Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1377

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1377 tal-4 ta’ Awwissu 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE ta’ Franza (notifikata bid-dokument C(2022) 5507) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/5507

    ĠU L 206, 8.8.2022, p. 51–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1377/oj

    8.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 206/51


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1377

    tal-4 ta’ Awwissu 2022

    li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE ta’ Franza

    (notifikata bid-dokument C(2022) 5507)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi (1) li tinxtered, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-Istati Membri, jew il-pajjiżi terzi jew ir-reġjuni tagħhom (il-pajjiżi jew ir-reġjuni) iridu jiġu kklassifikati skont l-istatus tagħhom tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) f’waħda minn tliet kategoriji kif ġej: riskju negliġibbli ta’ BSE, riskju kkontrollat ta’ BSE, u riskju indeterminat ta’ BSE.

    (2)

    L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li jekk l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) tqiegħed pajjiż applikant f’waħda mit-tliet kategoriji tal-BSE, tista’ tiġi deċiża valutazzjoni mill-ġdid tal-kategorizzazzjoni tal-BSE fil-livell tal-Unjoni.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (2) telenka l-istatus tal-BSE ta’ pajjiżi jew reġjuni skont ir-riskju tal-BSE tagħhom fil-Parti A, B jew C tal-Anness ta’ dak l-att. Il-pajjiżi jew ir-reġjuni elenkati fil-Parti A ta’ dak l-Anness jitqiesu li għandhom riskju negliġibbli ta’ BSE, dawk elenkati fil-Parti B tiegħu jitqiesu li għandhom riskju kkontrollat ta’ BSE, filwaqt li l-Parti C ta’ dak l-Anness tipprovdi li pajjiżi jew reġjuni mhux elenkati fil-Parti A jew B jridu jitqiesu li għandhom riskju indeterminat ta’ BSE.

    (4)

    Bħalissa Franza taqa’ fil-Parti B tal-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE taħt pajjiżi jew reġjuni b’riskju ikkontrollat ta’ BSE.

    (5)

    Fl-24 ta’ Mejju 2022, l-Assemblea Dinjija tal-OIE adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 15 dwar “ir-Rikonoxximent tal-Istatus ta’ Riskju tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina tal-Membri” (3), bil-għan ta’ dħul fis-seħħ fis-27 ta’ Mejju 2022 Dik ir-Riżoluzzjoni rrikonoxxiet lil Franza bħala li għandha riskju negliġibbli ta’ BSE, f’konformità mal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE. Wara valutazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li tirriżulta minn dik ir-Riżoluzzjoni tal-OIE Nu 15, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istatus ta’ BSE OIE ġdid ta’ Franza jenħtieġ li jiġi rifless fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE.

    (6)

    Għaldaqstant il-lista tal-pajjiżi jew ir-reġjuni fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jenħtieġ li tiġi emendata b’tali mod li Franza tiġi elenkata fil-Parti A tal-Anness taħt il-pajjiżi jew ir-reġjuni b’riskju negliġibbli ta’ BSE.

    (7)

    Għalhekk jinħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Awwissu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).

    (3)  https://www.woah.org/app/uploads/2022/05/a-r15-2022-bse-final-1.pdf


    ANNESS

    L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE huwa mibdul b’dan li ġej:

    “ANNESS

    LISTA TA’ PAJJIŻI JEW REĠJUNI

    A.   Il-pajjiżi jew ir-reġjuni b’riskju negliġibbli tal-BSE

    Stati Membri

    Il-Belġju

    Il-Bulgarija

    Iċ-Ċekja

    Id-Danimarka

    Il-Ġermanja

    L-Estonja

    L-Irlanda

    Spanja

    Franza

    Il-Kroazja

    L-Italja

    Ċipru

    Il-Latvja

    Il-Litwanja

    Il-Lussemburgu

    L-Ungerija

    Malta

    In-Netherlands

    L-Awstrija

    Il-Polonja

    Il-Portugall

    Ir-Rumanija

    Is-Slovenja

    Is-Slovakkja

    Il-Finlandja

    L-Iżvezja

    Reġjuni tal-Istati Membri  (*1)

    L-Irlanda ta’ Fuq

    Pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

    L-Iżlanda

    Il-Liechtenstein

    In-Norveġja

    L-Iżvizzera

    Pajjiżi terzi

    L-Arġentina

    L-Awstralja

    Il-Brażil

    Il-Kanada

    Iċ-Ċilì

    Il-Kolombja

    Il-Costa Rica

    L-Indja

    Iżrael

    Il-Ġappun

    Jersey

    In-Namibja

    New Zealand

    Il-Panama

    Il-Paragwaj

    Il-Perù

    Is-Serbja (*2)

    Singapore

    L-Istati Uniti

    L-Urugwaj

    B.   Il-Pajjiżi jew reġjuni b’riskju tal-BSE kkontrollat

    Stati Membri

    Il-Greċja

    Il-pajjiżi terzi

    Il-Messiku

    In-Nikaragwa

    Il-Korea t’Isfel

    It-Tajwan

    Ir-Renju Unit bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq

    C.   Il-pajjiżi jew reġjuni b’riskju indeterminat ta’BSE

    Il-pajjiżi jew ir-reġjuni li mhumiex elenkati fil-Partijiet A jew B.

    .

    (*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-iskopijiet ta’ dan l-Anness kwalunkwe referenza għall-Istati Membri tinkludi r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    (*2)  Kif imsemmi fl-Artikolu 135 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16)..”


    Top