Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62002CJ0039
Judgment of the Court (Third Chamber) of 14 October 2004.#Mærsk Olie & Gas A/S v Firma M. de Haan en W. de Boer.#Reference for a preliminary ruling: Højesteret - Denmark.#Brussels Convention - Proceedings to establish a fund to limit liability in respect of the use of a ship - Action for damages - Article 21 - Lis pendens - Identical parties - Court first seised - Identical subject-matter and cause of action - None - Article 25 - 'Judgment' - Article 27(2) - Refusal to recognise.#Case C-39/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-14 ta' Ottubru 2004.
Mærsk Olie & Gas A/S vs Firma M. de Haan en W. de Boer.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Højesteret - id-Danimarka.
Konvenzjoni ta' Brussell - Proċediment intiż sabiex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbilità minħabba l-użu ta' bastiment - Azzjoni għal danni - Artikolu 21 - Lis pendens - Identiċità tal-partijiet - L-ewwel qorti mitluba tieħu konjizzjoni - Kawża u suġġett identiċi - Nuqqas - Artikolu 25 - Kunċett ta' sentenza - Artikolu 27(2) - Ċaħda ta' rikonoxximent.
Kawża C-39/02.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) ta' l-14 ta' Ottubru 2004.
Mærsk Olie & Gas A/S vs Firma M. de Haan en W. de Boer.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Højesteret - id-Danimarka.
Konvenzjoni ta' Brussell - Proċediment intiż sabiex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbilità minħabba l-użu ta' bastiment - Azzjoni għal danni - Artikolu 21 - Lis pendens - Identiċità tal-partijiet - L-ewwel qorti mitluba tieħu konjizzjoni - Kawża u suġġett identiċi - Nuqqas - Artikolu 25 - Kunċett ta' sentenza - Artikolu 27(2) - Ċaħda ta' rikonoxximent.
Kawża C-39/02.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:615
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
14 ta' Ottubru 2004 (*)
"Konvenzjoni ta' Brussell – Proċediment intiż sabiex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbilità minħabba l-użu ta' bastiment – Azzjoni għal danni – Artikolu 21 – Lis pendens – Identiċità tal-partijiet – L-ewwel qorti mitluba tieħu konjizzjoni – Kawża u suġġett identiċi – Nuqqas – Artikolu 25 – Kunċett ta' sentenza – Artikolu 27(2) – Ċaħda ta' rikonoxximent"
Fil-kawża C-39/02,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond il-Protokoll tat-3 ta' Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Højesteret (id-Danimarka), permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Frar 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Frar 2002, fil-kawża
Mærsk Olie & Gas A/S
vs
Firma M. de Haan en W. de Boer,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, Aġent President tat-Tielet Awla, R. Schintgen (Relatur) u N. Colneric, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P . Léger,
Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' April 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati
– għal Mærsk Olie & Gas A/S, minn S. Johansen, advokat,
– għal Firma M. de Haan en W. de Boer, minn J.-E. Svensson, advokat,
– għall-Gvern Olandiż, minn H.G. Sevenster u J. van Bakel, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Ormond, bħala aġenta assistita minn A. Layton, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N.B. Rasmussen u A.-M. Rouchaud, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta' Lulju 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 21, 25 u 27 tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1 u – test emendat – p. 77, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Brussell").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Mærsk Olie & Gas A/S (iktar 'il quddiem "Mærsk") u s-soċjetà f'isem kollettiv M. de Haan u W. de Boer (iktar 'il quddiem is-"sidien tal-bastiment") rigward azzjoni għal kumpens tad-danni allegament ikkawżati lil katusi mgħoddija taħt il-Baħar tat-Tramuntana minn bastiment tas-sajd li jappartjeni lis-sidien tal-bastiment.
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1957 fuq il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti li jbaħħru
3 L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tas-sidien tal-bastimenti li jbaħħru, ta' l-10 ta' Ottubru 1957 (International Transport Treaties, suppl. 1-10, Jannar 1986, p.81, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' l-1957") jipprovdi l-possibiltà għas-sid ta' bastiment li jillimita r-responsabbiltà tiegħu għal ammont speċifikat fir-rigward ta' waħda mit-talbiet elenkati, sakemm l-avveniment li jkun ta lok għat-talba ma kienx ikkawżat minħabba l-ħtija effettiva tas-sid. Fost it-talbiet elenkati hemm, fl-Artikolu 1(b), ħsara lil xi proprjetà li seħħet minħabba l-għemil, it-traskuraġni jew il-ħtija ta' kull persuna li tinsab abbord il-bastiment u li hija konessa man-navigazzjoni tiegħu.
4 Skond l-Artikolu 3(1) ta' din il-Konvenzjoni, l-ammont tal-limitazzjoni ta' responsabbiltà huwa kkalkolat skond it-tunnelaġġ tal-bastiment u jvarja skond in-natura tal-ħsara kkawżata. B'hekk, meta l-avveniment dannuż jirriżulta fi ħsara lill-proprjetà biss, l-ammont li għalih il-propjetarju jista' jillimta r-reponsabbiltà tiegħu jikkorrispondi għal 1000 francs Poincaré għal kull tunnellata tat-tunellaġġ tal-bastiment.
5 Meta t-talbiet meħuda flimkien, li jirriżultaw mill-istess avveniment dannuż, jiżbqu l-limitu tar-responsabbiltà hekk kif stabbilit, l-Artikolu 2(2) u (3) ta' l-imsemmija Konvenzjoni tipprovdi li fond, ta' ammont li jikkorrispondi għal dan il-limitu, jista' jinħoloq sabiex ikun eskluzivament disponibbli għat-talbiet li għalihom hija invokata l-limitazzjoni tar-responsabbiltà. Dan il-fond għandu jitqassam, skond l-Artikolu 3(2), "bejn il-persuni li jagħmlu t-talbiet, proporzjonalment għall-ammont tat-talbiet tagħhom li jiġu ppruvati". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
6 Skond l-Artikolu 1(7) tal-Konvenzjoni ta' l-1957, "il-fatt li tiġi invokata l-limitazzjoni tar-responsabbiltà ma jfissirx li qed tiġi ammessa r-responsabbiltà". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 4 ta' din il-Konvenzjoni jipprovdi:
"[...] ir-regoli dwar kif għandu jiġi kkostitwit u mqassam il-fond eventwali u r-regoli tal-proċedura kollha għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali ta' l-Istat fejn il-fond jiġi kkostitwit". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 Mill-proċess jirriżulta li r-Renju ta' l-Olanda kien marbut bil-Konvenzjoni ta' l-1957 fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali.
Il-Konvenzjoni ta' Brussell
9 Mill-preambolu tagħha, jirriżulta li l-Konvenzjoni ta' Brussell għandha bħala għan li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ġudizzjarji, skond l-Artikolu 293 KE, u li ssaħħaħ fil-Komunità l-protezzjoni legali tal-persuni residenti hemmhekk. L-imsemmi preambolu jipprovdi wkoll li huwa importanti għal dan il-għan li tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta' l-Istati Kontraenti.
10 L-Artikolu 2 tal-Konvezjoni ta' Brussell jistabbilixxi r-regola ġenerali li għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, il-qrati ta' l-Istat li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut. L-Artikolu 5 ta' l-imsemmija Konvenzjoni jipprovdi madankollu li, "fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' delitti jew kważi-delitti", il-kawża kontra l-konvenut tista' tinġieb "fil-qrati tal-post fejn ikun seħħ l-avveniment dannuż". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 L-Artikolu 6(a) ta' din il-Konvenzjoni jżid:
"Meta, skond din il-Konvenzjoni, qorti ta' Stat Kontraenti għandha ġurisdizzjoni f'azzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-responsabbiltà minħabba l-użu jew l-tħaddim ta' bastiment, dik il-qorti, jew xi qorti oħra sostitwita għal dan l-iskop mil-liġi interna ta' dak l-Istat, għandha wkoll ikollha ġurisdizzjoni fuq talbiet għal-limitazzjoni ta' dik ir-responsabbilità." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
12 Il-Konvenzjoni ta' Brussell hija intiża, barra minn hekk, sabiex tevita sentenzi konfliġġenti. B'hekk skond l-Artikolu 21 tagħha, dwar il-lis pendens:
"Meta proċedimenti li jinvolvu l-istess suġġett, l-istess kawża u l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta' Stati Kontraenti differenti, il-qorti li ma tkunx l-ewwel qorti li quddiemha tidher il-kawża għandha, ex officio, tiċħad il-ġurisdizzjoni favur l-ewwel qorti invokata.
Il-qorti li għandha tiċħad il-ġurisdizzjoni tista' tissosspendi l-proċedimenti jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti l-oħra hija kkontestata." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
13 Barra minn hekk, l-Artikolu 22 ta' din il-Konvenzjoni jipprovdi:
"Meta azzjonijiet konnessi jkunu ppreżentati quddiem qrati ta' Stati Kontraenti differenti u jkunu pendenti quddiem qorti ta' l-ewwel istanza, il-qorti li ma tkunx l-ewwel qorti li quddiemha tidher il-kawża tista' tissosspendi l-proċedimenti.
Din il-qorti tista' wkoll, fuq rikors ta' waħda mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-liġi tagħha tipermetti li l-kawżi konnessi jingħaqdu u jekk il-qorti l-ewwel invokata jkollha ġurisdizzjoni fuq iż-żewġ azzjonijiet.
Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu konnessi meta jkollha rabta daqstant stretta illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta' sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
14 Fil-qasam tar-rikonoxximent, l-Artikolu 25 ta' l-imsemmija Konvenzjoni jistipula:
"Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, "sentenza" tfisser kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta' Stat Kontraenti, indipendentement minn kif tista' tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta' eżekuzzjoni, kif ukoll id-determinazzjoni ta' l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
15 L-ewwwel paragrafu ta' l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta' Brussell jipprovdi li:
"Sentenza mogħtija fi Stat Kontraenti għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Kontraenti l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali."
16 Mandankollu, skond l-Artikolu 27:
"Sentenza m'għandhiex tiġi rikonoxxuta:
[…]
2. jekk l-att li jkun fetaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti ma jkunx ġie nnotifikat lill-konvenut kontumaċi, regolarment u fi żmien suffiċjenti, sabiex ikun jista' jħejji d-difiża tiegħu;
[...]." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
17 L-Artikolu IV tal-Protokoll anness mal-Konvenzjoni ta' Brussell jistipula:
"Id-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji […] li għandhom jiġu nnotifikati jew ikkomunikati lill-persuni li jinsabu fit-territorju ta' Stat Kontraenti ieħor għandhom ikunu mibgħuta skond il-modalitajiet previsti mill-Konvenzjonijiet jew ftehim konklużi bejn l-Istati Kontraenti.
[...]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 F'Mejju ta' l-1985, Mærsk għaddiet sensiela ta' katusi taż-żejt u tal-gass fil-Baħar tat-Tramuntana. Matul ix-xahar ta' Ġunju 1985, bastiment tas-sajd li jappartjeni lis-sidien tal-bastiment, kien qed jistad fiż-żona fejn kienu tqiegħdu dawn il-katusi. Mærsk ikkonstatat li l-katusi kien sarilhom il-ħsara.
19 Permezz ta' ittra tat-3 ta' Lulju 1985, Mærsk informat lis-sidien tal-bastiment li hija kienet qed iżżommhom responsabbli għal dawn id-danni, u li l-prezz tax-xogħol ta' tiswija tagħhom kien ġie stmat għal 1 700 019,00 USD u 51 961,58 GPB.
20 Fit-23 ta' April 1987, is-sidien tal-bastiment ressqu quddiem l-l’Arrondissementsrechtbank Groningen (L-Olanda), li hu l-post tar-reġistrazzjoni tal-bastiment tagħhom, talba għal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tagħhom. Fis-27 ta' Mejju 1987, din il-qorti tat digriet li stabbilixxa provviżorjament din il-limitazzjoni għal 52 417,40 NLG u ordnat lis-sidien tal-bastiment jiddepożitaw din is-somma flimkien ma' 10 000 NLG sabiex ikopru l-ispejjeż legali. Permezz ta' teleks tal-5 ta' Ġunju 1987, l-avukati tas-sidien tal-bastiment infurmaw lil Mærsk b'din id-deċiżjoni.
21 Fl-20 ta' Ġunju 1987, Mærsk fetħet kawża għad-danni kontra s-sidien tal-bastiment quddiem il-Vestre Landsret (id-Danimarka).
22 Fl-24 ta' Ġunju ta' wara, Mærsk appellat, quddiem il-Gerechtshof Leeuwarden (l-Olanda) mis-sentenza ta' l-Arrondissementsrechtbank Groningen billi invokat in-nuqqas ta' ġurisdizzjoni ta' din. Fis-6 ta' Jannar 1988, il-qorti ta' l-appell ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti tal-prim' istanza billi rreferiet, b'mod partikolari, għall-Artikoli 2 u 6(a) tal-Konvenzjoni ta' Brussell. Mærsk ma ressqitx appell intiż għall-annullament ta' din is-sentenza.
23 Permezz ta' ittra rreġistrata ta' l-1 ta' Frar 1988, l-amministratur nnotifika lill-avukat ta' Mærsk bid-digriet tal-qorti li jistabbilixxi l-fond li jillimita r-responsabbiltà u permezz ta' ittra tal-25 ta' April ta' wara, stieden lil Mærsk sabiex tippreżenta lit-talba tagħha.
24 Mærsk naqset milli tilqa' din l-istedina, iżda għażlet li tkompli l-kawża quddiem il-qorti Daniża. Fin-nuqqas ta' produzzjoni ta' talbiet mill-persuni leżi, l-ammont depożitat fil-qorti Olandiża ngħata lura lis-sidien tal-bastiment f'Diċembru 1988.
25 Permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' April 1988, il-Vestre Landsret ikkunsidrat li d-deċiżjonijiet tal-qrati Olandiżi tas-27 ta' Mejju 1987 u tas-6 ta' Jannar 1988 kellhom jiġu kkunsidrati bħala sentenzi fis-sens ta' l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, peress li Mærsk kellha l-possibbiltà li tiddefendi lilha nnfisha matul il-kawża.
26 Peress li qieset li l-proċedimenti li tressqu fl-Olanda u fid-Danimarka kienu bejn l-istess partijiet, kellhom l-istess suġġett u l-istess kawża u din il-konstatazzjoni ma setatx tiġi invalidata minħabba l-fatt li Mærsk naqset milli tiddefendi l-interessi tagħha fil-kuntest tal-proċedimenti li jirrigwardaw il-limitazzjoni tar-responsabbiltà, il-Vestre Landsret iddeċidiet li l-kundizzjonijiet għall-konstatazzjoni tal-lis pendens skond l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Brussell kienu ġew sodisfatti.
27 Fid-dawl tal-fatt li l-proċedimenti kienu mressqa qabel fl-Olanda (it-23 ta' April 1987) u tal-konstatazzjoni magħmula mill-Arrondissementsrechtbank Groningen, ikkonfermata fl-appell, li hija kellha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti s-sentenza tagħha, il-Vestre Landsret ċaħdet il-ġurisdizzjoni tagħha favur il-qorti Olandiża, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Brussell.
28 Mærsk ressqet appell quddiem il-Højesteret.
29 Billi qieset li l-kawża tqajjem kwistjonijiet ta' interpretazzjoni ta' l-Artikoli 21, 25 u 27 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tisspospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"1) Proċedura intiża biex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà fuq it-talba ta' sid ta' bastiment [skond il-Konvenzjoni ta' l-1957] taqa' taħt l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni [ta' Brussell] meta r-rikors jirrigwarda, b'mod ċar, dak li seta' kien affettwat bħala vittma potenzjali ta' dannu?
2) Sentenza li tordna li jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà skond ir-regoli tal-proċedura Olandizi fis-seħħ fl-1986 hija sentenza ta' qorti jew tribunal fis-sens ta' l-Artikolu 25 ta' l-imsemmija Konvenzjoni?
3) Jista', illum, jinċaħad ir-rikonoxximent fi Stat Kontraenti ieħor, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 27(2) ta' l-imsemmija Konvenzjoni, ta' fond li jillimita r-responsabbiltà, stabbilit fis-27 ta' Mejju 1987 minn qorti Olandiża skond ir-regoli Olandiżi fis-seħħ f'dak iż-żmien, mingħajr ma jkun ġie nnotifikat minn qabel lill-kreditur ikkonċernat, ?
4) Fil-każ ta' risposta affermattiva għat-tielet domanda: il-kreditur in kwistjoni, jista' jiġi prekluż milli jinvoka l-Artikolu 27(2) minħabba l-fatt li hu ressaq sussegwentement, fl-Istat Membru fejn ġie stabbiliet il-fond, quddiem qorti superjuri, il-kwistjoni ta' ġurisdizzjoni mingħajr ma kien eċċepixxa n-nuqqas ta' notifikazzjoni fir-rigward tiegħu?
Fuq l-ewwel domanda
30 Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, minn naħa waħda, talba mressqa quddiem il-qorti ta' Stat Kontraenti mis-sid ta' bastiment, intiża biex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà, li tindika l-vittma potenzjali tad-dannu u, min-naħa l-oħra, azzjoni għal danni mressqa quddiem il-qorti ta' Stat Kontraenti ieħor minn dik il-vittma kontra s-sid tal-bastiment, jikkostitwux talbiet li għandhom l-istess suġġett u l-istess kawża, u li huma magħmula mill-istess partijiet fis-sens ta' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Brussell.
31 Għandu jiġi mfakkar, b'mod preliminari, li l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, dwar l-azzjonijiet konnessi, jinsab fis-Sezzjoni 8 tat-Titolu II ta' din il-Konvenzjoni, li hija intiża, fl-interess ta' l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fi ħdan il-Komunità, biex tevita proċedimenti paralleli quddiem il-qrati ta' Stati Kontraenti differenti u sentenzi konfliġġenti li jistgħu jirriżultaw minn dan. B'hekk, din il-leġislazzjoni tfittex li teskludi, kemm jista' jkun, sa mill-bidu, sitwazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 27(3) ta' l-imsemmija Konvenzjoni, jiġifieri n-nuqqas ta' rikonoxximent ta' sentenza minħabba l-inkompatibbiltà tagħha ma' sentenza mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat mitlub li jirrikonoxxi s-sentenza (ara s-sentenzi tat-8 ta' Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik, 144/86, Ġabra p. 4861, punt 8 u tad-9 ta' Diċembru 2003, Gasser, C-116/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).
32 Minn dan jirriżulta li, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-Artikolu 21 għandu jkun interpretat b'mod wiesgħa, li jkopri, bħala regola, is-sitwazzjonijiet kollha ta' lis pendens quddiem il-qrati ta' Stati Kontraenti, indipendentament mid-domiċilju tal-partijiet (sentenzi tas-27 ta' Ġunju 1991, Overseas Union Insurance et C-351/89, Ġabra p. I‑3317, punt 16 u Gasser, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).
33 F'dan il-każ, huwa paċifiku li l-proċedimenti intiżi sabiex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà, bħal dawk imressqa quddiem il-qorti Olandiża, għandhom bħala għan li jippermettu lis-sid ta' bastiment, li jista' jinżamm responsabbli għal waħda mit-talbiet elenkati fl-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta' l-1957, jillimita r-responsabbiltà tiegħu għal ammont ikkalkulat skond l-Artikolu 3 ta' din, u b'hekk il-kredituri ma jkunux jistgħu jippretendu ammonti barra minn dawk li jkunu intitolati għalihom, mis-sid tal-bastiment, għall-istess avveniment dannuż, fil-kuntest ta' din il-proċedura.
34 Tali talba sabiex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà bla dubju tikkostitwixxi talba fis-sens ta' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Brussell. Manadnkollu, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk hija għandhiex l-istess suġġett u l-istess kawża bħal azzjoni għad-danni imressqa mill-vittma kontra s-sid tal-bastiment, quddiem il-qorti ta' Stat Kontraenti ieħor u jekk dawn it-talbiet ġewx ippreżentati bejn l-istess partijiet. Dawn it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu sodisfatti sabiex tinħoloq sitwazzjoni ta' lis pendens fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 21.
35 Minn naħa, jidher ċar li t-talbiet li qed jiġu kkunsidrati m'għandhomx l-istess suġġett. Fil-fatt, filwaqt li l-azzjoni għad-danni hija intiża sabiex il-konvenut ikun iddikjarat responsabbli, it-talba għal-limitazzjoni ta' responsabbiltà għandha bħala għan, fil-każ li tiġi ddeterminata r-responsabbiltà, li din ir-responsabbiltà tkun limitata għal ammont ikkalkulat skond il-Konvenzjoni ta' l-1957, u għandu jiġi kkunsdirat li, skond l-Artikolu 1(7) ta' l-imsemmija Konvenzjoni, "il-fatt li tiġi invokata l-limitazzjoni tar-responsabbiltà ma jfissirx li qed tiġi ammessa r-responsabbiltà". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
36 Il-fatt li, fil-kuntest tal-proċedimenti għall-istabbiliment ta' fond li jillimita r-responsabbilità, it-talbiet jiġu vverifikati mill-amministratur jew jistgħu jkunu kkontestati mid-debitur, mhuwiex ta' tali natura li jista' jqajjem dubji dwar din l-analiżi. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk żewġ talbiet għandhomx l-istess għan, skond l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, għandhom jitqiesu biss, kif jirriżulta mill-kliem ta' dan l-Artikolu, il-pretensjonijiet rispettivi tar-rikorrenti f'kull waħda mill-kawżi u mhux tad-difiża eventwalment sostnuta mill-konvenut (sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, Gantner Electronic, C-111/01, Ġabra p. I‑4207, punt 26).
37 Min-naħa l-oħra, it-talbiet ikkunsidrati lanqas ma għandhom l-istess kawża, fis-sens ta' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni.
38 Fil-fatt, peress li l-"kawża" tinkludi l-fatti u r-regola legali invokati bħala bażi tat-talba (ara s-sentenza tas-6 ta' Diċembru 1994, Tatry, C-406/92, Ġabra p. I‑5439, punt 39), għandu jiġi kkonstatat li, anki li kieku l-fatti li jkunu taw lok għaż-żewġ proċedimenti huma identiċi, ir-regola legali li tikkostitwixxi l-bażi taż-żewġ talbiet hija differenti, hekk kif osservaw Mærsk, il-Kummissjoni u l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu. Fil-fatt, l-azzjoni għad-danni hija bbażata fuq il-liġi dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, filwaqt li t-talba intiża biex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà huwa bbażat fuq il-Konvenzjoni ta' l-1957 u l-leġislazzjoni Olandiża li implementatha.
39 Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tielet kundizzjoni fuq jekk il-partijiet humiex l-istess, għandu jiġi konkluż li, peress li s-suġġett u l-kawża mhumiex identiċi, ma teżistix sitwazzjoni ta' lis pendens fis-sens ta' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Brussell bejn proċedimenti intiżi biex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà ta' sid ta' bastiment, bħal dawk fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti Olandiża u azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju.
40 Din il-konklużjoni ma tipprekludix, bħala regola, hekk kif osservaw ir-Renju Unit u l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Brussell. Fil-fatt, talbiet, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom rabta stretta biżżejjed biex jistgħu jkunu kkunsidrati bħala konnessi fis-sens tat-tielet paragrafu ta' dan l-Artikolu, bir-riżultat li t-tieni qorti li quddiemha tressqu l-proċedimenti tista' tissospendi l-proċedimenti.
41 Madankollu, la hemm lok, f'dan il-każ, li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Brussell u lanqas, b'mod partikolari, li tiġi stabbilità liema kienet tkun, f'dan il-każ, l-ewwel qorti li ħadet konjizzjoni tal-kawża, peress li jirrizulta mid-digriet tar-rinviju li l-proċedimenti quddiem l-Arrondissementsrechtbank Groningen huma definittivament magħluqa u li, fin-nuqqas ta' preżentata ta' talbiet mill-persuni leżi, l-ammont iddepożitat ma' din il-qorti ngħata lura lis-sidien tal-bastiment f'Diċembru 1988. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jeżistux iktar "azzjonijiet konnessi" fis-sens ta' l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni.
42 Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li r-rikors imressaq quddiem il-qorti ta' Stat Kontraenti mis-sid ta' bastiment intiż biex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà, li jindika l-vittma potenzjali tad-dannu, minn naħa waħda, u, azzjoni għal danni mressqa quddiem il-qorti ta' Stat Kontraenti ieħor minn dik il-vittma kontra s-sid tal-bastiment, min-naħa l-oħra, ma joħolqux sitwazzjoni ta' lis pendens fis-sens ta' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta' Brussell.
Fuq it-tieni domanda
43 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk sentenza li tordna li jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà, bħal dik fil-kawża prinċipali, hijiex sentenza fis-sens ta' l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta' Brussell.
44 Rigward dan, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 25, il-kunċett ta' "sentenza" fis-sens ta' l-imsemmija Konvenzjoni jkopri "kull s """ entenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta' Stat Kontraenti, indipendentement minn kif tista' tissejjaħ dik is-sentenza". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
45 Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat-2 ta' Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren, C-414/92, Ġabra p. I‑2237, punt 17), sabiex ikun jista' tiġi kkwalifikat bħala "sentenza" fis-sens tal-Konvenzjoni, l-att irid jinħareġ minn korp ġudizzjarju li jappartjeni lil Stat Kontraenti u li jiddeċiedi huwa stess, fuq il-punti kontenzjużi bejn il-partijiet.
46 Kif ġie mfakkar fir-rapport fuq il-Konvenzjoni ta' Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 71, punt 184), l-Artikolu 25 ta' din il-Konvenzjoni mhuwiex limitat għas-sentenzi li jiddeċiedu l-kawża għal kollox jew parzjalment, iżda japplika wkoll għad-deċiżjonijiet interlokutorji jew li jordnaw miżuri provviżorji jew kawtelatorji.
47 Konsegwentament, deċiżjoni, bħad-digriet tas-27 ta Mejju 1987 ta' l-Arrondissementsrechtbank Groningen, li tistabbilixxi provviżorjament l-ammont safejn ir-responsabbiltà ta' sid ta' bastiment hija limtata, taqa' taħt l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta' Brussell.
48 Madankollu, Mærsk issostni li dan id-digriet ma setax jikkostitwixxi sentenza fis-sens ta' dan l-Artikolu peress li ngħata fi tmiem proċedura mhux ikkontestata.
49 Din l-oġġezzjoni ma tistax tiġi milqugħa.
50 Fil-fatt, filwaqt li huwa veru li, skond ġurisprudenza stabbilità, il-Konvenzjoni tirrigwarda, essenzjalment, is-sentenzi ġudizzjarji li, qabel ma jkun intalab ir-rikonnoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom fi Stat li ma jkunx l-Istat ta' l-oriġini, kienu jew setgħu ikunu s-suġġett f'dak l-Istat ta' l-oriġini, skond proċeduri diversi, ta' proċedimenti istruttorji kkontestati (sentenza tal-21 ta' Mejju 1980, Denilauler, 125/79, Ġabra p. 1553, punt 13), għandu jiġi kkonstatat, preċiżament, li għalkemm għalkemm ingħata fi tmiem fażi inizjali ta' proċedimenti mhux ikkontestati, il-partijiet setgħu ppreżentaw sottomissjonijiet dwar id-digriet tal-qorti Olandiża qabel ma tqajjmet il-kwistjoni dwar ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tiegħu skond il-Konvenzjoni (ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta' Lulju 1995, Hengst Import, C-474/93, Ġabra p. I-2113, punt 14).
51 B'hekk, mill-proċess jirriżulta li tali digriet ma jipproduċix effett qabel ma jkun ġie notifikat lill-kredituri, li jistgħu, imbagħad jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti li tatu billi jikkontestaw kemm id-dritt tad-debitur li jibbenefika minn limitazzjoni ta' responsabbiltà, kif ukoll l-ammont ta' din il-limitazzjoni. Barra minn hekk, il-kredituri jistgħu jressqu appell minn dan id-digriet billi jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tatu – kif ġara f'dan il-każ fil-kawża prinċipali.
52 Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li sentenza li tordna li jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà, bħal dik fil-kawża prinċipali, hija sentenza ta' qorti jew tribunal fis-sens ta' l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta' Brussell.
Fuq it-tielet u r-raba' domandi
53 Permezz tat-tielet u r-raba' domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk jistax jinċaħad ir-rikonoxximent fi Stat Kontraenti ieħor, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, ta' sentenza li tistabbilixxi fond li jillimita r-responsabbiltà, li ma tkunx ġiet innotifikata minn qabel lill-kreditur ikkonċernat, anki meta l-kreditur appella minn din is-sentenza sabiex jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tatha, iżda ma eċċepixxiex in-nuqqas ta' notifikazzjoni ta' l-att li jkun fetaħ il-proċedimenti.
54 Rigward dan, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni jelenka l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett, fi Stat Kontraenti, ir-rikonoxximent ta' sentenzi mogħtija fi Stat Kontraenti ieħor. Skond il-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu, ir-rikonoxximent għandu jiġi miċħud "jekk l-att li jkun fetaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti ma jkunx ġie nnotifikat lill-konvenut kontumaċi, regolarment u fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista' jħejji d-difiża tiegħu".
55 Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan, skond ġurisprudenza stabbilità, li tassigura li sentenza ma tkunx rikonoxxuta jew eżegwita skond il-Konvenzjoni, jekk il-konvenut ma kellux il-possibbiltà li jiddefedi ruħu quddiem il-qorti ta' l-oriġini (sentenzi tas-16 ta' Ġunju 1981, Klomps, 166/80, Ġabra p. 1593, punt 9; tal-21 ta' April 1993, Sonntag, C-172/91, Ġabra p. I‑1963, punt 38 u Hengst Import, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17).
56 Minn dan jirriżulta li sentenza tista' ma tiġix rikonoxxuta, għar-raġunijiet indikati fl-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta' Brussell biss jekk il-konvenut kien kontumaċi fil-proċedimenti orġinali. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata meta l-konvenut deher, għall-inqas jekk kien ġie informat bl-elementi tal-kawża u kellu l-opportunità jiddefendi ruħu (sentenza Sonntag, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39).
57 F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li Mærsk qatt ma dehret fil-proċedimenti intiżi sabiex jiġi stabbilit il-fond li jillimita r-responsabbiltà. Ċertament, hija ressqet appell mid-digriet tas-27 ta' Mejju 1987. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali appell, li kien jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tat dak id-digriet biss, ma jistax jitqies ekwivalenti għal dehra tal-konvenuta fil-proċedimenti intiżi sabiex jillimitaw r-responsabbiltà tas-sidien tal-bastiment għal ċertu ammont. Konsegwentement, hemm lok li l-konvenuta tiġi kkunsidrata bħala kontumaċi fis-sens ta' l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni.
58 F'dawn iċ-ċirkustanzi, skond din l-aħħar dispożizzjoni, sabiex is-sentenza li tistabbilixxi fond li jillimita r-responsabbiltà tkun tista' tiġi rikonoxxuta, skond il-Konvenzjoni ta' Brussell, l-att li fetaħ il-proċedimenti kellu jiġi notifikat lil Mærsk regolarment u fi żmien suffiċjenti.
59 F'dan ir-rigward, għandu jittieħed kont tal-partikolarità tal-proċedura għall-istabbiliment ta' fond li jillimita r-responsabbiltà, bħal dik regolata mid-dritt Olandiż, li fiha, digriet li jistabbilixxi provviżorjament il-limitu tar-responsabbilità huwa, għall-ewwel, adottat b'mod provviżorju mill-qorti wara proċedura unilaterali u imbagħad, il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom, kif ġie mfakkar fil-punt 50 ta' din is-sentenza. Tali digriet għandu jiġi kkunsidrat bħala att ekwivalenti għal att li jkun fetaħ il-proċedimenti fis-sens ta' l-Artikolu 27(2) ta' l-imsemmija Konvenzjoni.
60 Mill-proċess jirriżulta, minn naħa waħda, li l-amministratur maħtur mill-Arrondissementsrechtbank Groningen informa lil Mærsk, permezz ta' ittra reġistrata ta' l-1 ta' Frar 1988, bil-kontenut tad-digriet tas-27 ta' Mejju 1987 u min-naħa l-oħra, li skond l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Olandiż, tali notifika hija regolari skond id-dritt Olandiż u l-Konvenzjoni dwar il-komunikazzjoni u n-notifika barra mill-pajjiż ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji ta' natura ċivili u kummerċjali, iffirmata fl-Aja fil-15 ta' Novembru 1965, li kienet torbot ir-Renju ta' l-Olanda u r-Renju tad-Danimarka fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali.
61 Hija l-qorti li fiha tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza li għandha tivvaluta jekk din in-notifika kinitx saret regolarment u fi żmien suffiċjenti sabiex il-konvenut seta' jħejji d-difiża tiegħu fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. (sentenzi Klomps, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20 u tal-11 ta' Ġunju 1985, Debaecker u Plouvier, 49/84, Ġabra p. 1779, punt 31).
62 Fid-dawl ta' l-iżvulippi preċedenti, ir-risposta għat-tielet u raba' domandi għandha tkun li ma jistax jinċaħad ir-rikonoxximent fi Stat Membru ieħor, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, ta' sentenza li tistabbilixxi fond li jillimita r-responsabbiltà, fin-nuqqas ta' notifikazzjoni ġudizzjarja minn qabel lill-kreditur ikkonċernat u anki meta dan ta' l-aħħar ikun appella mis-sentenza sabiex jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tatha, sakemm hija kienet ġiet innotifikata jew ikkomunikata lill-konvenut regolarment u fi żmien suffiċjenti.
Fuq l-ispejjeż
63 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), taqta' u tiddeċiedi li:
1) Rikors imressaq quddiem il-qorti ta' Stat Kontraenti mis-sid ta' bastiment intiż biex jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà, li jindika l-vittma potenzjali tad-dannu, minn naħa waħda, u, azzjoni għal danni mressqa quddiem il-qorti ta' Stat Kontraenti ieħor minn dik il-vittma kontra s-sid tal-bastiment, min-naħa l-oħra, ma joħolqux sitwazzjoni ta' lis pendens fis-sens ta' l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
2) Sentenza li tordna li jiġi stabbilit fond li jillimita r-responsabbiltà, bħal dik fil-kawża prinċipali, hija sentenza ta' qorti jew tribunal fis-sens ta' l-Artikolu 25 ta' din il-Konvenzjoni.
3) Ma jistax jinċaħad ir-rikonoxximent fi Stat Membru ieħor, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 27(2) ta' l-imsemmija Konvenzjoni, ta' sentenza li tistabbilixxi fond li jillimita r-responsabbiltà, fin-nuqqas ta' notifikazzjoni ġudizzjarja minn qabel lill-kreditur ikkonċernat u anki meta dan ta' l-aħħar ikun appella mis-sentenza sabiex jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tatha, sakemm hija kienet ġiet innotifikata jew ikkomunikata lill-konvenut regolarment u fi żmien suffiċjenti.
Firem
** Lingwa tal-kawża: id-Daniż.