EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62005CC0411

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 15 ta' Frar 2007.
Félix Palacios de la Villa vs Cortefiel Servicios SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Social nº 33 de Madrid - Spanja.
Direttiva 2000/78/KE - Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol - Portata - Ftehim kollettiv li jipprovdi għat-tmiem ex lege tar-relazzjoni ta' impjieg meta l-ħaddiem jilħaq l-età ta' 65 sena u jibbenefika minn pensjoni ta' l-irtirar - Diskriminazzjoni marbuta ma' l-età - Ġustifikazzjoni.
Kawża C-411/05.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-08531

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2007:106

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-15 ta’ Frar 20071(1)

Kawża C-411/05

Félix Palacios de la Villa

vs

Cortefiel Servicios SA

(Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Social Nru 33, Madrid)

“Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE – Artikolu 6 – Prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju – Diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età – Irtirar obbligatorju – Effett dirett – Obbligu li tiġi skartata l-liġi nazzjonali konfliġġenti”





I –    Introduzzjoni

1.     Permezz taż-żewġ domandi preliminari li għamel b’digriet ta’ l-14 ta’ Novembru 2005(2), il-Juzgado de lo Social Nru 33, Madrid, essenzjalment jixtieq jaċċerta ruħu jekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età kif stabbilita, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(3) tipprekludix liġi nazzjonali li tippermetti li jiġu inklużi klawżoli ta’ rtirar obbligatorju fi ftehim kollettiv. Fil-każ ta’ tweġiba affermattiva, il-qorti tar-rinviju tixtieq ukoll tkun taf jekk hijiex obbligata ma tapplikax il-liġi nazzjonali kkonċernata.

2.     Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn partijiet privati, jiġifieri proċeduri mressqa minn Félix Palacios de la Villa kontra Cortefiel Servicios SA, José Maria Sanz Corral u Martin Tebar Less li fihom is-Sur Palacios qed jallega li s-sensja tiegħu minħabba li għalaq l-età ta’ rtirar obbligatorja stabbilita fi ftehim kollettiv kienet illegali.

3.     Domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Mangold(4) u Navas(5). F’dak li jirrigwarda, b’mod aktar speċifiku, id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, din hija t-tielet darba (wara l-kawżi Mangold(6) u Lindorfer(7)) li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddetermina pretensjoni dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, għalkemm irid jiġi enfasizzat li dan il-każ huwa ferm differenti minn dawk il-każijiet f’dak li għandu x'jaqsam ma’ l-isfond fattwali u legali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

4.     Id-Direttiva 2000/78/KE ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13 KE fil-verżjoni tiegħu qabel it-Trattat ta’ Nizza, li jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispo[ż]izzjonijiet l-oħra ta’ dan it-Trattat u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Komunità, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista’ jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-di[ż]abilità, l-età jew it-tendenzi sesswali”.

5.     L-ewwel u l-14-il premessi fil-preambolu għad-Direttiva 2000/78/KE jipprovdu dan li ġej:

“(1) Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali u kif jirriżultaw mit-trad[i]zzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

[…]

(14) Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabilixxu l-età ta’ rtirar.

[…]”

6.     L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78/KE jiddikjara li l-iskop ta’ din id-Direttiva huwa:

“[…] li tniżżel parametru [tistabbilixxi qafas] ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

7.     L-Artikolu 2(1), li jiddefinixxi l-kunċett ta’ diskriminazzjoni, jipprovdi dan li ġej:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

[…]”

8.     L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78/KE, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

(a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

3.      Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

[…]”

9.     L-Artikolu 6 jipprovdi għall-ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti fuq bażi ta’ età:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għan[i]jiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(ċ)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2.      Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ rtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji [attwarjali] fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess”.

10.   Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78/KE, it-traspożizzjoni tad-Direttiva kellha ssir sat-2 ta’ Diċembru 2003. Peress li Spanja m’għamlitx użu mill-possibbiltà, prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 18, li jkollha perijodu addizzjonali ta’ tliet snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, din id-data tfisser ukoll it-tmiem tal-perijodu permess għall-implementazzjoni tad-Direttiva fi Spanja.

B –    Il-liġi nazzjonali rilevanti

11.   Skond id-digriet tar-rinviju, mill-1980 (mil-Liġi 8/80 dwar l-Istatut tal-Ħaddiema) sa l-2001, l-irtirar obbligatorju ntuża mil-leġiżlatur Spanjol bħala mekkaniżmu sabiex jiġi promoss l-impjieg interġenerazzjonali.

12.   Wara li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 8/80 li jipprovdu għall-iffissar ta’ l-etajiet ta’ rtirar obbligatorji fil-ftehim kollettiv kienu antikostituzzjonali, il-Liġi 8/80 ġiet sostitwita f’dan ir-rigward mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/1995 li jirregola l-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema (“SĦ”). Bħalissa, is-SĦ hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali prinċipali fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali.

13.   Fil-verżjoni attwali tas-SĦ – jiġifieri, kif emendata mil-Liġi 62/03, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004 u li ttrasponiet id-Direttiva 2000/78/KE fid-dritt Spanjol – l-Artikoli 4 u 17 jistabbilixxu l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba, fost l-oħrajn, l-età.

14.   Rigward l-irtirar obbligatorju, l-Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali tas-SĦ, fil-verżjoni fis-seħħ sa Lulju 2001, kienet tipprovdi dan li ġej:

“Fil-limiti u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, l-irtirar obbligatorju jista’ jintuża bħala strument fl-implementazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi. Il-limitu massimu ta’ l-età applikabbli għall-kapaċità għax-xogħol u għat-tmiem tal-kuntratti ta’ impjieg għandu jiġi ffissat mill-Gvern b’referenza għar-riżorsi tas-sistema tas-sigurtà soċjali u tas-suq tax-xogħol, mingħajr preġudizzju għad-dritt li jkunu kkompletati l-perijodi ta’ kwalifikazzjoni għall-pensjoni ta’ l-irtirar. L-etajiet ta’ rtirar jistgħu jiġu miftiehma liberament permezz ta’ negozjati kollettivi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali f’dak ir-rigward.”

15.   Minħabba bidla fil-perċezzjoni ta’ l-irtirar obbligatorju min-naħa tal-leġiżlatur, fis-sens li ma baqax iqisu bħala strument favorevoli għall-impjieg iżda piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali, l-Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali ġiet revokata fl-2001 u l-irtirar obbligatorju ġie abolit. Dan ta lok għal numru kbir ta’ kawżi quddiem il-qrati, li kkontestaw il-legalità ta’ klawżoli fi ftehim kollettivi li jipprovdu għall-irtirar obligatorju tal-ħaddiema. Kif jidher ċar mid-digriet tar-rinviju, il-Qorti Suprema Spanjola ddeċidiet li, wara l-abolizzjoni tal-bażi legali tagħhom, il-klawżoli ta’ rtirar obbligatorju inklużi f’numru ta’ ftehim kollettivi ma baqgħux aktar legali.

16.   Madankollu, fuq pressjoni mill-imsieħba soċjali, mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u mill-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins, l-irtirar obbligatorju reġa’ ddaħħal permezz tal-Liġi 14/2005 ta’ l-1 ta’ Lulju 2005 dwar klawżoli fi ftehim kollettivi dwar meta tintlaħaq l-età normali ta’ rtirar (“Liġi 14/2005”), li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju 2005. L-Artikolu waħdani ta’ din il-Liġi reġa’ daħħal l-Għaxar Dispożizzjoni Addizzjonali tas-SĦ – bi kliem kemmxejn differenti – (“is-sistema definittiva tal-Liġi 14/2005”) u jipprovdi dan li ġej:

“Il-ftehim kollettivi jistgħu jinkludu klawżoli li jipprovdu għat-tmiem ta’ kuntratt ta’ l-impjieg minħabba li l-ħaddiem ikun laħaq l-età normali ta’ rtirar stipulata fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali, sakemm jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      Tali miżura trid tkun marbuta ma’ għanijiet li jkunu konsistenti mal-politika dwar l-impjiegi u jkunu stabbiliti fil-ftehim kollettiv, bħalma huma aktar stabbiltà fl-impjiegi, il-konverżjoni tal-kuntratti temporanji f’kuntratti permanenti, is-sostenn ta’ l-impjiegi, ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, jew kwalunkwe għan ieħor li huwa mmirat lejn il-promozzjoni tal-kwalità ta’ l-impjiegi.

(b)      Ħaddiem li l-kuntratt ta’ l-impjieg tiegħu jiġi terminat irid ikun ikkompleta l-perijodu minimu ta’ kontribuzzjonijiet, jew perijodu itwal jekk ikun hemm klawżola li tgħid hekk fil-ftehim kollettiv, u jrid ikun issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali sabiex ikun intitolat għal pensjoni ta’ rtirar taħt l-iskema kontributorja tiegħu”.

17.   Il-Liġi 14/2005 kienet intiża mhux biss sabiex tirregola ftehim kollettivi konklużi wara li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju 2005, imma anki – permezz tad-“Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija” – sabiex tirregola ftehim li diġà kienu fis-seħħ meta l-liġi kienet ippubblikata.

18.   Id-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija (“DTW”), li magħha għandhom x’jaqsmu d-domandi preliminari mressqa f’dan il-każ, tipprovdi kif ġej:

“Il-klawżoli fi ftehim kollettivi konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Liġi, li jipprovdu għat-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ impjieg fejn il-ħaddiema jkunu laħqu l-età normali ta’ rtirar, għandhom jitqiesu legali sakemm il-ftehim jistipula li l-ħaddiema kkonċernati jridu jkunu kkompletaw il-perijodu minimu ta’ kontribuzzjonijiet u li jridu jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali sabiex ikunu intitolati għal pensjoni ta’ rtirar taħt l-iskema kontributorja tagħhom”.

19.   Kif osservat il-qorti tar-rinviju, id-DTW hija differenti mir-regoli dwar l-itirar obbligatorju inklużi fl-Artikolu waħdani tal-Liġi 14/2005 li jirregola ftehim kollettivi konklużi wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi billi, skond it-termini tad-DTW, mhemm l-ebda rekwiżit espliċitu li l-irtirar obbligatorju jkun marbut ma’ għanijiet konsistenti mal-politika dwar l-impjiegi, li jridu jkunu stabbiliti fil-ftehim kollettivi kkonċernati.

III – L-isfond fattwali, il-proċedura u d-domandi preliminari

20.   Skond id-digriet tar-rinviju, is-Sur Palacios, li twieled fit-3 ta’ Frar 1940, ħadem għall-impriża Cortefiel Servicios SA mis-17 ta’ Awwissu 1981 bħala maniġer organizzattiv.

21.   Fit-18 ta’ Lulju 2005, l-impriża informat lis-Sur Palacios bis-sensja tiegħu, permezz ta’ ittra, minħabba li huwa kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 19 tal-Ftehim Kollettiv u fid-DTW.

22.   Ir-relazzjoni bejn il-partijiet hija rregolata mill-Ftehim Kollettiv dwar il-Kummerċ fit-Tessuti għall-Komunità ta’ Madrid (“FKKT”), li ġie konkluż fl-10 ta’ Marzu 2005 u ppubblikat fis-26 ta’ Mejju 2005. L-Artikolu 3 tal-FKKT jipprovdi li se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2005.

23.   L-Artikolu 19(3) tal-FKKT jipprovdi li: “Bil-għan li jiġu inkoraġġiti l-impjiegi, qed jiġi miftiehem li l-età ta’ rtirar għandha tkun ta’ 65 sena ħlief jekk il-ħaddiem ikkonċernat ma jkunx ikkompleta l-perijodu meħtieġ sabiex jikkwalifika għall-pensjoni ta’ rtirar, f’liema każ il-ħaddiem jista’ jkompli fl-impjieg tiegħu sakemm jikkompleta dan il-perijodu”.

24.   Li kieku s-Sur Palacios irtira fit-18 ta’ Lulju 2005, id-data li fiha l-impriża tagħtu s-sensja, kien ikollu l-jedd li jirċievi mill-iskema tas-sigurtà soċjali pensjoni ta’ rtirar li tammonta għal 100 % tal-bażi kontributorja tiegħu ta’ EUR 2,347.78, mingħajr preġudizzju għal-limiti massimi stabbiliti fil-liġi.

25.   Fir-rikors tiegħu fil-kawża prinċipali, is-Sur Palacios qed isostni li l-sensja tiegħu hija nulla għaliex tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu. Minbarra allegazzjoni ta’ fastidju, li l-qorti tar-rinviju tqis li hija infondata, is-Sur Palacios qed jargumenta li saret diskriminazzjoni kontra tiegħu minħabba li huwa laħaq l-età ta’ 65 sena u qed jikkontesta direttament l-ittra tas-sensja.

26.   Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-ittra tas-sensja applikat il-Liġi 14/2005 u li hija din il-kwistjoni waħdanija, jiġifieri jekk id-DTW hijiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju, li hija s-suġġett tad-domandi preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

27.   Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, fl-analiżi legali tagħha, tosserva li skond id-DTW huwa leġittimu li ħaddiem jingħata s-sensja sakemm jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li huwa jkun laħaq l-età ta’ l-itrirar u li jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa sabiex ikun intitolat għal pensjoni mill-Istat. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, jekk id-DTW hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, il-prinċipju ta’ supremazija jeżiġi li hija m'għandhiex tiġi applikata.

28.   Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li, b’kuntrast mad-DTW, is-sistema definittiva tal-Liġi 14/2005 tissuġġetta l-irtirar obbligatorju għat-tfittxija li jintlaħqu għanijiet li jkunu konsistenti mal-politika dwar l-impjiegi. Mid-digriet tar-rinviju jidher li l-qorti tar-rinviju għalhekk tqis li s-sistema definittiva tal-Liġi 14/2005 hija kompatibbli mad-Direttiva 2000/78/KE, skond id-deroga prevista fl-Artikolu 6(1) tagħha fir-rigward ta’ trattament differenti fuq bażi ta’ età.

29.   Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li skond il-Liġi 14/2005 l-ħaddiema li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena huma ttrattati b’mod differenti skond jekk il-ftehim kollettiv li abbażi tiegħu huma suġġetti għal irtirar obbligatorju meta jilħqu l-età ta’ 65 sena kienx diġà fis-seħħ meta dik il-liġi ġiet promulgata jew ġiex innegozjat sussegwentement.

30.   Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 13 KE u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78/KE huma dispożizzjonijiet preċiżi u inkondizzjonati li jistgħu jiġu applikati direttament għall-każ li għandha quddiemha.

31.   F’dan l-isfond, sabiex jiġi stabbilit kriterju ta’ interpretazzjoni applikabbli b’ċertezza legali akbar, il-Juzgado de lo Social ressaq id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

–       Il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u li huwa stabbilit fl-Artikolu 13 KE u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, jipprekludi liġi nazzjonali (b’mod iktar partikolari, l-ewwel paragrafu tad-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija tal-Liġi 14/2005 dwar klawżoli fi ftehim kollettivi dwar meta tintlaħaq l-età normali ta’ rtirar) li skondha l-klawżoli ta’ rtirar obbligatorju inklużi fi ftehim kollettivi huma legali, fejn tali klawżoli jipprovdu bħala l-uniċi rekwiżiti li l-ħaddiema jridu jkunu laħqu l-età normali ta’ rtirar u jridu jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Spanjol sabiex ikunu intitolati għal pensjoni ta’ rtirar taħt is-sistema kontributorja tagħhom?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

–       Il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u li huwa stabbilit fl-Artikolu 13 KE u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, jobbliga lill-qorti nazzjonali ma tapplikax l-ewwel paragrafu tad-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija tal-Liġi 14/2005, iċċitata aktar ’il fuq, għal dan il-każ?

IV – Analiżi ġuridika

A –    L-ewwel domanda

1.      Rimarki introduttorji

32.   Qabel ma nibda l-analiżi, jidher li jkun xieraq li jiġu ddeterminati f’aktar dettall il-kwistjonijiet imqajma mill-ewwel domanda preliminari.

33.   L-ewwel nett, kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-qorti tar-rinviju donnha qed talludi fid-digriet tar-rinviju, apparti għall-allegata diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, għal possibbli diskriminazzjoni li ġejja mill-fatt li żewġ dispożizzjonijiet differenti tal-liġi nazzjonali dwar l-irtirar obbligatorju – jiġifieri d-DTW u s-sistema definittiva tal-Liġi 14/2005 – huma applikabbli skond jekk il-ftehim kollettiv ikkonċernat kienx konkluż qabel jew wara li daħlet fis-seħħ il-Liġi 14/2005.

34.   Madankollu, kif jidher speċjalment minn kif inhi fformulata l-ewwel domanda, li tirreferi espressament għal disriminazzjoni fuq bażi ta’ età u għad-dispożizzjonijiet Komunitarji relattivi, it-tieni tip – differenti – ta’ diskriminazzjoni minħabba d-data tal-konklużjoni tal-ftehim kollettiv jista’ tabilħaqq jitqies mill-qorti tar-rinviju bħala problema li tinqala’ minħabba l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza kif previst fil-liġi nazzjonali. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din il-problema mhijiex is-suġġett tad-domanda preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ. Nista’ nżid ukoll li l-partijiet f’dawn il-proċeduri jaqblu ma’ din il-fehma tiegħi, kif jidher ċar mid-dikjarazzjonijiet li saru fis-seduta.

35.   It-tieni nett, rigward id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, għandu jiġi osservat li fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi, minbarra d-Direttiva 2000/78/KE, anki l-Artikolu 13 KE u tesprimi l-fehma li din id-dispożizzjoni tista’ tipproduċi effett dirett.

36.   Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li l-Artikolu 13 KE huwa sempliċement dispożizzjoni li tagħti setgħa, li tawtorizza lill-Kunsill jieħu azzjoni xierqa sabiex jiġġieled, fost l-oħrajn, id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età. Bħali tali, ma jistax ikollha effett dirett; lanqas ma tista’ tipprekludi l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali bħad-DTW(8).

37.   Għalhekk naqbel mal-partijiet li l-ewwel domanda preliminari mressqa m’għandhiex tiġi eżaminata direttament fid-dawl ta’ l-Artikolu 13 KE. Min-naħa l-oħra, dan ma jfissirx li l-Artikolu 13 KE m’għandu l-ebda importanza għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE u għall-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età.

38.   It-tielet nett, wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-domandi in kwistjoni tressqu qabel ma ngħatat is-sentenza Mangold(9), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni ta’ portata kunsiderevoli billi ddikjarat li l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età għandu jitqies li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ewwel domanda għandha tiġi eżaminata wkoll fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ġenerali.

39.   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, mill-ewwel domanda preliminari jqumu l-kwistjonijiet li ġejjin.

40.   L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2000/78/KE hijiex applikabbli ratione materiae għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Jekk dan huwa l-każ, it-tieni kwistjoni li għandha tiġi indirizzata hija jekk liġi nazzjonali li tippermetti l-irtirar obbligatorju, bħad-DTW, hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2000/78/KE u, b’mod partikolari, jekk tali miżura tistax tiġi ġġustifikata skond din id-direttiva. It-tielet nett, l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold. Il-kontroversji mqajma minn dik is-sentenza, speċjalment rigward l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ dan it-tip, jitolbu xi kummenti addizzjonali.

41.   Il-kwistjoni tal-konsegwenzi possibbli, li l-qorti tar-rinviju trid tislet mir-risposta għall-ewwel domanda, hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari.

2.      L-osservazzjonijiet prinċipali tal-partijiet

42.   F’dawn il-proċeduri, tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet ta’ Spanja, ta’ l-Irlanda, ta’ l-Olanda u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Bl-eċċezzjoni tas-Sur Palacios, dawn il-partijiet kienu wkoll irrappreżentati fis-seduta li saret fil-21 ta’ Novembru 2006.

43.   Rigward l-ewwel domanda preliminari, il-partijiet kollha ħlief is-Sur Palacios jaqblu essenzjalment li din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva, għalkemm fuq il-bażi ta’ argumenti kemmxejn differenti. Il-Gvernijiet ta’ Spanja, ta’ l-Irlanda, ta’ l-Olanda u tar-Renju Unit, kif ukoll Cortefiel, isostnu li l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età kif stabbilit fid-Direttiva 2000/78/KE ma japplikax għal liġi nazzjonali bħad-DTW. F’dan ir-rigward, dawn il-partijiet jirreferu b’mod partikolari għall-14-il premessa tad-direttiva rigward id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età ta’ rtirar.

44.   Sussidjarjament, dawn il-Gvernijiet jissottomettu li dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-iffissar ta’ età ta’ rtirar obbligatorja hija f’kull każ iġġustifikata taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE. Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2000/78/KE hija applikabbli għal dispożizzjoni nazzjonali bħad-DTW, imma taqbel li tali dispożizzjoni hija ġustifikabbli taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

3.      Id-Direttiva 2000/78/KE hija applikabbli ratione materiae?

45.   Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jestendi sabiex ikopri regola nazzjonali bħad-DTW, iridu jitqiesu mhux biss it-termini imma anki l-għan u l-istruttura ġenerali tad-direttiva(10).

46.   Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78/KE, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq il-bażijiet imsemmija f’dan l-artikolu – li jinkludu l-età – f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol.

47.   Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-direttiva huwa ddefinit fid-dettall fl-Artikolu 3. B’mod partikolari, skond l-Artikolu 3(1)(ċ), id-direttiva tapplika f’dak li jirrigwarda “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

48.   Filwaqt li l-Kummissjoni targumenta li d-DTW tistabbilixxi kundizzjoni tax-xogħol fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78/KE, il-parti l-kbira tal-partijiet l-oħra jsostnu li, bħala dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-iffissar ta’ l-etajiet ta’ rtirar, id-DTW taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

49.   F’dan ir-rigward, l-ewwel punt li għandu jiġi osservat huwa li l-qorti tar-rinviju tiddeskrivi d-DTW bħala dispożizzjoni li tistabbilixxi kundizzjonijiet rigward l-irtirar, b’mod partikolari billi tippermetti li klawżoli ta’ rtirar obbligatorju jiġu inklużi fi ftehim kollettivi. Tali rtirar obbligatorju huwa suġġett għall-kundizzjoni li jiġi kkompletat il-perijodu minimu ta’ kontribuzzjonijiet u li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali sabiex wieħed ikun intitolat għal pensjoni ta’ rtirar taħt tali skema kontributorja.

50.   Min-naħa l-oħra, is-Sur Palacios f’dan il-kuntest jirreferi għas-“sensja” li ngħata minħabba rtirar obbligatorju kif previst fil-ftehim kollettiv fuq il-bażi tad-DTW. B’kuntrast ma’ dan, il-Gvern Spanjol ikkontesta din it-terminoloġija fis-seduta, billi osserva li, fir-realtà, is-Sur Palacios ma kienx ingħata s-sensja, imma ġie sempliċement obbligat jirtira skond ir-regoli nazzjonali li jipprovdu għal irtirar obbligatorju meta wieħed jagħlaq il-65 sena. Skond dan il-Gvern, l-ittra mibgħuta lis-Sur Palacios ma tirreferix għal “sensja”.

51.   F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li skond l-14-il premessa tad-Direttiva 2000/78/KE, li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-direttiva(11), id-direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età ta’ rtirar.

52.   Għandi ngħid li nsibha pjuttost diffiċli li ma nqisx ir-regola nazzjonali in kwistjoni bħala dispożizzjoni tat-tip previst minn dik il-premessa.

53.   Huwa minnu li d-DTW ma tirregolax, minnha nfisha, is-sistema tas-sigurtà soċjali li tinkludi r-rekwiżiti sabiex wieħed ikun intitolat għal pensjoni ta’ rtirar, imma pjuttost tirreferi għal din l-iskema bħala kundizzjoni għall-iffissar ta’ età ta’ rtirar obbligatorja. Madankollu, jidhirli li jibqa’ l-fatt li d-DTW – marbuta ma’ ftehim kollettiv ibbażat fuqha – tistabbilixxi età ta’ rtirar obbligatorja. Din tinvolvi t-tmiem ta’ l-impjieg u l-bidu tal-pensjoni.

54.   Fil-fehma tiegħi, huwa pjuttost esaġerat li din, minflok, titqies bħala “sensja”, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni f’dan is-sens fil-ġurisprudenza tagħha dwar dan it-terminu kif użat fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol(12).

55.   Fis-serje ta’ kawżi li qed nirreferi għalihom(13), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn aċċess għal skema ta’ rtirar statutorja jew professjonali, jiġifieri l-kundizzjonijiet għall-ħlas ta’ pensjoni ta’ rtirar minħabba anzjanità, u l-iffissar ta’ limitu ta’ età għall-finijiet tat-tmiem ta’ l-impjieg. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni ta’ l-aħħar tikkonċerna l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sensja u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata skond id-Direttiva 76/207/KEE(14).

56.   Madankollu, dik l-interpretazzjoni kienet ibbażata fuq il-premessa li l-kelma “sensja”, kif użata f’dik id-direttiva, trid tingħata tifsira wiesgħa(15).

57.   Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE għandu jtiġi interpretat b’mod restrittiv, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età.

58.   F’dan ir-rigward, naqbel mal-fehma ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Navas, fejn osserva li l-istorja u t-termini ta’ l-Artikolu 13 KE bħala l-bażi legali tad-Direttiva 2000/78/KE jissuġġerixxu interpretazzjoni pjuttost imrażżna ta’ dik id-Direttiva u li l-leġiżlatur Komunitarju jidher li kien konxju tal-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji potenzjalment sinjifikattivi, b’mod partikolari, tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età(16).

59.   Tabilħaqq, wieħed għandu jadotta approċċ kawt ferm fir-rigward ta’ l-interpetazzjoni u l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni fid-dritt Komunitarju, peress li, minħabba n-natura miftuħa u mhux kjarament definita tal-kunċett ta’ non-diskriminazzjoni, hemm periklu li tali regoli jistgħu jeliminaw jew iqiegħdu fid-dubju, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali(17).

60.   Kif afferma ġustament l-Avukat Ġenerali Geelhoed, il-projbizzjonijiet tad-diskriminazzjoni “jistgħu jintużaw bħala lieva biex jiġu korretti, mingħajr l-intervent ta’ l-awturi tat-Trattat jew tal-leġiżlatur Komunitarju, id-deċiżjonijiet magħmula mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat li dawn – għad – għandhom”(18).

61.   Speċjalment safejn għandha x’taqsam in-non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, wieħed għandu jżomm f’moħħu li din il-projbizzjoni hija ta’ natura speċifika peress li, bħala kriterju, l-età hija punt fuq skala u li, għalhekk, id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età tista’ tkun gradwata(19). Għalhekk huwa kompitu ferm aktar diffiċli li wieħed jiddetermina l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età milli, per eżempju, fil-każ ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess, fejn il-parametri involuti huma ddefiniti b’mod aktar ċar(20).

62.   Barra minn hekk, filwaqt li l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età għalhekk teħtieġ evalwazzjoni kumplessa u sottili, id-distinzjonijiet relatati ma’ l-età huma ferm komuni fil-kuntest tal-politiki soċjali u dwar l-impjiegi.

63.   B’mod partikolari, id-distinzjonijiet relatati ma’ l-età huma naturalment inerenti fl-iskemi ta’ rtirar. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-etajiet ta’ rtirar awtomatikament jinvolvu, skond il-kunċett ta’ diskriminazzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78/KE, diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età. Konsegwentement, li kieku tali dispożizzjonijiet nazzjonali kellhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE, kull regola nazzjonali bħal din, kemm jekk tistabbilixxi età minima kemm jekk età massima ta’ rtirar, fil-prinċipju jkollha tiġi evalwata fid-dawl tad-direttiva.

64.   Għalkemm l-Artikolu 6 tad-Direttiva jipprovdi għal eċċezzjonijiet u limiti speċifiċi rigward id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, fil-fehma tiegħi, xorta jkun ferm problematiku li wieħed ikollu din ix-Xabla ta’ Damokle mdendla fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha li jistabbilixxu l-etajiet ta’ rtirar, speċjalment peress li l-etajiet ta’ rtirar huma marbuta mill-qrib ma’ oqsma bħall-politiki soċjali u dwar l-impjiegi li fihom is-setgħat primarji jibqgħu f’idejn l-Istati Membri.

65.   Jiena tal-fehma li l-leġiżlatur Komunitarju kien konxju ta’ dawn il-problemi u daħħal l-14-il premessa fil-preambolu tad-Direttiva 2000/78/KE sabiex jagħmilha ċara li ma kellux il-ħsieb li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva sabiex ikopri regoli li jiffissaw l-etajiet ta’ rtirar(21).

66.   Fl-aħħar nett, minix konvint mill-argument tal-Kummissjoni li l-14-il premessa tista’ tirreferi mhux għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva imma għar-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva. Possibbiltà li dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu ġġustifikati abbażi ta’ direttiva hija pjuttost differenti minn direttiva li tkun “mingħajr preġudizzju” għal tali dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva jirreferi biss għall-iffissar ta’ l-etajiet għal skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali: ma jirreferix, bħalma tagħmel l-14-il premessa, għad-dispożizzjonijiet li jistabblixxu l-etajiet ta’ rtirar in ġenerali.

67.   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li semmejt aktar ’il fuq, jiena tal-fehma li dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-iffissar ta’ età ta’ rtirar obbligatorja, bħad-DTW, ma tikkonċernax, għall-finijiet tad-Direttiva 2000/78/KE, “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”, u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Tali dispożizzjoni nazzjonali għalhekk ma tistax tkun prekluża mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età kif stabbilita f’din id-Direttiva.

4.      Regola bħal dik in kwistjoni f’din il-kawża hija ġġustifikata?

68.   Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tikkonkludi li regola nazzjonali bħad-DTW taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dik ir-regola tistax tiġi ġġustifikata taħt l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, ġaladarba, kif issemma aktar ’il fuq, regola li tipprovdi għall-iffissar ta’ età ta’ rtirar obbligatorja tkun tinvolvi diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva.

69.   Ovvjament, skond applikazzjoni korretta tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni, f’dan il-każ, l-allegata diskriminazzjoni tikkonsisti fil-fatt li persuni li jilħqu l-età ta’ rtirar obbligatorja, kuntrarjament għal persuni ta’ età iżgħar, m’għandhomx jiġu impjegati aktar. Għandu jiġi osservat, mandankollu, li forsi huwa aktar komuni għal persuna li tħossha li qed tiġu ttrattata b’mod inqas favorevoli fuq bażi ta’ età meta tkun iffaċċata b’età minima ta’ rtirar – kif probabbilment huwa previst fil-parti l-kbira ta’ l-iskemi tal-pensjonijiet ta’ l-Istati Membri – peress li, ġeneralment, l-iritrar jidher li huwa pperċepit aktar bħala dritt soċjali milli bħala obbligu.

70.   Ikun xi jkun il-każ, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE jistabbilixxi, b’mod speċifiku fir-rigward ta’ trattament differenti fuq bażi ta’ età, li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tali differenzi “m’għand[homx] jikkostitwixx[u] diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu[ma] objettivament u raġonevolment iġġustifikat[i] b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għan[i]jiet ikunu approprjati u neċessarji”.

71.   Mid-digriet tar-rinviju – u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol – jidher li d-DTW li tippermetti l-inklużjoni ta’ klawżoli ta’ rtirar obbligatorju fi ftehim kollettivi kienet adottata, fuq pressjoni mill-imsieħba soċjali, bħala parti minn politika li tippromwovi l-impjiegi interġenerazzjonali.

72.   Fil-fehma tiegħi mhemm l-ebda dubju li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 19(3) tal-Ftehim Kollettiv, isservi għan leġittimu ta’ interess pubbliku marbut mal-politika dwar l-impjiegi u s-suq tax-xogħol li jista’ jiġġustifika trattament differenti fuq bażi ta’ età skond l-Artikolu 6(1) tad-direttiva. F’dan il-kuntest, nistqarr li ma naqbilx mal-premessa li l-qorti tar-rinviju tidher li qed titlaq minnha, jiġifieri, jiena ma jidhirlix li huwa neċessarju li d-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni tirreferi espressament għal raġuni leġittima ta’ politika għall-finijiet ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE sabiex tkun ġustifikabbli skond din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, peress li d-direttivi jorbtu biss f’dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, għandu jkun suffiċjenti u deċiżiv li l-liġi nazzjonali tkun iġġustifikata, effettivament u fid-dawl tar-riżultat tagħha, minn tali għan leġittimu.

73.   Jekk issa nduru għar-rekwiżit skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE li l-mezzi li jintużaw sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu in kwistjoni jkunu “approprjati u neċessarji”, għandu jiġi enfasizzat, kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa' fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jadottaw sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u ta’ l-impjieg(22).

74.   Tabilħaqq, bħala regola, il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ tali kwistjonijiet kumplessi għal dik tal-leġiżlatur nazzjonali jew tal-forzi politiċi u soċjali oħra involuti fid-definizzjoni tal-politika soċjali u ta’ l-impjiegi ta’ Stat Membru partikolari (bħall-imsieħba soċjali f’dan il-każ). L-iktar l-iktar, f’dan il-livell għandha tiġi ċċensurata biss miżura nazzjonali li tkun manifestament sporporzjonata.

75.   Madankollu, fis-sentenza Mangold, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-informazzjoni pprovduta mill-qorti nazzjonali, ikkonkludiet li r-regola nazzjonali dwar il-kuntratti għal żmien fiss in kwistjoni f’dak il-każ kellhom jitqiesu li jmorru lil hinn minn dak li huwa approprjat u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ l-integrazzjoni vokazzjonali tal-ħaddiema anzjani qiegħda. F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-fatt, fost l-oħrajn, li grupp sinjifikattiv ta’ ħaddiema, iddeterminat biss fuq il-bażi ta’ l-età, qiegħed tipperikola li, matul parti sostanzjali tal-ħajja lavorattiva tal-membri tiegħu, ikun eskluż mill-benefiċċju ta’ impjieg stabbli(23).

76.   Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, jidher li mhemm l-ebda indikazzjoni li turi li jekk wieħed jipprovdi għal irtirar obbligatorju bħala tali jew, fil-każ konkret, l-iffissar ta’ età ta’ rtirar ta’ 65 sena, ikun qed imur lil hinn minn dak li huwa approprjat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

77.   Naturalment, minħabba l-isfidi demografiċi u l-limiti ta’ baġit li qed jiffaċċjaw il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri – li ħeġġew lill-Kummissjoni biex dan l-aħħar issejjaħ għal azzjoni urġenti – il-kwistjoni kruċjali fl-Ewropa pjuttost jidher li hija li jittawwal iż-żmien ta’ l-impjieg u tiżdied l-età tal-pensjoni. Imma, għal darb’oħra, għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddefinixxu l-politiki tagħhom f’dan il-kuntest.

78.   Għal dawn ir-raġunijiet, nikkonkludi li anki kieku l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE kellu jiġi interpretat fis-sens li jkopri dispożizzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni, tali dispożizzjoni ma tkunx prekluża minn dik id-direttiva.

5.      Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, u l-implikazzjonijiet ta’ Mangold, parti I

79.   L-aktar karatteristika importanti tas-sentenza Mangold, kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ma’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE ta’ dispożizzjoni tal-liġi Ġermaniża li tipprovdi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss għal ħaddiema li laħqu l-età ta’ 52 sena, probabbilment hija l-konstatazzjoni li “[i]l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fir-rigward ta’ l-età għandu […] jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju”(24).

80.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet din id-dikjarazzjoni fuq suġġeriment ta’ l-Avukat Ġenerali Tizzano li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza għandu jintuża bħala kriterju sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tar-regola nazzjonali in kwistjoni, iktar milli d-direttiva nfisha(25). Dan il-metodu jidher li ppermetta li jiġu riżolti żewġ problemi relattivi għal dak il-każ: l-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja użat dan il-kunċett sabiex twarrab l-oġġezzjoni li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-perijodu stabbilit għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE kien għadu ma skadiex għall-Ġermanja(26), it-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja rnexxielha tevita l-kwistjoni jekk id-Direttiva għandhiex “effett dirett orizzontali”(27).

81.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-Direttiva 2000/78/KE stess ma tistabbilixxix il-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol; anzi, “il-prinċipju stess tal-projbizzjoni ta’ dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni […] għand[u …]s-sors [tiegħu], kif jirriżulta[…] mill-ewwel u mir-raba’ premessa ta’ l-imsemmija direttiva, f’diversi strumenti internazzjonali u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati Membri”(28).

82.   F’dan il-kuntest, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja titlaq mill-premessa li projbizzjoni speċifika fuq bażi ta’ età diġà hija inerenti fi jew ġejja mill-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza(29).

83.   L-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold ġie kkritikat ferm mid-dinja akkademika, mill-media kif ukoll mill-parti l-kbira tal-partijiet f’dawn il-proċeduri u żgur li jixraqlu li jiġi eżaminat ulterjorment.

84.   L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ prinċipji ġenerali tal-liġi kien ċentrali għall-iżvilupp tas-sistema legali Komunitarja.

85.   Billi fformulat prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju – skond l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 220 KE li tiżgura li jiġi osservat id-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattat – il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament tat aktar sustanza lid-dritt Komunitarju, li altrimenti – peress li huwa sistema legali bbażata fuq trattat qafas – kien jibqa’ sempliċement skeletru ta’ regoli, mingħajr ma jikkostitwixxi “sistema” legali vera u proprja.

86.   Dan is-sors ta’ dritt ippermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja – li ta’ spiss tieħu ispirazzjoni mit-tradizzjonijiet legali komuni għall-Istati membri, u mit-trattati internazzjonali – li tiggarantixxi u żżid il-kontenut mal-prinċipji legali f’oqsma importanti bħall-protezzjoni tad-drittjiet fundamentali u d-dritt amministrattiv. Madankollu, huwa fin-natura tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li għandhom jiġu mfittxija fil-ġenna Platonika tad-dritt aktar milli fil-kotba tal-liġi, li kemm l-eżistenza kif ukoll il-kontenut sostantiv tagħhom huma kkaratterizzati mill-inċertezza.

87.   Madankollu huwa possibbli li wieħed jirrifletti fuq kemm huma fondati u konklużivi r-raġunijiet li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fis-sentenza Mangold dwar l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età.

88.   F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, tabilħaqq, diversi strumenti internazzjonali u tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri li għalihom tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold jinkludu l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, imma mhux – ħlief fi ftit każijiet, bħall-kostituzzjoni Finlandiża – il-prinċipju speċifiku ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età bħala tali.

89.   Analiżi aktar mill-qrib turi li d-deduzzjoni ta’ l-eżistenza ta’ projbizzjoni speċifika ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età – jew ta’ kwalunkwe tip speċifiku ieħor ta’ diskriminazzjoni msemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78/KE – sempliċement mill-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali tammonta effettivament għal affermazzjoni kuraġġuża u għal żvilupp sinjifikattiv. Ir-rimarki ġenerali li ġejjin dwar il-mekkaniżmu ta’ non-diskriminazzjoni jistgħu jispjegaw din il-fehma.

90.   Skond id-definizzjoni komunement aċċettata, kif ukoll skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, jew ta’ non-diskriminazzjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li s-sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod(30).

91.   Mhux wisq diffiċli li jiġi stabbilit jekk żewġ sitwazzjonijiet humiex ittrattati b’mod differenti jew, skond il-każ, bl-istess mod. Il-pass tassew kruċjali fl-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza huwa pjuttost, l-ewwel nett, li jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjonijiet in kwistjoni humiex paragunabbli jew, fi kliem ieħor, suffiċjentement simili – eżerċizzju li jeħtieġ analiżi bbażata fuq il-kriterju tar-rilevanza. Din l-evalwazzjoni normalment ma tkunx spjegata b’mod espliċitu fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u fil-fatt tinvolvi ġudizzju ta’ valur.

92.   Dak li jiddistingwi l-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni minn projbizzjoni speċifika ta’ tip partikolari ta’ diskriminazzjoni huwa essenzjalment li, fil-każ ta’ l-aħħar, il-kriterju li fuqu ma jistax jiġi leġittimament ibbażat id-divrenzjar diġà ġie espressament identifikat. Għalhekk, diġà ġie ddeterminat li d-divrenzjar ma jistax ikun ibbażata fuq nazzjonalità, sess, età jew kwalunkwe bażi oħra ta’ diskriminazzjoni li tissemma fil-formulazzjoni tal-projbizzjoni speċifika kkonċernata. Għall-kuntrarju, il-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni tħalli miftuħa l-kwistjoni ta’ liema raġunijiet għad-divrenzjar huma aċċettabbli. Maż-żmien jidher li din il-kwistjoni ġiet riżolta b’mod differenti u bħalissa għaddejja minn żviluppi kontinwi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali.

93.   Wieħed jista’ jgħid li l-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza potenzjalment jimplika projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi li tista’ titqies inaċċettabbli.

94.   Għalhekk huwa korrett li jiġi ddikjarat, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni fuq bażijiet speċifiċi, li l-projbizzjonijiet speċifiċi jikkostitwixxu espressjonijiet partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza li jifforma parti mis-sisien tal-Komunità(31). Madankollu, li wieħed jiddeduċi – kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mangold – mill-prinċipju ġenerali ta’ l-ugwaljanza, l-eżistenza ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi speċifika hija kwistjoni pjuttost differenti u mhux wisq konvinċenti.

95.   Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, la l-Artikolu 13 KE u lanqas id-Direttiva 2000/78/KE ma jirriflettu bilfors projbizzjoni diġà eżistenti tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni li għalihom jirreferu. Fiż-żewġ każijiet, l-intenzjoni warajhom pjuttost kienet li t-teħid ta’ azzjoni xierqa għal dan il-għan jitħalla f’idejn il-leġiżlatur Komunitarju u l-Istati Membri. F’kull każ, dan huwa dak li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li qed tissuġġerixxi wkoll fis-sentenza Grant, li fiha kkonkludiet li d-dritt Komunitarju, kif kien dak iż-żmien, ma kienx ikopri diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali(32).

96.   Għandu jingħad ukoll li jekk ir-raġunament fis-sentenza Mangold jiġi segwit sal-konklużjoni loġika tiegħu, mhux biss il-projbizzjoni fuq bażi ta’ età, imma l-projbizzjonijiet speċifiċi kollha tat-tipi ta’ diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78/KE jkollhom jitqiesu bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

97.   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijet preċedenti, ma nqisx li l-konklużjoni li nġibdet fis-sentenza Mangold dwar l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età hija partikolarment konvinċenti.

98.   F’kull każ, anki jekk dik il-konstatazzjoni titqies bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-każ preżenti, jidher ċar mis-sentenza Mangold li l-Qorti tal-Ġustizzja titlaq mill-premessa li l-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età mhuwiex differenti fis-sustanza mill-projbizzjoni ekwivalenti taħt id-Direttiva 2000/78/KE, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni(33).

99.   B’referenza għall-osservazzjonijiet f’dan ir-rigward li għamilt aktar ’il fuq, nista’ għalhekk nikkonkludi li anki b’referenza għall-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, regola nazzjonali bħal dik in kwistjoni ma tkunx prekluża mid-dritt Komunitarju.

100. Għalhekk għar-raġunijiet kollha spjegati aktar ’il fuq, jiena tal-fehma li, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78/KE ma jipprekludix regola nazzjonali bħad-DTW.

B –    It-tieni domanda

1.      L-osservazzjonijiet prinċipali tal-partijiet

101. Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li taċċerta ruħha jekk għandhiex ma tapplikax id-DTW jekk jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija prekluża mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età.

102. Peress li l-Gvernijiet ta’ Spanja, ta’ l-Irlanda, ta’ l-Olanda u tar-Renju Unit, kif ukoll Cortefiel, sostnew li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi l-ewwel domanda fin-negattiv, huma għamlu biss osservazzjonijiet sussidjarji dwar il-kwistjoni jekk ir-regola nazzjonali in kwistjoni għandiex tiġi mwarrba, għalkemm il-Gvern tar-Renju Unit qiegħed enfasi partikolari fuq din il-kwistjoni.

103. Dawn il-partijiet kollha essenzjalment jaqblu li la d-Direttiva 2000/78/KE u lanqas prinċipju ġenerali tad-dritt li jipprojbixxi diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età ma jista’ jkollhom l-effett li jeħtieġu li qorti nazzjonali ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali konfliġġenti. Peress li l-kawża prinċipali hija bejn partijiet privati, tali konstatazzjoni ddgħajjef ir-regola li d-direttivi ma jistgħux jipproduċu effett dirett orizzontali. Madankollu, xorta jibqa’ l-obbligu li r-regola nazzjonali tiġi interpretata, sakemm ikun possibbli, b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78/KE u mal-prinċipju stabbilit fiha.

104. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni – kif mid-dehra qed jagħmel is-Sur Palacios – li fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-qorti nazzjonali tkun meħtieġa li twarrab kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali konfliġġenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għal darb’oħra tinvoka s-sentenza Mangold u targumenta li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak il-każ iddeċidiet li kien hemm obbligu li tiġi mwarrba l-liġi nazzjonali li kienet f’kunflitt mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età(34), dan japplika a fortiori f’dan il-każ, billi l-perijodu previst għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78/KE diġà skada.

2.      L-obbligu li regola nazzjonali konfliġġenti ma tiġix applikata u l-implikazzjonijiet tas-sentenza Mangold, parti II

105. Ovvjament, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi s-suġġeriment tiegħi u tiddikjara li r-regola in kwistjoni hija kompatibbli. Madanakollu se nindirizza, purament b’mod sussidjarju, il-kwistjoni rigward il-konklużjonijiet xierqa li għandhom jinġibdu mill-qorti tar-rinviju għall-finijiet tal-kawża prinċipali fil-każ li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, kif stabbilita fid-Direttiva 2000/78/KE – jew, jekk ikun il-każ, fi prinċipju ġenerali korrispondenti tad-dritt Komunitarju – kellha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni bħad-DTW, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-kwistjoni tqajmet f’kawża bejn partijiet privati dwar it-tmiem ta’ relazzjoni ta’ impjieg.

106. L-ewwel nett, għandhom jitfakkru l-elementi fundamentali tal-ġurisprudenza rilevanti.

107. Għandu jiġi osservat li, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, inkondizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan ta’ l-aħħar ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fil-liġi nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan ikun ittrasponiha b’mod inkorrett(35).

108. Il-Qorti tal-Ġustizzja attribwiet dan l-effett lid-direttivi – minkejja t-termini ta’ l-Artikolu 249 KE, li f’dak li jirrigwarda d-direttivi, ma jirreferux għall-għoti tad-drittijiet lill-individwi – fid-dawl tan-natura vinkolanti u ta’ l-effett prattiku tad-direttiva u, fuq kollox, sabiex Stat Membru inadempjenti ma jkunx jista’ jistrieħ fuq in-nuqqas tiegħu li jwettaq l-obbligi kontenuti fid-direttiva kontra l-individwi(36).

109. Naturalment, dan ir-raġunament ma jistax japplika f’dak li jirrigwarda l-obbligi imposti fuq individwu. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li direttiva ma tistax, minnha nfisha, timponi obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra individwu(37).

110. Għalhekk, meta dispożizzjoni ta’ direttiva tissodisfa r-rekwiżit sostantiv li tkun inkondizzjonata u suffiċjentement preċiża, bħala regola, individwu jista’ jagħmel użu minn din id-dispożizzjoni kontra awtorità pubblika (effett dirett vertikali), imma mhux kontra individwu (effett dirett orizzontali).

111. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-aċċettazzjoni ta’ l-effett ta’ l-aħħar ikun jammonta għal rikonoxximent “li l-Komunità għandha s-setgħa li timponi obbligi għall-individwi b’effett immedjat meta hija għandha din il-kompetenza biss fejn tingħatalha s-setgħa li tadotta regolamenti”(38). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi lid-direttivi milli joħolqu obbligi għall-individwi(39).

112. Madankollu, jenħtieġ li din ir-regola ġenerali tiġi attenwata mill-inqas minn żewġ aspetti. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li “sempliċi riperkussjonijiet negattivi” fuq id-drittijiet ta’ terzi, anki jekk ir-riperkussjonijiet ikunu ċerti, ma jiġġustifikawx li individwu ma jitħalliex jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva kontra l-Istat Membru kkonċernat(40). It-tieni nett, linja ġurisprudenzjali partikolari tissuġġerixxi li, anki f’kawża purament privata, individwu jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jinvoka direttiva sabiex tiġi mwarrba r-regola nazzjonali konfliġġenti (dan xi drabi jissejjaħ “effett dirett inċidentali”)(41).

113. Jekk issa nduru għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-ewwel se niddiskuti l-kwistjoni ta’ obbligu possibbli li ma tiġix applikata r-regola nazzjonali in kwistjoni abbażi tad-Direttiva 2000/78/KE. Imbagħad se nindirizza l-impatt possibbli ta’ prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, kif applikat fis-sentenza Mangold.

114. L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fil-fehma tiegħi, mhemm l-ebda dubju li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età kif stabbilita fid-Direttiva 2000/78/KE, b’mod partikolari fl-Artikoli 1 u 6 tagħha, hija suffiċjentement preċiża u inkondizzjonata sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi għal effett dirett f’dak li jirrigwarda l-iffissar ta’ età ta’ rtirar obbligatorja. Huwa suffiċjenti li jingħad li jidher ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jkunu suġġetti għal eċċezzjonijiet jew, bħal f’dan il-każ, jipprovdu għal ġustifikazzjonijiet minnu nnifsu ma jfissirx li l-kundizzjonijiet meħtieġa biex dawk id-dispożizzjonijiet jipproduċu effett dirett ma ġewx sodisfatti(42).

115. It-tieni nett, jidher mid-digriet tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju – li tinvoka f’dan ir-rigward, fost l-oħrajn, il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Spanjola – ikollha tqis li l-ftehim kollettiv li jiffissa l-età ta’ rtirar obbligatorja huwa illegali fin-nuqqas tal-bażi legali espliċita pprovduta għalih mid-DTW.

116. Għalhekk kieku d-DTW kellha tiġi mwarrba, kif ipotizzat fid-digriet tar-rinviju, bħala konsegwenza tal-preklużjoni tagħha mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età, il-ftehim kollettiv ikollu jitqies li huwa illegali mill-qorti tar-rinviju.

117. Fil-kawża prinċipali, is-Sur Palacios qed jikkontesta l-att li permezz tiegħu l-persuna li kienet timpjegah, Cortefiel, informatu bit-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg tiegħu minħabba rtirar. Għalhekk jidher ċar li dan huwa każ ta’ relazzjoni kuntrattwali orizzontali, li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-impjieg. Konstatazzjoni min-naħa tal-qorti tar-rinviju fis-sens li t-talba tas-Sur Palacios hija fondata u li t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol (ibbażata fuq id-DTW u l-ftehim kollettiv) hija nulla, tkun tikkonċerna direttament lil Cortefiel billi timponi fuqha obbligu li tkompli r-relazzjoni tax-xogħol jew, jekk ikun il-każ, iġġarrab konsegwenzi oħra bħall-għoti ta’ kumpens.

118. Għalhekk, f’dan il-kuntest, l-invokazzjoni tad-direttiva kjarament twassal biex tiġi imposta xi xorta ta’ obbligu fuq individwu ieħor, f’dan il-każ il-persuna li preċedentement kienet tħaddem lis-Sur Palacios.

119. Fid-dawl tal-ġurisprudenza spjegata aktar ’il fuq, wieħed jista’ jistaqsi, l-ewwel nett, jekk dan l-effett huwiex aċċettabbli peress li jammonta sempliċement għal “riperkussjonijiet negattivi” fis-sens tal-ġurisprudenza Wells. Fil-fatt, fis-sentenza Wells, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn sitwazzjoni kkaratterizzata minn “obbligu ta’ l-Istat direttament marbut mat-twettiq ta’ obbligu ieħor li għandu jitwettaq, skond din id-direttiva, minn terz” u “sempliċi riperkussjonijiet negattivi fuq id-drittijiet ta’ terzi” hija partikolarment sottili(43).

120. Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sentenza Wells tikkonċerna relazzjoni trijangolari fis-sens li għandha l-għan, l-ewwel u qabel kollox, li Stat Membru jissodisfa obbligu li jirriżulta mid-direttiva, filwaqt li l-impatt li jirriżulta fuq individwu jikkostitwixxi sempliċement effett kollaterali ta’ dan l-obbligu.

121. Bla dubju, wieħed jista’ teoretikament jinterpreta din is-sitwazzjoni bħala waħda trijangolari fis-sens li fil-fatt id-direttiva tkun invokata kontra d-DTW u l-ftehim kollettiv, jiġifieri kontra l-Istat, li għandu l-obbligu li jwettaq traspożizzjoni korretta(44).

122. Madankollu, dan l-approċċ żgur li jġebbed iżżejjed ir-raġunament fis-sentenza Wells u fil-prinċipju jista’ jiġi applikat għal kważi kull relazzjoni legali orizzontali peress li, fl-aħħar mill-aħħar, anki r-relazzjonijiet kuntrattwali rregolati bid-dritt privat ikunu dejjem ibbażati fuq jew iridu jikkonformaw mad-dritt ta’ l-Istat (dwar il-kuntratti). Minflok, f’każ bħal dak quddiem il-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa xieraq li nqis l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq individwu bħala konsegwenza diretta ta’ l-invokazzjoni tad-direttiva, u mhux biss bħala effett sekondarju ta’ l-invokazzjoni tad-direttiva kontra l-Istat.

123. Il-kwistjoni ta’ l-effett dirett orizzontali ġiet diskussa mill-partijiet anki minn perspettiva oħra, li tirrigwarda l-implikazzjonijiet speċifiċi għal dan il-każ jekk id-direttiva kellha tiġi attribwita effett dirett. Is-Sur Palacios qed ifittex li jinvoka d-Direttiva 2000/78/KE sabiex jipprekludi l-applikazzjoni tad-DTW u sabiex minflok jibbenefika mil-liġi nazzjonali ġenerali li taħtha, kif jidher mid-digriet tar-rinviju, l-iffissar ta’ rtirar obbligatorju jkun illegali, billi jkun tilef il-bażi legali tiegħu.

124. Din id-diskussjoni tirrigwarda d-distinzjoni – ferm magħrufa fid-dottrina imma anki, sa ċertu punti, riflessa fil-ġurisprudenza – bejn l-effett “ta’ esklużjoni” u l-effett “ta’ sostituzzjoni” meta tiġi invokata direttiva. Skond dan l-argument, għandu jkun possibbli li tiġi invokata direttiva f’kawża bejn partijiet privati jekk l-uniku effett tagħha huwa dak li “jwarrab” ir-regoli nazzjonali konfliġġenti sabiex tinfetaħ it-triq għal regoli nazzjonali oħra li fuqhm il-parti kkonċernata tkun tista’ tibbaża t-talba tagħha. Skond dan l-argument, id-direttiva stess ma tissostitwixxix, f’termini sostantivi, ir-regola nazzjonali konfliġġenti, jew biex nuża t-termini tal-ġurisprudenza M. H. Marshall u Faccini Dori(45), “ma tistax minnha nfisha timponi obbligi fuq individwu”.

125. Jista’ jiġi argumentat li, skond dan l-approċċ, l-effett dirett ma jitqiesx daqstant mill-perspettiva ta’ l-“invokabbiltà” jew tal-pożizzjoni legali ta’ l-individwi taħt id-direttivi, imma pjuttost mill-perspettiva tas-supremazija tad-dritt Komunitarju u ta’ l-obbligu “oġġettiv” relatat li għandhom b’mod ġenerali l-qrati nazzjonali – kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi kollha fl-Istati Membri – li jiżguraw li jinkiseb ir-riżultat mixtieq tad-direttiva, u b’mod partikolari, li joqogħdu lura milli japplikaw regoli tad-dritt nazzjonali konfliġġenti(46).

126. Madankollu, dak li jidhirli li huwa deċiżiv, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, huwa jekk il-pożizzjoni legali ta’ individwu tiġix affettwata għad-detriment tiegħu b’riżultat ta’ l-invokazzjoni ta’ direttiva, irrispettivament minn jekk, teknikament, dak l-effett negattiv seħħx minħabba s-sempliċi esklużjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali konfliġġenti in kwistjoni jew bħala konsegwenza tas-sostituzzjoni tagħha bid-direttiva.

127. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-argument li, f’każi bħal dak quddiem il-qorti tar-rinviju, id-direttivi jistgħu jiġu attribwiti mill-inqas effett dirett orizzontali “ta’ esklużjoni” ma jistax jiġi aċċettat(47).

128. Huwa minnu li f’xi każijiet, bħas-sentenzi CIA Security u Unilever, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat tali effett u ordnat li r-regoli nazzjonali ma jiġu applikati fi proċeduri bejn individwi(48). Imma naħseb li dawn il-każijiet iridu jinftiehmu fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom, billi kienu jinvolvu direttivi li jikkonċernaw obbligi ta’ dritt pubbliku ta’ natura teknika jew proċedurali, li fil-fehma tiegħi mhumiex paragunabbli ma’ direttiva bħal dik in kwistjoni.

129. Fl-aħħar nett , għandu jiġi osservat li fis-sentenza Pfeiffer et, li kienet tikkonċerna proċeduri bejn partijiet privati, il-Qorti tal-Ġustizzja ma warrbitx, skond il-ġurisprudenza Simmenthal(49), ir-regola nazzjonali konfliġġenti dwar il-ħin tax-xogħol, minkejja li dan kien kulma kien meħtieġ sabiex jinkiseb ir-riżultat mixtieq. Minflok, hija rreferiet għall-obbligu “bażiku”, inqas invażiv u ġeneralment applikabbli, li tkun adottata interpetazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mad-dritt Komunitarju(50).

130. Dan ifisser li, eżattament wara s-sentenza Pfeiffer et, il-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat il-pożizzjoni preċedenti tagħha dwar in-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi billi, fis-sentenza Mangold(51), iddeċidiet li hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li twarrab kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju, skond il-ġurisprudenza Simmenthal?(52)

131. Jidhirli li, minn eżami aktar mill-qrib, dan mhuwiex verament il-każ. Effettivament kienet l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età li ġiegħlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Mangold, li tiddeċiedi f’dan is-sens. F’dan ir-rigward, jista’ jkun utli li jiġi osservat li fir-risposta tagħha għat-tieni domanda dwar il-kompatibbiltà tar-regola nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet b’mod partikolari għad-Direttiva 2000/78/KE, filwaqt li fil-paragrafu sussegwenti, b’risposta għat-tielet domanda, iddeċidiet li hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tiggarantixxi l-effikaċja sħiħa “tal-prinċipju ġenerali ta’ non-diskriminazzjoni minħabba l-età”(53).

132. Skond l-interpretazzjoni tiegħi tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk m'aċċettatx li d-Direttiva 2000/78/KE għandha effett dirett orizzontali; minflok, hija daret man-nuqqas ta’ tali effett billi attribwiet effett dirett lill-prinċipju ġenerali tad-dritt korrispondenti.

133. Meta adottat dan l-approċċ, il-Qorti tal-Ġustizzja daħlet f’qasam mimli diffikultajiet, mhux biss rigward il-kwistjoni jekk jeżistix tali prinċipju ġenerali tad-dritt ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età(54), imma anki rigward il-mod kif applikat dan il-prinċipju.

134. Jiena minix qed insostni li l-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħala regola ġenerali, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sostantivi sabiex jipproduċu effett dirett (li jkunu inkondizzjonati u suffiċjentement preċiżi). Il-punt tiegħi huwa li l-kunċett ta’ prinċipju ġenerali għandu x’jaqsam ma’ forma partikolari ta’ regola aktar milli ma’ kontenut partikolari: huwa jiddeskrivi sors ta’ dritt li jista’ jinkludi regoli b’kontenut u bi grad ta’ kompletezza li jvarjaw ħafna, li jvarjaw minn massimi interpretativi sa regoli veri u proprji bħad-drittijiet fundamentali jew bħall-korp ferm żviluppat ta’ prinċipji Komunitarji ta’ amministrazzjoni tajba u proċedura korretta.

135. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-prinċipji ġenerali tvarja wkoll, billi tiddependi kemm mill-prinċipju in kwistjoni kif ukoll mill-kuntest effettiv li fih jintuża. Per eżempju, il-prinċipji ġenerali jistgħu jservu bħala kriterji interpretativi, bħala parametru dirett għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ atti Komunitarji jew saħansitra sabiex fuqhom tkun ibbażata talba għal rimedju legali partikolari fid-dritt Komunitarju(55).

136. Madankollu, għandu jiġi osservat li, bħala regola, f’kuntest bħaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fejn ġiet adottata direttiva, tali att ta’ dritt Komunitarju sekondarju jista’ jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipji ġenerali li fuqu jkun ibbażat u jitkejjel skond dawk il-prinċipji. Għalhekk, il-prinċipji ġenerali tad-dritt – li indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 220 KE, bħala parti mid-dritt Komunitarju primarju – jingħataw espressjoni u applikazzjoni permezz ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika. Dak huwa effettivament l-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Caballero(56) li għaliha għamlet referenza fis-sentenza Mangold(57). F’dak il-każ ukoll, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni ma ġiex applikat b’mod awtonomu, imma bħala mezz biex tiġi interpetata d-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE(58).

137. Tista’ tinqala’ sitwazzjoni problematika, madankollu, jekk dan il-kunċett kellu jinqaleb ta’ taħt fuq billi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li, bħal f’dan il-każ, jista’ jitqies li ġie espress f’leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika(59), jingħata grad ta’ emanċipazzjoni tali li jista’ jiġi invokat minflok jew b’mod indipendenti minn dik il-leġiżlazzjoni.

138. Tali approċċ mhux biss iqajjem tħassib serju f’dak li jirrigwarda ċ-ċertezza legali, imma jixħet ukoll dubji fuq id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri, u, b’mod ġenerali, fuq l-attribuzzjoni tas-setgħat taħt it-Trattat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 13 KE espressament irriżerva s-setgħa lill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura prevista f’dan l-artikolu, li jieħu azzjoni xierqa sabiex jiġġieled, fost l-oħrajn, id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età – ħaġa li għażel li jagħmel dan permezz ta’ direttiva. Fil-fehma tiegħi, il-limiti intrinsiċi għal dan l-att Komunitarju speċifiku, b’mod partikolari fir-rigward ta’ effett dirett orizzontali, għalhekk m’għandhomx jiddgħajfu billi wieħed jirrikorri għal prinċipju ġenerali.

139. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew aktar ’il fuq, nikkonkludi li, fil-każ li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età kif stabbilita fid-Direttiva 2000/78/KE jew, jekk ikun il-każ, fi prinċipju ġenerali korrispondenti tad-dritt Komunitarju, tiġi interpetata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali bħad-DTW, il-qorti nazzjonali ma tkunx obbligata li ma tapplikax din ir-regola.

V –    Konklużjoni

140. Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun:

Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78/KE/EC tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ma jipprekludix liġi nazzjonali (b’mod iktar partikolari, l-ewwel paragrafu tad-Dispożizzjoni Tranżitorja Waħdanija tal-Liġi 14/2005 dwar klawżoli fi ftehim kollettivi dwar meta tintlaħaq l-età normali ta’ rtirar) li skondha l-klawżoli ta’ rtirar obbligatorju inklużi fi ftehim kollettivi huma legali, fejn tali klawżoli jipprovdu bħala l-uniċi rekwiżiti li l-ħaddiema jridu jkunu laħqu l-età normali ta’ rtirar u jridu jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet stabbliti fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat sabiex ikunu intitolati għal pensjoni ta’ rtirar taħt is-sistema kontributorja rilevanti.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2005.


3 – ĠU 2000 L 303, p. 16.


4 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981).


5 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006 (C‑13/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


6 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


7 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Lindorfer vs Il-Kunsill, C-227/04 P, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; din il-kawża reġgħet infetħet b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2006; ara t-tieni konklużjonijiet ippreżentati f’din il-kawża fit-30 ta’ Novembru 2006 mill-Avukat Ġenerali Sharpston.


8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2004, Olga Lutz Herrera vs Il-Kummissjoni, T-219/02 u T-337/02, Ġabra SP, p. I-A‑319 u II‑1407, punt 89, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentati fit-30 ta’ Novembru 2006 fil-kawża Lindorfer vs Il-Kunsill, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 65.


9 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


10 – Ara, f’dan is-sens, fost l-oħrajn, is-sentenzi ta’ l-24 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-434/97, Ġabra p. I‑1129, punt 22, u tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C-478/99, Ġabra p. I‑4147, punt 15.


11 – Ara, f’dan is-sens, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2000, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia, C-240/02, Ġabra p. I‑2461, punt 22; ara wkoll is-sentenza Navas, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 45 u 49.


12 – ĠU 1976 L 39, p. 40.


13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Vera Mia Beets-Proper, 262/84, Ġabra p. 773, u M. H. Marshall, C-152/84, Ġabra p. 723.


14 – Ara s-sentenzi Vera Mia Beets-Proper, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 34, u Marshall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 32.


15 – Ara s-sentenzi Vera Mia Beets-Proper, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 36, u Marshall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 34.


16 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Navas, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 46 sa 51.


17 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fit-30 ta’ Marzu 2006 fil-kawżi Alfa Vita u Carrefour Marinopoulos, C-158/04 u C-159/04, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 41, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2006 fil-kawża Kaj Lyyski, C-40/05, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 56.


18 – Il-konklużjonijiet fil-kawża Navas, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 54.


19 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Lindorfer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 83 u 84.


20 – Għal din ir-raġuni biss naħseb li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u għan-nisa, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-pensjonijiet jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “paga” għall-finijiet tad-Direttiva 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU 1979 L 6, p. 24), ma tistax tiġi purament u sempliċement trasposta għal dan il-każ li jirrigwarda diskriminazzjoni minħabba l-età. Rigward dik il-ġurisprudenza ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Lilli Schröder, C-50/96, Ġabra p. I‑743 u tat-12 ta’ Settembru 2002, Pirkko Niemi, C-351/00, Ġabra p. I‑7007.


21 – Kif osserva ġustament il-Gvern Irlandiż, din il-premessa ma dehritx fil-proposta tal-Kummissjoni (ĠU 2000 C 177 E, p. 42), imma ddaħħlet sussegwentement fil-preambolu tad-direttiva mill-Kunsill.


22 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 63.


23 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 64.


24 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 75.


25 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 84 u 101.


26 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 74 u 76.


27 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 77 u 78.


28 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 74.


29 – Ara, speċjalment, il-punt 74 u 76 tas-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4. Għal interpretazzjoni simili ta’ din is-sentenza, ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Lindorfer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 55 u 56.


30 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C-354/95, Ġabra p. I‑4559, punt 61, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 31.


31 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman, C-17/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28.


32 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 1998, Grant, C-249/96, p. I‑621, punt 48.


33 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, b’mod partikolari l-punti 74 u 78.


34 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 78.


35 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 11, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I‑6325, punt 25.


36 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, punt 12, u tal-5 ta’ April 1979, Ratti, 148/78, Ġabra p. 1629, punt 22.


37 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Marshall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 48, kif ukoll is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I‑3325, punt 20, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C-201/02, Ġabra p. I‑723, punt 56.


38 – Ara s-sentenza Faccini Dori, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 24.


39 – Ara s-sentenza Wells, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 56.


40 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Wells, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 57.


41 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C-194/94, Ġabra p. I‑2201, u tas-26 ta’ Settembru 2000, Unilever, C-443/98, Ġabra p. I‑7535.


42 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I‑1131, punti 32 sa 38, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I‑8835, punt 105.


43 – Ara s-sentenza Wells, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 56 u 57.


44 – Nista’ nżid li l-kunċett ta’ “l-Istat”, kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ l-effett dirett vertikali, huwa suffiċjentement wiesa’ sabiex ikopri anki l-imsieħba soċjali – peress li, meta jadottaw ftehim kollettivi, huma jwettqu funzjoni pubblika – bħala emanazzjoni ta’ l-Istat. F’dan ir-rigward, ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et, C-188/89, Ġabra p. I‑3313, punt 18.


45 – Ara l-punt 109 iktar ’il fuq.


46 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I‑5403, punti 55 sa 61, tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fratelli Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839, punt 33.


47 – Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Mangold, iċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 4, punt 106.


48 – Is-sentenzi CIA Security International, iċċitata fin-nota f’qiegħ il-paġna 41, punti 54 u 55, u Unilever, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punti 49 sa 52.


49 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629.


50 – Ara s-sentenza Pfeiffer et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punti 107 sa 117.


51 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 77.


52 – Sentenza Simmenthal, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 21.


53 – Ara s-sentenza Mangold, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 78 u d-dispożittiv, it-tieni risposta.


54 – Ara l-punti 79 sa 97 iktar ’il fuq.


55 – Għal ħarsa ġenerali lejn l-istatus u r-rwol tad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Omega (sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, C-36/02, Ġabra p. I‑9609, punti 48 sa 66).


56 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C-442/00, Ġabra p. I‑11915.


57 – Ara, b’mod partikolari, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 40 ta’ dik is-sentenza.


58 – Id-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 1980 L 283, p. 23).


59 – Ara l-punt 99 iktar ’il fuq.

Fuq