EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62000CJ0298

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tad-29 ta' April 2004.
ir-Repubblika Taljana vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Għajnuniet mogħtija mill-Istat - Motivi.
Kawża C-298/00 P.

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2004:240

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

29 ta’ April 2004 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Trasport ta’ merkanzija bit-triq – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni tal-kompetizzjoni – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi – Motivazzjoni”

Fil-Kawża C-298/00 P,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avukat ta’ l-Istat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Ir-Raba’ Awla Estiża) tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni (T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98, u T-23/98, Ġabra p. II‑2319), u intiża għall-annullament ta’ din is-sentenza,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Impresa Edo Collorigh et, irrappreżentati minn V. Cinque, avukat,

Mauro Alzetta et,

Masotti Srl et,

Impresa Anna Maria Baldo et,

SUTES SpA et,

Ditta Pietro Stagno et,

Ditta Carlo Fabris & C. Snc,

Ditta Franco D’Odorico,

Ditta Fiorindo Birri,

Ditta Maria Cecilia Framalicco,

Autotrasporti Claudio Di Viola & C. Snc,

u

Impresa Amedeo Musso,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn V. Skouris, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J.-P. Puissochet u R. Schintgen, u Macken (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: S. Alber,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

Rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjoni tal-partijiet fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2003,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2000, ir-Repubblika Taljana ppreżentat appell, skond l-Artikolu 49 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni (T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa T-607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Ġabra p. II‑2319, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”) li biha l-Qorti ċaħdet, parzjalment, it-talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 98/182/KE tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 1997, dwar l-għajnuna mogħtija mir-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia lill-impriżi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq ta’ dan l-istess reġjun (ĠU 1998, L 66, p. 18, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku u l-kuntest fattwali

 Il-kuntest ġuridiku

2         Il-kuntest ġuridiku tal-kawża ġie deskritt kif ġej fis-sentenza appellata:

“2       Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat imsemmiija fl-Artikoli 92 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE), 93 u 94 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 88 KE u 89 KE) japplikaw fil-qasam tat-trasport, b’riżerva dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ l-Artikolu 77 KE (li sar l-Artikolu 73 KE), li jiddikjaraw li dik l-għajnuna li tirrispondi għall-bżonnijiet ta’ koordinazzjoni tal-qasam tat-trasport jew jekk tirrappreżenta rimbors ta’ ċerti obbligi inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku hija konformi mat-Trattat.

3      Ir-Regolament (KEE) Nru 1107/70, tal-4 ta’ Ġunju 1970, dwar l-għoti ta’ għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 39) emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 543/97 tal-Kunsill tas-17 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 25), li huwa bbażat fuq l-Artikolu 75 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 71 KE) u l-Artikoli 77 u 94 tat-Trattat, jikkonferma, fl-Artikolu 2 tiegħu, li l-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat japplikaw fil-qasam ikkonċernat u jistabbilixxi wkoll ċerti regoli partikolari dwar l-għajnuna safejn din tirrigwarda speċifikament l-attività ta’ dan is-settur. Huwa jispjega wkoll iċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ koordinament jew jimponu obbligi inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku ma’ l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 77 tat-Trattat.

4      Fil-qasam tal-koordinament tat-trasport, l-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 1107/70 jawtorizza, sakemm jidħlu fis-seħħ ir-regoli Komunitarji dwar aċċess għas-suq tat-trasport, l-għajnuna moghtija eċċezzjonalment u temporanjament bl-iskop li tiġi eliminata, fil-kuntest ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni, kapaċità eċċessiva li tikkawża problemi strutturali serji, u wkoll tikkontribwixxi biex tissodisfa aħjar il-bżonnijiet tas-suq tat-trasport.

5      Fil-kuntest ta’ l-istabbiliment ta’ politika komuni tat-trasport, is-suq internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija bit-triq ġie parzjalment illiberalizzat, fil-Komunità, bl-introduzzjoni fl-1969 ta’ sistema ta’ kwoti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1018/68 tad-19 ta’ Lulju 1968, dwar l-istabbiliment ta’ kwota Komunitarja għat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn Stati Membri (ĠU L175, p. 13). Fl-1991 u 1992, per eżempju, il-kwota tal-Komunità kienet tammonta għal, rispettivament, 47 094 u 65 934 permess imqassam fost l-Istati Membri varji skond kriterji determinati. Il-permessi Komunitarji kienu jawtorizzaw lil dawk intitolati li jwettqu trasport fl-Istati membri għal perijodu ta’ sena. Din l-iskema baqgħet fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 1993, id-data li fiha dan is-settur ġie kompletament illiberalizzat bis-saħħa tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 881/92, tas-26 ta’ Marzu 1992, dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq fil-Komunità lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1 p. 370).

6      F’dak li jirrigwarda s-suq għat-trasport tal-merkanzija ġewwa Stat Membru, ir-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 4059/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, li jiffissa l-kundizzjonijiet li bihom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw trasport ta’ merkanzija ġewwa Stat Membru (ĠU L 390 p. 3), issuġġetta, b’effett mill-1 Lulju 1990, il-kabotaġġ, jiġifieri t-trasport ta’ merkanzija fi Stat Membru minn trasportatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, ghal skema tranżitorja taht forma ta’ kwota Komunitarja li progressivament tiġi miftuħa. Il-kwota inizjali kienet tikkonsisti f’total ta’ 15 000 permess ta’ kabotaġġ, li kienu validi għal perijodu ta’ xahrejn, imqassma bejn l-Istati Membri skond kriterji determinati. F’dan il-kuntest, ingħataw 1 767 permess lir-Repubblika Taljana. Ir-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru  3118/93, tal-25 ta’ Ottubru 1993, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ skariġġ bit-triq ġewwa Stat Membru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 103), ipprovda għall-kontinwazzjoni ta’ din l-iskema tranżitorja fil-forma ta’ kwota tal-Komunità inizjali totali ta’ 30 000 permess (inkluż 3520 għar-Repubblika Taljana) li kienu jiżdiedu bi 30 % kull sena sa l-introduzzjoni definittiva ta’ liberalizzazzjoni sħiħa ta’ attivitajiet ta’ kabotaġġ mill-1 ta’ Lulju 1998.”

 Il-kuntest fattwali

3        Il-fatti stabbiliti f’dan il-punt jirriżultaw minn konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata kif ġej:

“7       Il-Liġi Reġjonali Nru 28 tar-Regione Friuli-Venezia Giulia, tat-18 ta’ Mejju 1981, dwar intervent intiż lil jippromwovi u jiżviluppa t-trasport li jinteressa r-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia, kif ukoll it-trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem oħrajn (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 28/1981”) kienet tipprovdi, fl-Artikoli 4, 7 u 8 tagħha, għal miżuri ta’ għajnuna għal ċerti impriżi ta’ trasport f’isem oħrajn stabbiliti fit-territorju tar-reġjun.

8      L-iskema stabbilita b’din il-liġi ġiet issostitwita bil-Legge Regionale Nru 4, tas-7 ta’ Jannar 1985, dwar l-għajnuna għall-promozzjoni u l-iżvilupp tas-settur tat-trasport fir-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia, kif ukoll it-trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem oħrajn ([…] iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 4/1985”). Il-Liġi Nru 4/1985 stabbilixxiet, bis-saħħa ta’ l-Artikoli 4 sa 6 tagħha, skema ta’ għajnuna reġjonali identika għal dik li kienet twaqqfet bil-Liġi Nru 28/1981.

9      Dawn il-liġijiet kienu jipprevedu tliet miżuri favur l-impriżi ta’ trasport f’isem oħrajn bit-triq stabbiliti fit-territorju tar-Reġjun Friuli-Venezia Giulia:

a)      il-finanzjament annwali, għal perijodu ta’ mhux iktar minn għaxar snin, ta’ 60 % (għall-impriżi individwali) u ta’ 70 % (għall-kooperattivi u l-konsorzji) tar-rata ta’ referenza ffissata b’digriet ministerjali, ta’ l-interessi fuq self miksub fis-seħħ (Artikolu 4 tal-Liġijiet Nri 28/1981 u 4/1985):

–        tat-twettiq ta’ l-infrastruttura ta’ l-impriża (kostruzzjoni, xiri, tkabbir, akkwist u modernizzazzjoni ta’ l-bini meħtieġ għall-attività ta’ l-impriża, inkluż dak destinat għall-magazzinaġġ, il-ħażna u t-tqandil tal-merkanzija);

–        tax-xiri, ta’ l-iżvilupp u t-tiġdid ta’ l-apparat fiss u mobbli, kif ukoll tal-mezzi tat-trasport intern u bit-triq;

b)      il-finanzjament ta’ l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet ta’ hire purchase għal perijodu ta’ tlieta jew ħames snin għal-vetturi, trailers u semi-trailers ġodda u l-partijiet interkambjabbli tagħhom, adattati għall-attività ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq, kif ukoll għall-istallazzjonijiet, magni u apparat utilizzati għall-użu, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ vetturi u tal-manutenzjoni tal-merkanzija, sa’ mhux iktar minn 25 % (għall-impriżi individwali) u 30 % (għall-kooperattivi u l-konsorzji) tal-prezz tax-xiri ta’ dawn il-beni. Din l-għajnuna, prevista bl-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 28/1981 u bl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 4/1985, tnaqqset sa 20 %, għall-benefiċjarji kollha, u mbagħad għal 15 % tal-prezz tax-xiri ta’ dawn il-beni bl-liġijiet sussegwenti;

c)      il-finanzjament annwali, favur il-konsorzji u forom oħra ta’ assoċjazzjonijiet, sa’ mhux iktar minn 50 % ta’ l-investimenti ddestinati għall-kostruzzjoni jew għax-xiri ta’ stallazzjonijiet u l-apparat neċessarju sabiex jintlaħqu l-għan li jsir konsorzju jew ta’ l-assoċjazzjoni, jew iddestinati li jikkontribwixxu għall-ġestjoni jew għall-iżvilupp tas-servizzi komuni ta’ garage, żamma jew tiswija tal-vetturi, ta’ l-istallazzjonijiet jew tat-tagħmir li huma marbut magħhom (Artikolu 8 tal-Liġi Nru 28/1981 u Artikolu 6 tal-Liġi Nru 4/1985).

10      […] l-ammont tal-krediti previsti għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 4/1985, għall-perijodu mill-1985 sal-1995, żdied għal LIT 13 000‑il miljun (EUR 6.7 miljuni) u t-talbiet milqugha kienu 155. Bħala medja, il-livell ta’ għajnuna li ngħatat kien ta’ bejn 13 u 25 % ta’ l-ispejjeż u interessi fuq self. L-ammont previst għall-perijodu bejn l-1981 u l-1985 kien ta’ LIT 930 miljun (EUR 0.4 miljun) u ġew approvati 14-il talba matul dan il-perijodu (punt II tad-deċiżjoni kkontestata).

11      […] il-krediti previsti għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 4/1985 laħqu LIT 23 300 miljun (EUR 11.8 miljun) bejn l-1985 u l-1995, u ġew approvati  1 691 talba għal finanzjament, ghal medja ta’ 19 %. Fl-1993 ġew approvati 83 talba u l-medja ta’ għajnuna kienet ta’ 10 %. Mill-1981 sal-1985 ġew approvati 305 talba u tħallsu LIT 5 790 miljun (EUR 2.9 miljuni) f’għajnuna (punt II tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Skond l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej] mill-Gvern Taljan wara li nfetħet il-proċedura amministrattiva, l-għajnuna mħallsa b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 4/1985 kienet iddestinata għal investiment fis-settur tat-trasport kombinat (is-seba’ paragrafu tal-punt II tad-deċiżjoni kkontestata). Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (is-seba’ paragrafu tal-punt VIII) li din l-għajnuna kienet tirrappreżenta 10 sa 15 % ta’ l-għajnuna totali permessa.

[…]

16      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Frar 1997, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Taljan bid-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat kontra l-iskema ta’ għajnuna favur impriżi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem oħrajn, stabbilita bil-Liġijiet Nri 4/1985 u 28/1981 (ĠU 1997, C 98, p. 16). Hija stiednet lill-awtoritajiet Taljani u lit-terzi interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u jipproduċu d-dokumenti, informazzjoni u d-data neċessarji sabiex tkun tista’ tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni. Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan fit-3 ta’ April 1997 […].

17      Fit-30 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura billi adottat id-deċiżjoni kkontestata. […]”

4        Il-punt VI tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li, peress li l-għajnuna in kwistjoni kienet intiża li ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriżi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem oħrajn stabbiliti fir-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia (iktar ’il quddiem, ir-“Reġjun”), billi tnaqqas l-ispejjeż normali ta’ l-attività tagħhom, liema spejjeż kellhom jibqgħu jitħallsu minn impriżi kompetituri tagħhom barra r-reġjun, huma jibbenefikaw mill-ammont li ngħata lil dan is-settur partikolari, ħaġa li tista’ tipproduċi distorsjoni tal-kompetizzjoni.

5        L-ewwel nett, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni, fit-tielet sal-ħdax-il paragrafi tal-punt VII, fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, bejn is-suq ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali, fuq naħa, u dak ta’ transport bit-triq ta’ merkanzija fuq livell internazzjonali, min-naħa l-oħra. Hija tfakkar li, sakemm daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 4059/89, fl-1 ta’ Lulju 1990, is-suq ta’ l-ewwel ma kienx miftuħ għal kompetizzjoni Komunitarja. Konsegwentement, l-għajnuna mogħtija lill-impriżi li joperaw esklużivament fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali ma setgħatx taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju u għaldaqstant ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Min-naħa l-oħra, l-għajnuna mogħtija lill-imsemmija impriżi wara din id-data tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, peress li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

6        Għal dak li jirrigwarda t-trasport tal-merkanzija bit-triq fuq livell internazzjonali, il-Kummissjoni indikat, fir-raba’ paragrafu tal-punt III tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa kien miftuħ għal kompetizzjoni intra-Komunitarja mill-1969, id-data meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1018/68. Hija kkonkludiet, fl-aħħar paragrafu tal-punt VII, li l-għajnuna prevista bil-Liġijiet Nri 28/1981 u 4/1985 kienet qed issaħħah il-pożizzjoni finanzjarja, u b’hekk, il-possibbiltajiet ta’ azzjoni ta’ impriżi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem oħrajn tar-reġjun fil-konfront tal-kompetituri tagħhom wara l-1969, ta’ l-impriżi li jwettqu trasport internazzjonali, u għalhekk, minħabba dan il-fatt, seta’ jkollha effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. L-imsemmija għajnuna tikkostitwixxi għalhekk għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat u n-natura lokali, jew limitata tal-kompetizzjoni tat-trasportaturi reġjonali ma tistax teskludi l-applikazzjoni tiegħu.

7        Meta eżaminat, wara, fid-disa’ paragrafu tal-punt VIII tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din l-għajnuna hekk ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat tistax tibbenefika minn deroga, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna mogħtija b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tal-Ligi Nru 4/1985 għall-finanzjament ta’ materjal intiż għas-settur ta’ trasport kombinat tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni skond l-Artikolu 3(1)(e) tar-Regolament Nru 1107/70. Ebda waħda mid-derogi l-oħra previsti f’dan ir-regolament jew bit-Trattat ma setgħu jkunu applikabbli għal għajnuna oħra mogħtija mir-Reġjun.

8        Fl-aħħar nett, fl-aħhar paragrafu tal-punt VIII tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ġie ppreċiżat li l-għajnuna mogħtija bis-saħħa tal-Liġijiet Numri 28/1981 u 4/1985 lill-impriżi tat-trasport bit-triq tal-merkanzija fir-Reġjun li jeffettwaw trasport lokali, reġjonali jew nazzjonali b’effett mill-1 ta’ Lulju 1990, kif ukoll dawk li jeffettwaw trasport internazzjonali ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat. Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt IX ta’ l-imsemmija motivi, li peress li l-Gvern Taljan kien stabbilixxa l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni mingħajr ma osserva l-obbligu ta’ notifikazzjoni, din għandha titqies li hija illegali u huwa meħtieġ li din l-għajnuna tiġi rkuprata sabiex jiġu rristabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta eżistenti qabel l-għoti ta’ din l-għajnuna.

9        Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“L-Ewwel Artikolu

Is-sussidji mogħtija bis-saħħa tal-Liġijiet Nri 28/81 u 4/85 tar-reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia (iktar ’il quddiem, is-“sussidji”) qabel l-1 ta’ Lulju 1990 lil impriżi li jwettqu esklużivament trasport ta’ merkanzija fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat .

Artikolu 2

Is-sussidji li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat u huma illegali peress li ġew implementati bi ksur ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat .

Artikolu 3

Is-sussidji intiżi li jiffinanzjaw materjal speċifikament adattat għat-trasport kombinat u użat esklużivament għal trasport kombinat jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat imma huma kompatibbli mas-suq komuni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(1)(e) tar-Regolament (KEE) Nru 1107/70.

Artikolu 4

Is-sussidji mogħtija mill-1 ta’ Lulju 1990 lil impriżi li jeffettwaw trasport lokali, reġjonali jew nazzjonali kif ukoll lil dawk li jeffettwaw trasport internazzjonali huma inkompatibbli mas-suq komuni peress li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet mitluba mid-derogi previsti fl-Artikolu 92(2) u (3) tat-Trattat, u lanqas il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament (KEE) Nru 1107/70.

Artikolu 5

L-Italja għandha tħassar u tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 4. L-għajnuna għandha tiġi rkuprata skond id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, flimkien mal-interessi kkalkolati billi jiġu applikati r-rati ta’ referenza użati għall-evalwazzjoni ta’ l-iskemi ta’ għajnuna reġjonali, li jibdew jiddekorru mill-jum li fih tkun ingħatat l-għajnuna sad-data tar-rimbors effettiv.

[…]

Artikolu 7

Ir-Repubblika Taljana hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Reġjun, li kien issospenda l-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni mill-1 ta’ Jannar 1996, ħassar l-iskema ta’ għajnuna prevista mil-Liġi 4/1985 u ħa l-miżuri neċessarji sabiex jirkupra l-għajnuna li kienet diġà tħallset.

 Il-proċedura, it-talbiet u l-motivi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

11      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, bir-rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Diċembru 1997 (T-298/97), fil-11 ta’ Diċembru 1997 (T-312/97 u T-313/97), fis-16 ta’ Diċembru 1997 (T-315/97), fid-19 ta’ Diċembru 1997 (T-600/97 sa T-607/97), fit-2 ta’ Jannar 1998 (T-1/98), fil-5 ta’ Jannar 1998 (T-3/98 sa T-6/98) u fis-26 ta’ Jannar 1998 (T-23/98), uħud mill-impriżi li bbenefikaw mill-għajnuna in kwistjoni ppreżentaw rikorsi intiżi li jiksbu l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

12      B’digriet tal-President tar-raba’ awla mogħti fid-29 ta’ Settembru 1998, ir-Repubblika Taljana ġiet ammessa sabiex tintervjeni in sostenn ta’ l-impriżi atturi fl-ewwel istanza (iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti”).

13      Ir-Repubblika Taljana, barra minn hekk, ippreżentat, fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 1997, ir-rikors Nru C‑372/97, intiż prinċipalment għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, u sussidjarjament, sabiex hija tiġi annullata in kwantu biss hija, fl-Artikolu 5, obbligat lil dan l-Istat Membru jirkupra l-għajnuna li tħallset b’effett mill-1 ta’ Lulju 1990. Din il-proċedura ġiet sospiża, b’digriet tal-Qorti tal-24 ta’ Novembru 1998, sakemm tingħata s-sentenza appellata.

14      Bis-saħħa tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti talbu li prinċipalment id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata parzjalment, u sussidjarjament, li din tiġi annullata in kwantu biss din, fl-Artikolu 5, obbligat lir-Repubblika Taljana tirkupra l-għajnuna li tħallset mill-1 ta’ Lulju 1990, flimkien ma’ l-interessi. In sostenn tat-talbiet tagħhom invokaw sostanzjalment erba’ motivi ta’ annullament.

15      L-ewwel motiv għall-annullament kien ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta invokat is-sempliċi possibbiltà li s-suq bejn Stati Membri jiġi affettwat mingħajr ma wriet theddida konkreta u reali ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan il-każ, peress li l-ammont ta’ l-għajnuna in kwistjoni kien wieħed żgħir, u l-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom prinċipalment f’livell reġjonali, u li l-għajnuna kienet tiżvolġi funzjoni kumpensatorja, l-imsemmija għajnuna ma setgħetx titqies li kienet kapaċi li taffettwa s-suq bejn Stati Membri u lanqas li tgħawweġ il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lmentaw li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn motivazzjoni.

16      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan l-ewwel motiv u tat il-motivazzjoni indikata speċifikament fil-punti 76 sa 106 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, minnha jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ xi effett reali min-naħa ta’ l-għajnuna in kwistjoni fuq is-suq bejn Stati Membri u fuq il-kompetizzjoni, u li, min-naħa l-oħra, la l-ammont allegatament żgħir ta’ l-għajnujna, la d-daqs relattivament żgħir ta’ l-impriżi benefiċjarji, u lanqas il-fatt li dawn kienu jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq livell lokali ma kienu jippermettu l-konklużjoni li dik l-għajnuna ma kienx ser ikollha effett fuq is-suq u fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Barra minn hekk, il-motiv dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ġie wkoll miċħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza, għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet indikat b’mod qasir imma ċar ir-raġunijiet għalfejn din l-għajnuna kienet ta’ natura tali li taffettwa s-suq fl-Istati Membri u kienet tgħawweġ il-kompetizzjoni.

17      It-tieni motiv ta’ annullament invokat mir-rikorrenti kien ibbażat, minn naħa, fuq ksur min-naħa tal-Kummissjoni ta’ l-Artikolu 92(3)(a) u (ċ) tat-Trattat u ta’ l-Artikolu 3(1)(d) tar-Regolament Nru 1107/70, in kwantu dan jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet derogatorji previsti f’dawn l-artikoli, u min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

18      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-tieni motiv billi qieset, fil-punti 124 sa 135 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx titqies li wettqet żball ta’ liġi fuq dan il-punt, u lanqas ma kienet nieqsa minn motivazzjoni.

19      It-tielet motiv ta’ annullament invokat mir-rikorrenti jgħid li, peress li l-għajnuna in kwistjoni kienet ġiet introdotta b’liġi li daħlet fis-seħħ qabel ma ġie lliberalizzat is-settur tat-trasport, ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, imma kellha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti.

20      Il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet dan il-motiv, biss safejn tirreferi għall-għajnuna li ngħatat lil impriżi li kienu jeżerċitaw esklużivament trasport fuq livell lokali, reġjonali, jew nazzjonali, u ċaħditha safejn tikkonċerna l-għajnuna mogħtija lis-settur ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq. Ir-raġunijiet li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-konklużjoni tagħha huma dawn li gejjin:

“142  Skond ġiurisprudenza stabbilita, l-għajnuna stabbilita qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat jew qabel ma l-Istat Membru kkonċernat issieħeb fil-Komunità Ewropea, u l-għajnuna li ddaħħlet fis-seħħ regolarment b’implementazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat huma għajnuna eżistenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C 387/92, Ġabra p. I‑877, punt 19, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C 295/97, Ġabra p. I‑3735, punt 48).

143       Bl-istess mod, skema ta’ għajnuna introdotta f’suq li qabel kien magħluq għall-kompetizzjoni għandha titqies, wara l-liberalizzazzjoni ta’ dak is-suq, li hija skema ta’ għajnuna eżistenti, safejn hija ma kinitx, fil-mument ta’ l-introduzzjoni tagħha, taqa’ fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, li japplika esklużivament għas-setturi miftuħa għall-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kundizzjonijiet esposti fit-test ta’ dan l-artikolu, dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u r-riperkussjonijiet fuq il-kompetizzjoni.

[…]

145       F’dan il-każ, peress li s-settur ta’ trasport internazzjonali bit-triq ta’ merkanzija kien infetaħ għall-kompetizzjoni bis-saħħa tar-Regolament Nru 1018/68 mill-1969, l-iskemi ta’ għajnuna in kwistjoni, li daħlu fis-seħħ fl-1981 u 1985, kienu jiksru sa mill-bidu l-artikolu 92(1) tat-Trattat u għalhekk għandhom jitqiesu li huma skemi ta’ għajnuna ġodda suġġetti, għal dan il-għan, għall-obbligu ta’ notifikazzjoni skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat.

146       Bil-kontra, safejn is-suq ta’ kabotaġġ ġie lliberalizzat bis-saħħa tar-Regolament Nru 4059/89 biss mill-1 ta’ Lulju 1990, l-iskemi ta’ għajnuna in kwistjoni ma kinux, fil-mument ta’ l-introduzzjoni tagħhom fl-1981 u l-1985, u sa fejn jirrigwarda l-għajnuna mogħtija lis-settur ta’ trasport lokali, reġjonali jew nazzjonali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

147       Isegwi minn dan kollu li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi li kienu jeffettwaw biss dan it-tip ta’ trasport għandha tiġi klassifikata bħala għajnuna eżistenti u għandha tkun biss is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li jkollha effett għall-futur.

148       Fil-fatt, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 93(1) u (2) tat-Trattat u skond il-prinċipju ta’ ċertezza legali, fil-kuntest tal-istħarriġ kontinwu ta’ l-għajnuna eżistenti, il-Kumissjoni biss għandha s-setgħa li timponi t-tneħħija jew il-modifika ta’ għajnuna bħal din fit-terminu li hija tiddetermina. Din l-għajnuna tista tingħata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx iddikjaratha inkompatibbli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1992, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C 47/91, Ġabra p. I‑4145, punti 23 u 25, u Banco Exterior de España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

[…]

150      Id-deċiżjoni kkontestata għandha, għaldaqstant, tiġi annullata safejn, fl-Artikolu 2 tagħha, iddikjarat illegali l-għajnuna mħallsa mill-1 ta’ Lulju 1990 lill-impriżi li jaħdmu esklużivament fil-qasam ta’ trasport lokali, reġjonali jew nazzjonali, u safejn, fl-Artikolu 5 tagħha, ordnat li din l-għajnuna għandha tiġi rkuprata.”

21      Ir-raba’ motiv invokat mir-rikorrenti huwa bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li għalih jirreferi l-Artikolu 5 ta’ l-istess deċiżjoni, filwaqt li jipprovdi għall-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mat-Trattat, jiddikjara, b’mod inekwivoku, l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna mħallsa mill-1 ta’ Lulju 1990, data li tapplika mhux biss għall-għajnuna mogħtija lil impriżi involuti biss fit-trasport lokali, reġjonali jew nazzjonali, iżda wkoll għal dawk li jeffettwaw it-trasport bit-triq ta’ merkanzija fuq livell internazzjonali. Huma jilmentaw li l-Kummissjoni injorat kemm il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna.

22      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll dan il-motiv u tat il-motivazzjoni esposta fil-punti 162 sa 177 tas-sentenza appellata, li hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-għajnuna mogħtija lil impriżi li jeffettwaw biss xogħol ta’ trasport lokali, reġjonali jew nazzjonali mill-1 ta’ Lulju 1990, kif ukoll dik mogħtija lil impriżi li jwettqu xogħol ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali wara li daħlet fis-seħħ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni.

23      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċiediet wkoll li, peress li l-għajnuna in kwistjoni ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, u r-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ xi element konkret li kien jippermetti li wieħed jassumi li l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna mħallsa lil impriżi li jwettqu xogħol ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali għandu, fid-dawl ta’ l-effett li din l-għajnuna kellha fuq il-kompetizzjoni, natura manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet tat-Trattat, u lanqas xi ċirkustanza ta’ natura eċċezzjonali li toħloq aspettattivi leġittimi tar-regolarità ta’ l-għajnuna mħallsa lill-imsemmija impriżi. Barra minn hekk, hija kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement motivata f’dan ir-rigward.

24       Id-dispożittiv tas-sentenza appellata jaqra kif ġej:

“1)      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni 98/182/KE tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Lulju 1997, rigward l-għajnuna mogħtija mir-reġjun tal-Friuli-Venezia Giula (l-Italja) lill-impriżi ta’ dak ir-reġjun li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq huwa annullat safejn jiddikjara illegali dik l-għajnuna li ngħatat mill-1 ta’ Lulju 1990 lil dawk l-impriżi li jeffettwaw esklużivament trasport lokali, reġjonali jew nazzjonali.

2)      L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni  98/182 huwa annullat safejn jobbliga lir-Repubblika Taljana tirkupra din l-għajnuna.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)       Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.”

 L-Appell

25      Permezz ta’ l-appell tagħha, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata in kwantu hija timponi l-obbligu ta’ rkupru tas-sussidji mogħtija, bl-interessi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tannulla s-sentenza appellata, jew sussidjarjament tannullaha safejn annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana u lill-Impresa Edo Collorigh et (iktar ’il quddiem, “Collorigh et”) li kienu fost ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, għall-ispejjeż.

27      Fin-nota tagħha b’risposta għar-rikors ta’ l-appell, Collorigh et titlob, fis-sustanza, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata safejn:

–        qieset inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija lill-impriżi li jeżerċitaw l-attività ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq li ngħataw bis-saħħa tal-Liġijiet Nri 28/1981 u 4/1985;

–        ikklassifikat bħala “għajnuna ġdida” s-sussidji mħallsa lil dawk l-impriżi li kienu eżerċitaw l-attività ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq bejn l-1981 u l-1995;

–        ordnat lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Taljana jirkupraw l-għajnuna allegatament illegali;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn imponiet l-obbligu ta’ rkupru tas-sussidji mogħtija, bl-interessi;

–        B’mod iktar sussidjarju, tannulla d-deċiżjoni kkontestata billi tillimita l-obbligu tal-ħlas lura billi tieħu in kunsiderazzjoni l-ammont żgħir tal-benefiċċju effettivament mogħti lill-impriżi kkonċernati u tal-piż fiskali li jaqa’ fuqhom.

 Fuq l-appell inċidentali

 L-argumenti tal-partijiet

28      Fl-appell inċidentali, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret kemm l-obbligu impost fuqha li tivverifika ex officio l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza, kif ukoll ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE), liema dispożizzjoni tistabbilixxi l-kriterju ta’ l-interess individwali. Skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddeċiedi li l-imsemmija rikorsi kellhom jiġu ddikjarati inammissibbli fin-nuqqas ta’ interess individwali peress li r-rikorrenti ma setgħux jinvokaw la l-kwalitajiet partikolari għalihom u lanqas sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull benefiċjarju ieħor, attwali jew potenzjali, ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

29      Meta tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija att ta’ portata ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li din ma tikkonċernax lir-rikorrenti individwalment, li huma impriżi li ma għandhom u li ma jistgħu jinvokaw l-iċken element speċifiku li jiddistingwihom minn impriżi kkonċernati oħra u li ma jkunux ipparteċipaw fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali in kwistjoni. B’mod iktar preċiż, din id-deċiżjoni ma effettwatx xi drittijiet speċifiċi ta’ dawn ir-rikorrenti, differenti minn dawk ta’ impriżi l-oħra li bbenefikaw minn din l-għajnuna.

30      Skond il-Kummissjoni, din l-analiżi hija kkonfermata mill-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il-Kummissjoni, 282/85, Ġabra p. 2469, u tat-2 ta’ Frar 1988, Van Der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219) u ma hijiex imdgħajfa bis-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni (C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I‑8855). B’mod partikolari, l-impriża involuta fil-kawża li wasslet għal din l-aħħar sentenza kienet tinsab f’pożizzjoni differenti, għaliex hija mhux biss ġiet affettwata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni bħala impriża potenzjalment benefiċjarja ta’ l-iskema ta’ għajnuna, “imma wkoll fil-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individuali mogħtija bis-saħħa ta’ din l-iskema u li tagħha l-Kummissjoni ordnat l-irkupru”.

31      Il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li, l-ewwel nett, l-ordni ta’ rkupru ta’ l-għajnuna diġà mħallsa tikkostitwixxi biss wieħed mill-aspetti tad-deċiżjoni kkontestata, li tkompli tikkonċerna lill-benefiċjarji kollha, inklużi dawk li huma benefiċjarji potenzjali biss. Hija ssostni mbagħad li l-eżistenza effettiva ta’ obbligu impost fuq kull impriża li tirrimborsa l-għajnuna li tkun irċeviet tista’ tiġi ddeterminata biss wara verifiki kumplessi. Fl-aħħar nett, jekk ir-rikorsi kollha ta’ l-impriżi li bbenefikaw mill-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ l-iskemi dikjarati illegali u inkompatibbli mas-suq komuni u fejn l-irkupru jkun ġie ordnat b’deċiżjoni tal-Kummissjoni jkollhom jiġu ddikjarati ammissibbli sabiex jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-każ li l-imsemmija impriżi ma jkunux ippreżentaw rikors, kull rinviju preliminari li jikkonċerna l-irkupru ta’ din l-għajnuna għandu jitqies li huwa inammissibbli (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, Ġabra p. I‑833, punti 25 u 26). Hija tqis li l-effett pervers ta’ sitwazzjoni bħal din ikun li tobbliga lill-impriżi benefiċjarji jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-terminu qasir iffissat għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, qabel ma jkunu jafu jekk, skond il-liġi nazzjonali, huma jkunu ser jintalbu effettivament jirrimborsaw l-għajnuna li jkunu rċevew, liema effett iġib ir-riskju li jdgħajjef il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ l-imsemmija impriżi.

32      Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aggravju dwar l-inammissibbiltà huwa aggravju ta’ ordni pubbliku. Barra minn hekk, la darba l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tivverifika ex officio jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkonċernax lir-rikorrenti individwalment, il-Qorti tal-Ġustizzja għanda tissanzjona l-ksur ta’ dan l-obbligu. Sussidjarjament, il-Kummissjoni qegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina hija stess il-kwistjoni ta’ l-amissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ta’ l-aħħar tista’ tiċħad dawn ir-rikorsi bħala inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33      L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni abbandunat it-talbiet sussidjarji tagħha sabiex is-sentenza appellata tiġi annullata safejn annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata.

34      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 173 tat-Trattat, li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti Komunitarji, jipprevedi li kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, ksur ta’ l-imsemmi Trattat jew ta’ kull regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, jew ukoll minħabba abbuż ta’ poter, kontra d-deċiżjonijiet li tagħhom dik il-persuna tkun id-destinatarja, u kontra d-deċiżjonijiet li, għalkemm meħuda taħt is-sembjanza ta’ regolament jew ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tikkonċerna lilha direttament u individwalment.

35      Jekk persuna fiżika jew ġuridika ma tkunx ikkonċernata individwalment minn deċiżjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħaġa li hija rekwiżit essenzjali biex ikollha l-locus standi fil-kuntest ta’ rikors intiż li jikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ att Komunitarju, tali rikors huwa inammissibbli u din l-inammissibbiltà tikkostitwixxi, konsegwentement, motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u għandu, jitqajjem ex officio mill-Qorti Komunitarja (ara, fir-rigward ta’ nuqqas ta’ locus standi ta’ parti li tressaq jew li tippreżenta appell, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni, C-19/93 P, Ġabra p. I‑3319, punt 13).

36      Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzahom b’mod simili għal dak tad-destinatarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; tat-2 ta’ April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni, C-321/95 P, Ġabra p. I‑1651, punti 7 u 28, kif ukoll L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

37      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala regola ġenerali, impriża ma tistax tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk hija tkun ikkonċernata biss minn din id-deċiżjoni minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur in kwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali ta’ l-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ l-impriża rikorrenti, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u li tinvolvi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt (sentenzi Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15; tas-7 ta’ Diċembru 1993, Federmineraria et vs Il-Kummissjoni, C-6/92, Ġabra p. I‑6357, punt 14, kif ukoll L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

38      Madankollu, għandha titfakkar il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tad-deċiżjoni 98/95/KE tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 1997, dwar għajnuna mogħtija mir-Regione Sardegna (l-Italja) lis-settur tan-navigazzjoni f’Sardegna (ĠU 1998, L 20, p.30), li fiha obbligat lir-Repubblika Taljana tirkupra minn kull benefiċjarju s-self u l-krediti ta’ kiri in kwistjoni l-elementi ta’ għajnuna li kellhom. Fil-fatt, fil-punti 34 u 35 ta’ l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-impriża Sardegna Lines ma kinitx ikkonċernata mid-deċiżjoni in kwistjoni f’din il-kawża biss fil-kwalità tagħha ta’ impriża fis-settur tan-navigazzjoni f’Sardegna, benefiċjarja potenzjali ta’ l-iskema ta’ għajnuna lill-proprjetarji ta’ bastimenti Sardi, imma wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, hija kienet individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din ta’ l-aħħar kien ammissibbli.

39      Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, dan huwa preċiżament li ġara fil-każ preżenti, peress li r-rikorrenti tinsab f’pożizzjoni differenti minn dik ta’ applikanti li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha n-natura ta’ miżura ta’ portata ġenerali. Fil-fatt, dawn ir-rikorrenti mhumiex affettwati bid-deċiżjoni kkontestata biss in kwantu huma impriżi involuti fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-reġjun, li huma potenzjalment benefiċjarji ta’ l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, imma wkoll fil-kwalità tagħhom ta’ benefiċjarji effettivi ta’ għajnuna partikolari mħallsa bis-saħħa ta’ din l-iskema u li tagħha l-Kummissjoni ordnat l-irkupru. Hekk kif jirriżulta wkoll mill-punti 10 u 11 tas-sentenza appellata, in-numru ta’ talbiet approvati, u l-ammont ta’ krediti għall-għajnuna in kwistjoni bejn l-1981 u l-1985, kif wkoll bejn l-1985 u l-1995 kienu ġew ippreċiżati fil-punt II tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, u l-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant tinjora l-eżistenza ta’ l-imsemmija benefiċjarji effettivi.

40      Peress li jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, f’dan il-każ, ir-rikorsi ta’ l-appellanti kienu ammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ma qajmitx ex officio l-inammissibbiltà abbażi tal-fatt li l-appellanti ma kinux individwalment affettwati bid-deċiżjoni kkontestata.

41      Isegwi li l-appell inċidentali tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-mertu

42      In sostenn ta’ l-appell tagħha, ir-Repubblika Taljana tqajjem żewġ aggravji. Fl-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni essenzjalment li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Fl-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, hija tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fit-tieni u t-tielet partijiet ta’ l-istess aggravju, hija ssostni li huwa b’riżultat ta’ żball ta’ evalwazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi li jwettqu t-trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali (iktar ’il quddiem, l-“għajnuna in kwistjoni”) kellha xi effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni u għandha, konsegwentement, titqies li hija skema ta’ għajnuna ġdida, u għalhekk suġġetta għall-obbligu ta’ notifikazzjoni previst fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat. Fir-raba’ parti ta’ l-istess aggravju, hija ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti għal dak li jirrigwarda l-effett ta’ l-għajnuna in kwistjoni fuq il-kummerċ imsemmi. Fit-tieni aggravju, li jirrigwarda t-talba għal rimbors ta’ l-imsemmija għajnuna, ir-Repubblika Taljana tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ evalwazzjoni kif ukoll kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel aggravju

 Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat

–       L-argumenti tal-partijiet

43      Ir-Repubblika Taljana, kif ukoll Collorigh et, isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 92(1) tat-Trattat ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv fis-sens li jitlob l-effett reali u konkret ta’ l-għajnuna li għaliha japplika dak l-artikolu fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Huma jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tinterpreta dan l-artikolu fis-sens li huwa jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi u tippreċiża konkretament jekk xi impriżi sofrewx dannu u, jekk ikun il-każ, kemm minnhom ġew affettwati.

44      Għall-kuntrarju, skond il-Kummissjoni hija ma kinitx marbuta, bħal ma kinitx marbuta l-Qorti tal-Prim’Istanza, tivverifika jekk il-miżuri ta’ għajnuna kkaġunawx, fil-fatt, preġudizzju lil impriżi Komunitarji oħra. Dan l-eżami mhux mitlub la mis-sens litterali ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat, li jirreferi sempliċement għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, u lanqas mill-ispirtu ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, ikun kważi impossibbli li jitwettaq eżami simili, b’mod partikolari fis-swieq frammentati li huma karatterizzati mill-preżenza ta’ numru kbir ta’ operaturi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 92(1) KE tat-Trattat jiddefinixxi l-għajnuna li hija rregolata minn dan l-istess artikolu bħala l-għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri.

46      Ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti mit-Trattat ivarjaw skond jekk l-għajnuna hijiex għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida.

47      Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna eżistenti, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 93(1) u (2) tat-Trattat u in konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fil-kuntest tal-monitoraġġ kontinwu ta’ l-għajnuna, jekk, wara li tagħti żmien lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonjiet tagħhom, il-Kummissjoni tikkonstata li xi għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 92 ta’ l-imsemmi Trattat, jew li dik l-għajnuna tkun ingħatat b’mod abbużiv, hija għandha tiddeċiedi li dak l-Istat partikolari għandux iwaqqafha jew jimmodifikaha f’terminu li hija tiffissa. Tali għajnuna tista’ għalhekk tingħata regolarment sakemm il-Kummissjoni ma tkunx sabet li hija inkompatibbli (ara s-sentenza, iċċitata iktar ’il fuq, L-Italja vs Il-Kummissjoni, punti 23 u 25, u Banco Exterior de España, punt 20).

48      Għal dak li jirrigwarda għajnuna ġdida, l-Artikolu 93(3) tat-Trattat jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiġi informata, fi żmien utli sabiex hija tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar proġetti li jkunu intiżi li jintroduċu tali għajnuna. Hija għandha mbagħad twettaq l-ewwel eżami tal-proġett ta’ għajnuna. Jekk, fit-tmiem ta’ tali eżami, hija tħoss li dan il-proġett ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha tiftaħ minnufih il-proċedura ta’ l-eżami kontradittorju previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. F’dan il-każ, l-Istat Membru interessat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali. L-għajnuna ġdida tiġi għalhekk suġġetta għal verifika preventiva minn naħa tal-Kummissjoni, u ma tistax sadanittant tiġi implementata sakemm tiġi ddikjarata kompatibbli mat-Trattat.

49      Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-għajnuna ġdida li għandha tiġi nnotifikata lilha bis-saħħa ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, qabel ma tiġi implementata, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tistabbilixxi l-effett reali ta’ din l-għajnuna fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u fuq il-kompetizzjoni, iżda għandha tistabbilixxi jekk l-istess għajnuna tistax taffettwa l-kummerċ. Jekk il-Kummissjoni jkollha tasal għad-deċiżjoni tagħha wara li jintwera x’ser ikun l-effett reali ta’ l-għajnuna li tkun diġà ingħatat, dan javvantaġġa lil dawk l-Istati Membri li jagħtu l-għajnuna bi ksur ta’ l-obbligu tan-notifikazzjoni prevista fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat għad-detriment għal dawk li jinnotifikaw l-għajnuna fl-istadju li fih din tkun għadha biss prospettata (sentenza ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Boussac Saint Frères”, C-301/87, Ġabra p. I‑307, punti 32 u 33).

50      Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit li xi impriżi Komunitarji sofrew xi dannu minħabba l-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Din l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq żball ta’ ligi mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-effett ta’ l-għajnuna in kwistjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni 

–       L-argumenti tal-partijiet

51      Ir-Repubblika Taljana u Collorigh et isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonkludi, b’mod partikolari fid-dawl ta’ ċerti elementi fil-proċess, li l-għajnuna in kwistjoni ma kellha ebda effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni. Fl-ewwel lok, minħabba l-fatt li, minn naħa, dik l-għajnuna rrappreżentat ammont globali żgħir wisq, u min-naħa l-oħra, it-trasportaturi bit-triq tar-reġjun jikkostitwixxu parti għal kollox marġinali fis-settur tat-trasport intra-Komunitarju, l-imsemmija għajnuna seta’ jkollha effett assolutament insinjifikanti. Fit-tieni lok, is-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali, ikkaratterizzat mill-kwoti u l-ftehim bilaterali, ma setax diġà jitqies li kien kompletament illiberalizzat. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha turi li l-kwota eżistenti ta’ l-Unjoni Ewropea fis-suq tat-trasport bit-triq internazzjonali ma kinitx ġiet eżawrita, kif kien il-każ hawnhekk. Fit-tielet lok, skond Collorigh et, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teskludi li l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni setgħet issaħħaħ il-qagħda finanzjarja ta’ l-impriżi li bbenefikaw minnha, peress li dik l-għajnuna kellha l-iskop li tikkumpensa l-kompetizzjoni eżerċitata minn operaturi Awstrijaki, Kroati u Slovakki.

52      Il-Kummissjoni tirrispondi li, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, intiża li tgħin mhux biss impriża unika, iżda settur sħih, b’mod partikolari meta l-istruttura tas-suq tkun ikkaratterizzata bil-preżenza ta’ numru kbir ta’ impriżi żgħar, għandha bilfors tħalli effett fuq is-suq. Hekk kif ġustament irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 86 tas-sentenza appellata, f’dan il-kuntest, l-effett ta’ għajnuna fiha nfisha anki relattivament żgħira fuq il-kompetizzjoni u fuq is-suq ma tistax tkun negliġibbli u tali għajnuna ma tistax titqies li hija ta’ importanza żgħira.

53      Min-naħa l-oħra, fis-settur tat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, kienet teżisti fl-Italja, anki qabel l-1969, ċerta kompetizzjoni bis-saħħa ta’ ftehim bilaterali konklużi mir-Repubblika Taljana. Fl-1981 u fl-1985, meta kienet ġiet stabbilita l-għajnuna in kwistjoni, l-obbligi Komunitarji kienu jippermettu lit-trasportaturi kollha, li kienu fil-pussess tal-liċenzji stabbiliti, li jistabbilixxu kwalunkwe relazzjoni ta’ traffiku bejn żewġ Stati Membri differenti, u kienu ħolqu jew saħħew relazzjoni kompetittiva bejn impriżi stabbiliti fl-Istati Membri differenti, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fil-punt 145 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, fuq dan l-istess punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ġustament indikat ir-raġunijiet li kienu wassluha tikkunsidra li l-vantaġġi li kienu ngħataw lill-impriżi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-importanza relattivament żgħira ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament modest ta’ l-impriża benefiċjarja ma jeskludux a priori l-possibbiltà li l-kummerċ bejn Stati Membri jiġi affettwat (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse”, C-142/87, Ġabra p. I‑959, punt 43; ta’ l-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 42, u ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans et Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 81). Għajnuna ta’ importanza relattivament żgħira min-natura tagħha stess taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri meta s-settur li fih topera l-impriża li tibbenefika minnha jkun għaddej minn kompetizzjoni qawwija (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs Il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punt 24, u tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 63).

55      Wara li kkonstatat li din il-ġurisprudenza kienet tapplika għall-każ in eżami, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet, minn naħa, iddeċidiet ġustament, fil-punti 84 u 86 tas-sentenza appellata, li d-daqs żgħir ta’ l-impriżi benefiċjarji u l-ammont relattivament żgħir ta’ għajnuna allokata ma kinux jippermettu li jiġi evitat kull effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ meta l-istruttura tas-suq tkun ikkaratterizzata, bħal fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, mill-preżenza ta’ numru kbir ta’ impriżi ta’ daqs żgħir. Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie rrilevat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 94 tas-sentenza appellata, minkejja li t-trasportaturi tar-reġjun kienu involuti ftit f’dan is-settur, tali natura limitata tal-kompetizzjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Hija kienet ikkonkludiet, fl-istess punt, li l-għajnuna in kwistjoni kienet issaħħaħ il-qagħda finanzjarja, u għalhekk, l-opportunitajiet ta’ l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem oħrajn meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u setgħet, minħabba f’hekk, taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

56      Peress li r-Repubblika Taljana ma invokat ebda element li jistabbilixxi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx osservat, fil-każ in eżami, il-prinċipji rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-argument li jirrigwarda l-effett ta’ l-għajnuna in kwistjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-kompetizzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

57      Fit-tieni lok, l-argument tar-Repubblika Taljana u ta’ Collorigh et, li jgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonkludi li s-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali, ikkaratterizzat bil-preżenza ta’ kwoti u ta’ ftehim bilaterali, ma setax diġà jitqies li kien kompletament illiberalizzat fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, u li, konsegwentement, l-għajnuna in kwistjoni ma setgħetx titqies li għandha effett fuq il-kompetizzjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

58      Fil-fatt, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1018/68, il-liċenzji Komunitarji, maħruġa lil trasportatur u li jistgħu jintużaw biss għal vettura waħda, kienu ngħataw, fil-limiti tal-kwoti nazzjonali, għal perijodu ta’ sena u li sa fejn huwa kkonċernat it-trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali, id-detenturi ta’ liċenzji fit-trasport bit-triq internazzjonali kienu awtorizzati, matul dawk il-perijodi ta’ validità, li jwettqu, b’dik il-vettura, u bla limitazzjoni, ġarr ta’ oġġetti bejn Stati Membri kif jgħażlu huma.

59      Kien għaldaqstant ġustament li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-iskemi ta’ kwoti li kienu fis-seħħ bejn l-1969 u l-1993 fis-suq ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq ippermettew li jiġi stabbilit stat ta’ kompetizzjoni effettiva fil-limiti tal-kwoti ffissati, li jista’ jiġi affettwat bl-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

60      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ukoll ġustament fil-punt 96 tas-sentenza appellata li, anki jekk wieħed iqis li l-kwoti tal-Komunità kienu ġew eżawriti, din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li wieħed jikkonkludi li l-għajnuna kkontestata ma kellha ebda effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni. Fil-fatt, fid-dawl ta’ l-għażla libera mogħtija mill-iskemi ta’ kwoti lid-detenturi ta’ liċenzji maħruġa mill-Komunità, rigward l-Istati Membri li fihom huma jistgħu jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali, l-eliminazzjoni ta’ dawk il-kwoti ma hija sejra tipprovdi, f’kull każ, l-ebda indikazzjoni dwar l-użu magħmul minnhom, inter alia għal tali trasport minn jew lejn l-Italja jew, u iktar preċiżament, ir-reġjun.

61      Fit-tielet lok, skond ġurisprudenza stabbilita sew, il-fatt li Stat Membru jipprova japprossima, permezz ta’ miżuri unilaterali, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’settur ekonomiku partikolari ma’ dawk prevalenti fi Stati Membri oħra ma jneħħix in-natura ta’ għajnuna ta’ dawn il-miżuri (sentenzi ta’ l-10 ta’ Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza, 6/69 u 11/69, Ġabra p. 523, punti 20 u 21, kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni C-6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 21).

62      Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna in kwistjoni ma setgħet tiġi ġġustifikata la mill-eżistenza ta’ rata ta’ skont ogħla fl-Italja u lanqas mill-kompetizzjoni minn operaturi bbażati fl-Awstrija, fil-Kroazja u fis-Slovenja. L-argument ta’ Collorigh et li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddikjara li l-iskema ta’ għajnuna saħħet il-pożizzjoni finanzjarja ta’ l-impriżi benefiċjarji, peress li l-għajnuna kienet iktar intiża li tikkumpensa għal dik il-kompetizzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.

63      Għalhekk, it-tieni parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-effett ta’ l-għajnuna in kwistjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u fuq il-kompetizzjoni, għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq żball fl-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni bħala għajnuna ġdida

–       L-argumenti tal-partijiet

64      Ir-Repubblika Taljana u Collorigh et jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 145 tas-sentenza appellata li tgħid li, peress li l-għajnuna in kwistjoni kienet, fil-mument ta’ l-introduzzjoni tagħha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, hija kellha, għalhekk, titqies li kienet skema ta’ għajnuna ġdida suġġetta bħala tali għar-rekwiżit ta’ notifikazzjoni skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonkludi li għajnuna bħal din, istitwita fl-1981 u l-1985 f’suq mhux kompletament illiberalizzat, kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti u għalhekk, eventwalment, setgħet tkun biss is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li jkollha effett għall-futur biss.

65      Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni ma tikkontestax l-interpretazzjoni ta’ l-għajnuna eżistenti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 142 u 143 tas-sentenza appellata, hija tenfasizza li dan jammonta għal aċċettazzjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett ta’ għajnuna eżistenti. Fi kwalunkwe każ, peress li l-għajnuna in kwistjoni kienet ġiet stabbilita fl-1981 u fl-1985 f’settur miftuħ għall-kompetizzjoni, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat u għandha titqies li hija għajnuna ġdida.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      F’dan il-każ, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà rrilevat, ġustament, fil-punt 5 tas-sentenza appellata, it-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq kien diġà parzjalment miftuħ għall-kompetizzjoni fil-Komunità mill-1969, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1018/68, u kompletament illiberalizzat mill-1 ta’ Jannar 1993.

67      Hija kkonkludiet, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna in kwistjoni saħħet il-pożizzjoni finanzjarja u għalhekk l-opportunitajiet ta’ l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija f’isem oħrajn fir-reġjun meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u setgħet, għalhekk, teffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

68      Din l-għajnuna, stabbilita fl-1981 u 1985, kienet għalhekk, fil-mument ta’ l-introduzzjoni tagħha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza, meta kkonstatat, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, li minħabba f’hekk l-għajnuna kellha titqies li kienet skema ta’ għajnuna ġdida u bħala tali, suġġetta għar-rekwiżit ta’ notifikazzjoni previst fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat, ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi.

69      Għalhekk, it-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata ta’ l-għajnuna in kwistjoni bħala għajnuna ġdida, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

70      F’dak li jirrigwarda r-raba’ parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fid-dawl ta’ l-effett ta’ l-għajnuna in kwistjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat fid-dettall, fil-punti 76 sa 106 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni qieset li tali għajnuna kienet x’aktarx ser taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u tgħawweġ il-kompetizzjoni.

71      Għalhekk, ir-raba’ parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

72      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ebda waħda mill-erba’ partijiet ta’ l-ewwel aggravju ma għandha tintlaqa’ u, għalhekk, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

73      Bit-tieni aggravju tagħha, li għandu tliet partijiet, ir-Repubblika Taljana tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata, li teżiġi l-irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni, flimkien ma’ l-interessi, hija konsistenti mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, interpretat b’mod żbaljat il-portata ta’ l-obbligu ta’ rkupru ta’ l-imsemmija għajnuna.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

74      Fl-ewwel parti tat-tieni motiv, Collorigh et isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonkludi li l-Kummissjoni naqset milli tipproduċi provi li jistgħu jiġġustifikaw li l-irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni kien raġonevoli, jew meħtieġ. Ir-Repubblika Taljana, min-naħa tagħha, issostni li għalkemm l-għajnuna kellha effett insinjifikanti fuq is-sitwazzjoni ta’ l-impriżi benefiċjarji, ir-rimbors ta’ l-istess għajnuna kien ser jirrappreżenta piż kbir ħafna għalihom li jista’ jirriżulta f’diżastru ekonomiku għal numru kbir minnhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      Skond ġurisprudenza stabbilita, ġustament imfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 169 tas-sentenza appellata, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz ta’ l-irkupru hija konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni ta’ l-illegalità tagħha. Għaldaqstant, l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment, bil-għan li jerġa’ jiġi stabbilit l-istatus quo ante ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li huwa miżura sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenzi Tubemeuse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-169/95, Ġabra p. I‑135, punt 47).

76      Bil-ħlas lura ta’ l-għajnuna, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li jkun gawda meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu fis-suq u b’hekk terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti qabel (ara s-sentenza ta’ l-4 ta’ April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-350/93, Ġabra p. I‑699, punt 22). Jirriżulta wkoll minn din il-funzjoni ta’ ħlas lura, li, bħala regola ġenerali, ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni ma tistax twarrab is-setgħa diskrezzjonali tagħha, irrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta titlob lill-Istat Membru jirkupra l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali peress li b’hekk hija sempliċement tkun qegħda tistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il‑Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 66, u tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I‑2289, punt 99).

77      Fir-rigward ta’ l-argument ta’ Collorigh et, li jgħid li r-rimbors ta’ l-għajnuna in kwistjoni, għall-impriżi benefiċjarji, jirrappreżenta piż kbir ħafna li jista’ tikkawża l-għibien mis-suq ta’ numru kbir minnhom, u b’hekk jikkawża kriżi serja kemm f’termini ta’ impjiegi kif ukoll fil-qasam soċjali, b’tali mod li l-irkupru jkun prattikament impossibbli, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi invokati minn Collorigh et ma jurux l-impossibblità ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Dan jirrigwarda biss diffikultajiet eventwali interni.

78      Issa, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-biża’ ta’ diffikultajiet interni ma tistax tiġġustifika li Stat Membru jonqos milli josserva l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Gunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C-404/97, Ġabra p. I-4897, punt 52, tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105, u tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-404/00, Ġabra p. I-6695, punt 55).

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonkludiet, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, li ma ġie prodott l-ebda element konkret li jippermetti l-preżunzjoni li l-obbligu ta’ rimbors ta’ l-għajnuna in kwistjoni għandu natura sproporzjonata meta mqabbel mal-għanijiet tat-Trattat.

80      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni aggravju, eċċepita mir-Repubblika Taljana, dwar il-kunsiderazzjoni żbaljata mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

–       L-argumenti tal-partijiet

81      Għalkemm ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, b’mod ġenerali, ma tippermettix lill-Istat Membru li jkun ta għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni li jinvoka l-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji biex jevita l-obbligu li jirkupra din l-istess għajnuna, hija ssostni, fit-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, li dan il-prinċipju jista’ jiġi rriformulat, b’mod partikolari f’każijiet fejn, bħal fil-każ preżenti, il-miżura tkun ġiet applikata fuq perijodu twil ħafna mingħajr ma ħadd ikun qajjem ebda oġġezzjoni u saħansitra kienet legali u konsistenti mat-Trattat għal ħafna żmien tul dan il-perijodu.

82      Ir-Repubblika Taljana ssostni, minn naħa, li l-limitazzjoni ratione temporis, mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ l-obbligu ta’ rkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni tista’ tkun iġġustifikata f’dan il-każ, peress li din hija għajnuna li kienet ilha tiġi pprovduta u mħallsa għal iktar minn erbatax-il sena fil-mument li nfetħu l-proċeduri mill-Kummissjoni, jiġifieri f’Novembru 1995 u, min-naħa l-oħra, li s-sentenza appellata hija reformatio in pejus ta’ din id-deċiżjoni, u b’hekk ma osservatx il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Huwa preċiżament biex jipprevjeni l-adozzjoni ta’ atti fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet legali u ekonomiċi kkonsolidati matul iż-żmien li l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi, ġustament, li s-setgħa ta’ intervent mill-Kummissjoni għall-irkupru ta’ għajnuna illegali huwa preskritt b’perijodu ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha dik l-istess għajnuna tkun ingħatat. Għalkemm din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża preżenti, hija tista’ tipprovdi kriterji utli sabiex tillimita raġonevolment il-perijodu li dwaru l-għajnuna in kwistjoni għandha tiġi rkuprata.

83      Collorigh et jallinjaw ruħhom ma’ din it-teżi, u jissottomettu li l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li tgħid li ma kien hemm l-ebda possibbiltà għall-impriżi benefiċjarji li jinvokaw ċirkustanzi eċċezzjonali, li setgħu jservu ta’ bażi leġittima ta’ l-aspettattivi tagħhom fil-legalità ta’ tali għajnuna, u, għalhekk, jikkontestaw l-irkupru ta’ dik l-istess għajnuna, hija żbaljata. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset ħafna elementi li jistgħu ċertament jiġu deskritti bħala ċirkustanzi eċċezzjonali.

84      Il-Kummissjoni tirrispondi li, fil-punti 172 u 173 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament irrifjutat li tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw li wieħed jifforma aspettattivi leġittimi dwar il-legalità ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

85      Issa, ir-Repubblika Taljana ma ressqet l-ebda argument konvinċenti biex tirribatti din il-konklużjoni. Fl-ewwel lok, fin-nuqqas ta’ kull terminu ta’ preskrizzjoni, l-allegazzjoni li l-miżuri kienu ġew applikati għal għaxar jew erbatax-il sena qabel ma l-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija mneżża’ minn kull sinjifikat u r-riferiment għall-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 huwa infondat. Wara, ikun żbaljat li wieħed isostni li l-miżura in kwistjoni kienet “legali u kompatibbli mat-Trattat għal perjodu twil ta’ żmien”. L‑imsemmija miżura, bil-kontra, qatt ma kienet legali peress li ma kinitx ġiet innotifikata. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni kellha l-opportunità li teżaminaha, qisitha inkompatibbli mas-suq komuni u d-deċiżjoni tagħha ġiet ikkonfermata mis-sentenza appellata li ma ġietx ikkritikata fuq dan il-punt. Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Taljana, din l-inkompatibbiltà ma seħħitx f’salt wieħed, iżda kkaratterizzat l-għajnuna in kwistjoni mid-data li fiha ġiet stabbilita.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

86      Għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li abbażi tagħhom seta’ jkollu aspettattivi leġittimi dwar il-legalità ta’ tali għajnuna, u biex, għalhekk, jopponi talba għal rimbors ċertament ma tistax tiġi eskluża. F’każijiet bħal dawn, hija l-qorti nazzjonali, li tista’ eventwalment tkun adita, li għandha tiddetermina, jekk ikun il-każ wara li tkun għamlet domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni lill-Qorti ta’ Ġustizzja, iċ-ċirkustanzi in kwistjoni (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-5/89, Ġabra p. I‑3437, punt 16, u tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 103).

87      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel ikkonstatat, fil-punt 172 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna in kwistjoni kienet ingħatat mingħajr ma kienet ġiet innotifikata minn qabel lill-Kummissjoni, kuntrarjament għall-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 93(3) tat-Trattat.

88      Wara, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonkludiet, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-impriżi benefiċjari huma impriżi żgħar ma jistax jiġġustifika li dawn seta’ jkollhom aspettattivi leġittimi dwar ir-regolarità ta’ tali għajnuna.

89      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Repubblika Taljana ssostni li minħabba li l-impriżi benefiċjarji kienu bbażaw ruħhom fuq ir-regolarità ta’ l-għajnuna mogħtija u mħallsa għal ħafna snin, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonkludi li dan il-perijodu twil wassal għal aspettattivi leġittimi minn naħa ta’ dawn il-benefiċjarji rigward l-irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni li, kif il-Qorti ta’ Ġustizzja diġà ddeċidiet, kien jiġġustifika limitu fuq id-dritt tal-Kummissjoni biex twettaq il-funzjoni tagħha, biżżejjed jingħad li tali perijodu ta’ preskrizzjoni jeħtieġ li jiġi stabbilit minn qabel, u d-dritt li jistabbilixxi tali perijodu ta’ preskrizzjoni u r-regoli ta’ implementazzjoni tiegħu jaqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il‑Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 21). Issa, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, dan ta’ l-aħħar kien għadu ma aġixxiex sabiex jiffissa terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam tal-kontroll ta’ l-għajnuna skond it-Trattat, u r-Regolament Nru 659/1999, li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999, ma japplikax għall-fatti tal-każ preżenti.

90      Madankollu, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-Kummissjoni tista’ ddewwem indefinittivament l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (ara s-sentenzi Geigy vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 20 u 21; u ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 140). F’dan ir-rigward, id-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni biex tiddeċiedi li għajnuna hija illegali u li għandha titneħħa u rkuprata minn Stat Membru jista’, taħt ċerti ċirkustanzi, joħloq aspettattivi fil-benefiċjarji ta’ l-għajnuna dwar in-natura leġittima u jservi biex jipprevjeni lill-Kummissjoni milli titlob lil Stat Membru biex jordna l-ħlas lura ta’ l-għajnuna (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, Ġabra p. 4617, punt 17). Madankollu, iċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienu eċċezzjonali u ma għandhom l-ebda xebħ ma’ dawk tal-każ preżenti. Fil-fatt, il-miżura in kwistjoni f’dik is-sentenza kienet tikkonċerna settur li, għal diversi snin, kien qed jirċievi għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni u li kienet maħsuba biex tlaħħaq mal-ispejjeż addizzjonali ta’ operazzjoni li kienet diġà rċeviet għajnuna awtorizzata (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-334/99, Ġabra p. I‑1139, punt 44).

91      Fi kwalunkwe każ, fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat mhux notifikata, tali dewmien jista’ jiġi attribwit lill-Kummissjoni biss minn meta hija tkun saret taf bl-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

92      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni saret taf bl-għajnuna in kwistjoni f’Settembru 1995. Fid-dawl, minn naħa, li għajnuna bħal din ma kinitx ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li s-sitwazzjoni kumplessa li fiha ngħatat l-għajnuna ma kinitx magħrufa minn din ta’ l-aħħar, kien għalhekk meħtieġ, qabel ma tieħu deċiżjoni, li hija twettaq investigazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żmien li għadda bejn Settembru 1995 u d-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri t-30 ta’ Lulju 1997, huwa raġonevoli. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward.

93      Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju, dwar il-portata ta’ l-obbligu ta’ irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

94      Fit-tielet parti tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li għalih jirreferi l-Artikolu 5 ta’ l-istess deċiżjoni, li jipprovdi għall-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mat-Trattat, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn għajnuna lill-impriżi involuti fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali u dawk involuti fit-trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali u li l-Artikolu 4 b’mod inekwivoku jsib l-inkonsistenza ta’ l-għotjiet kollha mħallsa mill-1 Lulju 1990 mir-reġjun. Għalhekk, il-prinċipju li, f’ċirkustanzi fejn il-parti operattiva ta’deċiżjoni hija ambigwa, huwa possibbli li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet ta’ l-istess sentenza ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.

95      Il-Kummissjoni tirrispondi li ma huwiex ċar jekk id-data tal-1 ta’ Lulju 1990, imsemmija fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, tirreferix biss għas-sussidji mogħtija lill-impriżi involuti f’attivitajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali jew jekk tapplikax ukoll għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi involuti fit-trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali. Madankollu, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat ġustament fil-punti 163 u 164 tas-sentenza appellata, il-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata jneħħu kull dubju f’dan ir-rigward u jiċċaraw li l-limitu temporali ta’ l-1 Lulju 1990 japplika biss għall-għajnuna mogħtija lill-ewwel kategorija ta’ impriżi u mhux ukoll lil dawk fit-tieni kategorija. Barra minn hekk, l-analiżi li wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 165 ta’ dik is-sentenza, li hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni tad-dispożittiv kollu tad-deċiżjoni kkontestata, jinvalida t-teżi tar-Repubblika Taljana.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Taljana, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, ġustament ikkonstatat li l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat b’mod ambigwu dwar il-ħtieġa ta’ rkupru, b’mod li jista’ jirreferi kemm għall-għajnuna in kwistjoni kollha mogħtija mill-introduzzjoni tagħha, kemm għall-għajnuna mogħtija mill-1 ta’ Lulju 1990 biss.

97      Fi kwalunkwe kaz, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 163 tas-sentenza appellata, telqet mill-prinċipju ġenerali li jgħid li d-dispożittiv ta’ att huwa indiviżibbli mill-motivazzjoni tiegħu, u jrid jigi interpretat, jekk hemm bżonn, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C-355/95 P, Ġabra p. I-2549, punt 21, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

98      F’dan ir-rigward, fil-punti 164 u 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, ikkonkludiet li, fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-aħħar paragrafu tal-punt VIII tagħha, l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għajnuna mogħtija taħt il-liġijiet 28/1981 u 4/1985 mill-1 ta’ Lulju 1990 lill-impriżi involuti fi trasport f’livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, u dawk mogħtija lill-impriżi involuti fit-trasport tal-merkanzija bit-triq internazzjonali mill-bidu ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni, huma inkompatibbli mas-suq komuni.

99      Min-naħa l-oħra, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li peress li din l-interpretazzjoni tirriżulta minn qari tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, din l-analiżi ma tfissirx li sar xi żball ta’ evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

100    Minn dan isegwi li t-tielet parti tat-tieni aggravju, dwar il-portata ta’ l-obbligu li l-għajnuna in kwistjoni tiġi rkuprata għandha tiġi miċħuda.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

102    Billi l-ebda wieħed miż-żewġ aggravji invokati mir-Repubblika Taljana in sostenn ta’ l-appell tagħha ma jista’ jiġi milqugħ, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(3) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet jitilfu kap wieħed jew iktar mill-appell rispettiv tagħhom. La darba r-Repubblika Taljana u Collorigh et tilfu l-appell tagħhom u l-Kummissjoni tilfet l-appell inċidentali tagħha, huwa xieraq li din il-Qorti tordna li kull waħda mill-partijiet tħallas l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell u l-appell inċidentali huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika ta’ l-Italja, Impresa Edo Collorigh et, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Skouris

Cunha Rodrigues

Puissochet

Schintgen

 

Macken

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ April 2004.

Reġistratur

 

       Il-President

R. Grass

 

       V. Skouris


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Fuq