Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62007CO0109

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-14 ta' Mejju 2008.
    Jonathan Pilato vs Jean-Claude Bourgault.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Prud’homie de pêche de Martigues - Franza.
    Kunċett ta’ qorti jew tribunal nazzjonali - Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C-109/07.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2008:274

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    14 ta’ Mejju 2008 ( *1 )

    Fil-Kawża C-109/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Prud’homie de pêche de Martigues (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Frar 2007, fil-proċedura

    Jonathan Pilato

    vs

    Jean-Claude Bourgault,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 11a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, tad-29 ta’ April 1997, li jippreskrivi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd (ĠU L 132, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1239/98, tat-8 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 171, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 894/97”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ sidien ta’ bastimenti tas-sajd irreġistrati fid-distrett marittimu ta’ Martigues, J. Pilato u J.-C. Bourgault, rispettivament, fir-rigward tal-użu minn dan tal-aħħar ta’ strument magħruf bħala “thonaille”.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    L-Artikolu 11a tar-Regolament Nru 894/97 jipprovdi li:

    “1.   Mill-1 ta’ Jannar 2002, l-ebda bastiment ma jista’ jżomm abbord, jew juża għas-sajd, parit jew pariti maħsuba għall-qbid ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness VIII.

    2.   Mill-1 ta’ Jannar 2002, huwa projbit li jinħattu speċi elenkati fl-Anness VIII li jkunu nqabdu bil-pariti.

    3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2001, bastiment jista’ jżomm abbord, jew juża għas-sajd, il-parit jew il-pariti msemmija fil-paragrafu 1 wara li jirċievi l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn ikun irreġistrat. Fl-1998, l-ogħla għadd ta’ bastimenti li jistgħu jiġu awtorizzati minn Stat Membru biex iżommu abbord, jew jużaw għas-sajd, il-parit jew il-pariti m’għandux jaqbeż is-60 % tal-bastimenti tas-sajd li kienu jużaw il-parit jew il-pariti matul il-perjodu mill-1995 sa l-1997.

    […]”

    4

    Fost l-ispeċi msemmija fl-Anness VIII ta’ dan ir-regolament hemm it-tonn tal-pinna blu.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    5

    Il-Prud’homie de pêche de Martigues (Tribunal Industrijali għall-Affarijiet tas-Sajd) huwa rregolat bid-Digriet tad-19 ta’ Novembru 1859 li jistabbilixxi r-regoli għas-sajd kostali tal-ħames distrett marittimu, kif emendat bid-Digriet Nru 90-95, tal-25 ta’ Jannar 1990 (JORF tas-27 ta’ Jannar 1990, p. 1155, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-1859”).

    6

    Skont l-Artikolu 5 tad-digriet tal-1859, il-kaptana tal-bastimenti tas-sajd li jkunu eżerċitaw din l-attività għal matul sena fid-distrett li jkunu talbu li jiġu rreġistrati fih, isiru membri tal-komunitajiet tas-sajd.

    7

    Skont l-Artikolu 7 ta’ dan id-digriet, il-membri tat-Tribunal Industrijali jintgħażlu minn fost il-membri tal-komunità li jkunu ħadmu bħala sajjieda għal matul għaxar snin.

    8

    L-Artikolu 17 tal-imsemmi digriet jipprovdi li:

    “Il-kompetenzi tas-sajjieda membri tat-Tribunal Industrijali huma ddeterminati bil-mod li ġej:

    1.

    Huma għandhom ġurisdizzjoni unika, esklużiva u mingħajr appell, reviżjoni jew kassazzjoni, fir-rigward tal-kawżi kollha bejn sajjieda, li jirriżultaw minn inċidenti tas-sajd, prattiki u dispożizzjonijiet relatati, fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom.

