Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62002CJ0284
Judgment of the Court (First Chamber) of 18 November 2004.#Land Brandenburg v Ursula Sass.#Reference for a preliminary ruling: Bundesarbeitsgericht - Germany.#Social policy - Male and female workers - Article 141 EC - Equal pay - Directive 76/207/EEC - Equal treatment - Maternity leave - Passage to a higher salary grade - Failure to take account of the whole of a period of maternity leave taken under the legislation of the former German Democratic Republic.#Case C-284/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-18 ta' Novembru 2004.
Land Brandenburg vs Ursula Sass.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja.
Politika soċjali- Ħaddiema maskili u femminili- Artikolu 141 KE - ugwaljanza fir-remunerazzjonijiet - Direttiva 76/207/KEE - Ugwaljanza fit-trattament- Leave tal-maternità- Bidla għal kategorija ta' remunerazzjoni superjuri - Nuqqas li jittieħed in kunsiderazzjoni ta' l-ammont sħiħ ta' leave ta' maternità meħud skond il-leġiżlazzjoni ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja.
Kawża C-284/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-18 ta' Novembru 2004.
Land Brandenburg vs Ursula Sass.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja.
Politika soċjali- Ħaddiema maskili u femminili- Artikolu 141 KE - ugwaljanza fir-remunerazzjonijiet - Direttiva 76/207/KEE - Ugwaljanza fit-trattament- Leave tal-maternità- Bidla għal kategorija ta' remunerazzjoni superjuri - Nuqqas li jittieħed in kunsiderazzjoni ta' l-ammont sħiħ ta' leave ta' maternità meħud skond il-leġiżlazzjoni ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja.
Kawża C-284/02.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:722
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)
18 ta' Novembru 2004 (*)
"Politika soċjali– Ħaddiema maskili u femminili– Artikolu 141 KE – ugwaljanza fir-remunerazzjonijiet – Direttiva 76/207/KEE – Ugwaljanza fit-trattament– Leave tal-maternità– Bidla għal kategorija ta' remunerazzjoni superjuri – Nuqqas li jittieħed in kunsiderazzjoni ta' l-ammont sħiħ ta' leave ta' maternità meħud skond il-leġiżlazzjoni ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja"
Fil-kawża C-284/02
li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234KE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Marzu 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Awwissu 2002, fil-proċedura:
Land Brandenburg
vs
Ursula Sass,
IL-QORTI TA' ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas, (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts u S. von Bahr, Imħallfin
Avukat Ġenerali:L . A. Geelhoed,
Reġistratur: F. Contet, Amministratur Prinċipali,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
·għal-Land Brandenburg, minn J. Borck, Rechtsanwalt,
·għal U. Sass, minn T. Becker, Rechtsanwalt,
·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Martenczuk u N. Yerrell, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta 27 ta' April 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE u tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament ta' l-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (76/207/KEE) (ĠU L 39, p. 40).
2 Din id-domanda ġiet magħmula fil-kuntest tal-kawża bejn U. Sass u min iħaddimha, il-Land Brandenburg, rigward in-nuqqas, ta' dan ta' l-aħħar, li jieħu in kunsiderazzjoni, meta kien ikkalkulat il-perijodu meħtieġ, (Bewahrungszeit, iktar 'il quddiem "il-perijodu meħtieġ") qabel ma tkun tista' tiġi klassifikata f'kategorija ta' remunerazzjoni superjuri, tat-totalita' tal-leave tal-maternità meħud minnha taħt il-leġiżlazzjoni ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja. (iktar 'il quddiem "dik li kienet qabel l-RDĠ").
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 141 KE jiddikjara l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali.
4 Id-Direttiva 76/207/KEE tfittex li telimina d-diskriminazzjoni sesswali fil-kundizzjoniet tax-xogħol kif ukoll fl-aċċess għall-impjiegi kollha jew postijiet tax-xogħol, fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, filwaqt li tippreċiża li ma toħloqx ostakli għad-dispożizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mat-tqala u l-maternità.
5 Minbarra dan, id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-implementazzjoni ta' miżuri biex jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u s-saħħa fil-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li jkunu welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (ĠU L 348, p. 1), tistabbilixxi ċerti rekwiżiti minimi fil-qasam tal-protezzjoni ta' dawn il-ħaddiema.
6 F'dak li jirrigwarda l-leave tal-maternità, id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tiggarantixxi, fl-Artikolu 8, dritt għal-leave tal-maternità ta' mill-inqas 14-il ġimgħa kontinwa, li jinkludi perijodu obbligatorju ta' mill-inqas ġimagħtejn. Minbarra dan, hija tipprovdi, fl-Artikolu 11 tiegħu, li ż-żamma ta' remunerazzjoni u/jew intitolament, għal allowance xierqa kif ukoll għad-drittijiet l-oħra marbuta mal-kuntratt ta' l-impjieg għandhom jiġu ggarantiti waqt il-perijodu ta' leave kif previst mill-Artikolu 8.
7 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 92/85 kellha tiġi trasposta mill-Istati membri biss sad-19 ta' Ottubru 1994, jew f'data wara li ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali.
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8 Is-sitwazzjoni ta' mara wara l-ħlas kienet irregolata, f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, mill-Arbeitsgesetzbuch der Deutschen Demokratischen Republik (il-kodiċi tax-xogħol ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, iktar 'il quddiem l-"AGB-DDR") tas-16 ta' Ġunju 1997 (GB1.I, p. 85).
9 L-Artikolu 244 ta' l-AGB-DDR jipprovdi, għan-nisa, leave tal-maternità ta' perijodu ta' 20-il ġimgħa wara l-ħlas. Tul il-perijodu ta' dan il-leave, is-sigurtà soċjali kienet tħallas lin-nisa benefiċċju ta' maternità ekwivalenti għall-ammont ta' remunerazzjoni medja netta tagħhom.
10 Is-sitwazzjoni ta' mara wara l-ħlas hija rregolata, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-Mutterschutzgesetz (iktar 'il quddiem il-"MuSchG").
11 L-ewwel frażi ta' l-Artikolu 6(1) tal-MuSchG jipprojbixxi lill-ħaddiema femminili milli jaħdmu fit-8 ġimgħat wara l-ħlas. Matul dan il-perijodu ta' leave tal-maternità, il-mara tirċievi remunerazzjoni mingħand min jimpjegaha, li jiżdied mal-benefiċċju ta' maternità.
12 Il- Bundes-Angestelltentarifvertag-Ost (ftehim kollettiv ta' l-aġenti kuntrattwali tas-settur pubbliku tal-Ġermanja tal-Lvant), ta' l-10 ta' Diċembru 1990 (iktar 'il quddiem il-"BAT-O") jipprovdi, fl-Artikolu 23a tiegħu, fir-rigward tal-promozzjoni wara t-tmiem ta' perijodu meħtieġ:
"L-impjegat […] jiġi kklassifikat f'kategorija ta' remunerazzjoni superjuri meta jikkompleta l-perijodu meħtieġ.
Il-perijodu meħtieġ huwa rregolat bir-regoli li ġejjin:
1. Ir-rekwiżit tal-perijodu meħtieġ huwa meqjus bħala kkompletat meta l-impjegat juri li huwa kapaċi jaqdi l-eżiġenzi rrelatati ma' l-attivita' li kien inkarigat biha waqt il-perijodu meħtieġ. F'dan ir-rigward, l-attività li tikkorrispondi mal-kategorija ta' remunerazzjoni li fiha huwa kklassifikat l-impjegat hija fattur determinanti. […]
4. Il-perijodu meħtieġ għandu jiġi effettwat mingħajr interruzzjoni. L-interruzzjonijiet ta' tul massimu ta' sitt xhur mhumiex rilevanti; barra minn hekk, indipendentament minn dan, huma wkoll irrilevanti l-interuzzjonijiet għar-raġunijiet li ġejjin:
[…]
c) perijodi ta' protezzjoni previsti mill-[MuSchG];
[…]
Madankollu, il-perijodi ta' interuzzjoni mhumiex inklużi fil-perijodu meħtieġ bl-eċċezzjoni ta:
[…]
e) perijodi ta' protezzjoni previsti mill-[MuSchG]."
13 Il-BAT-O ġie emendat, fit-8 ta' Mejju 1991, bil-ftehim li jemenda nru 1, li jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu, l-inkorporazzjoni ta' l-iskali ta' remunerazzjoni fil-ftehim kollettiv ta' l-aġenti kuntrattwali tas-settur pubbliku skond il-kriterji li ġejjin;
"1. Fejn huma meħtieġa fost il-karatteristiċi ta' attività, il-perijodu meħtieġ, il-perijodi ta' attività, il-perijodi ta' eżerċizzju ta' professjoni, etc., għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-perijodi effettwati qabel l-1 ta' Lulju 1991 u rrikonoxxuti bħala perijodi ta' attività skond l-Artikolu 19(1) u (2) tal-BAT-O u tad-dispożizzjonijiet tranżitorji, fil-każ li kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni jekk it-taqsima VI u l-iskala ta' remunerazzjoni tal-BAT-O diġà kienet daħlet fis-seħħ qabel l-1 ta' Lulju 1991.[…]
Safejn il-karatteristiċi ta' attività jawtorizzaw l-inklużjoni ta' perijodi effettwati li ma jaqgħux taħt il-qasam ta' applikazzjoni tal-BAT-O, l-imsemmija perijodi għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni jekk kellhom fis-sens ta' l-ewwel inċiż kieku waqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni tal-BAT-O."
II – Il-kuntest fattwali u l-kawża prinċipali
14 Is-sinjura Sass, ċittadina Ġermaniża, ilha taħdem mill-1 ta' Lulju fil-Hochschule fur Film und Fernsehen (Skola Superjuri tal-films u u tat-televiżjoni) "Konrad Wolf" f'Potsdam bħala kap tal-produzzjoni.
15 Jirriżulta mill-inkartament li r-relazzjoni ta' xogħol tas-sinjura Sass kien irregolat mill-AGB-DDR fil-mument tat-twelid tat-tieni wild tagħha, jiġifieri f'Jannar 1987. Wara li welldet, skond l-Artikolu 244 ta' dan it-test, is-sinjura Sass ħadet leave ta' maternità mis-27 ta' Jannar 1987 sas-16 ta' Ġunju 1987, jiġifieri 20 ġimgħa.
16 Jirriżulta wkoll mill-inkartament li, wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, ir-relazzjoni ta' xogħol tas-sinjura Sass ġie ttrasferit lil-Land Brandenburg (iktar 'il quddiem il-"Land"). Din ir-relazzjoni kienet irregolata mill-BAT-O skond stipulazzjoni tal-partijiet f'dan is-sens. Il-perijodu ta' xogħol imwettaq mis-sinjura Sass mill-bidu ta' l-impjieg tagħha, jiġifieri l-1 ta' Lulju 1982, ġie kkunsidrat fiż-żmien ta' dan it-trasferiment.
17 Sas-7 ta' Mejju 1998, is-salarju tas-sinjura Sass kien jikkorrispondi għal kategorija II a) tal-BAT-O. Fit-8 ta' Mejju 1998, hija ġiet ikklassifikata fil-kategorija superjuri, jiġifieri l-kategorij II b), grupp 2. Fil-kalkolu tal-ħmistax-il sena neċessariji skond ir-regoli ta' promozzjoni tal-BAT-O, il-Land inkludiet fuq dan il-perijodu meħtieġ l-ewwel tmien ġimgħat ta' leave tal-maternità li s-sinjura Sass kienet ħadet skond l-Artikolu 224 tal-AGB-DDR, iżda mhux it-tnax il-ġimgħa ta' wara. Jirriżulta mill-inkartament li d-dispożizzjoni pertinenti, jiġifieri t-tielet frażi ta' l-Artikolu 23(4) tal-BAT-O tirreferi biss għall-perijodi ta' protezzjoni previsti mill-MuSchG, jiġifieri tmien ġimgħat, u mhux il-perijodu ta' leave tal-maternità previst mill-AGB-DDR.
18 Is-sinjura Sass ressqet rikors quddiem il-qorti nazzjonali ta' l-ewwel Istanza, li fih sostniet li l-ammont sħiħ ta' leave tal-maternità, jiġifieri għoxrin ġimgħa, għandu jiġi kkunsidrat. Skond hi, l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 23a tal-BAT-O adottata mil-Land twassal għal diskriminazzjoni illegali kontra n-nisa. Dan ta' l-aħħar kellu jiġi kkundannat iħallas id-differenza fir-remunerazzjoni għat-tnax-il ġimgħa bejn it-12 ta' Frar 1998, id-data li fiha kien ikollha d-dritt għaż-żieda fis-salarju kieku l-perijodu ta' leave tal-maternità kien inkluż fil-perijodu meħtieġ, u s-7 ta' Mejju 1998, jiġifieri DEM 1841.16 grossi, bl-interessi bir-rata ta' 4% fuq l-ammont nett mis-16 ta' Marzu 1999.
19 Il-Land talbet iċ-ċaħda tar-rikors. Skond il-BAT-O, il-perijodu ta' protezzjoni previst mill-MuSchG biss għandu jiġi inkluż fil-perijodu meħtieġ u mhux il-leave tal-maternità li huwa itwal, previst mill-Artikolu 224 ta' l-AGB-DDR.
20 Il-qrati inferjuri laqgħu r-rikors. Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tqis li l-BAT-O hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju, tirrikonoxxi li s-sinjura Sass għandha żvantaġġ fil-konfront ta' kollega tas-sess maskil fejn, hi u tagħmel użu mil-leave tal-maternità li huwa intiż għan-nisa biss, tilħaq il-kategorija ta' remunerazzjoni superjuri tnax-il ġimgħa biss wara l-kollega maskili.
21 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddecidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"L-Artikolu 119 tat-trattat KE (li sar l-Artikolu 141KE) u d-Direttiva 76/207/KEE huma ta' ostaklu meta ftehim kollettiv, li bih il-perijodi ta' sospensjoni tar-relazzjoni tax-xogħol mhumiex inklużi fil-perijodu meħtieġ, jeskludu b'mod ugwali l-inklużjoni tal-perijodu li fih ir-relazzjoni tax-xogħol tkun ġiet sospiża minħabba l-fatt li l-ħaddiema femminili tkun ibbenefikat, fl-iskadenza tal-perijodu ta' protezzjoni ta' tmien ġimgħat, meta din hija attribwibbli għaliha, skond l-Artikolu 6 tal-MuSchG […], minn leave tal-maternità sat-tmiem ta' l-għoxrin ġimgħa wara l-ħlas skond l-Artikolu 244(1) tal-AGB-DDR […]?".
III – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
22 Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 141KE u/jew id-Direttiva 76/207 jipprekludux ftehim kollettiv, bħalma hu l-BAT-O, milli jeskludi l-inklużjoni, fil-perijodu meħtieġ, dik il-parti tal-perijodu li fih il-ħaddiema femminili tkun ibbenifikat, skond il-leġiżlazzjoni ta' dik li qabel kienet il-RDĠ, minn leave tal-maternità, li kien itwal mill-perijodu ta' protezzjoni ta' tmien ġimgħat, kif previst mil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kopert mill-imsemmi ftehim.
23 Is-sinjura Sass tipproponi li l-mistoqsija għandha jkollha risposta affermattiva. Il-Land u l-Kummissjoni jsostnu t-teżi kuntrarja. Il-Kummissjoni tqis, b'mod patikolari, li d-dritt Komunitarju mhwiex applikabbli għas-sitwazzjoni tal-każ in eżami.
24 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li peress li t-Trattat tal-31 ta' Awwissu 1990, dwar l-istabbiliment ta' l-Unità Ġermaniża, daħal fis-seħħ fit-3 ta' Ottubru 1990 (BgB1, 1990 II, p. 889), id-dritt Komunitarju kien applikabbli meta ġie adottat, fl-10 ta' Diċembru 1990, il-BAT-O. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet adottati wara r-riunifikazzjoni Ġermaniża sabiex jirregolaw is-sitwazzjoni tal-ħaddiema li kienu issa suġġetti għal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti.
25 It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti ta' Ġustizzja diġà ddikjarat, fil-kuntest ta' l-Artikolu 141 KE, li għandu natura imperattiva, li l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bejn ħaddiema maskili u ħaddiema femminili tapplika mhux biss għall-awtoritajiet pubbliċi iżda wkoll għall-ftehim kollu li jirregola b'mod kollettiv l-impjiegi, (ara s-sentenzi tat-8 ta' April 1976, kawża 43/75 Defrenne, Ġabra p. 455, punt 39; tas-7 ta' Frar 1991, kawża C184/89, Nimz, Ġabra p. I297, punt 11; u tal-21 ta' Ottubru 1999, kawża C333/97, Lewen, Ġabra p. I7243, punt 26). Peress li l-BAT-O għandha l-għan li tirregola r-relazzjonijiet bejn l-aġenti kuntrattwali u l-kollettivitajiet pubbliċi l-istess huwa validu fil-kuntest tad-Direttiva 76/207 (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta' Ottubru 1997, Gerster, C-1/95, Ġabra p. I-5253, punt 18).
26 B'hekk, l-awturi tal-BAT-O kellhom il-possibbiltà jeżaminaw is-sitwazzjoni tan-nisa għaddejjin minn tranżizzjoni fir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom minħabba l-unifikazzjoni tal-Ġermanja meta mqabbla mal-ħaddiema maskili li wkoll kienu ġejjin minn dik li qabel kienet l-RDĠ.
27 Għaldaqstant, is-sinjura Sass ġustament inkovat id-dritt Komunitarju sabiex issostni d-drittijiet tagħha.
28 Fir-rigward tad-domanda magħmula fil-kawża preżenti u sabiex tingħata risposta effettiva lill-qorti tar-rinviju, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk il-fatt li ma ttiħdetx in kunsiderazzjoni, waqt il-kalkolu tal-perijodu meħtieġ previst mill-BAT-O, l-ammont kollu ta' leave tal-maternità, meħud skond il-leġiżlazzjoni ta' dik li kienet qabel il-RDĠ, taqax taħt l-Artikolu 141KE jew jekk, min-naħa l-oħra, taqax taħt id-Direttiva 76/207.
29 F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-inkartament li l-kwistjoni prinċipali tirrigwarda l-perijodi meħtieġa li għandhom ikunu kkompletati sabiex tkun tista' tiġi kklassifikata f'kategorija ta' remunerazzjoni superjuri u dwar in-natura ta' perijodi ta' interuzzjoni li jistgħu jkunu inklużi f'tali perijodu minkejja r-regola ġenerali li għandu jkun komplut mingħajr interuzzjoni, u li dawn l-interuzzjonijiet mhumiex, fi kwalunkwe każ, inklużi f'dan ta' l-aħħar.
30 Huwa veru li r-riżultat imfittex mis-sinjura Sass huwa l-passaġġ antiċipat tagħha għal kategorija ta' remunerazzjoni superjuri. Issa, biex tasal għal tali riżultat, id-domanda determinanti għandha tkun jekk l-ammont totali ta' leave tal-maternità tagħha jistax jiġi inkluż fil-perijodu meħtieġ li għandu jitwettaq sabiex tkun tista' tiġi kklassifikata f'kategorija ġdida, f'dan il-każ kategorija ta' remunerazzjoni superjuri. B'hekk, għandu jiġi kkonstatat, fil-każ preżenti, li ż-żieda fir-remunerazzjoni m'hi xejn ħlief konsegwenza ta' l-inklużjoni tal-leave tal-maternità.
31 Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali jistabbilixxu regoli relattivi għall-promozzjoni ta' ħaddiem f'kategorija superjuri, wara li jiskadi l-perijodu meħtieġ. Isegwi li d-domanda magħmula f'dan il-każ għandha l-iskop li tikkjarifika l-kundizzjonijiet għall-aċċess għal-livell superjuri tal-ġerarkija tax-xogħol, u għalhekk, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 76/207.
32 Hemm lok li jiġi mfakkar li, fir-rigward tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament, din id-Direttiva tirrikonoxxi l-leġittimità, minn naħa, tal-protezzjoni tal-kundizzjoni bioloġika tan-nisa waqt u wara t-tqala, u min-naħa l-oħra l-protezzjoni tar-relazzjoni partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha fil-perijodu wara t-tqala u l-ħlas (ara s-sentenzi tat-12 ta' Lulju 1984, Hofmann, 184/83, Ġabra p .3047, punt 25, u tat-18 ta' Marzu 2004, kawża C342/01 Merino Gòmez, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).
33 F'dan is-sens, l-Artikolu 2(3) ta' l-imsemmija Direttiva jippermetti d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiggarantixxu lin-nisa drittijiet speċifiċi minħabba tqala u maternità. Id-dritt ta' leave tal-maternità jaqa' taħt dan l-Artikolu (ara s-sentenza tat-30 ta' April 1998, kawża C136/95, Thibault, Ġabra p. I-2011, punt 24).
34 Barra minn hekk, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lil mara skond l-istess Artikolu ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' trattament żvantaġġuż fejn jikkonċerna l-kundizzjonijiet neċessarji biex jkollha aċċess għal livell superjuri tal-ġerarkija tax-xogħol. F'dan il-kuntest, id-Direttiva għandha l-għan li toħloq ugwaljanza sostanzjali u mhux formali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Merino Gòmez, punt 37, u Thibault, punt 26).
35 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li ħaddiema femminili hija protetta, fir-relazzjoni tax-xogħol tagħha, minn kull trattament żvantaġġuż motivat mill-fatt li kienet bil-leave tal-maternità.
36 Fil-fatt, mara li ġiet ittrattata sfavorevolment minħabba assenza għal raġuni ta' leave tal-maternità hija vittma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq it-tqala tagħha u dan il-leave. Imġiba bħal din tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata direttament fuq is-sess fis-sens tad-Direttiva 76/207 (ara s-sentenzi tat-13 ta' Frar 1996, Gillespie et, Ġabra p. I-475, punt 22; Thibault, iċċitata iktar 'il fuq, punti 29 u 32; tat-30 ta' Marzu 2004, Alabaster, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).
37 F'dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li s-sinjura Sass hija żvantaġġata fir-rigward ta' kollega tas-sess maskil li beda xogħlu f'dik li qabel kienet l-RDĠ fl-istess ġurnata li bdiet taħdem hi għax, peress li ħadet il-leave tal-maternità mhijiex se jkollha aċċess għal kategorija ta' remunerazzjoni superjuri ħlief tnax-il ġimgħa iktar tard minnu.
38 Madankollu, il-qorti tar-rinviju, tieħu bħala premessa tar-raġunament tagħha li l-iżvantaġġ subit mis-sinjura Sass mhuwiex fondat fuq is-sess, iżda fuq il-fatt li r-relazzjoni tax-xogħol tagħha kien sospiż matul it-tnax-il ġimgħa in kwistjoni.
39 F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ħaddiema femminili tibqa' marbuta ma' min iħaddimha permezz tal-kuntratt ta' l-impjieg waqt il-leave tal-maternità (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Gillespie et, punt 22; Thibault, punt 29, u Alabaster, punt 47). Il-mod li bih il-ħaddiema femminili tiġi mħallsa waqt dan il-leave ma jeffettwax din il-konklużjoni.
40 Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tinvoka d-Direttiva 92/85, għall-każ fejn qiegħed jiġi ttrattat kwistjoni ta' diskriminazzjoni fondat fuq is-sess, sabiex teżamina l-konsegwenzi possibbli fuq id-drittijiet marbuta ma' kuntratt ta' impjieg fejn seta' kien hemm leave tal-maternità itwal mill-perijodu minimu previst mid-Direttiva. Hija tiċċita, f'dan ir-rigward, is-sentenza tas-27 ta' Ottubru 1998, kawża C411/96, Boyle et, Ġabra p. I-6401, punt 79) u tidher tasal għall-konklużjoni li, peress li d-drittijiet tal-ħaddiema femminili jistgħu jiġu effettwati mil-leave tal-maternità ta' perijodu itwal mill-perijodu minimu previst mill-Artikolu 8 tad-Direttiva, l-għoxrin ġimgħa li s-sinjura Sass iddeċidiet liberament li tibbenifika minnhom, skond l-Artikolu 244 tal-AGB-DDR, ma jikkonsistu f'xejn ħlief vantaġġ propost lilha.
41 Dan ir-raġunament ma jistax jiġi aċċettat.
42 Għal dak li jirrigwarda, qabel kollox, id-Direttiva 92/85, għandu jiġi mfakkar li, ma kellhiex tkun trasposta mill-Istati membri qabel id-19 ta' Ottubru 1994, jiġifieri data wara li ġraw l-eventi fil-kawża prinċipali.
43 Għall-Wara kollox, anki jekk wieħed jissuponi li huwa permissibbli tibbaża l-argument fuq din id-Direttiva, għandu jingħad li skond l-Artikolu 11 tagħha, hija tiddisponi, sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-mara tqila, li welldet, jew li qed treddgħa, li d-drittijiet marbuta mal-kuntratt ta' impjieg għandhom jiġu ggarantiti "fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8". Issa, l-Artikoli 8 jipprevedi "żmien kontinwu ta' leave tal-maternità ta' mill-inqas erbatax-il ġimgħa".
44 Konsegwentement, il-fatt li leġiżlazzjoni tagħti lin-nisa leave tal-maternità ta' iktar minn erbatax-il ġimgħa ma jipprekludix li dan il-leave jista' madankollu jkun ikkunsidrat bħala leave tal-maternità skond l-Artikolu 8, u għalhekk, perijodu li fih id-drittijiet marbuta ma' kuntratt tax-xogħol skond l-Artikolu 11 għandhom ikunu assigurati.
45 Barra minn hekk, in-natura obbligatorja jew le ta' dan il-leave ma jistax ikun fattur determinanti għad-domanda mqajma f'dan il-każ. F'dan ir-rigward, għandu jingħad li, skond id-Direttiva 92/85, il-projbizzjoni mix-xogħol tikkonċerna perijodu ta' mill-inqas ġimagħtejn mill-imsemmi leave tal-maternità ta' mill-inqas erbatax-il ġimgħa.
46 Għaldaqstant, il-fatt li s-sinjura Sass għażlet li tibbenifika mill-ammont kollu ta' għoxrin ġimgħa ta' leave kif previst mill-AGB-DDR, meta t-tmien ġimgħat ta' leave previsti mill-MuSchG jimplikaw projbizzjoni mix-xogħol, mhuwiex ta' ostaklu biex dan il-leave jkun jista' jiġi kkunsidrat bħala leave prottetiv bil-għan li jipproteġi l-mara li welldet.
47 Fir-rigward tas-sentenza Boyle et, iċċitata iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li kuntrarjament għal dak li donnha qed tikkonkludi l-Kummissjoni, din ta' l-aħħar ma tippreġudikax bl-ebda mod ir-risposta tad-domanda mqajma fil-kawża preżenti, kif fir-rigward tas-sentenza Boyle, ma kienx jitratta dwar leave protettiv, iżda dwar leave supplementari mogħti mingħand min kien iħaddem.
48 Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li, jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi għal leave tal-maternità intiż sabiex jipproteġi, waqt il-perijodu ta' wara t-tqala u l-ħlas, il-kundizzjoni bioloġika tal-mara kif ukoll ir-relazzjoni partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha, id-dritt Komunitarju jeżiġi li t-teħid ta' dan il-leave protettiv minn naħa ma jinterrompix la r-relazzjoni tax-xogħol tal-mara kkonċernata lanqas l-applikazzjoni tad-drittijiet relatati, u min-naħa l-oħra lanqas ma jwassal għal trattament sfavorevoli ta' din ta' l-aħħar.
49 Issa, il-BAT-O ħadet bħala l-uniku punt ta' riferiment tagħha l-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, waqt li l-leave in kwistjoni jaqa' taħt il-leġiżlazzjoni ta' dik li qabel kienet l-RDĠ.
50 Huwa għalhekk meħtieġ, li tiġi kkunsidrata n-natura tal-leave meħud effettivament mis-sinjura Sass bil-għan li jiġi vverifikat jekk dan ta' l-aħħar jista' jiġi assimilat ma' perijodu ta' protezzjoni, bħal dak previst mill-MuSchG, li għandu l-għan li jipproteġi l-mara wara l-ħlas.
51 Jekk dan huwa minnu, dan il-leave għandu jkun ikkunsidrat, meta jiġi kkalkulat il-perijodu meħtieġ, bl-istess mod ta' perijodu ta' protezzjoni, jiġifieri l-ammont sħiħ. Fin-nuqqas ta' tali kunsiderazzjoni, is-sinjura Sass tkun sofriet trattament żvantaġġuż ikkawżat mill-assenza tagħha minħabba leave tal-maternità, u għaldaqstant, diskriminazzjoni bbażata direttament fuq is-sess, skond id-Direttiva 76/207 peress li se jkollha aċċess għal kategorija ta' remunerazzjoni superjuri tnax-il ġimgħa iktar tard minn kollega maskili li beda jaħdem f'dik li qabel kienet l-RDĠ fl-istess ġurnata li bdiet taħdem hi.
52 F'dan ir-rigward, jidher sinjifikattiv il-fatt li mir-risposti tal-Gvern Ġermaniż għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-għanijiet, minn naħa, ta' leave tal-maternità ta' tmien ġimgħat, previst mill-Artikolu 6 tal-MuSchG u, min-naħa l-oħra, il-leave tal-maternità ta' għoxrin ġimgħa, previst mill-Artikolu 244 tal-AGB-DDR meħud mis-sinjura Sass, huma simili fil-biċċa l-kbira. Skond il-Gvern, iż-żewġt sistemi ta' leave għandhom l-iskop tar-riabilitazzjoni fiżika ta' l-omm wara l-ħlas sabiex tkun tista' tokkupa ruħha personalment bil-kura tat-tarbija tagħha.
53 Kif ġie diġà deċiż diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tad-Direttiva 76/207, b'mod partikolari ta' l-Artikolu 2(3) tagħha, huwa preċiżament din il-protezzjoni doppja tal-mara (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 34 ta' din is-sentenza).
54 Barra minn hekk, jidher li l-leave tal-maternità ta' għoxrin ġimgħa, previst mill-Artikolu 244 ta' l-AGB-DDR, għandu l-istess għanijiet u l-istess objettivi tal-perijodu ta' protezzjoni ta' tmien ġimgħat, previst mill-Artikolu 6 tal-MuSchG, u għaldaqstant, il-leave ta' għoxrin ġimgħa għandu jkun kkunsidrat bħala leave legali li għandu l-għan li jipproteġi l-mara li welldet u għandu jkun ukoll inkluż fil-perijodu meħtieġ għall-aċċess għall-kategorija ta' remunerazzjoni superjuri.
55 Madankollu, għandu jiġi mfakkar li mhijiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li hija l-qorti nazzjonali biss li għandha l-kompetenza tagħmel dan. Għalhekk, fil-każ ta' vjolazzjoni tad-Direttiva 76/207 minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jintroduċu diskriminazzjoni kontriha, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jeliminaw din id-diskriminazzjoni, bil-mezzi kollha possibbli, u b'mod partikolari billi japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet favur il-grupp żvantaġġat (ara s-sentenzi ta' l-20 ta' Marzu 2003, kawża C187/00, Kutz-Bauer, Ġabra p. I2741, punt 75 u ta' l-11 ta' Settembru 2003, kawża C77/02, Steinicke, Ġabra p. I9027, punt 72).
56 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, li l-leave meħud mis-sinjura Sass u l-perijodu ta' protezzjoni previst mill-BAT-O huma ekwivalenti għal xulxin, mil-lat ta' l-objettivi u l-għanijiet tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiġu inklużi fil-perijodu meħtieġ ta' dan ta' l-aħħar, mat-totalità ta' leave legali meħud skond il-leġiżlazzjoni ta' dik li qabel kienet il-RDĠ.
57 Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li wara eżami ta' l-objettivi u l-għanijiet taż-żewġ skemi, la n-natura obbligatorja tal-leave, u lanqas il-mod kif tiġi renumerata waqt dan il-perijodu jikkostitwixxu kriterju determinanti.
58 Għaldaqstant, jekk il-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li l-leave tal-maternità previst mill-Artikolu 224 tal-AGB-DDR huwa tip ta' leave legali bl-iskop li jipproteġi l-mara li għada kemm welldet, l-ammont sħiħ ta' dak il-leave għandu jkun inkluż fil-kalkolu tal-perijodu meħtieġ li għandu jiġi kkompletat sabiex ikun jista' jkun hemm klassifikazzjoni f'kategorija ta' remunerazzjoni superjuri biex tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn mara li ħadet dan il-leave tkun żvantaġġata, minħabba t-tqala tagħha u l-leave tal-maternità li ħadet, fil-konfront ta' kollega tas-sess maskil li beda jaħdem f'dik li qabel kienet l-RDĠ fl-istess ġurnata li bdiet taħdem hi.
59 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 76/207 tipprekludi li ftehim kollettiv, bħall-BAT-O, jeskludi l-implementazzjoni fil-perijodu meħtieġ, tal-perijodu li fih ħaddiema femminili bbenefikat, f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, minn leave ta' maternità li jaqbeż il-perijodu ta' protezzjoni, stabbilit mil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kopert mill-imsemmi ftehim, peress li l-objettivi u l-għanijiet taż-żewġt skemi jissodisfaw l-objettivi ta' protezzjoni tal-mara fejn tidħol it-tqala u l-maternità, protezzjoni stabbilita fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti.
Fuq l-ispejjeż
60 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla Estiża), taqta' u tiddeċiedi:
Il-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, tipprekludi li ftehim kollettiv bħalma hu l-BAT‑O jeskludi l-inklużjoni f'perijodu meħtieġ tal-perijodu li fih il-ħaddiema femminili bbenefikat, skond il-leġiżlazzjoni ta' dik li qabel kienet l-RDĠ, minn leave tal-maternità itwal mill-perijodu ta' protezzjoni, previst mil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, previst minn dan il-ftehim, peress li l-objettivi u l-għanijiet taż-żewġ skemi ta' leave jissodisfaw l-objettivi ta' protezzjoni tal-mara fejn tidħol it-tqala u l-maternità, protezzjoni stabbilita fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti.
Firem.
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.