Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62004CJ0503

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-18 ta' Lulju 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta' l-Istat - Nuqqas ta' eżekuzzjoni - Artikolu 228 KE - Miżuri li jassiguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja - Rexissjoni ta' kuntratt.
Kawża C-503/04.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-06153

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:432

Kawża C-503/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ l-Istat – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 228 KE – Miżuri li jassiguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rexissjoni ta’ kuntratt”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas – Nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligu li tiġi eżegwita s-sentenza – Penali pekunjarji

(Artikolu 228(2) KE)

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet – Direttiva 89/665

(Artikolu 226 KE u 228 KE; Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 3)

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet – Direttiva 89/665

(Artikolu 226 KE u 228 KE; Direttiva tal-Kunsill 89/665, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 (6))

4.        Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 92/50

(Artikolu 226 KE; Direttiva tal-Kunsill 92/50)

5.        Stati Membri – Obbligi – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordinament intern – Inammissibbiltà

(Artikolu 226 KE)

1.        Fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 228(2)KE, rikors mhuwiex inammissibbli għar-raġuni li l-Kummissjoni ma tibqax titlob l-impożizzjoni ta’ penali. Fil-fatt, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li timponi penali pekunjarja li ma tkunx proposta mill-Kummissjoni, ir-rikors mhuwiex inammissibbli sempliċement minħabba l-fatt li, f’ċertu stadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tqis li ma jkunx iktar neċessarju li tiġi imposta penali.

(Ara l-punti 21-22)

2.        Il-proċedura partikolari stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, li bis-saħħa tagħha l-Kummissjoni tista’ taġixxi kontra Stat Membru jekk hija tikkunsidra li jkun ġie kommess ksur ċar u evidenti tad-dispożzzjonijiet Komunitarji fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tikkostitwixxi miżura preventiva, li la tista’ tidderoga u lanqas tissostitwixxi l-kompetenzi tal-Kummissjoni taħt l-Artikoli 226 KE u 228 KE.

(Ara l-punt 23)

3.        Jekk huwa veru li din id-dispożizzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, tawtorizza lill-Istati Membri jżommu l-effetti ta’ kuntratti konklużi bi ksur tad-direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u b’hekk tipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-kontraenti, hija ma tistax, mingħajr ma tnaqqas il-portata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxu s-suq intern, ikollha l-effett li l-aġir ta’ l-awtorità kontraenti fir-rigward ta’ terzi persuni jkun ikkunsidrat bħala konformi mad-dritt Komunitarju wara li jiġu konklużi kuntratti bħal dawn.

Jekk l-imsemmija dispożizzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 226 KE, hija lanqas tista’ taffettwa l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 228 KE, mingħajr ma tnaqqas il-portata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxu s-suq intern. Barra minn hekk, hija tirrigwarda, kif jirriżulta mill-kliem tagħha, il-kumpens li persuna leża tista’ tikseb minħabba ksur kommess minn awtorità kontraenti. Madankollu, peress li hija speċifika, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tirregola wkoll ir-relazzjoni bejn Stat Membru u l-Komunità, kif inhu l-każ fil-kuntest ta’ l-Artikoli 226 KE u 228 KE.

                                                                        (Ara l-punti 33-35)

4.        Anki jekk jiġi preżuppost li jistgħu jiġu invokati kontra l-awtorità kontraenti l-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju pacta sunt servanda kif ukoll id-dritt ta’ protezzjoni tal-proprjetà mill-parti kontraenti tagħha f’każ ta’ rexissjoni tal-kuntratt, konkluż bi ksur tad-Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, Stat Membru ma jistax, fi kwalunkwe każ, jibbaża ruħu fuq dawn il-prinċipji jew fuq dan id-dritt sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, u b’hekk jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu taħt id-dritt Komunitarju.

(Ara l-punt 36)

5.        Stat Membru ma jistax juża dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet eżistenti fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju.

(Ara l-punt 38)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

18 ta’ Lulju 2007(*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ l-Istat – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 228 KE – Miżuri li jassiguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rexissjoni ta’ kuntratt”

Fil-kawża C‑503/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 228 KE, imressaq fis-7 ta’ Diċembru 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Schima, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn W.-D. Plessing u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti, assistiti minn H.-J. Prieß, Rechtsanwalt,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J.-C. Gracia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, P. Kūris, K. Schiemann, J. Makarczyk u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li billi ma ħaditx il-miżuri sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑20/01 u C‑28/01, Ġabra p. I‑3609), dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt għall-ġbir ta’ l-ilma użat mill-komun ta’ Bockhorn (il-Ġermanja) u ta’ kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart mill-belt ta’ Brunswick (il-Ġermanja), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) KE, u tikkundanna lil dan l-Istat Membru iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont tar-riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea, penali fl-ammont ta’ EUR 31,680 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza għal dak li jirrigwarda l-kuntratt dwar il-komun ta’ Bockhorn u fl-ammont ta’ EUR 126,720 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-adozzjoni ta’ miżuri sabiex jikkonforma ruħu ma’ din is-sentenza għal dak li jirrigwarda l-kuntratt dwar il-belt ta’ Brunswick, u dan mid-data ta’ din is-sentenza sa l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

2        Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 2005, ġew ammessi l-interventi tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju ta’ l-Olanda u tar-Repubblika tal-Finlandja in sostenn għat-talbiet tar- Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33), fl-Artikolu 2(6) tagħha tipprovdi li:

“L-effetti ta’ l-eżerċizzju tal-poteri msemmij[a] fil-pargrafu 1 dwar kuntratt konkluż sussegwentement għall-għoti tiegħu għandhom jiġu stabbilit[i] bil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief meta deċiżjoni għandha titwarrab qabel ma jingħataw id-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt wara l-għoti tiegħu, il-poteri tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu limitati għall-għoti ta’ danni lil kull persuna li ssofri minn ksur.”

4        Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/665:

“Il-Kummissjoni għandha tinvoka l-proċedura li jipprovdi għaliha dan l-Artikolu meta, qabel ma jiġi konkluż kuntratt, tikkonsidra li jkun ġie kommess ksur ċar u evidenti tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kamp ta’ l-akkwist pubbliku tul l-għoti ta’ kuntratt li jaqa’ fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE.”

 Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq

5        Fil-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u ddeċidiet li:

“1)      Billi l-komun ta’ Bockhorn (il-Ġermanja) ma għamilx sejħa għal offerti għall-kuntratt dwar il-ġbir ta’ l-ilma użat tiegħu u billi ma ppubblikax ir-riżultat tal-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt pubbliku fis-supplement tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, meta tat dan il-kuntratt ta’ servizz pubbliku, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8, flimkien ma’ l-Artikoli 15(2) u 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [ĠU L 209, p. 1].

2)      Billi l-belt ta’ Brunswick (il-Ġermanja) tat il-kuntratt dwar ir-rimi ta’ l-iskart tagħha bi proċedura negozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż tal-kuntratt, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 għall-għoti ta’ kuntratti negozjati mingħajr sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju ma kinux issodisfati, meta ngħata dan il-kuntratt ta’ servizz pubbliku r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 8 u 11(3)(b) ta’ din id-direttiva.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

6        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni talbet lill-Gvern Ġermaniż jikkomunikalha l-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

7        Billi l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta bir-risposta tal-Gvern Ġermaniż tas-7 ta’ Awwissu 2003, fis-17 ta’ Ottubru 2003 hija talbet lill-awtoritajiet Ġermaniżi jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ xahrejn.

8        Il-Gvern Ġermaniż, fil-komunikazzjoni tiegħu tat-23 ta’ Diċembru 2003, irrefera għal ittra mibgħuta lill-Gvern tal-Land ta’ Niedersachsen fil-bidu tax-xahar ta’ Diċembru 2003 li fiha talab lil dan ta’ l-aħħar sabiex jikkonforma ruħu mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u sabiex jikkomunikalu l-miżuri li jippermettu li jiġi evitat ksur bħal fil-futur. Barra minn dan, il-Gvern Ġermaniż irrefera għall-Artikolu 13 tad-digriet dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (Vergabeverordnung), dispożizzjoni li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2001, li tipprovdi li l-kuntratti konklużi minn awtoritajiet kontraenti huma invalidi meta l-offerenti li ma jintgħażlux ma jiġux informati bil-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti f’terminu ta’ erbatax-il ġurnata qabel l-għoti ta’ kuntratt. Dan il-Gvern sostna wkoll li d-dritt Komunitarju ma jitlobx ir-rexissjoni taż-żewġ kuntratti in kwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

9        Fl-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li din ta’ l-aħħar irrispondiet għaliha fis-7 ta’ Ġunju 2004.

10      Billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ħaditx il-miżuri li jassiguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreżentatat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq is-suġġett tar-rikors

11      Billi fir-risposta tad-difiża tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja stqarret li, fit-28 ta’ Frar 2005, kienet ser tannulla l-kuntratt konkluż mill-komun ta’ Bockhorn għall-ġbir ta’ l-ilma użat tiegħu, fir-replika tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li la kienet ser tkompli r-rikors tagħha u lanqas t-talba għal impożizzjoni ta’ penali, safejn dawn kienu jirrigwardaw dan il-kuntratt.

12      Għaldaqstant, billi l-Kummissjoni rrinunzjat parzjalment għar-rikors tagħha, dan ir-rikors ser jiġi eżaminat biss safejn jirrigwarda l-kuntratt konkluż mill-belt ta’ Brunswick dwar ir-rimi ta’ l-iskart.

 Fuq l-ammissibbiltà

13      L-ewwel nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-Kummissjoni li tressaq rikors abbażi tal-fatt li ma ppreżentatx talba għal interpretazzjoni skond l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura. Skond dan l-Istat Membru, il-kwistjoni li tirrigwarda l-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, setgħu u kellhom jiġu solvuti fil-kuntest ta’ talba għall-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza, u mhux permezz ta’ rikors bbażat fuq l-Artikolu 228 KE.

14      Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

15      Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa biss li tiddikjara li tkun ġiet miksura dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju. Skond l-Artikolu 228(1) KE huwa l-Istat Membru kkonċernat li mbagħad għandu jieħu l-miżuri neċessarji li jassiguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑126/03, Ġabra p. I‑11197, punt 26). Peress li l-kwistjoni dwar il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE ma tifformax parti mis-suġġett ta’ din is-sentenza, kwistjoni bħal din ma tistax tkun is-suġġett ta’ talba għall-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza (ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet ta’ l-20 ta’ April 1988, Maindiaux et vs CES et, 146/85 INT u 431/85 INT, Ġabra p. 2003, punt 6).

16      Barra minn hekk, huwa preċiżament fil-kuntest ta’ rikors skond l-Artikolu 228(2) KE li huwa għal l-Istat Membru, li għandu r-responsabbiltà li jiddeduċi l-konklużjonijiet li jidhrulu jirriżultaw mis-sentenza li fiha jkun ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jiġġustifikaw l-mertu ta’ dawn il-konklużjonijiet jekk dawn ikunu kkritikati mill-Kummissjoni.

17      It-tieni nett, fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Renju ta’ l-Olanda, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħlaq il-proċedura skond l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura, billi l-iskop tar-rikors kien spiċċa peress li mill-10 ta’ Lulju 2005, anki l-kuntratt konkluż mill-belt ta’ Brunswick dwar ir-rimi ta’ l-iskart kien ġie fi tmiemu.

18      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju ta’ l-Olanda u tar-Repubblika tal-Finlandja, il-Kummissjoni ssostni li għandha interess li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk, fl-għeluq tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa skond l-Artikolu 228 KE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kinitx diġà kkonformat ruħha mas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq. Madankollu, il-Kummissjoni tippreċiża li mhuwiex aktar neċessarju li tiġi ordnata tħallas penali.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 228 KE hija dik ta’ meta jagħlaq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa skond din id-dispożizzjoni (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑119/04, Ġabra p. I‑6885, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan il-każ, l-opinjoni motivata, li, kif jirriżulta mit-timbru fuq in-notifika, li l-awtoritajiet Ġermaniżi rċevew fl-1 ta’ April 2004, issemmi terminu ta’ xahrejn. Id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 228 KE hija l-1 ta’ Ġunju 2004. F’din id-data, il-kuntratt konkluż mill-belt ta’ Brunswick dwar ir-rimi ta’ l-iskart kien għadu fis-seħħ.

21      Barra minn hekk, ir-rikors ma jistax jitqies inammissibbli, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul is-seduta, billi l-Kummissjoni m’għadhiex qed titlob l-impożizzjoni ta’ penali.

22      Fil-fatt, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li timponi penali li ma tkunx proposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, Ġabra p. I‑6263, punt 90), ir-rikors mhuwiex inammissibbli sempliċement minħabba l-fatt li, f’ċertu stadju tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tqis li ma jkunx iktar neċessarju li tiġi imposta penali.

23      It-tielet nett, fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665, li tirreferi għaliha l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi osservat li l-proċedura partikolari prevista f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi miżura preventiva, li la tista’ tidderoga u lanqas tissostitwixxi l-kompetenzi tal-Kummissjoni taħt l-Artikoli 226 KE u 228 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑394/02, Ġabra p. I‑4713, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha isegwi li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

25      Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, peress li qabel id-data ta’ l-għeluq tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, dan l-Istat Membru ma rrexxindiex il-kuntratt konkluż mill-belt ta’ Brunswick dwar ir-rimi ta’ l-iskart.

26      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrepeti l-pożizzjoni espressa fil-komunikazzjoni tal-Gvern Ġermaniż tat-23 ta’ Diċembru 2003 li tgħid li r-rexissjoni tal-kuntratti affettwati minn dik is-sentenza ma kinitx meħtieġa u ssostni li l-interventi msemmija f’din il-komunikazzjoni kienu jikkostitwixxu miżuri biżżejjed sabiex tikkonforma ruħha ma’ din is-sentenza.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 12 tas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-belt ta’ Brunswick u Braunschweigsche Kohlebergwerke kienu kkonkludew kuntratt li permezz tiegħu, minn Ġunju/Lulju 1999 u għal 30 sena, din ta’ l-aħħar ġiet inkarigata tieħu ħsieb ir-rimi ta’ l-iskart residwu permezz tat-trattament bis-sħana.

28      Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, il-miżuri li jirreferi għalihom il-Gvern Ġermaniż fil-komunikazzjoni tat-23 ta’ Diċembru 2003 kienu biss intiżi sabiex jevitaw li jiġu konklużi kuntratti ġodda li setgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu simili għal dak ikkonstatat f’dik is-sentenza. Min-naħa l-oħra, dawn ma fixklux il-kuntratt konkluż mill-belt ta’ Brunswick milli jkompli jkollu effett sħiħ fl-1 ta’ Ġunju 2004.

29      Għaldaqstant, billi fl-1 ta’ Ġunju 2004 dan il-kuntratt kien għadu ma ntemmx, in-nuqqas ta’ twettiq tkompla f’din id-data. Fil-fatt, l-effett negattiv fuq il-prestazzjoni libera tas-servizzi, riżultat tal-fatt li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 ġew injorati, ikompli matul it-terminu kollu ta’ l-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi bi ksur ta’ din id-direttiva (sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Barra minn dan, f’din id-data, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kellu jibqa’ fis-seħħ għal deċennji, fid-dawl tal-perijodu twil li fih il-kuntratt in kwistjoni kien ġie konkluż.

30      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ma jistax jiġi kkunsidrat, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża in eżami, li, għal dak li jirrigwarda l-kuntratt konkluż mill-belt ta’ Brunswick, fl-1 ta’ Ġunju 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ħadet il-miżuri li jassiguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

31      Madankollu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, mir-Renju ta’ l-Olanda u mir-Repubblika tal-Finlandja, tqis li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665, li jippermetti lill-Istati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom jipprovdu li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt sussegwenti għall-għoti tal-kuntratt pubbliku, rikors jista’ jagħti lok biss għall-ħlas ta’ kumpens għal dannu u għaldaqstant, li jeskludu kull possibbiltà ta’ rexissjoni ta’ dan il-kuntratt, jipprekludi dak li l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skond l-Artikolu 226 KE, fir-rigward ta’ kuntratt bħal dan li jinvolvi l-obbligu ta’ rexissjoni ta’ dan. Dan, skond l-Istati Membri, imur ukoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju pacta sunt servanda, id-dritt fundamentali tal-proprjetà, l-Artikolu 295 KE kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-limitazzjoni fiż-żmien ta’ l-effetti ta’ sentenza.

32      Madankollu, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

33      L-ewwel nett, fir-rigward tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, jekk huwa veru li din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-Istati Membri jżommu l-effetti ta’ kuntratti konklużi bi ksur tad-direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u b’hekk tipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-kontraenti, hija ma tistax, mingħajr ma tnaqqas il-portata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jistabbilixxu s-suq intern, jkollha l-effett li l-aġir ta’ l-awtorità kontraenti fir-rigward ta’ terzi persuni jkun ikkunsidrat bħala konformi mad-dritt Komunitarju wara li jiġu konklużi kuntratti bħal dawn (sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

34      Jekk it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665 ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 226 KE, lanqas jista’ jaffettwa l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 228 KE, mingħajr, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni, inaqqas il-portata tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxu s-suq intern.

35      Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 89/665, li l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ rimedji effikaċi fil-każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew tar-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt, sabiex tkun iggarantita l-applikazzjoni effettiva tad-direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C-470/99, Ġabra p. I‑11617, punt 71), jirrigwarda, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu, il-kumpens li persuna leża tista’ tikseb minħabba ksur kommess minn awtorità kontraenti. Madankollu, peress li hija speċifika, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tirregola wkoll ir-relazzjoni bejn Stat Membru u l-Komunità, kif inhu l-każ fil-kuntest ta’ l-Artikoli 226 KE u 228 KE.

36      It-tieni nett, fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju pacta sunt servanda kif ukoll tad-dritt tal-proprjetà, anki jekk dawn il-prinċipji u dan id-dritt jistgħu jiġu invokati mill-parti kontraenti kontra l-awtorità kontraenti fil-każ ta’ rexissjoni ta’ kuntratt, fi kwalunkwe każ, Stat Membru ma jistax jibbaża ruħu fuqhom sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, u b’hekk jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu taħt id-dritt Komunitarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C‑470/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).

37      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 295 KE, li jipprovdi li dan “it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”, għandu jiġi mfakkar li dan l-Artikolu m’għandux l-effett li jeżenta s-sistemi eżistenti ta’ proprjetà fl-Istati Membri mir-regoli fundamentali tat-Trattat (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑463/00, Ġabra p. I‑4581, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-partikolaritajiet ta’ sistema ta’ proprjetà li teżisti fi Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw il-fatt li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jikkonsisti f’ostaklu għall-prestazzjoni libera tas- servizzi minħabba l-fatt li ġew injorati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50, jibqa’ għaddej.

38      Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li Stat Membru ma jistax juża dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet eżistenti fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-limitazzjoni fiż-żmien ta’ l-effetti ta’ sentenza, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, dan ma jippermettix li jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE.

40      Għalkemm, għal dak li jirrigwarda l-kuntratt konkluż mill-belt ta’ Brunswick, għandu jiġi kkonstatat li fl-1 ta’ Ġunju 2004 ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet għadha ma ħaditx il-miżuri li jassiguraw l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, dan mhuwiex il-każ fid-data ta’ l-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan isegwi li l-impożizzjoni ta’ penali, li l-Kummissjoni m’għadhiex qed titlobha, mhijiex iġġustifikata.

41      Bl-istess mod, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma tali li ma jidhirx li huwa neċessarju li jiġi impost il-ħlas ta’ somma ta’ flus f’daqqa.

42      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi fid-data ta’ meta għalaq it-terminu stabbiliti fl-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 228 KE ma kinitx ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart tal-belt ta’ Brunswick, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond dan l-Artikolu.

 Fuq l-ispejjeż

43      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja, intervenjenti, għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Billi fid-data ta’ meta għalaq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 228 KE ma kinitx ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑20/01 u C‑28/01), dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt għar-rimi ta’ l-iskart tal-belt ta’ Brunswick (il-Ġermanja), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond dan l-Artikolu.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija ordnata tbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju ta’ l-Olanda u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Fuq