Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62003CJ0445

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-21 ta' Ottubru 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Provvista libera tas-servizzi - Rekwiżiti imposti mill-Istat Membru ospitanti fuq l-impriżi li jissekondaw fit-territorju tiegħu ħaddiema salarjati li huma ċittadini ta' Stat terz.
Kawża C-445/03.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:655

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta' Ottubru 2004 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Provvista libera tas-servizzi – Rekwiżiti imposti mill-Istat Membru ospitanti fuq l-impriżi li jissekondaw fit-territorju tiegħu ħaddiema salarjati li huma ċittadini ta' Stat terz"

Fil-kawża C-445/03,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226KE,

imressaq fil-21 ta' Ottubru 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn S. Schreiner, bħala aġent, assistit minn A. Rukavina, avukat,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts (Relatur), K. Schiemann, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li:

–       billi jimponi r-rekwiżit ta' permess individwali ta' xogħol jew ta' awtorizzazzjoni kollettiva ta' xogħol fuq fornitur ta' servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor meta dan ta' l-aħħar jixtieq jissekonda lill-ħaddiema tiegħu li huma ċittadini ta' Stati terzi li jirrisjedu u jaħdmu b'mod regolari f'dan l-Istat Membru l-ieħor, permess jew awtorizzazzjoni li l-ħruġ tiegħu huwa suġġett għal kunsiderazzjonijiet marbuta mas-suq tax-xogħol u għall-eżistenza ta' kuntratt għal żmien indefinit u ta' impjieg preċedenti ma' l-istess fornitur ta' servizzi għal ta' l-anqas sitt xhur, u

–       billi jirrikjedi lil dan il-fornitur ta' servizzi jipprovdi garanzija bankarja ta' minimu ta' LUF 60 000 (EUR 1 487),

il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2       Ir-Regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972, li jistabbilixxi l-miżuri applikabbli għall-impjieg tal-ħaddiema barranin fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu (Mémorial A 1972, p. 945), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Gran Dukat tas-17 ta' Ġunju 1994 (Mémorial A 1994, p. 1034, aktar 'il quddiem ir-"regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972"), fl-ewwel u fir-raba' paragrafi ta' l-Artikolu 1 jipprovdi li:

"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar id-dħul u r-residenza fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ebda barrani ma jista' jokkupa impjieg, fit-territorju Lussemburgiż, bħala ħaddiem manwali jew intellettwali, mingħajr ma jkun awtorizzat li jagħmel dan skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament.

[…]

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-regolament mhumiex applikabbli għall-ħaddiema ċittadini ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea jew ta' Stat kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea."

3       Skond l-Artikolu 2 tar-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972, l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ta' l-istess regolament għandha tingħata billi lill-ħaddiem jinħariġlu, mill-Ministru tax-Xogħol jew mid-delegat tiegħu, permess ta' xogħol li jaqa' taħt waħda mill-kategoriji elenkati f'dan l-artikolu.

4       L-ewwel, it-tieni, il-ħames u s-sitt paragrafi ta' l-Artikolu 4 tar-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 jipprovdu li:

"Ebda prinċipal ma jista' jimpjega ħaddiem barrani li m'għandux permess ta' xogħol validu u mingħajr ma jkun għamel dikjarazzjoni minn qabel lill-Uffiċċju Nazzjonali tax-Xogħol dwar il-post ta' xogħol li għandu jimtela.

Din id-dikjarazzjoni, li għandha tiġi ppreżentata flimkien ma' kopja tagħha u tkun debitament ffirmata mill-ħaddiem, għandha titqies bħala applikazzjoni għal kisba jew tiġdid tal-permess ta' xogħol, meta tirrigwarda ħaddiem li ma jkunx għad għandu permess ta' xogħol jew li l-permess ta' xogħol tiegħu jkun skada jew li l-permess ta' xogħol ikun validu biss għal prinċipal jew għal professjoni partikolari.

