EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62002CJ0276

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-14 ta' Settembru 2004.
ir-Renju ta' Spanja vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Għajnuna mill-Istat - Kunċett - Nuqqas ta' ħlas ta' taxxi u ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali minn impriża - Attitudni ta' l-awtoritajiet nazzjonali wara dikjarazzjoni ta' sospensjoni ta' ħlasijiet.
Kawża C-276/02.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:521

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta' Settembru 2004 (*)

"Għajnuna mill-Istat – Kunċett – Nuqqas ta' ħlas ta' taxxi u ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali minn impriża – Attitudni ta' l-awtoritajiet nazzjonali wara dikjarazzjoni ta' sospensjoni ta' ħlasijiet"

Fil-kawża C-276/02,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE,

imressaq fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta' Lulju 2002,

Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn S. Ortiz Vaamonde, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u J. L. Buendía Sierra, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, J.-P. Puissochet (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues u F. Macken, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-1 ta' April 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta' Spanja jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/935/KE, ta' l-14 ta' Mejju 2002, dwar għajnuna mogħtija favur il-Grupo de Empresas Álvarez (ĠU L 329, p. 1, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Il-kuntest tal-fatti u d-deċiżjoni kkontestata

2       Il-Grupo de Empresas Álvarez S.A. (aktar 'il quddiem "GEA"), li kienet waħda mill-akbar produtturi u bejjiegħa taċ-ċajna u l-porċellana, irreġistrat telf kbir wara l-privatizzazzjoni tagħha fl-1991.

3       L-impriża bbenefikat minn għajnuniet ta' Stat taħt forma ta' garanziji u ta' sussidju dirett li l-Kummissjoni awtorizzat permezz tad-Deċiżjoni 98/634/KE tal-15 ta' Lulju 1997 (ĠU C 336, p. 6) taħt il-kundizzjoni li l-awtoritajiet Spanjoli ma jagħtu ebda għajnuna oħra ġdida u li jimplementaw kompletament il-pjan ta' ristrutturazzjoni li kienu għarfuha bih.

4       Madankollu, matul it-tliet snin ta' wara din l-awtorizzazzjoni, GEA u s-sussidjarja tagħha Vidrios Automáticos del Noroeste S.A. (aktar 'il quddiem "VANOSA") ma wettqux l-obbligi tagħhom li jħallsu t-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

5       Wara li s-sospensjoni ta' ħlas ta' GEA u ta' VANOSA ġew iddikjarati fuq talba tagħhom, fid-19 ta' Novembru 1997 u fl-14 ta' Novembru 1997 rispettivament, l-Agencia Estatal de Administración Tributaria (aġenzija ta' l-amministrazzjoni tat-taxxa ta' l-Istat, aktar 'il quddiem l-"aġenzija tat-taxxa") ikkonkludiet ftehim individwali ma' kull waħda miż-żewġ kumpanniji fl-14 ta' April 1998.

6       Permezz ta' dawn l-ftehim, madwar żewġ terzi tad-dejn fiskali eżistenti ġie maħfur, u ngħataw proroga kif ukoll skeda mill-ġdid imfassla fuq perijodu twil, jiġifieri, sentejn ta' sospensjoni segwiti minn ħlasijiet kull tliet xhur għal matul għaxar snin, bl-ewwel ħlas li jsir f'Jannar 2000, għall-ħlas tal-bilanċ ta' dan id-dejn, taħt il-kundizzjoni li ż-żewġ impriżi jħarsu l-iskeda u jwettqu l-obbligi sussegwenti tagħhom ta' ħlas tat-taxxa fil-ħin. Dawn il-kundizzjonijiet kellhom jiġu mħarsa taħt piena li dawn il-ftehim jiġu annullati u, li, konsegwentement, jerġa' japplika mill-ġdid id-dejn inizjali kollu.

7       Fis-6 ta' Novembru 1998, it-Tesorería General de la Seguridad Social (aktar 'il quddiem is-"sigurtà soċjali") ukoll ikkonkludiet ftehim individwali ma' VANOSA, ta' l-istess natura tal-ftehim ta' l-14 ta' April 1998, bl-ewwel ħlas ta' kull xahar skedat mill-ġdid għal Jannar 2000. Min-naħa l-oħra, GEA ma waslitx għal ftehim simili mas-sigurtà soċjali.

8       Matul is-sentejn ta' wara l-konklużjoni tal-ftehim ma' l-aġenzija tat-taxxa u mas-sigurtà soċjali, GEA u VANOSA baqgħu ma jħallsux il-kontribuzzjonijiet soċjali u t-taxxi tagħhom meta kienu dovuti, b'eċċezzjoni għal xi ħlasijiet li saru fil-ħin. Mill-bidu tas-sena 2000, dawn l-impriżi lanqas ma ħallsu l-arretrati skond l-arranġamenti stabbiliti fl-imsemmija ftehim.

9       Skond il-Gvern Spanjol, fis-7 ta' Frar 2001, wara li bagħtet diversi ittri ta' intimazzjoni mingħajr ebda riżultat, l-aġenzija tat-taxxa annullat il-ftehim ta' l-14 ta' April 1998 konklużi ma' GEA u VANOSA. Min-naħa tagħha, fl-20 ta' Diċembru 2001 is-sigurtà soċjali annullat il-ftehim tas-6 ta' Novembru 1998 konkluż ma' VANOSA.

10     Barra minn hekk, dejjem skond il-Gvern Spanjol, anke wara d-dikjarazzjonijiet ta' sospensjoni ta' ħlas, is-sigurtà soċjali u l-aġenzija tat-taxxa komplew b'diversi proċeduri ta' qbid, wara qbid li kien sar qabel dawn id-dikjarazzjonijiet, u ħadu wkoll miżuri eżekuttivi oħra. B'hekk, l-aġenzija tat-taxxa pproċediet, b'mod partikolari, għall-qbid ta' 96 akkomodazzjoni soċjali (fit-23 ta' Diċembru 1999), tat-trade marks tal-grupp GEA (fit-22 ta' Awwissu 2000), tad-djun dovuti mill-klijenti prinċipali ta' l-impriżi in kwistjoni (bejn ix-xhur ta' Ottubru 2000 u April 2001), u tal-fabbrika ta' VANOSA (fil-5 ta' Ġunju 2002), filwaqt li s-sigurtà soċjali rkuprat ċerti somom ta' flus (per eżempju ESP 42 767 950 f'Novembru 1998) u talbet il-qbid tal-kontijiet tal-bank (f'Jannar 2001), kif ukoll kreditu fir-rigward tat-Teżor (f'April 2001). Dawn l-azzjonijiet wasslu finalment sabiex l-impriżi jagħlqu matul ir-rebbiegħa ta' l-2001, peress li l-qligħ li setgħu għamlu bl-attività tagħhom ġie, fil-biċċa l-kbira tiegħu, dirett lejn il-kredituri pubbliċi.

11     Wara li kienet irċeviet żewġ ilmenti fl-ewwel semestru ta' l-2001 fejn ġie allegat, b'mod partikolari, li l-awtoritajiet Spanjoli kienu rrinunzjaw għall-irkupru ta' taxxi u ta' kontribuzzjonijiet soċjali fir-rigward ta' GEA u VANOSA, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni lil dawn l-awtoritajiet. Wara diversi skambji ta' ittri magħhom, fid-19 ta' Settembru 2001, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u informat lill-awtoritajiet Spanjoli b'dan permezz ta' ittra bl-istess data li hija wara ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej filwaqt li stiednet lil kull min kien interessat sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu (ĠU 2001, C 336, p. 6).

12     L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw osservazzjonijiet li waslu l-Kummissjoni fl-4 ta' Diċembru 2001. Ebda Stat Membru ieħor jew persuna oħra interessata ma ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fl-14 ta' Mejju 2002 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

13     Fil-motivi għal din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tiddikjara li n-nuqqas ta' ħlas sistematiku tal-kontribuzzjonijiet u tat-taxxa minn GEA u VANOSA, ta' l-inqas bejn Novembru 1997, meta ma baqax isir il-ħlas, u Jannar 2001, jammonta għal trasferiment ta' riżorsi ta' l-Istat lil dawn l-impriżi, u jikkostitwixxi għajnuna skond l-Artikolu 87(1) KE.

14     Fil-fatt, dan it-trasferiment ta vantaġġ kompetittiv lill-imsemmija impriżi safejn, kuntrarjament għall-kompetituri tagħhom, huma ma kellhomx ibatu l-ispejjeż tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa kif inhu normalment il-każ. Dan il-vantaġġ jirriżulta min-nuqqas ta' implementazzjoni tal-miżuri previsti fil-leġiżlazzjoni Spanjola, jiġifieri li jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni separati fir-rigward tad-djun li saru wara s-sospensjoni tal-ħlas, li kieku kien jevita li l-impriżi in kwistjoni jkomplu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ma jħarsu l-obbligi li jħallsu t-taxxa u s-sigurtà soċjali.

15     B'dan il-mod, l-awtoritajiet Spanjoli ma aġixxewx bħal kreditur privat diliġenti li jkun qed jipprova jirkupra ta' l-inqas parti żgħira mit-taxxi u mill-kontribuzzjonijiet dovuti. Il-passività tagħhom irriżultat f'żieda kbira fl-arretrati tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, li ġabet magħha nuqqas ta' osservanza flagranti tal-pjan ta' ristrutturazzjoni li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-15 ta' Lulju 1997.

16     Sussegwentement, il-Kummissjoni tiddikjara li l-għajnuna identifikata ma tista' tibbenefika minn ebda waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE, u li, b'mod partikolari, hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-komunikazzjoni (1999/C 288/02) fuq il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2).

17     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonkludi li "l-għajnuna fil-forma ta' nuqqas ta' ħlas kontinwu ta' taxxi u ta' kontribuzzjonijiet soċjali minn [GEA u VANOSA], bejn id-dati meta l-ħlasijiet ġew sospiżi (id-19 ta' Novembru 1997, fil-każ ta' GEA, u l-14 ta' Novembru 1997, fil-każ ta' VANOSA), u Jannar 2001, hija inkompatibbli mas-suq komuni". Hija tiddeċiedi wkoll li r-Renju ta' Spanja għandu jadotta "il-miżuri kollha neċessarji sabiex jikseb, mingħand il-benefiċjarju, il-ħlas lura ta' l-għajnuna [in kwistjoni] li kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tiegħu illegalment."

 Fuq ir-rikors

18     Il-Gvern Spanjol isostni, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi kif ukoll żball ta' fatt fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE. Huwa xieraq li l-ewwel jiġu eżaminati dawn il-motivi.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta' liġi

 L-argumenti tal-partijiet

19     Il-Gvern Spanjol isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(1) KE peress li l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat fis-sens ta' din id-dispożizzjoni mhijiex stabbilita f'ċirkustanzi bħal dawk tal-każ in eżami.

20     Skond il-Gvern Spanjol, l-awtoritajiet kompetenti sempliċement ikkonkludew ftehim ta' maħfra u ta' skedar mill-ġdid ta' djun ma' GEA u VANOSA, kif kienu awtorizzati li jagħmlu skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fir-rigward ta' sospensjoni ta' ħlas minn impriżi, kif kieku kienu jagħmlu ma' kwalunkwe kumpannija fl-istess sitwazzjoni. Is-sempliċi konklużjoni ta' ftehim bħal dawn, fil-kuntest ta' proċedura ta' sospensjoni ta' ħlas, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li twassal għal għajnuna mill-Istat.

21     Ir-raġunament tal-Kummissjoni, li l-fatt li l-impriżi bbenefikaw minn ftehim li jgħinuhom ikomplu fl-attivitajiet tagħhom minkejja li l-kredituri pubbliċi setgħu jwasslu għall-istralċ immedjat tagħhom jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li kull proċedura ta' sospensjoni ta' ħlas tinvolvi elementi ta' għajnuna u li l-proċeduri ta' prevenzjoni ta' falliment stabbiliti mill-Istati Membri huma fihom infushom kuntrarji għar-regoli Komunitarja dwar għajnuna mill-Istat.

22     Il-Gvern Spanjol isostni wkoll li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni la wriet u lanqas allegat li l-ftehim konklużi mill-kredituri pubbliċi ma' GEA u VANOSA kienu differenti jew aktar vantaġġużi minn dawk normalment konklużi fil-proċeduri ta' sospensjoni ta' ħlas.

23     Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni tenfasizza li mhumiex il-ftehim ta' maħfra u ta' skedar mill-ġdid ta' djun fir-rigward tal-kredituri pubbliċi fihom infushom li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, iżda hija l-passività tas-sigurtà soċjali u ta' l-aġenzija tat-taxxa wara l-konklużjoni ta' dawn il-ftehim. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, f'din il-kawża, il-Kummissjoni qatt ma sostniet li l-imsemmija ftehim iwasslu għal għajnuna mill-Istat.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24     L-Artikolu 87(1) KE jiddefinixxi l-għajnuniet mill-Istat li huma rregolati mit-Trattat KE bħala għajnuniet mogħtija mill-Istat jew permezz ta' riżorsi ta' Stat taħt kwalunkwe forma li jkunu, li jwasslu għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn dawn jeffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat, skond din id-dispożizzjoni, huwa aktar wiesa' minn dak ta' sussidju peress li jinkludi mhux biss l-għotjiet pożittivi bħalma huma s-sussidji stess iżda wkoll l-interventi li, taħt diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment huma inklużi fil-baġit ta' impriża (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta' Frar 196, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1, 39; tal-15 ta' Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 13; tad-29 ta' Ġunju 1999, DM Transport, C-256/97, Ġabra p. I-3913, punt 19, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-5/01, Ġabra p. I-11991, punt 32).

25     F'dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-konklużjoni tal-ftehim ta' maħfra tad-djun u ta' skedar mill-ġdid konklużi ma' GEA u VANOSA. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, il-Kummissjoni ma tasalx għall-konklużjoni li teżisti għajnuna mill-Istat minħabba l-konklużjoni ta' tali ftehim mal-kredituri pubbliċi fil-kuntest ta' proċedura ta' sospensjoni ta' ħlas.

26     Fil-motivi u fil-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fil-fatt tirreferi, b'mod espliċitu, għan-nuqqas kontinwu taż-żewġ impriżi milli jħarsu l-obbligi tagħhom li jħallsu t-taxxa u s-sigurtà soċjali. Skond id-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari l-punti 44 u 47 tal-motivi tagħha, huwa l-vantaġġ li jirriżulta min-nuqqas ta' ħlas sistematiku tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet soċjali ta' l-anqas bejn Jannar 1997 u Jannar 2001, jiġifieri matul perijodu kemm qabel kif ukoll wara d-dikjarazzjoni ta' sospensjoni ta' ħlas u l-konklużjoni tal-ftehim, li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Dan il-vantaġġ jirriżulta min-nuqqas ta' l-awtoritajiet kompetenti li jibdew proċeduri ta' eżekuzzjoni separati sabiex jevitaw li ż-żewġ impriżi jkomplu l-attivitajiet tagħhom, b'mod partikolari wara l-konklużjoni tal-ftehim, mingħajr ma jirrispettaw l-obbligi ta' taxxa u ta' sigurtà soċjali tagħhom, b'mod partikolari, mingħajr ma jħallsu d-djun inkorsi wara s-sospensjoni tal-ħlas u mhux inklużi fil-maħfriet u fl-iskedar mill-ġdid previsti fil-ftehim. Fil-punt 53 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, hemm ippreċiżat li, b'din l-attitudni, il-kredituri pubbliċi ma aġixxewx bħal kredituri privati li jkunu qed jippruvaw jirkupraw ta' l-anqas parti żgħira mit-taxxi u mill-kontribuzzjonijiet dovuti.

27     Konsegwentement, peress li huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontesta, l-ewwel motiv tal-Gvern Spanjol għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq żball ta' fatt

 L-argumenti tal-partijiet

28     Il-Gvern Spanjol essenzjalment isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata bi żball ta' fatt peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Spanjoli baqgħu ma ħadu ebda azzjoni wara li s-sospensjoni ta' ħlas ta' GEA u ta' VANOSA ġiet iddikjarata f'Novembru 1997.

29     Kuntrarjament għal dak li huwa sostnut fid-deċiżjoni kkontestata, kemm is-sigurtà soċjali kif ukoll l-aġenzija tat-taxxa għamlu użu mill-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, b'mod partikolari ta' proċeduri ta' eżekuzzjoni separati, sabiex jassiguraw l-irkupru tad-djun inkorsi wara l-konlużjoni tal-ftehim ta' maħfra u ta' skedar mill-ġdid. Il-Gvern Spanjol jirreferi għall-azzjonijiet imsemmija fil-punt 10 ta' din is-sentenza.

30     Min-naħa l-oħra, skond il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Spanjoli ma wrewx diliġenza biżżejjed quddiem l-inosservanza, min-naħa ta' l-impriżi, ta' l-obbligi ta' taxxa u ta' sigurtà soċjali tagħhom. Is-sigurtà soċjali u l-aġenzija tat-taxxa fil-fatt baqgħu m'għamlu xejn wara l-konklużjoni tal-ftehim ta' maħfra u ta' skedar mill-ġdid fl-1998, u dan wassal għal żieda kunsiderevoli fid-djun sussegwenti.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31     Il-legalità ta' deċiżjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-informazzjoni li l-Kummissjoni setgħat ikollha għad-dispożizzjoni tagħha meta adottatha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16, u tas-26 ta' Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra p. I-4551, punt 33).

32     Għal dak li jikkonċerna l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġie rrilevat fil-punt 26 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna mill-Istat tirriżulta mill-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli ma bdewx proċeduri ta' eżekuzzjoni separati u ma aġixxewx bħal kredituri privati li jkunu qed jippruvaw jirkupraw ta' l-inqas parti żgħira mill-krediti tagħhom.

33     Madankollu, mill-ittri li l-partijiet bagħtu lil xulxin matul il-proċedura amministrattiva, jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli kienu indikaw li matul il-perijodu bejn Jannar 1997 u Jannar 2001, kienu ttieħdu passi sabiex tiġi rkuprata parti mill-krediti pubbliċi mingħand GEA u VANOSA u sabiex iwassluhom biex iħarsu l-obbligi tagħhom. Huwa minnu li l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kienet inqas kompluta minn dik ipprovduta mill-Gvern Spanjol f'dan ir-rikors u li xi drabi ma kinitx preċiża iżda, min-naħa l-oħra, din ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri previsti fil-leġiżlazzjoni Spanjola (proċeduri ta' eżekuzzjoni separati) sabiex jiġi evitat li l-impriżi jkomplu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ma jħarsu l-obbligi tagħhom li jħallsu t-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma kinux implementati u li għalhekk il-kredituri pubbliċi ma kinux aġixxew bħal kredituri privati li jippruvaw jirkupraw ta' l-inqas parti żgħira mill-krediti tagħhom.

34     Huwa minnu li, fir-risposta tagħhom għal talba tal-Kummissjoni sabiex tingħata informazzjoni, li wasslet għand din ta' l-aħħar fil-5 ta' Lulju 2001, l-awtoritajiet Spanjoli sempliċement semmew li l-proprjetà immobbli ta' GEA u ta' VANOSA kienet ġiet maqbuda mis-sigurtà soċjali, mingħajr ma ppreċiżaw id-data ta' dan il-qbid u mingħajr ma pprovdew informazzjoni dwar azzjonijiet possibbli mill-l-aġenzija tat-taxxa. Huwa fuq din il-bażi li, fl-ittra tagħha fejn informathom dwar il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni qalet preċiżament lill-awtoritajiet Spanjoli li huma ma kinux indikaw li kienu għamlu użu minn ċerti mezzi ġuridiċi disponibbli fid-dritt nazzjonali tagħhom, bħalma huma l-bidu tal-proċedura ta' falliment jew ta' proċeduri ta' eżekuzzjoni separati, sabiex iġibu fit-tmiem l-inosservanza, min-naħa ta' l-impriżi, ta' l-obbligi tagħhom li jħallsu s-sigurtà soċjali u t-taxxa.

35     Fir-risposta tagħhom, li wasslet għand il-Kummissjoni fl-4 ta' Diċembru 2001, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li, peress li GEA u VANOSA ma kinux irrispettaw il-ftehim ta' l-14 ta' April 1998, l-aġenzija tat-taxxa kienet annullathom fis-7 ta' Frar 2001 u kienu reġgħu bdew jittieħdu ċerti miżuri eżekuttivi. F'dan ir-rigward, huma elenkaw qbid ta' djun dovuti minn klijenti, ta' trade marks, ta' azzjonijiet tas-sussidjarji u ta' proprjetà immobbli. Huma indikaw ukoll li kienet saret ipoteka ta' l-ewwel grad fuq proprjetà immobbli. Din l-informazzjoni tista' tinftiehem li tfisser li l-proċeduri ta' eżekuzzjoni msemmija reġgħu nbdew biss wara l-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata li skada f'Jannar 2001. Iżda l-awtoritajiet Spanjoli għamlu wkoll riferiment għal rapport u għad-dokumentazzjoni tas-sigurtà soċjali annessi mar-risposta tagħhom, li jinkludu, fost l-oħrajn, dikjarazzjoni tal-proprjetajiet immobbli, tal-kontijiet tal-bank u tad-djun dovuti liż-żewġ impriżi minn impriżi oħra jew mit-Teżor li kienu ġew maqbuda. L-eżami ta' din id-dikjarazzjoni juri li ħafna mill-qbid ta' proprjetà, li kien beda bejn l-1993 u l-1996, reġa' tkompla bejn Ottubru 1997 u Novembru 1998, li fl-1 ta' Frar 2001 il-qbid ta' kont tal-bank ta' GEA kien ġie nnotifikat lill-bank ikkonċernat, fatt li jippresupponi li din il-miżura kienet qed tiġi ppreparata matul il-ġimgħat ta' qabel, u li, fid-9 ta' April 2001, ġie maqbud ukoll dejn dovut lit-Teżor.

36     Fid-dawl ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis b'mod ġenerali li "r-Renju ta' Spanja ma ħax il-miżuri previsti fil-leġiżlazzjoni Spanjola (proċeduri ta' eżekuzzjoni separati) sabiex jiġi evitat li l-impriżi jkomplu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom mingħajr ma jħarsu l-obbligi tagħhom li jħallsu t-taxxa u s-sigurtà soċjali", u minn dan tikkonkludi li "l-imġiba ta' l-Istat ma tippermetti bl-ebda mod li jiġi konkluż li huwa aġixxa bħal kreditur privat li jipprova jirkupra ta' l-inqas parti żgħira mit-taxxi u l-kontribuzzjonijiet dovuti".

37     Bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk jeżistux jew għajnuniet mill-Istat f'din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li n-"nuqqas ta' ħlas kontinwu ta' taxxi u ta' kontribuzzjonijiet soċjali minn [GEA u VANOSA] bejn id-dati meta l-ħlasijiet ġew sospiżi […] u Jannar 2001 [jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni]" hija bbażata fuq premessi żbaljati ta' fatt. Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi jew l-argumenti oħra invokati mill-Gvern Spanjol, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

38     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju ta' Spanja.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/935/KE, ta' l-14 ta' Mejju 2002, dwar għajnuna mogħtija favur il-Grupo de Empresas Álvarez hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Fuq