    Konsegwentement, u sabiex jiġu evitati kemm jista’ jkun il-ġlied, id-danni jew l-inċidenti, dawn huma inkarigati, taħt l-awtorità tal-Kummissarju tar-Reġistru Marittimu:

     

    Illi jirregolaw, bejn is-sajjieda, l-użu tal-baħar u ż-żoni marittimi ta’ dominju pubbliku;

     

    Illi jiddeterminaw il-postijiet, is-sistema ta’ rotazzjoni, il-mollijiet, stazzjonijiet u postijiet ta’ tluq attribwiti għal kull tip ta’ sajd;

     

    Illi jistabbilixxu l-ordni skont kif is-sajjieda għandhom ikalaw ix-xbieki tagħhom bi nhar u bil-lejl;

     

    Illi jistabbilixxu s-sigħat ta’ bi nhar u ta’ bil-lejl li fihom ċertu sajd ikollu jħalli l-wisa’ għal ieħor;

     

    Fl-aħħar, illi jieħdu l-miżuri kollha ta’ ordni u prekawzjoni li, minħabba l-varjetà u n-numru tagħhom, mhumiex previsti f’dan id-digriet.

    2.

    Huma jamministraw l-affarijiet tal-komunità.

    3.

    Huma jikkollaboraw, skont l-Artikolu 16 tal-Liġi tad-9 ta’ Jannar 1852, fir-riċerka u fil-konstatazzjoni ta’ ksur fil-qasam tas-sajd kostali.”

    9

    L-Artikolu 18 tad-digriet tal-1859 jipprovdi li, qabel ma jidħlu fil-funzjoni tagħhom, il-membri tat-Tribunal Industrijali għandhom jieħdu ġurament quddiem il-kummissarju tal-ġustizzja tal-post fejn ikunu residenti skont il-formulazzjoni li ġejja:

    “Jiena naħlef li naqdi dmirijieti ta’ membru tat-Tribunal Industrijali għall- Affarijiet tas-Sajd b’lealtà u li nara li r-regolamenti dwar is-sajd kostali jiġu osservati kif xieraq, li nimxi skont l-ordnijiet li jingħatawli mis-superjuri tiegħi u li nindika l-ksur tar-regolamenti mingħajr mibegħda jew riżerva lejn l-awturi tal-ksur.”

    10

    L-Artikolu 22 tad-digriet tal-1859, li jirrigwarda r-revoka tal-membri tat-Tribunal Industrijali huwa redatt bil-mod li ġej:

    “Il-membri sajjieda tat-Tribunal Industrijali jistgħu jiġu rrevokati mill-funzjonijiet tagħhom mid-direttur tar-Reġistru Marittimu wara investigazzjoni preliminari li tkun saret mill-amministratur tar-Reġistru Marittimu.

    Ix-xoljiment tat-Tribunal Industrijali jista’ jiġi ddikjarat mill-Ministru inkarigat mill-bastimenti merkantili fuq proposta tad-direttur tar-Reġistru Marittimu. […]

    Kull membru tat-Tribunal Industrijali li jkun ġie revokat ikun jista’ jerġa’ jiġi elett tliet snin biss wara d-data tar-revoka tiegħu.

    […]”

    11

    L-Artikolu 24 tad-digriet tal-1859, li jirregola l-proċeduri inter partes quddiem it-Tribunal Industrijali għall-Affarijiet tas-Sajd, jipprovdi, fost l-oħrajn, li l-membri tat-Tribunal Industrijali jiddeliberaw b’mod sigriet.

    12

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 25 tad-digriet tal-1859 jipprovdi li “[i]s-sentenzi tal-membri tat-Tribunal Industrijali huma immedjatament eżekuttivi.”

    13

    Skont l-Artikolu 26 tad-digriet tal-1859:

    “Meta jqis li jkun xieraq, l-amministratur tar-Reġistru Marittimu jew id-deputat tiegħu jassisti għas-seduti u d-deliberazzjonijiet tat-Tribunal iżda jagħmel dan sempliċement sabiex jassigura ruħu li kollox ikun qed isir b’mod regolari”.

    14

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 27 tad-digriet tal-1859 jipprovdi li:

    “Meta żewġ Tribunali Industrijali jiddeċiedu li għandhom ġurisdizzjoni jisimgħu l-istess kawża, il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni għandu jitressaq, bil-mezz uffiċjali, quddiem id-direttur tar-Reġistru Marittimu.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fit-12 ta’ Ġunju 2006, il-President tal-Prud’homie de pêche de Martigues ikkonstata li abbord il-bastiment ta’ J.-C. Bourgault kien hemm strument tas-sajd magħruf bħala “thonaille”, li permezz tiegħu huwa kien qabad ħmistax-il biċċa tonn tal-pinna blu.

    16

    Fis-6 ta’ Diċembru 2006, J. Pilato ressaq ilment quddiem il-Prud’homie de pêche de Martigues kontra J.-C. Bourgault fejn huwa sostna li peress li t-“thonaille” jikkostitwixxi “pariti” skont l-Artikolu 11a tar-Regolament Nru 894/97, l-użu tiegħu huwa pprojbit. J. Pilato sostna li l-qabda ta’ ħmistax-il biċċa tonn tal-pinna blu minn J.-C. Bourgault permezz ta’ strument tas-sajd li huwa pprojbit, ikkawżatlu dannu għaliex fuq is-suq tqiegħed ħut li kien inqabad b’mod illegali u bi spiża li kien inqas minn dak sostnut għal sajd ta’ ħut f’kundizzjonijiet legali. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa talab li l-Prud’homie de pêche de Martigues jiddeċiedi dwar id-dannu subit minnu minħabba l-kompetizzjoni żleali eżerċitata minn J.-C. Bourgault.

    17

    Fis-17 ta’ Diċembru 2007, fis-seduta quddiem il-Prud’homie de pêche de Martigues, filwaqt li rrikonoxxa l-fatti li kien akkużat bihom, J.-C. Bourgault, minn naħa, ikkontesta li t-“thonaille” kien “pariti” skont l-Artikolu 11a tar-Regolament Nru 894/97 u, min-naħa l-oħra, ikkontesta l-validità ta’ din id-dispożizzjoni.

    18

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Prud’homie de pêche de Martigues iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 11a tar-[Regolament Nru 894/97] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi wkoll il-pariti li ma jinġarrux bil-kurrent jew bilkemm jinġarru bil-kurrent minħabba li jkunu marbutin ma’ sufruni?

    2)

    L-Artikolu 11a (1) u (2) tar-[Regolament Nru 894/97] huwa validu safejn:

    a)

    jidher li għandu għan strettament ambjentali, filwaqt li l-bażi legali tiegħu huwa l-Artikolu [43 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 37 KE)][;]

    b)

    ma jagħtix definizzjoni ta’ parit u għalhekk ma jiddeterminax b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu[;]

    ċ)

    mhuwiex motivat b’mod ċar[;]

    d)

    la jieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika u teknika disponibbli, la l-kundizzjonijiet tal-ambjent fid-diversi reġjuni tal-Komunità u lanqas il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-projbizzjoni stabbilita fih[;]

    e)

    huwa sproporzjonat ma’ l-għan tiegħu[;]

    f)

    huwa diskriminatorju peress li jittratta bl-istess mod sitwazzjonijiet ġeografiċi, ekonomiċi u soċjali differenti[;]

    g)

    ma jipprovdi għal ebda deroga favur is-sajjieda li l-attività tagħhom tas-sajd hija żgħira u li jistadu bi strumenti bħat-“thonaille”, tip ta’ sajd li mhux biss huwa tradizzjonali fil-Mediterran, iżda huwa vitali għall-populazzjoni u jibqa’ selettiv ħafna[?]”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    19

    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Prud’homie de pêche de Martigues huwiex “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 234 KE u jekk, konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tad-domandi li sarulha.

    20

    Fil-fatt, mingħajr ma jqajmu espressament eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jesprimu ċerti dubji dwar in-natura ġudizzjarja tal-organu tar-rinviju, b’mod partikolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ revoka tas-sajjieda membri tat-Tribunal Industrijali, tal-kontenut tal-ġurament li dawn jieħdu qabel ma jidħlu fil-funżjoni tagħhom kif ukoll tal-fatt li t-Tribunal Industrijali jeżerċita wħud mill-funzjonijiet tiegħu taħt l-awtorità tal-Kummissarju tar-Reġistru Marittimu.

    21

    Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż isostni li l-Prud’homie de pêche de Martigues jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza Komunitarja sabiex jikkwalifika bħala “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” skont l-Artikolu 234 KE u, b’mod partikolari, dak dwar l-indipendenza tal-organu ta’ rinviju.

    22

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiddetermina jekk organu ta’ rinviju għandux in-natura ta’ qorti jew tribunal skont l-Artikolu 234 KE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex inter partes, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23; tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29, kif ukoll tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C-246/05, Ġabra p. I-4673, punt 16).

    23

    Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar preċiż, l-indipendenza tal-organu ta’ rinviju, din il-kundizzjoni tippreżupponi li l-imsemmi organu jkun protett minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jqegħdu fil-perikolu l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tiegħu fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemu (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, Ġabra p. I-8613, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni li tippreċiża li l-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, rikuża u revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju raġonevoli, fil-moħħ tal-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi li tkun affrontata bihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dorsch Consult, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; tal-4 ta’ Frar 1999, Köllensperger u Atzwanger, C-103/97, Ġabra p. I-551, punti 20 sa 23; tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster, C-17/00, Ġabra p. I-9445, punti 18 sa 21, kif ukoll Wilson, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53). F’dan ir-rigward, sabiex il-kundizzjoni dwar l-indipendenza tal-organu ta’ rinviju titqies li hija sodisfatta, il-ġurisprudenza teżiġi, b’mod partikolari, li l-każijiet ta’ revoka tal-membri ta’ dan l-organu jkunu ddeterminati minn dispożizzjonijiet espressi tal-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Köllensperger u Atzwanger, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21, kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2002, Schmid, C-516/99, Ġabra p. I-4573, punt 41).

    25

    F’dan il-każ, minn naħa, mill-qari tad-digriet tal-1859 kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-membri sajjieda tat-Tribunal Industrijali huma suġġetti, tal-inqas għal uħud mill-attivitajiet tagħhom, għas-superviżjoni tal-amministrazzjoni.

    26

    Fil-fatt, mill-Artikolu 17(1) tad-digriet tal-1859 jirriżulta li l-membri sajjieda tat-Tribunal Industrijali jeżerċitaw numru ta’ funzjonijiet “taħt l-awtorità tal-Kummissarju tar-Reġistru Marittimu”. Membru tal-istess amministrazzjoni huwa wkoll kompetenti, skont l-Artikolu 27 ta’ dan id-digriet, li jiddiċiedi kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li jistgħu jinqalgħu bejn id-diversi Tribunali Industrijali għall-Affarijiet tas-Sajd.

    27

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 18 tal-imsemmi digriet jeżiġi li l-membri sajjieda tat-Tribunal Industrijali jieħdu ġurament li permezz tiegħu jaħilfu li “jimxu skont l-ordnijiet li jingħatawlhom mis-superjuri tagħhom.”

    28

    Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li r-revoka tal-membri sajjieda tat-Tribunal Industrijali hija suġġetta għal garanziji partikolari li jippermettu li jitneħħa kull dubju raġonevoli dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni.

    29

    B’hekk, skont l-Artikolu 22 tad-digriet tal-1859, il-membri sajjieda tat-Tribunal Industrijali jistgħu jiġu rrevokati mid-direttur tar-Reġistru Marittimu wara sempliċi investigazzjoni preliminari, mingħajr mhuma ppreċiżati, f’din id-dispożizzjoni jew f’artikolu ieħor ta’ dan id-digriet, il-motivi li għalihom jista’ jkun hemm revoka.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Prud’homie de pêche de Martigues ma jistax jitqies li jissodisfa l-kundizzjoni dwar l-indipendenza tal-organu ta’ rinviju, kif definita mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 23 u 24 ta’ dan id-digriet.

    31

    Minn dak li ngħad qabel jirriżulta li l-Prud’homie de pêche mhuwiex qorti jew tribunal skont l-Artikolu 234 KE. Konsegwentement jeħtieġ li jiġi kkonstatat, skont l-Artikoli 92(1) u 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi li sarulha.

    Fuq l-ispejjeż

    32

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-Prud’homie de pêche de Martigues, huwa dan it-tribunal li jiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tordna:

     

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi li sarulha mill-Prud’homie de pêche de Martigues permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2006.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq