Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CJ0443

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-13 ta' Settembru 2007.
    Common Market Fertilizers SA vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Dazji kontra d-dumping - Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali - Remissjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni - L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 907 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 - Interpretazzjoni - Legalità - Deċiżjoni tal-Kummissjoni - Grupp ta' esperti li ltaqgħu fi ħdan l-istruttura tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali - Entità distinta fuq il-pjan funzjonali - Artikoli 2 u 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE - Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali -Kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali - Nuqqas ta' negliġenza evidenti.
    Kawża C-443/05 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-07209

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:511

    Kawża C-443/05 P

    Common Market Fertilizers SA

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    “Appell — Dazji kontra d-dumping — Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali — Remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni — L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Interpretazzjoni — Legalità — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Grupp ta’ esperti li ltaqgħu fi ħdan l-istruttura tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali — Entità distinta fuq livell funzjonali — Artikoli 2 u 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE — Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali — Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali — Nuqqas ta’ negliġenza evidenti ”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Rimbors jew remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, paragrafi 1 u 2 ta’ l-Artikolu 907)

    2.        Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Rimbors jew remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 907)

    3.        Politika kummerċjali komuni — Projbizzjoni tal-prattiki ta’ dumping — Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-liġi kontra d-dumping stabbiliti fl-Artikolu 1(3)(2) tar-Regolament Nru 3319/94

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 3319/94, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3))

    4.        Unjoni doganali — Proċedura ta’ rilaxx — Intervent ta’ aġent tad-dwana

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 2913/92, Artikoli 4(18), 5(2) u 201(3))

    1.        Fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, il-frażi “[fi ħdan l-istruttura tal-]Kumitat” tirrifletti l-fatt li l-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 907 huwa evidentement entità differenti, fuq il-livell funzjonali, mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Din l-interpretazzjoni mhijiex kontradetta mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 906 ta’ l-istess Regolament. Fil-fatt, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 906 għandu jinftiehem fis-sens li l-Kumitat tal-Kodiċi Doganali mhuwiex involut in kwantu tali, bil-għan li jagħti opinjoni huwa stess, iżda in kwantu organu li fi ħdan l-istruttura tiegħu l-grupp ta’ esperti, distint mill-imsemmi organu, jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu.

    (ara l-punti 99-102)

    2.        Fl-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, il-Kunsill ta lill-Kummissjoni, skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 202 KE, poteri ta’ implementazzjoni li permezz tagħhom tista’ tiddetermina, minn naħa, is-sitwazzjonijiet li fihom jista’ jingħata rimbors jew remissjoni tad-dazji doganali, u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dan il-għan.

    Peress li skond l-imsemmi Artikolu, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta bi proċedura partikolari għall-eżami proprju ta’ l-applikazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hija setgħet legalment, kif fil-fatt għamlet skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali, tattribwixxi lilha nnifisha poter li tieħu deċiżjoni preċeduta minn opinjoni ta’ grupp ta’ esperti distint fuq livell funzjonali mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali u li ma tissuġġettax l-opinjoni ta’ l-imsemmi grupp ta’ esperti għal maġġoranza kwalifikata.

    (ara l-punti 124, 134-135)

    3.        It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94, li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ soluzzjoni mħallta ta’ urea u ta’ nitrat ta’ l-ammonju li toriġina mill-Bulgarija u mill-Polonja, esportata minn kumpanniji għajr dawk li huma eżenti mid-dazju u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju, jistabbilixxi, bħala l-uniċi kundizzjonijiet għall-impożizzjoni tad-dazju speċifiku kontra d-dumping, l-eżistenza ta’ fatturazzjoni indiretta u l-importazzjoni ta’ prodott ta’ l-impriża ZAP, u barra minn hekk, ma jeħtieġx il-prova ta’ l-intenzjoni ta’ l-operatur li jevadi d-dazju kontra d-dumping.

    (ara l-punti 178-179)

    4.        Mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5(2), 4(18), u 201(3) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jirriżulta li l-operatur li jqabbad aġent doganali, kemm fil-kuntest ta’ rappreżentanza diretta jew indiretta, huwa fi kwalunkwe każ debitur tad-dejn doganali għal dak li jikkonċerna l-aġenti doganali.

    (ara l-punti 184-186)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    13 ta’ Settembru 2007 (*)

    “Appell – Dazji kontra d-dumping – Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali – Remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni – L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Interpretazzjoni – Legalità – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Grupp ta’ esperti li ltaqgħu fi ħdan l-istruttura tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali – Entità distinta fuq livell funzjonali – Artikoli 2 u 5(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE – Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali –Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali – Nuqqas ta’ negliġenza evidenti”

    Fil-kawża C-443/05 P,

    li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-8 ta’ Diċembru 2005,

    Common Market Fertilizers SA, stabbilita fi Brussell (Il-Belġju), irrappreżentata minn A. Sutton, barrister, u N. Flandin, avukat,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża hija:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    appellata,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Klučka, J. Makarczyk, G. Arestis u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2006,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-1 ta’ Marzu 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz ta’ l-appell tagħha, Common Market Fertilizers SA (iktar ’il quddiem “CMF”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tas-27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni (T‑134/03 u T-135/03, Ġabra p. II‑3923, iktar il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet rikors għall-annullament tad-Deċiżjonijiet C(2002) 5217 finali u C(2002) 5218 finali tal-Kummissjoni, ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), li jikkonstataw li r-remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni mitluba minn CMF ma kinitx iġġustifikata.

     Il-kuntest ġuridiku

    2        It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3319/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ soluzzjoni mħallta ta’ urea u ta’ nitrat ta’ l-ammonju li toriġina mill-Bulgarija u mill-Polonja, esportata minn kumpanniji għajr dawk li huma eżenti mid-dazju u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost (ĠU L 350, p. 20), jistabbilixxi s-segwenti dazju speċifiku kontra d-dumping:

    “Għall-importazzjonijiet rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera li mhumiex iffatturati direttament lill-importatur li huwa indipendenti mill-esportaturi jew mill-produtturi msemmija iktar ’il fuq li jinsabu fil-Polonja, id-dazju segwenti huwa stabbilit:

    għall-prodott li joriġina mill-Polonja […] iċċertifikat minn Zaklady Azotowe Pulawy […] id-dazju speċifiku huwa ta’ ECU 19 għal kull tunnellata tal-prodott [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3        L-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2700/00 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 311, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), jipprovdi li:

    “1.      Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew [jinħafru] f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

    –        li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;

    –        li jirriżultaw minn ċirkustanzi li fihom ebda ingann [qerq] jew traskuraġni ovvja [negliġenza evidenti] ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kundizzjonijiet speċjali.

    2.      Dazji għandhom jitħallsu lura jew [jinħafru] għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur. […]”

    4        L-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi li:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli [d-]definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    24. Proċedura tal-Kumitat tfisser jew il-proċedura riferita fl-Artikoli 247 u 247a, jew fl-Artikoli 248 u 248a”

    5        L-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

    “Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, […] għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 247a(2) […]”

    6        L-Artikolu 247a tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi li:

    “1.      Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi tad-Dwana (minn issa ′l quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

    2.      Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni [tal-Kunsill] 1999/468/KE [tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23, iktar ’il quddiem id-’Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija’], […]

    […]

    3.      Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.”

    7        L-Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

    “1. L-istedina għal-laqgħa, l-aġenda, l-abbozzi ta’ miżuri li dwarhom il-Kumitat huwa mitlub jagħti l-opinjoni tiegħu u kull dokument ta’ ħidma ieħor għandhom jintbagħtu mill-President lir-Rappreżentanti Permanenti u lill-membri tal-Kumitat skond l-Artikolu 14(2), bħala regola ġenerali mhux aktar tard minn erbatax-il jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa.

    2.      F’każijiet urġenti u meta l-miżuri li għandhom jittieħdu jkunu jridu jiġu applikati minnufih, il-President jista’, fuq talba ta’ membru tal-Kumitat jew b’inizjattiva tiegħu stess, iqassar it-terminu msemmi fil-paragrafu preċedenti sa ħamest ijiem kalendarji qabel id-data tal-laqgħa […]

    3.      F’każijiet urġenti ħafna, il-President jista’ ma japplikax it-termini stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2. Kemm-il darba jkun propost li tiddaħħal kwistjoni bħala parti mill-aġenda ta’ l-istess laqgħa, hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Kumitat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8        L-Artikolu 905(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 253, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1677/98, tad-29 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 212, p. 18, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Applikazzjoni”) jistabbilixxi li:

    “Meta l-awtorità doganali ta’ deċiżjoni li lilha l-applikazzjoni għar-rimbors jew remissjoni skond l-Artikolu 239(2) tal-Kodiċi tkun ġiet sottomessa, ma tkunx tista’ tieħu deċiżjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 899, imma l-applikazzjoni tkun sostnuta minn prova li tista’ tikkostitwixxi sitwazzjoni partikolari li tirriżulta minn ċirkustanzi li fihom l-ebda qerq jew negliġenza evidenti min-naħa ta’ l-interessat ma tkun attribwita lil dan, l-Istat Membru li lilu tkun tappartjeni din l-awtorità għandu jittrażmetti l-każ lill-Kummissjoni biex dan ikun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 906 sa 909.

    Madanakollu, ħlief jekk l-awtorità doganali li tieħu d-deċiżjonijiet hija f’dubju, tista’ tiddeċiedi hija nfisha li tagħti ħlas lura jew tirrinunzja [għad]-dazji f’każijiet fejn hija tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi huma eżawriti, kemm-il darba l-ammont ikkonċernat għal kull operatur fejn għandha x’taqsam ħidma ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni waħda jew aktar, imma li jitqajmu mill-istess sitwazzjoni waħda u l-istess waħda speċjali, hu inqas minn 50 000 ECU.

    Il-frażi ’il-persuna interessata’ għandha tinftiehem fis-sens ta’ l-Artikolu 899.

    Fil-każijiet l-oħra kollha, l-awtorità doganali ta’ deċiżjoni għandha tiċħad l-applikazzjoni.”

    9        L-Artikolu 906 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jipprovdi li:

    “Fi żmien ħmistax–il jum minn mindu tirċievi l-każ kif imsemmi fl-Artikolu 905(2), il-Kummissjoni għandha tgħaddi kopja tiegħu lill-Istati Membri.

    L-eżami tal-każ għandu jkun inkluż malajr kemm jista’ jkun fl-aġenda ta’ laqgħa tal-kumitat previst fl-Artikolu 247 tal-Kodiċi.”

    10      Wara li seħħew il-fatti tal-kawża, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 906 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni ġie emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2003, tal-25 ta’ Lulju 2003, li jemenda r-Regolament Nru 2454/93 (ĠU L 187 p.16), bil-mod segwenti:

    “Il-kunsiderazzjoni ta’ dak il-każ għandha tkun inkluża malajr kemm jista’ jkun […] fl-aġenda tal-laqgħa tal-grupp ta’ l-esperti li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 907.”

    11      L-Artikolu 906a tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jipprovdi li:

    “Meta, f’kull ħin fil-proċedura pprovduta fl-Artikoli 906 u 907, il-Kummissjoni taħseb li tieħu kull deċiżjoni li mhix favorevoli lejn l-applikant għall-ħlas lura jew rinunzja, għandha tikkomunika l-oġġezzjonijiet tagħha lilu/lilha bil-miktub, flimkien ma’ kull dokument li fuqu tibbaża dawk l-oġġezzjonijiet. L-applikant għall-ħlas lura jew rinunzja għandu j(/t)esprimi l-fehma tiegħu/tagħha bil-miktub f’kull perjodu ta’ xahar mid-data li fiha l-objezzjonijiet kienu ntbagħtu. Jekk hu/hi ma j/tagħtix il-fehma tiegħu/tagħha fi żmien dak il-perjodu, hu/hi għandu/ha j/tiġi meqjus/a li kien/et injora/t id-dritt li j/tesprimi kull pożizzjoni.”

    12      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jistabbilixxi li:

    “Wara li tikkonsulta grupp ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha, li jiltaqa’ [fi ħdan l-istruttura tal-]Kumitat biex jikkunsidraw dak il-każ partikolari, il-Kumissjoni għandha tiddeċiedi jekk ikun hemm jew le sitwazzjoni speċjali li tiġġustifika r-rimbors jew ir-remissjoni.”

    13      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, intitolat “Proċedura regolatorja”, jipprovdi li:

    “1.      Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat regolatorju kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2.      Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f’limitu ta’ żmien li l-President jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu peżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

    3.      Il-Kummissjoni għandha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

    4.      Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tressaq quddiem il-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew.

    […]”

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    14      CMF, kumpannija stabbilita fil-Belġju, teżerċita attività ta’ bejjiegħ bl-ingrossa ta’ prodotti kimiċi u, b’mod partikolari, ta’ soluzzjonijiet ta’ nitroġenu (urea u nitrat ta’ ammonju). Il-grupp ta’ l-appellanti huwa kompost, b’mod partikolari, mill-kumpanniji Rellmann GmbH (iktar ’il quddiem “Rellman”), stabbilita f’Amburgu (Il-Ġermanja), sussidjarja 100% ta’ CMF, u Agro Baltic GmbH (iktar ’il quddiem “Agro Baltic”), stabbilita f’Rostock (Il-Ġermanja), sussidjarja 100% ta’ Rellman. Fl-1989, l-appellanti akkwistat il-kumpannija Champagne Fertilisants, li hija r-rappreżentanta fiskali għat-tranżazzjonijiet kollha tagħha fi Franza.

    15      L-impriża Pollakka Zaklady Azotowe Pulawy (iktar ’il quddiem “ZAP”) tesporta l-prodotti u tbigħhom lil Agro Baltic. Fi ħdan il-grupp ta’ l-appellanti, Agro Baltic terġa’ tbigħ il-prodotti lil Rellmann, li min-naħa tagħha terġa’ tbigħhom lil CMF. Wara jinħarġu l-kontijiet relatati ma’ dawn it-tranżazzjonijiet.

    16      Fil-kawża T-134/03, Agro Baltic xtrat tliet kunsinji ta’ taħlita ta’ urea u nitrat ta’ ammonju bejn ix-xhur ta’ Marzu u ta’ Settembru 1997. Dawn il-kunsinji segwew l-istruttura kummerċjali deskritta fil-punt preċedenti.

    17      Cogema, aġenzija doganali awtorizzata, kienet inkarigata sabiex, f’isem Agro Baltic, tqiegħed il-prodotti fiċ-ċirkulazzjoni libera u sabiex, f’isem CMF, tirrilaxxahom għall-konsum.

    18      B’hekk, il-prodotti l-ewwel tqiegħdu fis-suq f’isem l-Agro Baltic, b’dikjarazzjoni EU0, li kienu annessi magħha l-fatturi ta’ ZAP lil Agro Baltic u ċ-ċertifikat EUR.1 li jixhed l-oriġini Pollakka tal-prodotti. Il-merkanzija tqegħdet, fl-istess waqt, taħt il-proċedura ta’ magazzinaġġ doganali minfejn inħarġet ftit minuti wara sabiex tiġi rilaxxata għall-konsum f’isem Champagne Fertilisants.

    19      Fil-kawża T‑135/03, Agro Baltic xtrat kunsinja mingħand ZAP, f’Jannar 1995, li segwiet l-istruttura kummerċjali deskritta fil-punt 15 ta’ din is-sentenza.

    20      Agro Baltic qabbdet lill-kumpannija SCAC Rouen (iktar ’il quddiem “SCAC”), aġenzija doganali awtorizzata, sabiex, f’isem Agro Baltic, tqiegħed il-merkanzija fiċ-ċirkulazzjoni libera u sabiex, f’isem CMF, tirrilaxxaha għall-konsum. Dan kien ifisser li għall-istess merkanzija kienu qegħdin jiġu ddepożitati, fl-istess uffiċċju doganali, żewġ dikjarazzjonijiet doganali li kienu qed jirreferu għal żewġ destinatarji differenti, b’mod li ssir distinzjoni bejn il-ħlas tad-dazju doganali u l-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

    21      SCAC użat proċedura simplifikata għar-rilaxx tal-merkanzija mid-dwana sabiex din titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni libera u tiġi rrilaxxata għall-konsum f’isem CMF biss. Għal dan il-għan, SCAC iddepożitat dikjarazzjoni IM4 f’isem CMF, li magħha kien hemm annessa l-fattura ta’ Rellmann u ċertifikat EUR.1 li jixhed l-oriġini Pollakka tal-merkanzija.

    22      Fiż-żewġ kawżi T-134/03 u T-135/03, l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi għall-ewwel aċċettaw id-dikjarazzjonijiet, taw l-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni abbażi taċ-ċertifikati EUR.1 u ma talbux il-ħlas tad-dazju kontra d-dumping.

    23      Wara kontroll a posteriori, madankollu, huma kkunsidraw li d-dazju speċifiku ta’ ECU 19 għal kull tonna previst fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 kellu jiġi applikat għall-kunsinji kollha. Fil-fatt, skond dawn l-awtoritajiet, l-importatur veru tal-merkanzija kien CMF, li ma rċevietx fattura direttament mingħand ZAP, u dan minkejja li l-prodotti in kwistjoni kienu ċċertifikati minn din ta’ l-aħħar.

    24      Għal dak li jikkonċerna l-kunsinji in kwistjoni fil-kawża T-134/03, l-awtoritajiet kompetenti Franċiżi kkunsidraw li l-magazzinaġġ intermedjarju kien fizzjoni ġuridika, peress li kien għal żmien estremament qasir, u li CMF kienet diġà akkwistat il-merkanzija fit-tliet tranżazzjonijiet qabel id-depożitu tad-dikjarazzjonijiet tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera f’isem Agro Baltic. Konsegwentement, huma imponew fuq CMF is-somma ta’ FRF 3,911,497 (EUR 564,855) f’dazji u taxxi.

    25      Fir-rigward tal-kunsinji in kwistjoni fil-kawża T-135/03, huma qiesu li kienet saret biss dikjarazzjoni waħda tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera u r-rilaxx għall-konsum f’isem CMF. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma imponew fuq CMF is-somma ta’ FRF 840,271 (EUR 128,098) f’dazji u taxxi.

    26      Matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 1999, CMF applikat għand l-awtoritajiet tad-dwana Franċiżi għar-remissjoni tad-dazji abbażi ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. Fl-14 ta’ Frar 2002, dawn ta’ l-aħħar bagħtu l-imsemmija applikazzjonijiet lill-Kummissjoni.

    27      Permezz ta’ ittri tad-9 u ta’ l-10 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni informat lill-appellanti li kellha l-intenzjoni li tagħti deċiżjoni negattiva fir-rigward ta’ kull wieħed miż-żewġ fajls.

    28      Matul ix-xahar ta’ Novembru 2002, il-grupp ta’ esperti REM/REC iltaqa’ fil-kuntest ta’ Kumitat tal-Kodiċi Doganali, taqsima tar-rimborsi. Il-vot finali wassal għar-riżultat li ġej fir-rigward taż-żewġ fajls: “sitt delegazzjonijiet jivvutaw favur il-proposta tal-Kummissjoni, erba’ delegazzjonijiet jastjenu u ħames delegazzjonijiet jivvutaw kontra l-proposta tal-Kummissjoni”.

    29      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni, peress li qieset li kien hemm negliġenza evidenti minn naħa ta’ CMF, u li ma kien hemm l-ebda sitwazzjoni partikolari u li, għaldaqstant, ma kinux issodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati. Hija nnotifikat lill-awtoritajiet tad-dwana Franċiżi b’dawn id-deċiżjonijiet li, min-naħa tagħhom, bagħtuhom lil CMF fl-10 ta’ Frar 2003.

     Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

    30      Permezz tar-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ April 2003, rreġistrati bin-numri T-134/05 u T-135/03, CMF talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

    31      Hija invokat tliet motivi in sostenn tar-rikorsi tagħha.

    32      L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża, kien maqsum fi tliet partijiet:

    –        ksur ta’ l-Artikolu 7 KE u ta’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija;

    –        ksur ta’ l-Artikolu 906(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni;

    –        ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali;

    –        ksur ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 1958, p. 385);

    –        ksur tad-drittijiet tad-difiża.

    33      It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, jinkonsisti fi tliet partijiet:

    –        rifjut tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari;

    –        nuqqas ta’ qerq min-naħa ta’ CMF;

    –        rifjut tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm negliġenza manifesta min-naħa ta’ CMF.

    34      It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

    35      Iż-żewġ kawżi T‑134/03 u T-135/03 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

    36      Permezz tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors u ordnat lill-appellanti tbati l-ispejjeż.

     It-talbiet tal-partijiet

    37      CMF titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

    –        tannulla s-sentenza appellata;

    –        tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza;

    –        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ l-appell u ta’ l-ewwel istanza.

    38      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

    –        tiċħad l-appell;

    –        tordna lill-appellanti tbati l-ispejjeż.

     Fuq l-appell

    39      CMF tqajjem erba’ aggravji għal annullament tas-sentenza appellata:

    –        preżentazzjoni inkompluta tal-kuntest ġuridiku;

    –        distorsjoni tal-kuntest ta’ fatt;

    –        interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali;

    –        applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

     Fuq l-aggravju bbażat fuq preżentazzjoni inkompluta tal-kuntest ġuridiku

     L-argumenti tal-partijiet

    –       L-argumenti ta’ l-appellanti

    40      Filwaqt li taqsam l-aggravju tagħha f’żewġ partijiet, l-appellanti tilmenta li, fil-kuntest tal-preżentazzjoni tagħha tal-kuntest ġuridiku tal-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma semmietx:

    –        id-disgħa u tletin premessa tar-Regolament Nru 3319/94, li jistabbilixxi li “[…] peress li jeżistu diversi mezzi ta’ importazzjoni permezz ta’ kumpanniji ta’ pajjiżi terzi, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit dazju varjabbli, fuq livell li jippermetti lill-industrija Komunitarja żżid il-prezzijiet sa livell li jħalli l-qliegħ għall-importazzjonijiet fatturati direttament mill-produtturi Bulgari jew Pollakki jew minn partijiet li jkunu esportaw il-prodott ikkonċernat matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit dazju speċifiku fuq l-istess bażi għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha, bil-għan li tiġi evitata evażjoni tal-miżuri kontra d-dumping” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

    –        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, li jipprovdi li:

    “L-għażla tal-metodi proċedurali għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ l-implimentazzjoni għandha tiġi ggwidata mill-kriterji li ġejjin:

    (a)       miżuri ta’ amministrazzjoni, bħal dawk relatati ma’ l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni u dik dwar is-sajd, jew ma’ l-implimentazzjoni ta’ programmi b’implikazzjonijiet sostanzjali fuq il-budget, għandhom jiġu adottati permezz ta’ l-użu tal-proċedura ta’ l-amministrazzjoni;

    (b)       miżuri ta’ ambitu ġenerali maħsuba biex japplikaw dispożizzjonijiet essenzjali ta’ strumenti bażiċi, inklużi miżuri rigward il-protezzjoni tas-saħħa jew is-sigurtà tal-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti, għandhom jiġu adottati bl-użu tal-proċedura regolatorja;

    fejn strument bażiku jistipula li ċerti dispożizzjonijiet mhux essenzjali ta’ l-istrument jistgħu jiġu adattati jew aġġornati permezz ta’ proċeduri ta’ l-implimentazzjoni, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati bl-użu tal-proċedura regolatorja;

    (ċ)       mingħajr preġudizzju għall-punti (a) u (b), il-proċedura konsultattiva għandha tintuża f’kull każ fejn jitqies li tkun l-aktar approprjata.”

    41      Billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-disgħa u tletin premessa tar-Regolament Nru 3319/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rabtitx, kif kellha fil-fatt tagħmel, l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-istess regolament ma’ din il-premessa. Kieku għamlet dan, kienet tasal għall-konklużjoni li meta, bħal fil-każ in eżami, ma jkunx hemm evażjoni tal-liġi kontra d-dumping, ma jistax jiġi impost dazju speċifiku.

    42      Billi ma semmietx l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, dispożizzjoni li tistabbilixxi kriterji mhux vinkolanti fir-rigward ta’ l-għażla tal-proċedura li għandha tiġi segwita, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, għamlet żball meta ddikjarat li l-proċedura regolatorja tista’ tintuża biss fir-rigward ta’ miżuri ta’ ambitu ġenerali.

    –       L-argumenti tal-Kummissjoni

    43      Il-Kummissjoni tqis li r-riferiment għad-disgħa u tletin premessa tar-Regolament Nru 3319/94 mhuwiex rilevanti għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi dazju speċifiku li japplika meta jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet oġġettivi, jiġifieri sitwazzjoni ta’ fatturazzjoni indiretta u l-importazzjoni ta’ prodott ta’ ZAP.

    44      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, hija tikkontesta l-allegazzjoni ta’ CMF li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament iddikjarat li l-proċedura regolatorja tista’ tintuża biss għal miżuri ta’ ambitu ġenerali.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    45      Iż-żewġ partijiet ta’ l-aggravju eżaminat, u għaldaqstant, l-aggravju nnifsu, m’għandhomx eżistenza awtonoma.

    46      Fil-fatt, permezz ta’ dawn iż-żewġ partijiet, li jidhru li jikkonsisti f’ilment dwar in-nuqqas, purament formali, li fil-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku tas-sentenza appellata tissemma premessa ta’ regolament u artikolu ta’ deċiżjoni, fil-verità l-appellanti tinvoka n-nuqqas li dawn id-dispożizzjonijiet jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istadju ta’ l-interpretazzjoni tad-dritt in kwistjoni, jiġifieri fl-istadju ta’ l-analiżi ġuridika.

    47      Madankollu, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, iż-żewġ partijiet ta’ l-aggravju eżaminat huma mqajma b’mod iktar speċifiku fil-kuntest tar-raba’ u tat-tielet aggravji ta’ l-appell, rispettivament, li permezz tagħhom ġiet fil-fatt ikkontestata l-analiżi ġuridika tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

    48      Għalhekk, huma mhumiex distinti mir-raba’ u t-tielet aggravji.

    49      Għaldaqstant, m’hemmx lok li jiġu eżaminati separatament.

     Fuq l-aggravju bbażat fuq distorsjoni tal-kuntest ta’ fatt

     L-argumenti tal-partijiet

    –       L-argumenti ta’ l-appellanti

    50      CMF issostni li fil-punti 14 sa 28 tas-sentenza appellata li fihom huma esposti l-fatti tal-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat il-kostruzzjoni kompletament fittizja ta’ l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ fatturazzjoni indiretta.

    51      Din il-preżentazzjoni hija inkompluta u żbaljata, u tinvolvi distorsjoni tal-fatti. Din wasslet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkunsidra, b’mod żbaljat, li kienet teżisti effettivament sitwazzjoni ta’ fatturazzjoni indiretta u sabiex tapplika t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 b’mod żbaljat.

    –       L-argumenti tal-Kummissjoni

    52      Il-Kummissjoni tqis li l-aggravju mqajjem huwa irrilevanti u għaldaqstant ineffettiv.

    53      Fil-fatt, il-kawża bejn CMF u l-Kummissjoni ma kinitx tikkonċerna u lanqas setgħet tikkonċerna l-punt dwar jekk id-dazji kinux verament dovuti. Hija kienet biss dwar il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet għar-remissjoni tad-dejn kinux issodisfati.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    54      Kuntrarjament għall-allegazzjoni ta’ l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx dwar l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ sitwazzjoni ta’ fatturazzjoni indiretta u għaldaqstant dwar l-eżistenza tad-dejn doganali.

    55      Id-deċiżjonijiet ikkontestati jirrigwardaw iċ-ċaħda ta’ l-applikazzjonijiet, li kienu bbażati fuq l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, għal remissjoni ta’ djun doganali li neċessarjament kienu jeżistu.

    56      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet adita b’motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li hija eżaminat fil-punti 135 sa 150 tas-sentenza appellata.

    57      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hija analizzat waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa mill-imsemmi artikolu, jiġifieri n-nuqqas ta’ negliġenza evidenti min-naħa tal-persuna kkonċernata.

    58      Peress li waslet għall-konklużjoni li l-imsemmija kundizzjoni ma kinitx issodisfata, hija ċaħdet dan il-motiv.

    59      Għaldaqstant, l-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

     Fuq l-aggravju bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali

     L-argumenti tal-partijiet

    –       L-argumenti ta’ l-appellanti

    60      CMF tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni b’mod żbaljat billi ddeċidiet li dan l-artikolu jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi weħidha dwar ir-remissjoni u r-rimbors ta’ dazji doganali.

    61      Hija tikkunsidra li interpretazzjoni bħal din tfisser li d-dispożizzjoni in kwistjoni hija illegali.

    62      L-appellanti ssostni li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 jaqa’ taħt regolament li jimplementa r-regolament ta’ bażi, li huwa l-Kodiċi Doganali.

    63      Hija ssostni li l-Artikolu 247 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ l-imsemmi kodiċi huma stabbiliti skond il-proċedura regolatorja prevista fl-Arikolu 247a(2) ta’ dan ir-regolament.

    64      Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Applikazzjoni jista’ jkun fih biss miżuri ta’ implementazzjoni.

    65      Madankollu, il-kompetenza li l-Kummissjoni attribwiet lilha nnifisha sabiex tiddeċiedi weħidha dwar ir-remissjoni u r-rimbors ta’ dazji doganali u sabiex toħloq grupp ta’ esperti ex nihilo, ma taqax taħt miżura ta’ implementazzjoni tar-regolament ta’ bażi.

    66      Għalhekk, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni ma jistax jikkostitwixxi bażi ġuridika għal tali attribuzzjoni ta’ kompetenza. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet qed taġixxi fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

    67      Il-kompetenza in kwistjoni lanqas hija prevista b’mod espliċitu fit-Trattat KE.

    68      Għaldaqstant, l-Artikolu 7, li jistabbilixxi li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat, ġie miksur.

    69      CMF issostni li quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza hija qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni.

    70      Hija tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li l-eċċezzjoni ta’ illegalità kienet inammissibbli peress li ġiet ippreżentata fl-istadju tar-replika, mingħajr ma kienet ibbażata fuq element ta’ dritt jew ta’ fatt li ħareġ waqt il-proċedura fis-sens ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

    71      Hija tammetti li hija l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, u skond liema l-grupp ta’ esperti previst f’din id-dispożizzjoni mhuwiex kumitat regolat mid-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, li wasslet għad-diskussjoni dwar l-illegalità ta’ dan l-artikolu.

    72      Madankollu, hija tikkunsidra li din l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni kienet tikkostitwixxi element ta’ dritt irrevelat waqt il-proċedura.

    73      L-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli wara, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li għar-raġuni, li fil-fehma ta’ l-appellanti hija żbaljata, li dan il-motiv ma kienx wieħed ta’ ordni pubbliku, hija ma kellhiex l-obbligu li tqajjem l-illegalità ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni ex officio.

    74      Barra minn hekk, CMF issostni li, sabiex tiddetermina n-natura ġuridika tal-kumitat ikkonsultat mill-Kummissjoni, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ l-għażla bejn il-proċedura ta’ ġestjoni u l-proċedura regolatorja li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija (ara l-punt 40 ta’ din is-sentenza), billi sostniet li l-proċedura regolatorja hija użata għall-miżuri ta’ ambitu ġenerali li għandhom l-għan li japplikaw l-elementi essenzjali ta’ att ta’ bażi.

    75      Fil-fehma tagħha, il-kriterju ta’ “miżuri ta’ ambitu ġenerali” mhuwiex l-uniku kriterju ta’ l-użu tal-proċedura regolatorja.

    76      Barra minn hekk, il-kriterji msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija mhumiex vinkolanti. Għaldaqstant, il-Kunsill kellu d-dritt li jipprovdi li, għal miżuri ta’ remissjoni jew ta’ rimbors ta’ dazji doganali, il-proċedura regolatorja kellha tiġi segwita.

    77      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma deċiżjonijiet individwali li m’għandhomx ambitu ġenerali, hija żbaljata. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet ukoll għandhom ambitu ġenerali, safejn, billi jikkonċernaw dejn doganali, huma jirrigwardaw direttament ir-riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea.

    78      CMF tafferma li l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju fl-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali hija li jimponi l-proċedura regolatorja tal-kumitat għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar rimbors jew remissjoni ta’ dazji doganali.

    79      Hija ssostni li l-Artikolu 239(1) jirreferi darbtejn għall-“proċedura tal-kumitat”; l-ewwel darba meta jsemmi s-“sitwazzjonijiet […] li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat”, u t-tieni darba, meta jistabbilixxi li “is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-kumitat”.

    80      L-ewwel referenza tikkonċerna t-teħid ta’ deċiżjoni, fir-rigward tal-mertu, dwar ir-rimbors jew ir-remissjoni. It-tieni tirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali li għandhom jiġu adottati u definiti fir-Regolament ta’ Applikazzjoni. Spjegazzjoni oħra ta’ dan ir-riferiment doppju twassal sabiex jiġi konkluż li l-leġiżlatur Komunitarju rrepeta lilu nnifsu mingħajr ebda raġuni.

    81      L-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli fis-sentenza appellata ma qalitx, kif hija kienet sostniet, li l-grupp ta’ esperti kkonsultat kien ilu jaħdem għal snin twal f’oqsma li m’għandhomx x’jaqsmu mal-baġit. Fil-fehma tagħha, id-deċiżjonijiet ikkontestati għaldaqstant ittieħdu bi ksur dirett tad-dritt dwar il-baġit Komunitarju. Dan il-ksur, miżjud man-nuqqas ta’ bażi ġuridika tad-deċiżjonijiet kkontestati, isaħħaħ il-kuntest ta’ illegalità totali li fih ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet.

    82      CMF tilmenta wkoll li fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li l-grupp ta’ esperti msemmi fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni huwa entità distinta fuq livell funzjonali tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, mingħajr ma ppreċiżat in-natura eżatta ta’ din l-entità. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi eskludiet il-kwistjoni dwar liema kienet il-bażi ġuridika li l-grupp ta’ esperti ġie maħluq abbażi tagħha, għamlet żball ta’ dritt.

    83      Fl-aħħarnett, l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli fil-punti 78 u 79 tas-sentenza appellata ddeċidiet li l-persuni fiżiċi jew morali ma jistgħux jinvokaw allegat ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

    84      Fil-fehma tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et (C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555) u ta’ l-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑263/95, Ġabra p. I-441, punti 31 u 32), li hija kienet iċċitat fil-proċeduri quddiemha.

    85      CMF tqis li l-ħarsien tat-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali kien partikolarment importanti. Peress li fil-punt 77 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-membri tal-grupp ta’ esperti kellhom tlettax-il jum kalendarju sabiex isiru familjari mar-risposta ta’ l-appellanti, hija kellha tikkonstata ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali.

    –       L-argumenti tal-Kummissjoni

    86      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-grupp ta’ esperti msemmi f’din id-dispożizzjoni mhuwiex kumitat regolatorju fis-sens ta’ l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija. L-istatus legali ma jirriżultax minn kompetenza delegata tal-Kunsill, iżda minn dispożizzjoni, l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, adottat mill-Kummissjoni.

    87      B’hekk il-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tieħu d-deċiżjonijiet ikkontestati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar.

    88      Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlet ebda żball ta’ dritt billi qieset li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jagħti kompetenza lill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati.

    89      L-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ din id-dispożizzjoni, imqajma quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kienet differenti mill-motiv imqajjem oriġinarjament fir-rikors tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, iddeċidiet ġustament li, peress li din l-eċċezzjoni tqajmet fl-istadju tar-replika hija kienet inammissibbli u peress li l-allegata illegalità ma kinitx ta’ ordni pubbliku, ma kienx hemm obbligu li titqajjem ex officio.

    90      Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma deċiżjonijiet individwali, minkejja l-konsegwenzi baġitarji tagħhom.

    91      Fil-fehma tagħha, huwa l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni stess li, skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, kellu jiġi adottat wara li tingħata l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, u mhux id-deċiżjonijiet individwali adottati wara abbażi ta’ l-imsemmi Artikolu 907. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

    92      Għal dak li jikkonċerna l-fatt li għal diversi snin il-grupp ta’ esperti kien ħadem f’oqsma li m’għandhomx x’jaqsmu mal-baġit, il-Kummissjoni tippreċiża li hija stess kienet ipprovdiet din l-informazzjoni, b’risposta għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza għas-seduta.

    93      Kien matul is-seduta li l-appellanti qajmet il-kwistjoni tal-qasam baġitarju bħala element ta’ kompletezza li jsaħħaħ il-motiv prinċipali tagħha li l-grupp ta’ esperti kien fil-fatt il-kumitat regolatorju.

    94      Il-Kummissjoni ssostni li għalkemm CMF issa tqis li l-allegat nuqqas ta’ ħidma fil-qasam baġitarju huwa aggravju differenti, dan għandu jiġu meqjus bħala inammissibbli, peress li ma ġiex imqajjem fir-rikorsi mressqa fl-ewwel istanza.

    95      Barra minn hekk, dan l-aggravju huwa irrilevanti u għaldaqstant ineffettiv. Id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkonċernawx l-ispejjeż li saru mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-grupp ta’ esperti. Għal dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ppreċiżatx in-natura eżatta tal-grupp ta’ esperti wara li indikat li dan kien entità distinta, il-Kummissjoni ssostni li din il-preċiżjoni ma kinitx neċessarja peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddeċiedi biss dwar jekk il-grupp ta’ esperti kienx kumitat regolatorju jew le.

    96      Fir-rigward ta’ l-allegat ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, hija tikkunsidra li s-sentenza Il-Kummissjoni vs BASF et, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti peress li f’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja kienet sostniet li l-formalità ta’ awtentikazzjoni kellha l-għan preċiż u speċifiku li tassigura ċ-ċertezza legali għad-destinatarju ta’ l-att.

    97      Madankollu, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat in-natura tal-formalità imposta mill-Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, u kkonkludiet li din il-formalità kellha l-għan li tassigura l-ħidma interna tal-kumitat u mhux li tipproteġi l-interessi tad-destinatarju ta’ l-att adottat.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    98      L-aggravju li qed jiġi eżaminat huwa magħmul minn ħames partijiet:

    –        interpretazzjoni żbaljata ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li, skond din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta hija stess id-deċiżjonijiet ikkontestati mingħajr ma qabel tikseb l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali mogħtija mill-maġġoranza kif previst fl-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, li tirreferi għall-maġġoranza prevista fl-Artikolu 205(2) KE;

    –        ksur ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, imqajma mill-appellanti, kienet inammissibbli;

    –        in-nuqqas li tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura ta’ ordni pubbliku ta’ l-illegalità invokata mill-appellanti bħala eċċezzjoni, in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonstatatx ex officio l-illegalità ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni;

    –        ksur tad-dritt dwar il-baġit Komunitarju billi d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati wara konsultazzjoni ta’ grupp ta’ esperti li ma kienx jaħdem fil-qasam baġitarju;

    –        ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata minn individwi,

    li għandhom jiġu eżaminati skond l-ordni li fiha qed jiġu ppreżentati.

    –       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni

    99      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jipprovdi għall-konsultazzjoni mill-Kummissjoni ta’ “grupp ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha li jiltaqa’ [fi ħdan l-istruttura tal-]Kumitat”.

    100    Fid-dawl ta’ dan il-kliem, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ġustament, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li “[i]l-frażi ’[fi ħdan l-istruttura tal-]Kumitat’ tirrifletti l-fatt li l-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 907 huwa evidentement entità differenti, fuq il-livell funzjonali, mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali”.

    101    Din l-interpretazzjoni mhijiex kontradetta mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 906 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni li jistabbilixxi li “[i]l-kunsiderazzjoni ta’ dak il-każ għandha tkun inkluża malajr kemm jista’ jkun […] fl-aġenda tal-laqgħa tal-grupp ta’ l-esperti li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 907”.

    102    Fil-fatt, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 906 għandu jinftiehem fis-sens li l-Kumitat tal-Kodiċi Doganali mhuwiex involut in kwantu tali, bil-għan li jagħti opinjoni huwa stess, iżda in kwantu organu li fi ħdan l-istruttura tiegħu l-grupp ta’ esperti, distint mill-imsemmi organu, jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu.

    103    Għaldaqstant, l-appellanti qed tagħmel żball meta tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma ddeċidietx li d-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom jiġu adottati wara opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

    104    Hija ma tistax tikkritika b’suċċess lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma ppreċiżatx in-natura eżatta tal-grupp ta’ esperti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddeċiedi biss dwar jekk il-grupp ta’ esperti kienx kumitat regolatorju jew le.

    105    Konsegwentement, l-ewwel parti ta’ l-aggravju eżaminat għandha tiġi miċħuda.

    –       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    106    Skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, “[e]bda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża, sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.”

    107    Mhuwiex ikkontestat li quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-appellanti invokat l-illegalità ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni wara li l-Kummissjoni kienet ippreżentat ir-risposta tagħha.

    108    Kuntrarjament għal dak li hija ssostni, is-sempliċi interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha ma tikkostitwixxix, fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, element ta’ dritt li joħroġ matul il-proċedura.

    109    Għalhekk, fil-punti 51 u 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ġustament li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kienet inammissibbli.

    110    Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ l-aggravju eżaminat għandu jiġi miċħud.

    –       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas li tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura ta’ ordni pubbliku ta’ l-illegalità invokata mill-appellanti bħala eċċezzjoni, in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonstatatx ex officio l-illegalità ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni;

    111    Fil-punt 52 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt ikkunsidrat li l-eventwali illegalità ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni mhijiex ta’ ordni pubbliku, filwaqt li żiedet tgħid li mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li hija għandha teżamina ex officio jekk il-Kummissjoni marritx lilhinn mill-poteri tagħha billi adottat il-kontenut ta’ l-imsemmi artikolu li huwa l-bażi ġuridika għad-deċiżjonijiet ikkontestati.

    112    Madankollu, fl-istess punt tas-sentenza appellata hija sostniet li:

    “[…] m’hemmx dubju li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni aġixxiet fil-limitu tal-kompetenzi tagħha meta adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati. Dawn ta’ l-aħħar, fil-fatt, kienu adottati abbażi ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, li min-naħa tiegħu ġie adottat fuq l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali […]”

    113    Madankollu, meta ddeċidiet hekk, hija sostniet ġustament li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni ma kienx ivvizzjat bl-allegata illegalità, billi kkunsidrat impliċitament iżda neċessarjament li l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni biss, u mhux l-adozzjoni sussegwenti tad-deċiżjonijiet individwali tal-Kummissjoni, kienu suġġetti għall-proċedura tal-kumitat regolatorju.

    114    F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi mfakkar li t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 202 KE jawtorizza lill-Kunsill sabiex jagħti lill-Kummissjoni, fl-atti li jadotta l-Kunsill, il-poteri għall-implementazzjoni tar-regoli li l-Kunsill jistabbilixxi, jekk ikun il-każ billi jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ dawn il-poteri għal ċerti proċeduri jew billi, f’każijiet speċifiċi, jirriżerva d-dritt li jeżerċita l-poteri ta’ implementazzjoni direttament.

    115    Il-kunċett ta’ “implementazzjoni” fis-sens ta’ dan l-artikolu jinkludi kemm l-ifformular tar-regoli ta’ applikazzjoni kif ukoll l-applikazzjoni tar-regoli għal każijiet partikolari permezz ta’ atti ta’ ambitu individwali (sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-122/04, Ġabra p. I-2001, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    116    Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija, li tistabbilixxi l-proċeduri ta’ l-eżerċizzju tal-poteri ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni, abbażi tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 202 KE.

    117    L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni (ara l-punt 40 ta’ din is-sentenza) jistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom għandha ssir l-għażla bejn tliet tipi ta’ proċeduri, jiġifieri l-proċedura ta’ ġestjoni, il-proċedura regolatorja u l-proċedura konsultattiva.

    118    It-tliet proċeduri previsti huma definiti fl-Artikoli 3 sa 5 ta’ l-istess deċiżjoni.

    119    Il-kliem ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija juri li l-kriterji applikabbli għall-għażla tal-proċedura tal-kumitat mhumiex vinkolanti, u dan jikkonferma espressament il-ħames premessa ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

    120    B’hekk, mingħajr ħsara għal kwalunkwe applikazzjoni tal-proċedura konsultattiva, miżuri ta’ ambitu ġenerali jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(a) jew (b) tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

    121    Huma jistgħu jaqgħu taħt il-proċedura ta’ ġestjoni meta jkunu strettament marbuta ma’ miżuri ta’ ambitu individwali u jistgħu jifformaw parti minn struttura suffiċjentement żviluppata mill-att ta’ bażi stess (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

    122    Għall-kuntrarju, ukoll mingħajr ħsara għal kwalunkwe applikazzjoni tal-proċedura konsultattiva, miżuri ta’ ambitu individwali jistgħu jaqgħu biss taħt l-Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

    123    F’din il-kawża jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali huwa inkluż f’att tal-Kunsill.

    124    F’din id-dispożizzjoni, il-Kunsill ta lill-Kummissjoni, skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 202 KE, poteri ta’ implementazzjoni li permezz tagħhom tista’ tiddetermina, minn naħa, is-sitwazzjonijiet li fihom jista’ jingħata rimbors jew remissjoni tad-dazji doganali, u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dan il-għan.

    125    Fid-dawl ta’ l-Artikoli 4(24), 247 u 246a tal-Kodiċi Doganali, ir-referenza għall-proċedura tal-kumitat fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali timplika l-applikazzjoni tal-proċedura regolatorja, applikabbli għall-miżuri ta’ ambitu ġenerali.

    126    Kuntrarjament għall-affermazzjoni ta’ l-appellanti, deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar rimbors jew remissjoni ta’ dazji doganali mhijiex ta’ ambitu ġenerali, minkejja l-fatt li jkollha effett fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità.

    127    Bl-istess mod bħal deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi fir-rigward tal-kompetizzjoni, li wkoll tipproduċi effetti bħal dawn, hija tikkostitwixxi deċiżjoni individwali.

    128    Għalhekk, il-Kunsill seta’ jadottaha biss skond il-proċedura ta’ ġestjoni, possibbiltà li mhijiex inkluża fl-Artikoli 239, 247 u 247a tal-Kodiċi Doganali.

    129    Għaldaqstant, l-appellanti għandha żball li ssostni, minn naħa, li l-Kummissjoni setgħet timponi l-applikazzjoni tal-proċedura regolatorja għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw operaturi partikolari u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat il-kriterji ta’ l-għażla bejn il-proċedura ta’ ġestjoni u l-proċedura regolatorja stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar il-Komitoloġija.

    130    Fil-kuntest ta’ interpretazzjoni li hija daqstant litterali daqs kemm hija konsistenti ta’ l-Artikolu 239(1) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi kkunsidrat li l-kelma “sitwazzjonijiet”, imsemmija darbtejn, tirreferi għal sitwazzjonijiet definiti b’mod astratt u mhux għal sitwazzjonijiet ta’ operaturi individwali evalwati speċifikament fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet individwali.

    131    Din il-konklużjoni hija korroborata mit-tqegħid flimkien, fuq l-istess livell, fit-tieni sentenza ta’ l-istess artikolu, ta’ “sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata” u “proċeduri li għandhom jiġu segwiti” li, minnhom innifishom, jaqgħu taħt miżuri ta’ ambitu ġenerali.

    132    Billi adottat miżura ta’ ambitu ġenerali li hija l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, il-Kummissjoni eżerċitat il-poter ta’ implementazzjoni ddelegat lilha permezz ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali għal dak li jikkonċerna l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti.

    133    Huwa paċifiku li għal dan il-għan hija kisbet l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

    134    Peress li skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali ma kinitx marbuta bi proċedura partikolari għall-eżami proprju ta’ l-applikazzjonijiet għal rimbors jew remissjoni ta’ dazji doganali, il-Kummissjoni setgħet legalment:

    –        tattribwixxi lilha nnifisha poter li tieħu deċiżjoni preċeduta minn opinjoni ta’ grupp ta’ esperti distint fuq livell funzjonali mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, bl-istess mod kif setgħet tirrikonoxxi l-istess poter għaliha nnifisha mingħajr ma titlob l-opinjoni ta’ grupp bħal dan, u barra minn hekk, bl-istess mod kif setgħet tipprovdi, fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 905(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, li l-awtorità tad-dwana setgħet tiddeċiedi hija stess li tagħti r-rimbors jew ir-remissjoni tad-dazji meta t-talba tkun inqas minn ċertu ammont;

    –        li ma tissuġġettax l-opinjoni tal-grupp ta’ esperti għal maġġoranza kwalifikata.

    135    Għalhekk, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni ma jonqosx milli jieħu in kunsiderazzjoni l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, huwa stess adottat skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 202 KE.

    136    Konsegwentement, lanqas jikser l-Artikolu 7 KE.

    137    Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-ilment ippreżentat mill-appellanti kontra l-aggravju tas-sentenza appellata li l-allegata illegalità ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 907 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni ma kinitx ta’ ordni pubbliku huwa dirett kontra aggravju inkluż f’din is-sentenza għal finijiet ta’ kompletezza b’mod li, peress li huwa ineffettiv, ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2004, Van den Berg vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-164/01 P, Ġabra p. I-10225, punt 60, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C-202/02 P, C‑205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 148).

    138    Fil-fatt, il-kwistjoni tal-karattru ta’ ordni pubbliku ta’ illegalità mhijiex rilevanti meta l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament tikkunsidra li l-att mhuwiex ivvizzjat minn illegalità u għaldaqstant ma tqajjimx eċċezzjoni ta’ illegalità ex officio.

    139    Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ l-aggravju eżaminat għandha tiġi miċħuda.

    –       Fuq ir-raba’ parti bbażata fuq ksur tad-dritt dwar il-baġit Komunitarju

    140    Mingħajr mhuwa neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kinitx invokat effettivament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, bħala motiv għall-annullament tad-deċiżjonijiet kkontestati, ksur tad-dritt dwar il-baġit Komunitarju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din il-kawża ma kienet tinvolvi ebda nefqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħidma tal-grupp ta’ esperti.

    141    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ qasam baġitarju ma taffettwax il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għal remissjoni ta’ dazji doganali.

    142    Minn dan isegwi li r-raba’ parti ta’ l-aggravju eżaminat, fi kwalunkwe każ ineffettiva, għandha tiġi miċħuda.

    –       Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali

    143    L-Artikolu 4 tar-Regolament Intern tal-Kumitat tal-Kodiċi jipprovdi li, b’mod partikolari, l-abbozzi tal-miżuri li dwarhom tinħtieġ l-opinjoni tal-kumitat u kull dokument ieħor ta’ xogħol għandhom jintbagħtu lill-membri tal-kumitat, bħala regola ġenerali, erbatax-il jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa, terminu li jista’ jitnaqqas sa ħamest ijiem kalendarji f’każ ta’ urġenza u anki inqas f’każ ta’ urġenza estrema.

    144    Fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ġustament li r-regola stabbilita permezz ta’ din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tassigura l-ħidma interna tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali b’ħarsien sħiħ tal-prerogattivi tal-membri tiegħu.

    145    Sussegwentement, hija sostniet li l-persuni fiżiċi jew morali ma jistgħux jinvokaw allegat ksur ta’ din ir-regola, peress li mhijiex intiża sabiex tassigura l-protezzjoni ta’ l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C-69/89, Ġabra p. I-2069, punti 49 u 50).

    146    Peress li barra minn hekk ikkonstatat li l-grupp ta’ esperti ma kienx kumitat regolatorju u wkoll li l-appellanti kienet parti terza, hija eskludiet ġustament l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li mogħtija fuq rikors ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ kumitat permanenti għall-kostruzzjoni magħmul minn rappreżentati nominati minn kull Stat Membru, annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li t-terminu stabbilit mir-Regolament Intern ta’ l-imsemmi kumitat sabiex jintbagħtu d-dokumenti lill-membri tiegħu, ma kienx ġie rispettat.

    147    Il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas għamlet żball ta’ dritt meta ma applikatx, b’analoġija, il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Il-Kummissjoni vs BASF et, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fir-rigward ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Arikolu 12 tar-Regolament Intern tal-Kummissjoni li kien fis-seħħ dakinhar, u li bis-saħħa tiegħu l-atti adottati mill-Kummissjoni f’laqgħa jew permezz tal-proċedura bil-miktub kellhom jiġu awtentikati, f’waħda jew iktar mill-verżjonijiet lingwistiċi li kienu vinkolanti, permezz tal-firem tal-President jew tas-Segretarju Eżekuttiv.

    148    Fil-fatt, fil-punti 75 sa 78 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet motiv ta’ persuna ġuridika bbażat fuq ksur ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 tar-Regolament Intern għar-raġuni, li ma tistax tiġi applikata fil-kawża preżenti, li l-awtentikazzjoni ta’ l-atti prevista minn din id-dispożizzjoni kellha l-għan li tassigura ċ-ċertezza legali billi tiżgura li t-test adottat mill-kulleġġ tal-Kummissarji jiġi stabbilit fil-verżjonijiet lingwistiċi vinkolanti u għaldaqstant, l-imsemmija awtentikazzjoni kienet forma proċedurali sostanzjali.

    149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames parti ta’ l-aggravju eżaminat għandha tiġi miċħuda.

    150    Minn dak li ngħad preċedentement jirriżulta li l-aggravju għandu jiġi miċħud kompletament.

     Fuq l-aggravju bbażat fuq applikazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali

     L-argumenti tal-partijiet

    –       L-argumenti ta’ l-appellanti

    151    L-appellanti tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali billi kkunsidrat li l-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ negliġenza evidenti ma kinitx issodisfata.

    152    L-aggravju tagħha jinqasam fi tliet partijiet.

    153    Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, CMF tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli, b’mod żbaljat, permezz ta’ riferiment għas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2004, Gondrand Frères vs Il-Kummissjoni (T-104/02, Ġabra p. II-3211, punt 66) hija kkunsidrat li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 ma jippreżentax diffikultajiet partikolari ta’ interpretazzjoni, peress li l-imsemmija dispożizzjoni kienet ġiet introdotta bil-għan li jiġi eliminat ir-riskju li l-miżuri ta’ kontra d-dumping jiġu evitati permezz ta’ arranġamenti triangulari ta’ importazzjoni u peress li timplika preżunzjoni ta’ riskju ta’ evażjoni meta l-importazzjonijiet ma jkunux direttament fatturati mill-produttur jew l-esportatur lill-importatur li m’għandux x’jaqsam.

    154    Madankollu t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 ma jimponix dazju speċifiku f’każ ta’ riskju ta’ evażjoni. Kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretatu flimkien mat-tielet premessa ta’ l-istess regolament (ara l-punt 40 ta’ din is-sentenza), kienet tasal għall-konklużjoni li dazju speċifiku huwa dovut biss meta l-evażjoni tkun seħħet.

    155    L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza turi li d-dispożizzjoni in kwistjoni kienet waħda kumplessa biex tiġi interpretata.

    156    Permezz tat-tieni parti ta’ l-aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li hija ma setgħetx tiġi eżonerata mir-responsabbiltà tagħha abbażi tal-fatt li l-iżbalji saru mill-aġenti doganali tagħha u li kellha esperjenza professjonali biżżejjed fil-qasam in kwistjoni.

    157    Hija ssostni li r-responsabbiltà professjonali ta’ l-aġenti doganali ġiet rikonoxxuta fid-dritt Komunitarju (sentenza tat-13 ta’ Novembru 1984, Van Gend & Loos u Expeditiebedrijf Wim Bosman vs Il-Kummissjoni, 98/83 u 230/83, Ġabra p. 3763, punt 16).

    158    Barra minn hekk, hija ssostni li fir-rigward ta’ l-esperjenza professjonali tagħha, hija teżerċita l-attività ta’ bejjiegħ bl-ingrossa ta’ prodotti kimiċi u provvisti għall-agrikoltura, b’mod partikolari, ta’ soluzzjonijiet tan-nitroġenu, u li konsegwentement, hija ta’ spiss tixtri l-prodotti li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 3319/94, li sikwit ikunu ġejjin mill-Polonja u mil-Litwanja.

    159    Madankollu, dan ma jfissirx li hija speċjalizzata fil-proċedura ta’ rilaxx mid-dwana ta’ dawn il-prodotti fi Franza. Hija tqabbad speċifikatament esperti doganali Franċiżi sabiex jieħdu ħsieb il-formalitajiet kumplessi tar-rilaxx mid-dwana.

    160    Għaldaqstant, hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala operatur ekonomiku esperjenzat fil-qasam ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni tas-soluzzjonijiet ta’ nitroġenu, iżda mhux bħala operatur esperjenzat fit-tranżazzjonijiet ta’ rilaxx mid-dwana.

    161    Konsegwentement, hija m’għandhiex tinżamm responsabbli għall-iżbalji ta’ l-aġenti doganali.

    162    Permezz tat-tielet parti ta’ l-aggravju, CMF issostni li abbażi ta’ interpretazzjoni inkorretta tal-fatti, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, b’mod żbaljat, li l-imġiba ta’ l-appellanti ma kinitx diliġenti biżżejjed.

    163    Fil-punti 143 u 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, b’mod żbaljat, li hija ma kinitx talbet il-pariri ta’ l-aġenti doganali tagħha u li hija kkommettiet xi żbalji fil-fatturi tagħha.

    164    L-appellanti ssostni li, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2000, hija talbet lill-awtoritajiet tad-dwana Franċiżi xi kjarifiki dwar ir-Regolament Nru 3319/94.

    165    Barra minn hekk, l-iżbalji ta’ fatturazzjoni msemmija fit-termini ġenerali tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienu fil-fatt jikkonċernaw il-kawża T-134/03 biss u jerġa’, waħda biss mit-tliet kunsinji kienet ikkonċernata.

    166    Wieħed mill-iżbalji li saru, li malajr ġie korrett, kien li l-fatturazzjoni saret fi franki Franċiżi u mhux f’dollari u l-ieħor kien li l-ispejjeż relatati ma’ l-aġent ma kinux inklużi fl-ispejjeż tal-ġarr tal-merkanzija.

    167    Żbalji bħal dawn huma fost ir-riskji kummerċjali normali li jinvolvu dawn it-tip ta’ tranżazzjonijiet. Dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala nuqqas ta’ diliġenza ta’ l-appellanti.

    –       L-argumenti tal-Kummissjoni

    168    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 ma jippreżentax diffikultajiet partikolari ta’ interpretazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma fiha ebda element suġġettiv li jimplika eżami ta’ l-intenzjoni ta’ l-operatur in kwistjoni. Kull ma huwa meħtieġ sabiex tapplika din id-dispożizzjoni huwa li jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet oġġettivi.

    169    Għal dak li jikkonċerna l-iżbalji attribwiti mill-appellanti lill-aġenti doganali tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-responsabbiltà ta’ dawn l-aġenti ma teskludix dik ta’ l-appellanti, li f’dan il-każ, hija għandha tinżamm responsabbli.

    170    Fir-rigward ta’ l-esperjenza professjonali ta’ l-operatur, il-Kummissjoni ssostni li din għandha tiġi evalwata, mhux skond l-esperjenza fil-proċeduri tar-rilaxx mid-dwana, iżda skond l-esperjenza tagħha f’attivitajiet kummerċjali ta’ importazzjoni u esportazzjoni (sentenza tal-11 Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98, Ġabra p. I‑7877, punt 57).

    171    Fir-rigward tal-kwistjoni tad-diliġenza ta’ CMF, hija ssostni li din kienet talbet xi kjarifiki mingħand l-awtoritajiet nazzjonali wara li kienu seħħew il-fatt rilevanti għal din il-kawża.

    172    Sussegwentement, hija ssostni li l-kontestazzjoni ta’ l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-iżbalji ta’ fatturazzjoni hija inammissibbli, peress li din tikkontesta evalwazzjoni tal-fatti li, suġġett għal distorsjoni ta’ l-elementi preżenti, mhijiex kwistjoni dwar punt ta’ dritt li, bħala tali, tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    173    Fi kwalunkwe każ, il-kontestazzjoni tikkonċerna biss parti mill-fatti eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-appellanti kienet tat lill-aġenti doganali tagħha istruzzjonijiet preċiżi iżda li ma twettqux u damet qabel ma talbet kjarifiki mingħand l-awtoritajiet nazzjonali.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    174    Fil-punt 135 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat ġustament li sabiex tiġi eżaminata negliġenza evidenti fis-sens ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom ħoloq dejn doganali, kif ukoll l-esperjenza professjonali u d-diliġenza ta’ l-operatur (sentenzi Söhl & Söhlke, iċċitata aktar ’il fuq, punt 56, u tat-13 ta’ Marzu 2003, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-156/00, Ġabra p. I-2527, punt 92).

    175    Fil-punt 136 ta’ l-istess sentenza hija fakkret ġustament ukoll li r-rimbors jew ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew id-dazji fuq l-esportazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti każijiet speċifiċi pprovdut għalihom, jikkostitwixxu eċċezzjoni għall-iskema normali ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet u, konsegwentement, li d-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal rimbors jew remissjoni bħal dawn għandhom jiġu interpretati b’mod strett (sentenza Söhl & Söhlke, iċċitata ’iktar ’il fuq, punt 52).

    –       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-kumplessità tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94

    176    Fil-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tagħha Gondrand Frères vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66), sostniet li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 ma kien jippreżenta ebda diffikultà partikolari ta’ interpretazzjoni.

    177    Filwaqt li għamlet dan, hija għaddiet għal klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti sabiex tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni doganali in kwistjoni setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “kumplessa” għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, C‑499/03 P, Ġabra p. I-1751, punti 42 u 43).

    178    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94 jistabbilixxi, bħala l-uniċi kundizzjonijiet għall-impożizzjoni tad-dazju speċifiku, l-eżistenza ta’ fatturazzjoni indiretta u l-importazzjoni ta’ prodott ta’ ZAP.

    179    Barra minn hekk, huwa ma jeħtieġx prova ta’ l-intenzjoni ta’ l-operatur li jevadi d-dazju kontra d-dumping.

    180    Id-disgħa u tletin premessa tar-Regolament Nru 3319/94 ma timminax din il-konstatazzjoni ta’ l-aħħar. Hija tistabbilixxi l-għan li “tiġi evitata” l-evażjoni tal-miżuri kontra d-dumping. Din l-intenzjoni tidher kjarament bħala għan ġenerali ta’ prevenzjoni u mhux ta’ tassazzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ evażjoni li jkunu seħħew.

    181    Billi ddeċidiet li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 3319/94, in kwantu kellu jkun mifhum bħala li huwa intiż li “jiġi evitat ir-riskju ta’ evażjoni”, ma kien jippreżenta ebda diffikultà partikolari ta’ interpretazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlitx żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika ta’ l-elementi li jistgħu jikkostitwixxu waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

    182    Minn dan isegwi li l-ewwel parti ta’ l-aggravju eżaminat għandha tiġi miċħuda.

    –       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-esklużjoni ta’ eżonerazzjoni mir-responsabbiltà minħabba li l-iżbalji kienu saru mill-aġenti doganali u, min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjoni li l-appellanti kellha esperjenza professjonali biżżejjed fil-qasam in kwistjoni

    183    Fil-punt 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-appellanti ma setgħetx tkun eżonerata mir-responsabbiltà tagħha billi ssostni li l-iżball, eżistenti jew le, kien ta’ l-aġenti tagħha.

    184    F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi Doganali, ir-rappreżentanza ta’ operatur sabiex iwettaq l-atti u l-formalitajiet previsti mir-regolament doganali, tista’ tkun diretta, meta r-rappreżentant jaġixxi f’ismu, jew indiretta, meta r-rappreżentant jaġixxi f’ismu, iżda għal ħaddieħor.

    185    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li:

    –        skond l-Artikolu 4(18) tal-Kodiċi Doganali, id-dikjarant huwa l-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni tad-dwana f’isimha jew li ssir dikjarazzjoni tad-dwana f’isimha;

    –        skond l-Artikolu 201(3) ta’ l-istess Kodiċi, id-debitur ta’ dejn doganali huwa d-dikjarant u, f’każ ta’ rappreżentanza indiretta, il-persuna li tkun saret id-dikjarazzjoni f’isimha.

    186    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-operatur li jqabbad aġent doganali, kemm fil-kuntest ta’ rappreżentanza diretta jew indiretta, huwa fi kwalunkwe każ debitur tad-dejn doganali għal dak li jikkonċerna l-aġenti doganali.

    187    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ dritt billi ma eżoneratx lill-appellanti mir-responsabbiltà minħabba li l-iżbalji kienu allegatament saru mill-aġenti doganali, li r-responsabbiltà tagħhom, jekk għandhom, fir-rigward ta’ CMF tikkonċerna biss r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom ma’ din ta’ l-aħħar.

    188    Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta ma’ l-esperjenza professjonali ta’ l-operatur, fil-punt 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat ġustament li kien jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-operatur ekonomiku kienx wieħed li l-attività professjonali tiegħu kienet tikkonsisti, essenzjalment, fi tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni, u jekk kienx diġà akkwista ċerta esperjenza fl-eżerċizzju ta’ dawn it-tranżazzjonijiet (sentenza Söhl & Söhlke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

    189    Sussegwentement, peress li fil-punt 141 ta’ l-istess sentenza kkonstatat li l-appellanti ammettiet hija stess li kellha ċertu esperjenza fit-tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ prodotti nitroġeni koperti mir-Regolament Nru 3319/94, li huwa kkonfermat fl-appell tagħha (ara l-punt 160 ta’ din is-sentenza), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet ġustament li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-appellanti kellha l-esperjenza professjonali meħtieġa.

    190    Minn dan isegwi li t-tieni parti ta’ l-aggravju eżaminat għandha tiġi miċħuda.

    –       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żball imwettaq fl-eżami tal-kundizzjoni marbuta mad-diliġenza ta’ l-operatur

    191    Fil-punt 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat, prinċipalment, li meta jkun hemm dubji dwar l-applikazzjoni eżatta tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ implementazzjoni tagħhom jista’ jwassal għal dejn doganali, huwa l-operatur li għandu jinforma ruħu u jipprova jikseb il-kjarifiki kollha possibbli sabiex ma jiksirx dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza Söhl & Söhlke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 580.

    192    Sussegwentement, fil-punt 143 ta’ l-istess sentenza, hija sostniet li l-appellanti, minkejja l-allegazzjoni tagħha ta’ diffikultajiet inerenti fir-Regolament Nru 3319/94, mhux biss ma talbitx il-parir ta’ l-aġenti doganali, iżda bagħtitilhom istruzzjonijiet preċiżi ħafna.

    193    Fil-punt 144 tas-sentenza appellata hija żiedet tgħid: “Barra minn hekk, l-iżbalji tar-rikorrenti fit-tlestija tal-fatturi tagħha wkoll huma indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tagħha.”

    194    Fil-punt 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-imġiba ta’ l-appellanti matul it-twettiq tat-tranżazzjonijiet in kwistjoni ma setgħetx titqies bħala diliġenti biżżejjed.

    195    F’dan ir-rigward, jeħtieġ l-ewwelnett li jiġi rrilevat li, b’dan il-mod hija għamlet klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kundizzjoni ta’ “diliġenza” kinitx issodisfata (ara, b’analoġija, is-sentenza Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43). Għaldaqstant, kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni, il-kontestazzjoni ta’ l-appellanti dwar l-iżbalji ta’ fatturazzjoni hija ammissibbli.

    196    Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li l-konklużjoni pprovduta tidher li hija ġġustifikata biżżejjed mill-konstatazzjoni li CMF naqset milli titlob informazzjoni jew kjarifiki utli għat-tranżazzjonijiet tar-rilaxx mid-dwana in kwistjoni, minkejja l-allegazzjoni tagħha ta’ “kumplessità” tar-Regolament Nru 3319/94.

    197    Fil-fatt, jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-kliem tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, l-appellanti ma setgħetx ma kellhiex dubji dwar il-possibbiltà ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju speċifiku għal arranġamenti ta’ importazzjoni bħal dawk magħżulin minnha, li kienu jinvolvu żewġ kumpanniji bejn l-esportatur Pollakk u hija stess.

    198    F’dawn iċ-ċirkustanzi, la CMF kienet tqis li d-disgħa u tletin premessa tar-Regolament Nru 3319/94 tesprimi kundizzjoni ta’ prova ta’ evażjoni effettiva li tiżdied maż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-istess regolament iktar milli għan ġenerali ta’ prevenzjoni, hija kellha naturalment tinforma ruħha u tipprova tikseb kjarifiki qabel it-tranżazzjonijiet tar-rilaxx mid-dwana in kwistjoni, u mhux matul is-sena 2000, kif għamlet fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri.

    199    Minn dan isegwi li, anki kieku kien fondat, l-ilment ta’ l-appellanti li jirrigwarda żbalji ta’ fatturazzjoni, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrathom bħala elementi addizzjonali fl-analiżi, ma jistax jivvizzja bi żball ta’ dritt il-konklużjoni tas-sentenza appellata għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni marbuta mad-diliġenza ta’ l-operatur.

    200    Fl-aħħarnett, peress li ebda wieħed mill-aggravji ta’ l-appell m’huwa fondat, l-appell stess għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    201    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ l-appell skond l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Common Market Fertilizers SA hija ordnata tbati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Fuq