noti ta’ spjega u l-pariri ta’ klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA.

    12

    In-nota ta’ spjega tal-Kummissjoni relattiva għas-Subintestatura 19059020 tan-NM tirreferi għan-“[n]oti ta’ Spjega SA […] titlu 1905, paragrafu (B)”.

    13

    In-nota ta’ spjega tas-SA relattiva għall-Intestatura 1905 tgħid kif ġej:

    “[…]

    A)

    Ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u oġġetti oħrajn tal-furnara, fihom il-kawkaw jew le.

    […]

    B)

    [O]stji tat-tqarbin, cachets vojta ta’ kwalita’ li huma tajbin għal użu farmaċewtiku, karti tas-siġill (sealing wafers), għaġina f’folji mnixxfin magħmula mid-dqiq jew lamtu, u prodotti simili.

    Din l-intestatura tkopri ċerti prodotti abbażi ta’ għaġina magħmula mid-dqiq jew lamtu, il-biċċa l-kbira minhom imsajrin, ippreżentati ġeneralment f’forma tonda jew f’folji u li għandhom ħafna użi differenti.

    […]

    Jaqgħu ukoll taħt din l-intestatura l-folji rqaq ta’ għaġina magħmula mid-dqiq jew lamtu msajrin u mnixxfin, u użati biex jiksu ċerti prodotti tal-furnara jew tal-ħelu u b’mod partikolari l-qubbajt. […]”

    Il-leġiżlazzjoni relattiva għall-fatt li ma jsirx dħul sussegwenti fil-kontijiet u dwar ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni

    — Fuq il-fatt li ma jsirx dħul sussegwenti fil-kontijiet tad-dazji doganali

    14

    L-Artikolu 220(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad- (ĠU 1997, L 17, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jiddisponi:

    “2.   […] daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

    […]

    b)

    l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta’ l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali;

    […]”

    15

    L-Artikolu 869 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1677/98, tad- (ĠU L 212, p. 18, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), jipprovdi:

    “L-awtoritajiet doganali għandhom huma stess jiddeċiedu li ma jagħtux kas a posteriori dazji li ma jkunux jinġabru:

    […]

    b)

    f’każijiet li jikkunsidraw li fihom l-kondizjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi [Doganali] jkunu sodisfatti, sakemm l-ammont mhux miġbur mill-operatur ikkonċernat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ operazzjoni waħda jew aktar ta’ l-importazzjoni jew ta’ l-esportazzjoni imma b’konsegwenza ta’ żball wieħed, ikun anqas minn [EUR] 50000;

    […].”

    16

    L-Artikolu 871 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jistipula kif ġej:

    “F’każijiet apparti minn dawk msemmija fl-Artikolu 869, meta l-awtoritajiet doganali jew jikkunsidraw li l-kondizjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi jkunu mwettqa jew ikollhom dubju dwar l-kamp ta’ l-applikazzjoni preċiża tal-kriterji ta’ dik id-dispożizzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ każ partikolari, dawk l-awtoritajiet għandhom jissottomettu l-każ lill-Kummissjoni, sabiex deċiżjoni tkun tista tittieħed bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 872 sa 876. Il-każ sottomess lill Kummissjoni għandu jkun fieħ l-informazzjoni kollha meħtieġa għal eżami sħieħ tal-każ. Għandu wkoll ikun fih stqarrija ffirmata mill-persuna kkonċernata mal-każ li għandu jitressaq quddiem il-Kummissjoni, jiċċertifika li hu kien qara l-każ u jistqarr, jew li hu m’għandu xejn li jżid, jew li jniżżel l-informazzjoni addizzjonali kollha li hu jikkonsidra li għandha tkun inkluża.

    Malli tirċievi l-każ il-Kummissjoni għandha tinforma b’dan lill-Istat Membru kkonċernat.

    Jekk jinstab li l-informazzjoni fornuta mill-Istat Membru ma tkunx biż-żejjed ħalli tkun tista tittieħed deċiżjoni dwart il-każ ikkonċernat fid-dawl tal-fatti kollha magħ rufa, il-Kummissjoni tista’ titlob li tingħatala informazzjoni addizjonali.”

    17

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 873 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jistipula:

    “Wara li jikkonsulta ma’ grupp ta’ esperti li jkun kompost minn-rapreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha, li jiltaqgħu fil-kwadru tal- [fi ħdan il-]Kumitat biex jikkunsidraw dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk iċ-ċirkostanzi li jkunu qiegħdin jiġu kkunsidrati jkunu jew ma jkunux tali li d-dazji f’dak il-każ ma jkunx hemm bżonn li jiddaħlu fil-kontijiet a posteriori.”

    — Fuq il-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji doganali

    18

    Skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali:

    “1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

    li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat,

    li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja [manifesta] ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

    2.   Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq […]”.

    19

    L-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jiddisponi:

    “1.   Meta l-awtorità doganali ta’ deċiżjoni li lilha l-applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni skond l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi tkun ġiet sottomessa, ma tkunx tista’ tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 899, imma l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tista’ tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza evidenti min-naħa ta’ l-interessat ma tkun attribwita lil dan, l-Istat Membru li lilu tkun tappartjeni din l-awtorità għandu jittrażmetti l-każ lill-Kummissjoni biex dan ikun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 906 sa 909.

    Madanakollu, ħlief jekk l-awtorità doganali li tieħu d-deċiżjonijiet hija f’dubju, tista’ tiddeċiedi hija nfisha li tagħti ħlas lura jew tirrinunzja mid- [għad]-dazji f’każijiet fejn hija tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi huma eżawriti, kemm-il darba l-ammont ikkonċernat għal kull operatur fejn għandha x’taqsam ħidma ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni waħda jew aktar, imma li jitqajmu mill-istess sitwazzjoni waħda u l-istess waħda speċjali, hu inqas minn [EUR] 50000.

    Il-frażi ‘il-persuna interessata’ għandha tinftiehem fis-sens ta’ l-Artikolu 899.

    Fil-każijiet l-oħra kollha, l-awtorità doganali ta’ deċiżjoni għandha tiċħad l-applikazzjoni.

    2.   Il-każ li jintbagħat lill-Kummissjoni għandu jinkludi l-fatti meħtieġa għall-ezami sħiħ tal-każ ippreżentat. Għandha wkoll tinkludi stqarrija, iffirmata mill-applikant għal pagament l-ura jew remissjoni, jiċċertifika li hu kien qara l-każ u jistqarr jew li hu ma jkollu xejn xi jżid jew iniżżel l-informazzjoni addizzjonali li hu jikkonsidra li għandha tkun inkluża.

    Malli tirċievi l-każ il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat kif xieraq.

    Jekk jinstab li l-informazzjoni fornuta mill-Istat Membru ma tkunx biżżejjed ħalli tkun tista tittieħed deċiżjoni dwar il-każ ikkonċernat fid-dawl tal-fatti kollha magħrufa, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.

    […]”

    20

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jiddisponi:

    “Wara li tikkonsulta grupp ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha, li jiltaqa’ fil-kwadru tal- [fi ħdan il-]Kumitat biex jikkunsidraw dak il-każ partikolari, il-Kumissjoni għandha tiddeċiedi jekk ikun hemm jew le sitwazzjoni speċjali li tiġġustifika r-rimbors jew ir-remissjoni.”

    Id-dritt nazzjonali

    21

    L-Artikolu 8:72(4) tal-liġi ġenerali fuq id-dritt amministrattiv (Algemene Wet Bestuursrecht) jiddisponi:

    “Jekk il-qorti tqis li t-talba hija fondata, hija tista’ tordna lill-awtorità amministrattiva tadotta deċiżjoni ġdida jew tadotta att ieħor li jkun konformi mad-deċiżjoni tagħha, jew tista’ tipprovdi biex id-deċiżjoni tagħha tissostitwixxi d-deċiżjoni annullata jew parti mid-deċiżjoni annullata”.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    22

    H & S hija impriża Olandiża li tipproduċi u tinnegozja u li tforni b’mod partikolari lir-restoranti b’prodotti tal-ikel Orjentali. Għal dan il-għan, hija ilha għal diversi snin timporta karta tar-ross mill-Vjetnam.

    23

    H & S kienet timporta dan il-prodott, diġà fl-1996, taħt is-Subintestatura 19019099 tan-NM. Din il-klassifikazzjoni tariffarja ġiet aċċettata diversi drabi mill-awtoritajiet doganali Olandiżi (ikar ’il quddiem l-“awtoritajiet doganali”), inkluż wara kontrolli u analiżi kampjuni tal-merkanzija importata.

    24

    Fis-27 ta’ Ġunju 1997, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni, li jipprovdi li l-prodotti inkwistjoni fil-fatt jaqgħu taħt is-Subintestatura 19059020 tan-NM. Dan ir-regolament ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej fit- u daħal fis-seħħ fid-.

    25

    Madankollu, H & S kompliet timporta l-karta tar-ross billi kklassifikatha fis-Subintestatura tariffarja 19019099. L-awtoritajiet doganali ukoll komplew jaċċettaw id-dikjarazzjonijiet tagħha, l-aħħar drabi fl-14 ta’ Lulju 1997 u fis-. Imbagħad, fis- stess, indunaw bil-klassifikazzjoni żbaljata u informaw lil din il-kumpannija li din il-merkanzija kienet taqa’ taħt l-intestatura preskritta mir-Regolament ta’ klassifikazzjoni, jiġifieri s-Subintestatura 19059020 tan-NM. Sussegwentement, H & S iddikjarat il-prodotti tagħha taħt l-intestatura msemmija l-aħħar.

    26

    Matul is-sena 2000, l-awtoritajiet doganali informaw lil H & S li, għall-perijodu bejn il-25 ta’ Novembru 1997 u t-, kienu ser jirkupraw a posteriori dazji li kien imisshom tħallsu abbażi tas-Subintestatura 19059020 tan-NM.

    27

    Għalhekk, H & S ippreżentat talba għar-remissjoni tal-imsemmija dazji. Il-Kummissjoni, li ġiet adita, fid-19 ta’ Settembru 2002, b’talba skont l-Artikolu 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, adottat, fis-, id-deċiżjoni REM 19/2002 li tikkonstata li r-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni mhijiex iġġustifikata f’każ partikolari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-”). Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata minn H & S fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat fit- quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej. Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods vs Il-Kummissjoni (Kawża T-382/04), li ċaħdet l-imsemmi rikors ġiet appellata minn H & S, kawża li ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru C-38/07 P.

    28

    L-awtoritajiet doganali nnotifikaw lil H & S, fit-22 ta’ Novembru 2000, b’avviż ta’ rkupru għal ammont ta’ 645399,50 NLG (jiġifieri EUR 292869,52). Fuq ilment ta’ H & S, l-Ispettur żamm fis-seħħ l-intimazzjonijiet għal ħlas bl-eċċezzjoni tal-ammont ta’ 13650,30 NLG, wara li ġiet annullata dikjarazzjoni doganali.

    29

    Fid-29 ta’ Marzu 2001, H & S ippreżentat rikors quddiem it-Tariefcommissie, li ġiet issostitwita, matul il-proċedimenti, mill-Gerechtshof te Amsterdam. Din tal-aħħar, fis-, iddikjarat ir-rikors fondat u annullat id-deċiżjoni tal-Ispettur u l-intimazzjonijiet għall-ħlas. Fil-fatt, din il-qorti kkonfermat li l-folji tar-ross kienu ċertament jaqgħu taħt is-Subintestatura 19059020 tan-NM. Madankollu, l-applikazzjoni żbaljata tas-Subintestatura 19019099 tan-NM kienet riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet doganali, żball li H & S ma setgħetx raġonevolment tinduna bih u li kien jippermetti, skont l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali, li ma jsirx l-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni evitati b’dan il-mod.

    30

    Għalhekk, l-iStaatssecretaris van Financiën ressaq appell fil-Kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju biex jikkontesta l-applikazzjoni magħmula mill-Gerechtshof te Amsterdam tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali, filwaqt li H & S ippreżentat appell inċidentali sabiex jiġi kkonstatat li l-prodotti tagħha kienu fil-fatt jaqgħu taħt is-Subintestatura 19019099 tan-NM.

    31

    Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li huwa paċifiku li l-prodotti importati huma kkostitwiti mid-dqiq tar-ross, ilma u melħ imħawdin u maħdumin f’għaġina li mbagħad tiġi ċċattjata u mnixxfa. Dawn il-prodotti mhumiex intiżi biex jittieklu mingħajr ma, qabel, jgħaddu minn trattament termiku.

    32

    Fir-rigward tal-appell inċidentali, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, skont in-noti ta’ spjega tas-SA, l-Intestatura 1905 tan-NM, hija inqas ikkaratterizzata mill-fatt li tkopri prodotti msajrin milli mill-fatt li tkopri prodotti f’forma rqiqa.

    33

    Madankollu, huwa possibbli li jiġi affermat ukoll, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-iktar ħaġa li tiddistingwi l-Intestatura 1901 mill-Intestatura 1905 tan-NM hi li l-ewwel waħda tkopri prodotti mhux imsajrin, filwaqt li t-tieni waħda tkopri l-prodotti msajrin.

    34

    Peress li r-Regolament ta’ klassifikazzjoni jqiegħed il-folji tar-ross taħt is-Subintestatura 1905 tan-NM mingħajr eċċezzjonijiet, il-Hoge Raad der Nederlanden tqis li hu neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tiegħu.

    35

    Fir-rigward tal-appell prinċipali, din il-qorti tikkonstata li s-sentenza mhux definittiva tal-Gerechtshof te Amsterdam ammettiet, fid-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2004, li t-tliet kriterji relattivi għall-kwistjoni jekk l-iżball tal-awtoritajiet doganali setax jiġi individwat u li huma neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali, kienu sodisfatti, minkejja li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet, fis-, li dawn l-istess kriterji ma kinux sodisfatti għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tad-diliġenza tal-operatur għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 239 tal-imsemmi kodiċi, ħaġa li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat fis-sentenza tagħha Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li ċaħdet ir-rikora ta’ H & S kontra d-deċiżjoni tas-.

    36

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni hija liema deċiżjoni għandha ssegwi awtorità doganali nazzjonali meta l-Kummissjoni u l-qorti nazzjonali jadottaw żewġ pożizzjonijiet opposti għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tat-tliet kriterji msemmijin. Aktar preċiżament, għandha tiġi ddefinita l-kompetenza tal-qorti nazzjonali fil-konfront ta’ dik tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

    37

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk l-awtoritajiet doganali jqisu li l-kundizzjonijiet previsti mill-Kodiċi Doganali jistgħu jiġu sodisfatti, huma jirreferu l-każ lill-Kummissjoni, u din tiddeċiedi jekk ikunx neċessarju jew le li jsir irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni (l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali) jew jekk tkunx iġġustifikata remissjoni tagħhom (l-Artikolu 239 tal-istess kodiċi). F’dan il-każ, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju tkun assigurata.

    38

    Madankollu, ikun mod ieħor jekk l-awtoritajiet doganali jiddeċiedu li l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali mhumiex sodisfatti. F’dan il-każ, huma ma jirreferux il-każ lill-Kummissjoni u jekk il-persuna kkonċernata tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet, tkun il-qorti nazzjonali li jkollha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet biex ma jsirx irkupru a posteriori humiex sodisfatti jew le. L-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju tista’ imbagħad tiġi ggarantita permezz tal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, meta d-deċiżoni mogħtija mill-qorti nazzjonali tkun tista’ tiġi appellata, dik il-qorti ma tkunx obbligata tissospendi l-proċedimenti biex tagħmel domanda preliminari.

    39

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Il-folji, kif inhuma deskritti fl-Anness tar-Regolament [ta’ klassifikazzjoni] jaqgħu taħt l-Intestatura 1905 tan-[NM], jekk minkejja li jkunu folji magħmula minn dqiq tar-ross, melħ u ilma, u li huma mnixxfin, ma jiġux sottoposti għal trattament termiku?

    2)

    Fid-dawl tat-tweġiba għad-domanda preċedenti, ir-regolament [ta’ klassifikazzjoni] huwa validu?

    3)

    L-Artikolu 871 tar-Regolament [ta’ implementazzjoni] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn, skont l-imsemmi Artikolu 871(1), l-awtorità doganali għandha l-obbligu li tirreferi każ lill-Kummissjoni qabel ma tiddeċiedi li tirrinunzja għal dħul sussegwenti fil-kontijiet fir-rigward ta’ tali każ, il-qorti nazzjonali, mitluba tiddeċiedi fuq rikors imressaq minn min għandu jħallas it-taxxa kontra d-deċiżjoni tal-awtorità doganali li jsir dħul sussegwenti fil-kontijiet, m’għandhiex is-setgħa li tannulla d-dħul sussegwenti fil-kontijiet fuq il-premessa li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 220(2)(b) [tal-Kodiċi Doganali] dwar ir-rinunzja (obbligatorja) għad-dħul sussegwenti fil-kontijiet, bil-kontra ta’ dak li temmen il-Kummissjoni?

    4)

    Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija fis-sens li l-fatt li l-Kummissjoni tingħata ċertu setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-irkupru a posteriori tad-dazji doganali ma jinvolvix limitazzjoni fuq il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali mitluba tagħti deċiżjoni fuq rikors dwar l-irkupru a posteriori tad-dazji doganali, id-dritt Komunitarju jinkludi dispożizzjoni oħra li tiggarantixxi applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju ladarba, f’każ partikolari, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-qorti nazzjonali ma jaqblux rigward il-kriterji li jiġu adottati fl-ambitu tal-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali sabiex jiġi ddeterminat jekk żball tal-awtorità doganali setax jiġi individwat minn min għandu jħallas it-taxxa?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

    40

    Peremzz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qed tipprova ssir taf, essenzjalment, jekk folji prodotti abbażi tad-dqiq tar-ross, melħ u ilma, li jitnixxfu, iżda li ma jkunu ġew sottoposti għal ebda trattament termiku, jaqgħux taħt is-Subintestatura 19059020 tan-NM u, eventwalment, jekk ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni huwiex validu.

    — Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    41

    H & S tikkunsidra li l-Intestatura 1905 tan-NM ma tkoprix il-prodotti msajrin u li jistgħu jittieklu direttament, kif tat x’tifhem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 12 tas-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Uelzena Milchwerke (C-12/94, Ġabra p. I-2397). Konsegwentement, ir-Regolament ta’ klassifikazzjoni għandu jiġi ddikjarat invalidu.

    42

    Il-Gvern Olandiż, dak Elleniku u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma li l-Intestatura 1905 tan-NM ma tikkonċernax speċifikament il-prodotti msajrin jew tajbin biex jittieklu immedjatament u li l-klassifikazzjoni tal-folji tar-ross fis-Subintestatura 19059020 tan-NM ma tmurx kontra n-Nomenklatura Magħquda. Huma għalhekk iqisu li r-Regolament ta’ klassifikazzjoni huwa validu.

    — Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    43

    Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinsab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tariffarja u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C-142/06, Ġabra p. I-6675, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    F’dan ir-rigward, in-noti li jippreċedu l-kapitoli tat-tariffa doganali komuni, bħan-noti ta’ spjega tas-SA, jikkostitiwixxu fil-fatt mezzi importanti sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u jagħtu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza Olicom, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Huwa veru, kif issostni r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-verżjoni Olandiża tal-kliem użat fl-Intestatura 1905 tan-NM, għall-kuntrarju ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħra, ma tirreferix b’mod espress għal għaġina f’folji magħmula mid-dqiq jew lamtu, u prodotti oħrajn simili, li għandhom ikunu “mnixxfin”. Fil-fatt, din il-verżjoni lingwistika tirreferi biss għal prodotti fil-forma ta’ folji.

    46

    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tar-regolamenti Komunitarji teskludi li, f’każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jiġi kkunsidrat waħdu u teżiġi, għall-kuntrarju, li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl u Söhlke, C-48/98, Ġabra p. I-7877, punt 46).

    47

    Fir-rigward tal-Intestatura 1901 tan-NM li tinvoka H & S, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jindika espressament il-kliem użat fiha, hija tirrigwarda l-preparazzjonijiet tal-ikel tad-dqiq, groats (xgħir u barli mitħun oħxon), pasta, lamtu jew estratt tax-xgħir li mhumiex imsemmijin jew inklużi xi mkien ieħor fin-NM. Din l-intestatura għalhekk għandha natura residwali u ma tistax tkopri prodotti li d-deskrizzjoni tagħhom tikkorrispondi għal intestaturi oħrajn tal-kapitlu kkonċernat tan-NM. Barra minn hekk, is-Subintestatura 19019099 tan-NM, li ġiet iddikjarata taħtha l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkorrispondi għal prodotti “oħrajn”, jiġifieri dawk li ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt subintestatura oħra tal-imsemmija Intestatura residwali 1901.

    48

    Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-referenza għall-karta tar-ross (“rice paper”) jew għal prodotti “mnixxfin” tinsab espressament fil-kliem ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi tas-Subintestatura 19059020 tan-NM.

    49

    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni H & S fin-nota ta’ osservazzjonijiet li ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, ebda verżjoni lingwistika ma tirreferi għar-rekwiżit li l-prodotti li jaqgħu taħt din is-subintestatura jkunu neċessarjament imsajrin. Fil-fatt, l-unika referenza għall-istat tal-prodotti koperti mill-Intestatura 1905 tan-NM u, aktar preċiżament, mis-Subintestatura 19059020 tagħha, tikkonċerna l-fatt li huma jkunu f’forma “mnixxfa”.

    50

    In-nota ta’ spjega tal-Kummissjoni dwar din is-subintestatura tal-aħħar tirreferi għan-“[n]oti ta’ Spjega SA […] titlu 1905, paragrafu (B)”. Hekk kif enfasizza l-Gvern Olandiż, dawn in-noti jirreferu għal ċertu numru ta’ prodotti abbażi ta’ għaġina magħmula mid-dqiq jew lamtu, il-biċċa l-kbira minhom imsajrin, ippreżentati ġeneralment f’forma tonda jew f’folji u li għandhom ħafna użi differenti. B’hekk, skont in-noti ta’ spjega tal-Kummissjoni u tas-SA, il-fatt li tkun imsajra mhuwiex karatteristika neċessarja għall-klassifikazzjoni ta’ merkanzija fis-Subintestatura 19059020 tan-NM.

    51

    Fl-aħħar nett, mill-punt 12 tas-sentenza Uelzena Milchwerke, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tillimita l-applikazzjoni tal-Intestatura 1905 tan-NM biss għall-prodotti “msajrin”. Fil-fatt, huwa veru li fil-punt 12 il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klassifikazzjoni fl-Intestatura 1905 tal-“[ħ]obż, għaġina, kejkijiet, gallettini u oġġetti oħrajn tal-furnara […]”, kif ukoll fis-Subintestatura 190530 tal-“gallettini ħelwin; waffles u wejfers”, tippresupponi li l-merkanzija kkonċernata tiġi msajra almenu darba. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni kienet tikkonċerna biss l-ewwel waħda mill-kategoriji ta’ prodotti li jinsabu fl-Intestatura 1905, jiġifieri dik tal-“[h]obż, għaġina, kejkijiet, gallettini u oġġetti oħrajn tal-furnara, fihom il-kawkaw jew le”, li hija spjegata fil-paragrafu (A) tan-nota ta’ spjega tas-SA relattiva għall-Intestatura 1905.

    52

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni fis-Subintestatura 19059020 tan-NM tal-preparazzjonijiet tal-ikel, f’forma ta’ folji mnixxfin li jgħaddi d-dawl minnhom, ta’ qisien differenti, magħmulin minn dqiq tar-ross, melħ u ilma hija konformi mal-kliem użat f’din is-subintestatura.

    53

    Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li:

    il-folji magħmula minn dqiq tar-ross, melħ u ilma, li huma mnixxfin, iżda li ma jiġux sottoposti għal trattament termiku, jaqgħu taħt is-Subintestatura 19059020 tan-NM;

    l-eżami tad-domanda magħmula ma rrileva ebda element li huwa kapaċi jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ klassifikazzjoni.

    Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

    54

    Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħhom, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf, essenzjalment, jekk, meta l-Kummissjoni tkun diġà ddeċidiet, f’każ partikolari, fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali, il-qorti nazzjonali, li tkun ġiet adita b’kontestazzjoni tal-avviż ta’ rkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni relattivi għal dan il-każ, hijiex marbuta b’din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni meta tkun qed tikkunsidra dan l-istess każ fid-dawl tal-Artikolu 220 tal-imsemmi Kodiċi.

    Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    55

    H & S hija tal-opinjoni li l-qorti nazzjonali, meta tkun qed tiddeċiedi fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali għal każ partikolari, ma tistax tkun marbuta b’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi fuq dan il-każ fid-dawl tal-Artikolu 239 tal-istess Kodiċi, peress li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiggarantixxi l-uniformità fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

    56

    Il-Gvern Olandiż, dak Elleniku u dak Taljan u l-Kummissjoni jikkunsidraw li deċiżjoni tal-Kummissjoni bħal din hija vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali u li, jekk tixtieq ma timxix magħha, hija għandha jew tissospendi l-proċedimenti sakemm tingħata sentenza definittiva tal-qrati Komunitarji li jkunu ġew aditi b’rikors għal annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni, jew tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biex din tiddeċiedi dwar il-validità.

    Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    57

    B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li l-proċeduri previsti mill-Artikoli 220 u 239 tal-Kodiċi Doganali għandhom l-istess għan, jiġifieri li l-ħlas a posterori tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jiġi limitat għall-każijiet fejn dan il-ħlas ikun ġustifikat u fejn ikun kompatibbli ma’ prinċipju fundamentali bħall-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 1993, Hewlett Packard France, C-250/91, Ġabra p. I-1819, punt 46, kif ukoll Söhl & Söhlke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

    58

    Min dan jirriżulta li l-kundizzjonijet li għalihom hija suġġetta l-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli, jiġifieri b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda t-tieni inċiż tal-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali, dik relattiva għan-nuqqas ta’ traskuraġni ovvja min-naħa tal-persuna kkkonċernata u, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 220 tal-istess Kodiċi, dik relattiva għan-nuqqas ta’ żball tal-awtoritajiet doganali li setgħet raġonevolemnt tinduna bih il-persuna suġġetta għad-dazji, għandhom jiġu interpretati bl-istess mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Söhl & Söhlke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

    59

    Għaldaqstant, hekk kif iddeċidiet preċedentement il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi deċiż jekk operatur uriex “traskuraġni [manifesta]”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali, għanhom jiġu applikati, b’analoġija, il-kriterji użati fil-kuntest tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali biex jiġi vverifikat jekk operatur ekonomiku setax jinduna bi żball magħmul mill-awtorità doganali (ara s-sentenzi Söhl & Söhlke, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 u 56, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2003, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-156/00, Ġabra p. I-2527, punt 92).

    60

    Fil-kuntest tal-proċeduri previsti mill-Artikoli 871 u 905 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, meta l-awtoritajiet doganali jqisu li l-kundizzjonijiet previsti rispettivament mill-Artikolu 220(2)(b) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali jkunu sodisfatti, dawn l-awtoritajiet jew l-Istat Membru tagħhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjonijiet previsti mill-Artikoli 869 u 899 tal-imsemmi regolament, jibagħtu l-każ lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi jekk l-imsemmija kundizzjonijiet humiex effettivament sodisfatti.

    61

    F’dan ir-rigward, jidher li, bl-eċċezzjoni tal-każijiet speċifiċi previsti mil-leġiżlazzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju ried jafdu f’idejn il-Kummissjoni biex tevalwa s-sitwazzjonijiet fejn għandha ssir rinunzja għal dħul fil-baġit li normalment kien ikun dovut, billi d-dazji doganali imposti fuq l-importazzjoni ta’ prodotti fit-territorju Komunitarju jikkostitwixxu riżors proprju tal-baġit tal-Komunitajiet Ewropej. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 875 u 908(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li jistipulaw li din tista’ tawtorizza lil Stat Membru wieħed jew aktar, taħt il-kundizzjonijiet li tistabbilixxi hi, li ma jdaħħlux dazji sussegwentement fil-kontijiet, li jħallsuhom lura jew li ssir ir-remissjoni tagħhom fil-każijiet fejn ikun hemm elementi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu paragunabbli ma’ dawk li diġà jkunu ġew eżaminati minnha f’deċiżjonijiet preċedenti.

    62

    Hekk kif diġà ppreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti ta’ setgħa deċiżjonali lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ rkupru a posteriori ta’ dazji doganali għandu bħala għan li jiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju. Hemm riskju li din l-applikazzjoni uniformi tiġi ppreġudikata fil-każijiet fejn tintlaqa’ talba għal rinunzja għall-irkupru a posteriori, għax l-evalwazzjoni li jista’ jibbaża ruħu fuqha Stat Membru biex jieħu deċiżjoni favorevoli tirriskja, fil-prattika, minħabba li probabbilment ma jkun hemm ebda azzjoni kontenzjuża, li taħrab minn stħarriġ li jippermetti li jassigura applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Min-naħa l-oħra, dan mhuwiex il-każ meta l-awtoritajiet nazzjonali jipproċedu għall-irkupru, ikun xi jkun l-ammont inkwistjoni, peress li, f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata dejjem tista’ tikkontesta tali deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C-419/04, Ġabra p. I-5645, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    F’każ bħal dan, hija għalhekk il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti u, konsegwentement, l-uniformità tad-dritt Komunitarju tkun tista’ tiġi assigurata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan il-każ, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1990, Deutsche Fernsprecher, C-46/89, Ġabra p. I-2535, punt 13, u Conseil général de la Vienne, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Madankollu, meta Stat Membru jippreżenta lill-Kummissjoni talba għal remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u meta din tkun diġà adottat deċiżjoni li tkun tinkludi evalwazzjonijiet legali jew fattwali f’każ partikolari ta’ operazzjonijiet ta’ importazzjoni, dawn l-evalwazzjonijiet jivvinkolaw lill-awtoritajiet kollha tal-Istat Membru destinatajru ta’ din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 249 KE, inklużi l-qrati tiegħu li jkunu ntalbu jevalwaw dan l-istess każ fid-dawl tal-Artikolu 220 tal-istess Kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, Sportgoods, C-413/96, Ġabra p. I-5285, punt 41).

    65

    Għaldaqstant, ir-rekwiżiti marbutin mal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju jeżiġu li, għall-istess operazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ operatur, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li kien hemm “traskuraġni [manifesta]” ta’ dan l-operatur ma tisfax fix-xejn minħabba deċiżjoni ulterjuri ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fuq in-“natura individwabbli”, minn dan l-istess operatur, tal-iżball tal-awtoritajiet doganali nazzjonali.

    66

    B’hekk, meta qorti nazzjonali, bħall-Gerechtshof te Amsterdam f’dan il-każ, li tkun qed teżamina rikors kontra l-avviż ta’ rkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni ssir taf, fil-kuntest tal-proċedimenti mressqa quddiemha, bil-fatt li l-Kummissjoni tkun ġiet adita b’każ skont l-Artikoli 220 u 239 tal-Kodiċi Doganali, hija għandha tevita li tieħu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni li l-Kummissjoni tkun biħsiebha tadotta biex tapplika dawn l-artikoli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C-234/89, Ġabra p. I-935, punt 47, kif ukoll tal-, Masterfoods u HB, C-344/98, Ġabra p. I-11369, punt 51). Dan jimplika li l-qorti tar-rinviju, li ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, tista’ tissospendi l-proċedimenti sakemm il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-, De Haan, C-61/98, Ġabra p. I-5003, punt 48 in fine).

    67

    Fi kwalunkwe każ, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fil-kuntest tal-kawżi relattivi għall-Artikoli 81 KE u 82 KE, meta qorti nazzjonali jkollha xi dubji dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni Komunitarja, hija tista’ jew għandha, b’mod konformi mat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 234 KE, tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Masterfoods u HB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

    68

    Jekk, bħal fil-kawża prinċipali, l-importatur kien ippreżenta, fit-terminu previst mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq it-talba għal remissjoni tad-dazji fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, kienet il-qorti nazzjonali li kellha tiddeċiedi jekk kellhiex jew tissospendi l-proċedimenti sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva fuq ir-rikors għal annullament, jew tagħmel hija stess talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiġi eżaminata l-validità (ara, b’analoġija, is-sentenza Masterfoods u HB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

    69

    Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tkun tat deċiżjoni fuq każ partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, hija ma tistax tkun marbuta b’deċiżjoni mogħtija preċedentement minn qorti nazzjonali u li permezz tagħha din tal-aħħar tkun iddeċidiet fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għal dan l-istess każ, tal-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza Masterfoods u HB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

    70

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u r-raba’ domandi hi li:

    meta Stat Membru jippreżenta lill-Kummissjoni talba għal remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali u meta din tkun diġà adottat deċiżjoni li tkun tinkludi evalwazzjonijiet legali jew fattwali f’każ partikolari ta’ operazzjonijiet ta’ importazzjoni, dawn l-evalwazzjonijiet jivvinkolaw lill-awtoritajiet kollha tal-Istat Membru destinatajru ta’ din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 249 KE, inklużi l-qrati tiegħu li jkunu ntalbu jevalwaw dan l-istess każ fid-dawl tal-Artikolu 220 tal-istess Kodiċi;

    jekk l-importatur ikun ippreżenta, fit-terminu previst mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq it-talba għal remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk għandhiex jew tissospendi l-proċedimenti sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva fuq dan ir-rikors għal annullament, jew tagħmel hija stess talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiġi eżaminata l-validità.

    Fuq l-ispejjeż

    71

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-folji magħmula minn dqiq tar-ross, melħ u ilma, li huma mnixxfin, iżda li ma jiġux sottoposti għal trattament termiku, jaqgħu taħt is-Subintestatura 19059020 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1624/97, tat-.

     

    2)

    L-eżami tad-domanda magħmula ma rrileva ebda element li huwa kapaċi jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1196/97, tas-27 ta’ Ġunju 1997, li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda.

     

    3)

    Meta Stat Membru jippreżenta lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talba għal remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-, u meta din tkun diġà adottat deċiżjoni li tkun tinkludi evalwazzjonijiet legali jew fattwali f’każ partikolari ta’ operazzjonijiet ta’ importazzjoni, dawn l-evalwazzjonijiet jivvinkolaw lill-awtoritajiet kollha tal-Istat Membru destinatajru ta’ din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 249 KE, inklużi l-qrati tiegħu li jkunu ntalbu jevalwaw dan l-istess każ fid-dawl tal-Artikolu 220 tal-imsemmi regolament.

    Jekk l-importatur ikun ippreżenta, fit-terminu previst mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fuq it-talba għal remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 239 tal-imsemmi regolament, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk għandhiex jew tissospendi l-proċedimenti sakemm tingħata d-deċiżjoni definittiva fuq dan ir-rikors għal annullament, jew tagħmel hija stess talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej biex tiġi eżaminata l-validità.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Fuq