[…]

L-Uffiċċju Nazzjonali tax-Xogħol għandu joħroġ irċevuta tad-dikjarazzjoni ppreżentata skond it-tieni paragrafu ta' dan l-artikolu lill-ħaddiem ikkonċernat. Din l-irċevuta għandha titqies bħala awtorizzazzjoni provviżorja ta' xogħol. Għandha tinbagħat kopja lill-prinċipal.

Fil-każ li l-permess ta' xogħol jiġi rrifjutat, l-awtorizzazzjoni provviżorja ta' xogħol tiskadi awtomatikament."

5       L-Artikolu 8 tar-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 huwa fformulat bil-mod segwenti:

"Il-permess ta' xogħol għandu jinħareġ, jiġi rrifjutat jew irtirat mill-Ministru tax-Xogħol jew mid-delegat tiegħu skond l-opinjoni tal-[kumitat speċjali konsultattiv] previst fl-Artikolu 7a ta' dan ir-regolament u skond l-opinjoni ta' l-amministrazzjoni ta' l-impjieg. Iż-żewġ opinjonijiet għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, is-sitwazzjoni, l-iżvilupp u l-organizzazzjoni tas-suq tax-xogħol."

6       L-Artikolu 9(1) tar-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 jipprovdi li:

"Awtorizzazzjoni kollettiva ta' xogħol tista' tinħareġ f'każijiet eċċezzjonali għall-ħaddiema barranin issekondati temporanjament fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu f'isem impriża barranija jew f'isem impriża Lussemburgiża, fuq it-talba ta' l-impriża li l-ħaddiema jkunu impjegati taħt l-awtorità tagħha."

Awtorizzazzjoni kollettiva ta' xogħol fis-sens tal-paragrafu preċedenti tista' tinħareġ biss għal dawk il-ħaddiema marbuta b'kuntratt ta' xogħol għal żmien indefinit ma' l-impriża ta' oriġini li tissekondahom, bil-kundizzjoni li dan il-kuntratt ikun beda japplika ta' l-anqas sitt xhur qabel l-impjieg fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li għalih tkun intalbet l-awtorizzazzjoni kollettiva."

7       L-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 9a ta' l-istess regolament jipprovdu li:

"Il-permessi individwali ta' xogħol u l-awtorizzazzjonijiet kollettivi ta' xogħol għandhom jinħarġu biss wara li l-prinċipal ikun ġab prova li jkun ikkostitwixxa garanzija bankarja ma' istituzzjoni finanzjarja debitament akkreditata, li tkun tkopri l-ispejjeż eventwali ta' ripatrijazzjoni tal-ħaddiema li għalihom tintalab l-awtorizzazzjoni ta' xogħol.

L-ammont tal-garanzija bankarja għandu jiġi stabbilit mill-kumitat speċjali stabbilit mill-Artikolu 7a ta' dan ir-regolament u ma jistax ikun ta' anqas minn LUF 60 000 għal kull ħaddiem."

 Il-proċedura prekontenzjuża

8       Peress li kkunsidrat li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 1, 4, 8, 9 u 9a tar-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 2002 huma kuntrarji għall-Artikolu 49 KE, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.

9       Wara li intimat lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex jippreżentalha l-osservazzjonijiet tiegħu, fil-21 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni bagħtitlu opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn min-notifika tiegħu. Peress li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma rrispondiex għal din l-opinjoni, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

10     Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li billi jissuġġetta s-sekondar temporanju tal-ħaddiema fit-territorju Lussemburgiż għall-kundizzjonijiet applikabbli għall-aċċess ta' ħaddiema fis-suq lokali ta' l-impjieg, ir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 joħloq diskriminazzjoni għad-detriment ta' l-impriżi li jipprovdu servizzi. Hija żżid tgħid li, f'kull każ, l-imsemmi regolament joħloq restrizzjonijiet kontra l-Artikolu 49 KE.

11     It-tieni nett, fir-rigward tad-diversi kundizzjonijiet previsti mir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972, hija tallega li r-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni ta' xogħol minn qabel tirrendi l-provvista libera tas-servizzi illużjorja u li l-kisba ta' din l-awtorizzazzjoni taqa' taħt is-setgħa diskrezzjonali ta' l-amministrazzjoni lokali. Hija ssostni li l-ħarsien tar-regoli Lussemburgiżi dwar il-protezzjoni soċjali fil-każ ta' sekondar ta' ħaddiema għall-finijiet ta' provvista ta' servizzi jista' jiġi assigurat permezz ta' miżuri anqas restrittivi.

12     Għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien indefinit li jkun daħal fis-seħħ ta' l-anqas sitt xhur qabel is-sekondar, hija tindika li dan imur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità. Hija ssostni li, sakemm l-obbligi professjonali previsti fil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-istabbiliment tal-fornitur ta' servizzi għall-impjieg ta' ċittadin ta' Stat Membru terz huma sodisfatti, għandu jiġi kkunsidrat li dan iċ-ċittadin għandu impjieg legali u regolari. Hija żżid tgħid li r-rekwiżit in kwistjoni la jikkunsidra l-partikolaritajiet ta' ċerti setturi ta' attività li frekwentement jużaw kuntratti ta' xogħol għal żmien definit, u lanqas ma jikkunsidra sitwazzjonijiet fejn is-servizzi jiġu pprovduti okkażjonalment u għal żmien qasir ħafna.

13     Għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta' garanzija bankarja, hija ssostni li dan jikkostitwixxi piż ekonomiku addizzjonali għall-prinċipali stabbiliti barra mil-Lussemburgu, li huma diġà suġġetti għal xi ħlasijiet, saħansitra għar-rekwiżit ta' garanzija bankarja, fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom sabiex jiksbu permess ta' xogħol f'dan l-Istat. Hija żżid tgħid li miżuri oħra, li huma anqas restrittivi, jippermettu li jiġi assigurat li l-ħaddiem jirritorna fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-prinċipal wara li jkunu ġew ipprovduti s-servizzi.

14     Il-Gvern Lussemburgiż jirrispondi, l-ewwel nett, li r-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 għandu jiġi evalwat billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali, li timponi regoli stretti fir-rigward tas-salarju minimu, tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u tat-tul ta' żmien ta' kuntratt ta' xogħol. Huwa jsostni li l-uniku mod effettiv sabiex jiġi assigurat il-ħarsien ta' din il-leġiżlazzjoni, inkluż fil-kuntest tal-provvista ta' servizzi mogħtija minn impriżi barranin li jużaw ċittadini ta' Stat terz, jinsab f'kontroll ibbażat fuq awtorizzazzjonijiet amministrattivi. Huwa jsostni li r-rekwiżiti in kwistjoni, minn naħa, iservu għan ta' interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, billi jippruvaw jeliminaw ir-riskji ta' esplojtazzjoni ta' dawn il-ħaddiema, b'mod partikolari, dawk li ġejjin minn Stati terzi u, min-naħa l-oħra, japplikaw b'mod indistint għall-fornituri ta' servizzi barranin u għall-impriżi stabbiliti fil-Lussemburgu sabiex jiġu evitati diskriminazzjonijiet bil-maqlub kontra dawn ta' l-aħħar.

15     It-tieni nett, huwa jikkontesta l-mertu ta' l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rekwiżiti differenti imposti mir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972.

16     Għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta' awtorizzazzjoni minn qabel, huwa jsostni li r-referenzi għas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol u għall-każijiet eċċezzjonali, li jinsabu fl-Artikoli 8 u 9 tar-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 rispettivament, jikkostitwixxu biss l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-prijorità ta' impjieg taċ-ċittadini Komunitarji, stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2). Huwa jżid jgħid li l-istħarriġ ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet ta' rifjut ta' awtorizzazzjoni jeskludi kull setgħa diskrezzjonali ta' l-awtoritajiet Lussemburgiżi.

17     Barra minn hekk, huwa ma jaqbilx li l-miżura ta' awtorizzazzjoni kollettiva għandha l-effett li tirrendi l-provvista ta' servizzi illużjorja, filwaqt li jenfasizza li huwa l-fornitur jista' jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu qabel ma jingħata l-kuntratt definittivament u li din l-applikazzjoni hija pproċessata skond proċedura ssimplifikata.

18     Għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien indefinit li daħal fis-seħħ ta' l-anqas sitt xhur qabel is-sekondar, huwa jsostni li dan huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-ħaddiem ikollu rabta stabbli ma' l-Istat Membru ta' oriġini kif ukoll rabta stretta u regolari ma' l-impriża li tkun issekondatu u dan, sabiex jiġu evitati riskji ta' esplojtazzjoni abbużiva tal-ħaddiema li ġejjin minn Stati terzi u ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba prattiċi ta' dumping soċjali. Huwa jżid jgħid li, fin-nuqqas ta' prospettiva ta' xogħol għal matul żmien twil fl-impriża ta' oriġini tiegħu, il-ħaddiem issekondat, ladarba jkun fis-suq tax-xogħol Lussemburgiż, jista' jkollu t-tentazzjoni li jibqa' hemm. Barra minn hekk, huwa ma jaqbilx li r-rekwiżit in kwistjoni huwa sproporzjonata, filwaqt li jenfasizza li, minħabba differenzi nazzjonali kbar f'dan ir-rigward, il-protezzjoni ta' l-impjegati mhijiex neċessarjament iggarantita fl-Istat Membru minn fejn ikun ġej il-ħaddiem issekondat.

19     Għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit ta' garanzija bankarja, huwa jallega li dan jikkonsisti fil-kisba ta' ittra ta' garanzija mingħand istituzzjoni bankarja u tiswa biss madwar EUR 25 għal kull semestru.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20     Skond ġurisprudenza stabbilita l-Artikolu 49 KE jeżiġi, mhux biss l-eliminazzjoni ta' kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur ta' servizzi stabbilit fi Stat Membru minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta' kull restrizzjoni, anke jekk din tapplika b'mod indistint għall-fornituri nazzjonali u dawk ta' Stati Membri oħra, meta hija ta' natura li tipprojbixxi, tostakola jew tirrendi anqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn dan jipprovdi servizzi simili legalment (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-24 ta' Jannar 2002, Portugaia Construções, C-164/99, Ġabra p. I-787, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21     Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa' taħt qasam li ma saritx l-armonizzazzjoni tiegħu fuq livell Komunitarju u li tapplika b'mod indistint għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat tista', minkejja l-effett restrittiv tagħha fuq il-provvista libera tas-servizzi, tiġi ġġustifikata safejn hija tissodisfa raġuni imperattiva ta' interess ġenerali li ma tkunx diġà protetta mir-regoli li l-fornitur ikun suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit, safejn tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq u sakemm ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenzi tat-23 ta' Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C-379/96, Ġabra p. I-8453, punti 34 u 35, u Portugaia Construções, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19).

22     Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata il-kompatibbiltà tar-rekwiżiti in kwistjoni ma' l-Artikolu 49 KE.

23     Ma jistax jiġi kkontestat li l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu mħarsa, skond ir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1977, minn impriża li tforni servizzi u li għandha l-intenzjoni li tissekonda ħaddiema ċittadini ta' Stat terz fit-territorju Lussemburgiż, jostakolaw, minħabba l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji li jġibu magħhom, is-sekondar propost u, konsegwentement, il-provvista ta' servizzi minn din l-impriża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta' Ottubru 2001, Finalarte et, C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I-7831, punt 30).

24     Fir-rigward tas-sekondar ta' ħaddiema ta' Stat terz minn impriża Komunitarja li tforni servizzi, ġie diġà stabbilit li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-provvista ta' servizzi fit-territorju nazzjonali, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni amministrattiva tikkostitwixxi restrizzjoni fuq din il-libertà fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE (ara is-sentenza tad-9 ta' Awwissu 1994, Vander Elst, C-43/93, Ġabra p. I‑3803, punt 15).

25     Is-suġġett tas-sekondar ta' ħaddiema salarjati ċittadini ta' Stat terz fil-kuntest ta' provvista ta' servizzi transkonfinali mhuwiex armonizzat fuq il-livell Komunitarju, peress li l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta' sekondar tal-ħaddiema salarjati ċittadini ta' Stat terz fil-kuntest ta' provvista ta' servizzi transkonfinali (ĠU C 67, 1999, p. 12), ippreżentata mill-Kummissjoni fit-12 ta' Frar 1999, sallum għadha ma ġietx adottata. Barra minn hekk, ir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 japplika b'mod indistint għall-impriżi stabbiliti barra minn jew fit-territorju tal-Gran Dukat, kif jirriżulta, b'mod partikolari mill-Artikolu 9(1) ta' dan ir-regolament.

26     F'dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet fuq il-provvista libera tas-servizzi, li jirriżultaw mir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972, jidhrux li huma ġġustifikati minn għan ta' interess ġenerali u, jekk ikun il-każ, jekk humiex neċessarji sabiex dan l-għan jintlaħaq b'mod effettiv u permezz tal-mezzi li huma xierqa għal dan il-għan (ara s-sentenza Finalarte et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 37).

27     F'dan il-każ, in sostenn tar-rekwiżiti li jinsabu fir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972, ġew invokati, minn naħa, motivi ta' protezzjoni soċjali, u min-naħa l-oħra, motivi li jirrigwardaw l-istabbilità tas-suq tax-xogħol.

28     L-ewwel nett, il-Gvern Lussemburgiż jinvoka l-bżonn li titħares il-leġiżlazzjoni nazzjonali rigward, b'mod partikolari, is-salarju minimu, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u t-tul ta' żmien tal-kuntratt ta' xogħol, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema ssekondati fit-territorju tiegħu kif ukoll l-ugwaljanza fil-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni, fuq il-pjan soċjali, bejn l-impriżi stabbiliti fil-Lussemburgu u dawk stabbiliti barra mill-pajjiż. B'mod partikolari, ir-rekwiżit, fil-każ ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kollettiva ta' xogħol, ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien indefinit li ilhom jorbtu lill-ħaddiema kkonċernati ma' l-impriża ta' oriġini għal, ta' l-anqas, sitt xhur, hija intiża, skond dan il-Gvern, sabiex teskludi r-riskji ta' esplojtazzjoni abbużiva ta' ħaddiema li ġejjin minn Stati terzi permezz ta' kuntratti prekarji u li mhumiex imħallsa tajjeb kif ukoll il-perikoli ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz ta' prattiċi ta' dumping soċjali.

29     Huwa minnu li, fost ir-raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali diġà rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm il-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Finalarte et, punt 33, u Portugaia Construções, punt 20). Huwa wkoll minnu li d-dritt Komunitarju la jipprekludi lill-Istati Membri milli jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettivi ta' xogħol konklużi mill-imsieħba soċjali, għal kull persuna li tagħmel xogħol salarjat, anke jekk fuq bażi temporanja, fit-territorju tagħhom, ikun liema jkun il-pajjiż fejn hu stabbilit il-prinċipal, u lanqas jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jirrikjedu li dawn ir-regoli jiġu mħarsa permezz tal-mezzi xierqa (ara s-sentenza tat-3 ta' Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral, 62/81 u 63/81, Ġabra p. 223, punt 14), meta jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija minnhom mhijiex iggarantita permezz ta' obbligi identiċi jew essenzjalment simili għal dawk li l-impriża tkun diġà suġġetta għalihom fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita (ara s-sentenzi tat-28 ta' Marzu 1996, Guiot, C-272/94, Ġabra p. I‑1905, punti 16 u 17, u Arblade et, iċċitati aktar 'il fuq, punt 51).

30     Miżura ta' awtorizzazzjoni ta' xogħol, bħal dik stabbilita fir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972, madankollu ma tistax tiġi kkwalifikata bħala mezz xieraq. Fil-fatt hija tinvolvi formalitajiet u termini li jiskoraġġixxu l-provvista libera tas-servizzi permezz tas-sekondar ta' ħaddiema ċittadini ta' Stat terz.

31     L-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi ta' servizzi li tavża minn qabel lill-awtoritajiet lokali bil-preżenza ta' wieħed jew aktar ħaddiema salarjati ssekondati, bit-tul ta' żmien li matulu jkunu preżenti fil-pajjiż u bil-provvista ta' servizzi li tiġġustifika is-sekondar tagħhom jikkostitwixxi miżura li hija wkoll effettiva u li hija anqas restrittiva mir-rekwiżit in kwistjoni. Din il-miżura hija ta' natura li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet jikkontrollaw il-ħarsien tal-leġiżlazzjoni soċjali Lussemburgiża matul it-tul ta' żmien tas-sekondar filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-obbligi li l-impriża tkun diġà suġġetta għalihom taħt ir-regoli tad-dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta' oriġini.

32     Barra minn hekk, il-fatt li l-għoti ta' awtorizzazzjoni kollettiva ta' xogħol tkun suġġetta għall-eżistenza ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien indefinit li ilhom jorbtu lill-ħaddiema kkonċernati ma' l-impriża ta' oriġini għal ta' l-anqas sitt xhur qabel ma jibda is-sekondar tagħhom fit-territorju Lussemburgiż, jeċċedi dak li jista' jiġi meħtieġ għall-għan ta' protezzjoni soċjali bħala kundizzjoni neċessarja sabiex jiġu pprovduti servizzi permezz ta' sekondar ta' ħaddiema ċittadini ta' Stat terz.

33     Fil-fatt, dan ir-rekwiżit huwa, kif ġie rrilevat ġustament mill-Kummissjoni, ta' natura li jikkomplika, b'mod kunsiderevoli, is-sekondar ta' ħaddiema ta' Stat terz fit-territorju Lussemburgiż għall-finijiet ta' provvista ta' servizzi fis-setturi fejn, minħabba l-partikolaritajiet ta' l-attività in kwistjoni, isir użu frekwenti minn kuntratti għal żmien qasir jew għal servizz partikolari. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Lussemburgiż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratt ta' xogħol tawtorizza r-rikors, fir-rigward ta' ċerti tipi ta' xogħlijiet, għal kuntratti ta' dan it-tip sabiex jiġu impjegati ħaddiema Komunitarji.

34     Kif ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit in kwistjoni jaffettwa, barra minn hekk, is-sitwazzjoni ta' impriżi ġodda li jixtiequ jipprovdu servizzi fil-Lussemburgu billi jimpjegaw lill-ħaddiema ta' Stat terz.

35     Barra minn hekk, huwa ma jiħux in kunsiderazzjoni l-miżuri soċjali li l-impriża li għandha l-intenzjoni li tagħmel is-sekondar hija suġġetta għalihom fl-Istat Membru ta' oriġini, b'mod partikolari, fir-rigward ta' kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' remunerazzjoni, bis-saħħa tad-dritt ta' l-Istat Membru in kwistjoni jew ta' ftehim ta' kooperazzjoni eventwali konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat terz ikkonċernat, u li l-applikazzjoni tagħhom hija ta' natura li teskludi riskji sinjifikanti ta' esplojtazzjoni tal-ħaddiema u ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (ara s-sentenza Vander Elst, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25).

36     Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti imposti mir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 ma jikkostitwixxux mezzi xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta' protezzjoni tal-ħaddiema.

37     It-tieni nett, kif ġie indikat espressament mill-Gvern Lussemburgiż fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fil-punti 32 sa 35 ta' din is-sentenza, ir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 huwa intiż sabiex jevita li s-suq nazzjonali tax-xogħol jiġi ddisturbat minn influss ta' ħaddiema ċittadini ta' Stati terzi.

38     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm ix-xewqa li jiġu evitati disturbi lis-suq tax-xogħol hija, ċertament, raġuni imperattiva ta' interess ġenerali, (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta' Marzu 1990, Rush Portuguesa, C-113/89, Ġabra p. I-1417, punt 13), il-ħaddiema impjegati minnn impriża stabbilita fi Stat Membru u li huma ssekondati fi Stat Membru ieħor sabiex jipprovdu xi servizzi ma jippretendux madankollu li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol ta' dan it-tieni Stat, peress li jmorru lura fil-pajjiż ta' oriġini jew ta' residenza tagħhom wara li jtemmu l-inkarigu tagħhom (ara s-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Rush Portuguesa, punt 15; Vander Elst, punt 21, u Finalarte et, punt 22).

39     Madankollu, diġà ġie deċiż li Stat Membru jista' jivverifika li l-impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tissekonda ħaddiema ta' Stat terz fit-territorju tiegħu, ma tinqedex bil-provvista libera tas-servizzi għal għan differenti mit-twettiq tas-servizz ikkonċernat, per eżempju, dak li ġġib il-ħaddiema tagħha sabiex issibilhom xogħol jew sabiex tqiegħedhom għad-dispożizzjoni (ara s-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17)

40     Madankollu, dawn il-kontrolli għandhom iħarsu l-limiti li jimponi d-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, dawk li jirriżultaw mill-provvista libera tas-servizzi, li ma jistgħux jisfaw illużorji u li l-eżerċizzju tagħhom ma jistax ikun suġġett għad-diskrezzjoni ta' l-amministrazzjoni (sentenza Rush Portuguesa, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17).

41     Madankollu, f'dan il-każ, kif ġie rrilevat mill-punt 30 ta' din is-sentenza, il-bżonn li tinkiseb awtorizzazzjoni ta' xogħol huwa, minħabba l-formalitajiet u t-termini ta' proċedura involuti, ta' natura li jrendi l-provvista libera tas-servizzi fit-territorju Lussemburgiż permezz ta' ħaddiema ssekondati li huma ċittadini ta' Stat terz anqas attraenti.

42     Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni, billi jipprovdi li l-eżami ta' l-applikazzjonijiet għal permessi individwali ta' xogħol għandu jsir fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol u li awtorizzazzjoni kollettiva ta' xogħol tista' tinħareġ biss f'każijiet eċċezzjonali, ir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 għandu l-effett li jissuġġetta l-possibbiltà li jiġu ssekondati, fit-territorju Lussemburgiż, ħaddiema ċittadini ta' Stat terz għall-finijiet ta' provvista ta' servizzi, għad-diskrezzjoni ta' l-amministrazzjoni lokali.

43     Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Gvern Lussemburgiż, kunsiderazzjonijiet marbuta mal-prijorità ta' impjieg taċ-ċittadini Komunitarji mhumiex rilevanti għal dak li jikkonċerna ħaddiema li jiġu ssekondati għall-provvista ta' servizzi u għalhekk mhumiex ser ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol ta' l-Istat Membru ospitanti. Fir-rigward tal-fatt, allegat mill-istess Gvern, li d-deċiżjonijiet ta' l-amministrazzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju, huwa jikkonferma l-analiżi li l-kisba ta' l-awtorizzazzjoni ta' xogħol meħtieġa tista' toħloq dewmien li jkun ta' ħsara għall-fornitur tas-servizzi.

44     Fir-rigward tar-rekwiżit, fil-każ ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kollettiva ta' xogħol, ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien indefinit li jkunu ilhom jorbtu lill-ħaddiema kkonċernati ma' l-impriża tagħhom ta' oriġini għal ta' l-anqas sitt xhur, diġà ġie rrilevat, fil-punti 33 u 34 ta' din is-sentenza, li din tista' tikkomplika, b'mod kunsiderevoli, il-provvista ta' servizzi, minn impriżi f'settur ikkaratterizzat minn użu frekwenti ta' kuntratti għal żmien qasir jew għal servizzi partikolari, jew minn impriżi ġodda, fit-territorju Lussemburgiż permezz ta' ħaddiema ssekondati li huma ċittadini ta' Stat terz.

45     Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit huwa sproporzjonat fir-rigward ta' l-għan li jiġi assigurat li l-ħaddiema jmorru lura fl-Istat Membru ta' oriġini fi tmiem l-inkarigu tagħhom.

46     Fil-fatt, l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi servizzi li tagħti lill-awtoritajiet lokali l-informazzjoni li turi li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema hija waħda legali, b'mod partikolari, fir-rigward tar-residenza, ta' l-awtorizzazzjoni ta' xogħol u tal-protezzjoni soċjali, fl-Istat Membru fejn din l-impriża timpjegahom, joffri lil dawn l-awtoritajiet, b'mod anqas restrittiv u effettiv daqs ir-rekwiżiti in kwistjoni, garanziji fir-rigward tal-legalità tas-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema u għall-fatt li dawn jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li tipprovdi s-servizzi. Flimkien ma' l-informazzjoni pprovduta minn din l-impriża rigward il-perijodu previst tas-sekondar (ara l-punt 31 ta' din is-sentenza), l-imsemmija informazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet Lussemburgiżi sabiex, jekk ikun il-każ, jieħdu l-miżuri meħtieġa fi tmiem dan il-perijodu.

47     F'dan ir-rigward, l-obbligu li tiġi pprovduta, għall-finijiet tal-kisba ta' awtorizzazzjoni ta' xogħol, garanzija bankarja intiża sabiex tkopri l-eventwali spejjeż ta' ripatrijazzjoni ta' ħaddiem fi tmiem l-inkarigu tiegħu jikkostitwixxi, għall-impriżi li jipprovdu servizzi, piż eċċessiv fir-rigward ta' l-għan li jrid jintlaħaq. Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, setgħu jittieħdu miżuri li jirrispettaw aktar il-provvista libera tas-servizzi milli l-obbligu ġenerali ta' garanzija minn qabel, bħal ordni li jitħallsu l-ispejjeż ikkawżati effettivament minn miżura eventwali ta' ripatrijazzjoni.

48     Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti imposti mir-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 mhumiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi evitata distabbilizzazzjoni tas-suq lokali tax-xogħol.

49     Fid-dawl ta' dak li ngħad preċedentement, l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tar-regolament tal-Gran Dukat tat-12 ta' Mejju 1972 huma fondati.

50     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi jimponi, fuq fornituri ta' servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jixtiequ jissekondaw lill-ħaddiema tagħhom li huma ċittadini ta' Stati terzi, rekwiżit ta' permessi individwali ta' xogħol li l-ħruġ tagħhom huwa suġġett għal kunsiderazzjonijiet marbuta mas-suq tax-xogħol jew rekwiżit ta' awtorizzazzjoni kollettiva ta' xogħol li hija mogħtija biss f'każijiet eċċezzjonali u sakemm il-ħaddiema kkonċernati jkunu ilhom marbuta ma' l-impriża ta' oriġini, permezz ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien indefinit, għal ta' l-anqas sitt xhur qabel ma jiġu ssekondati, u billi jimponi fuq il-fornituri ta' servizzi l-obbligu li jipprovdu garanzija bankarja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ispejjeż

51     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Billi jimponi, fuq fornituri ta' servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jixtiequ jissekondaw lill-ħaddiema tagħhom li huma ċittadini ta' Stati terzi, rekwiżit ta' permessi individwali ta' xogħol li l-ħruġ tagħhom huwa suġġett għal kunsiderazzjonijiet marbuta mas-suq tax-xogħol jew rekwiżit ta' awtorizzazzjoni kollettiva ta' xogħol li hija mogħtija biss f'każijiet eċċezzjonali u sakemm il-ħaddiema kkonċernati jkunu ilhom marbuta ma' l-impriża ta' oriġini permezz ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien indefinit għal ta' l-anqas sitt xhur qabel ma jiġu ssekondati, u billi jimponi fuq il-fornituri ta' servizzi l-obbligu li jipprovdu garanzija bankarja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.

2)      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa ordnat iħallas l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq