Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0246

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 246/2013 tad- 19 ta’ Marzu 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 fir-rigward tal-iskrinjar tal-likwidi, tal-aerosols u tal-ġellijiet fl-ajruporti tal-UE Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 77, 20.3.2013, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/11/2015; Impliċitament imħassar minn 32015R1998

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/246/oj

    20.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 77/8


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 246/2013

    tad-19 ta’ Marzu 2013

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 fir-rigward tal-iskrinjar tal-likwidi, tal-aerosols u tal-ġellijiet fl-ajruporti tal-UE

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu.

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stipulati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 (2) li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, kif emendat, jistipula metodi, inklużi teknoloġiji għall-individwazzjoni ta’ splussivi likwidi, biex likwidi, aerosols u ġellijiet (LAGs) ikunu jistgħu jiddaħħlu f’żoni ristretti ta’ sigurtà u jittellgħu abbord l-inġenji tal-ajru.

    (3)

    Il-Kumissjoni tista’ tagħmel proposti għar-reviżjoni, partikolarment billi jitqiesu l-operabbiltà tat-tagħmir u l-faċilitazzjoni tal-passiġġieri u fid-dawl tar-Rapport (3) mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-iskrinjar ta’ sigurtà tal-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet fl-ajrurporti tal-UE. Il-Kummissjoni tqis bħala xieraq li jiddaħħal l-iskrinjar obbligatorju għall-isplussivi likwidi fir-rigward tal-bejgħ mill-ajruporti u t-trasportaturi bl-ajru ta’ LAGs issiġillati f’boroż tas-sigurtà li juru kull tbagħbis (STEBs), kif ukoll ta’ LAGs li għandhom jintużaw matul il-vjaġġ għal raġunijiet mediċi inkella bħala rekwiżit speċjali tad-dieta, inkluż l-ikel tat-trabi.

    (4)

    Il-Kummissjoni hija impenjata li telimina bis-sħiħ ir-restrizzjonijiet fuq il-ġarr ta’ likwidi, aerosols u ġellijiet. Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-iskrinjar minn Jannar 2014, il-Kummissjoni għandha tanalizza s-sitwazzjoni sa tmiem l-2014 u tiddefinixxi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet kollha kkonċernati, il-pass jew il-passi li jmiss biex jintlaħaq dan l-għan, jekk possibbli matul is-sentejn li jmiss wara l-ewwel pass.

    (5)

    Il-Kummissjoni għandha ssegwi mill-qrib l-iżvilupp teknoloġiku tas-sistemi għall-individwazzjoni ta’ splussivi likwidi bl-għan li possibbilment tippermetti lill-ajruporti jintroduċu, fil-futur, sistemi ta’ skrinjar li jkunu kapaċi jindirizzaw aktar theddid (bħal splussivi likwidi u solidi) b’mod effiċjenti fl-istess ħin u jissimplifikaw proċeduri ta’ ħruġ ta’ oġġetti mill-bagalji.

    (6)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta’ Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (4) għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT,

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 185/2010 qed jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Sat-30 ta’ Ġunju 2013, l-ajruporti jew l-entità responsabbli għall-iskrinjar għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet xierqa dwar l-istat tal-implimentazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw l-introduzzjoni u l-użu tat-tagħmir ta’ skrinjar tal-likwidi. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar dan lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Settembru 2013.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Punt 2 tal-Anness għandu japplika mill-31 ta’ Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

    (2)  ĠU L 91, 3.4.2009, p. 7.

    (3)  COM(2012) 404, 18.7.2012, mhux ippubblikat.

    (4)  ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1.


    ANNESS

    1.

    L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 185/2010 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-Kapitolu 4, għandu jiżdied il-punt (c) li ġej mal-punt 4.0.4:

    “(c)

    tagħmir ta’ sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi likwidi (LEDS) huwa tagħmir li kapaċi jindividwa materjali ta’ theddid li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-punt 12.7 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 774.”

    (b)

    Fil-Kapitolu 4, il-punt 4.1.3.4(g) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(g)

    inkiseb f’ajruport li jinsab f’pajjiż terz elenkat fid-Dokument Mehmuż 4-D, bil-kundizzjoni li l-LAG ikun issiġillat f’borża tas-sigurtà li turi kull tbagħbis (STEB) li fiha tintwera prova sodisfaċenti li nxtara f’żona tal-ajru f’dak l-ajruport fl-aħħar 36 siegħa. L-eżenzjonijiet previsti f’dan il-punt jistgħu jintużaw sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Jannar 2014.”

    (c)

    Fil-Kapitolu 4, jitħassru l-punt 4.1.3.1 u l-punt 4.1.3.2.

    (d)

    Fil-Kapitolu 12, il-punt 12.7.1.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “12.7.1.1.

    Tagħmir ta’ LEDS għandu jkunu kapaċi jindividwa u jindika, permezz ta’ allarm, kwantitajiet individwali speċifiċi jew ogħla ta’ materjali ta’ theddida fl-LAGs.”

    (e)

    Fil-Kapitolu 12, il-punt 12.7.2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “12.7.2.   Standards għal tagħmir ta’ Sistemi għall-Individwazzjoni tal-Isplussivi Likwidi (LEDS)

    12.7.2.1.

    Għandu jkun hemm tliet standards għat-tagħmir ta’ LEDS. Ir-rekwiżiti dettaljati dwar dawn l-istandards huma stabbiliti f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni separata.

    12.7.2.2.

    It-tagħmir ta’ LEDS kollu għandu jissodisfa l-istandard 1.

    It-tagħmir ta’ LEDS li jissodisfa l-istandard 1 jista’ jintuża sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Jannar 2016.

    12.7.2.3.

    L-istandard 2 għandu japplika għat-tagħmir kollu ta’ LEDS installat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    It-tagħmir kollu ta’ LEDS għandu jissodisfa l-istandard 2, b’mod effettiv, mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2016.”

    2.

    B’effett mill-31 ta’ Jannar 2014, l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 185/2010 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-Kapitolu 4, il-punt 4.1.2.2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “4.1.2.2.

    L-entità xierqa fl-ajruporti kollha għandhom jiskrinjaw, mad-dħul fl-SRA, mill-inqas l-LAGs miksuba f’ajruport jew abbord inġenju tal-ajru li jkunu ssiġillati f’STEB li fiha tintwera prova sodisfaċenti li nxtraw f’żona tal-ajru f’dak l-ajruport jew abbord inġenju tal-ajru, kif ukoll LAGs li se jintużaw waqt il-vjaġġ għal raġunijiet mediċi inkella bħala rekwiżit speċjali tad-dieta, inkluż l-ikel tat-trabi.

    Qabel l-iskrinjar, l-LAGs għandhom jitneħħew mill-bagalji tal-kabina u għandhom jiġu skrinjati b’mod separat minn oġġetti oħra tal-bagalji tal-kabina, sakemm it-tagħmir li jkun qiegħed jintuża għall-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina ma jkunx jista’ jiskrinja wkoll kontenituri magħluqin multipli tal-LAGs li jkun hemm fil-bagalji.

    Meta l-LAGs ikunu tneħħew mill-bagalji tal-kabina, il-passiġġier għandu jippreżenta:

    (a)

    l-LAGs kollha f’kontenituri individwali b’kapaċità ta’ mhux aktar minn 100 millilitru jew l-ekwivalenti f’borża waħda tal-plastik trasparenti li tista’ tiġi ssiġillata mill-ġdid b’kapaċità li ma taqbiżx litru (1), fejn il-kontenut tal-borża tal-plastik ikun joqgħod tajjeb fil-borża u l-borża tkun magħluqa kompletament; kif ukoll

    (b)

    l-LAGs l-oħra kollha, inklużi STEBs li jinkludu LAGs.

    L-awtoritajiet xierqa, il-linji tal-ajru u l-ajruporti għandhom jipprovdu informazzjoni xierqa lill-passiġġieri fir-rigward tal-iskrinjar tal-LAGs fl-ajruporti tagħhom.”

    (b)

    Fil-Kapitolu 4, il-punt 4.1.3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “4.1.3.   Skrinjar ta’ likwidi, aerosols u ġellijiet (LAGs)

    4.1.3.1.

    LAGs li jinġarru minn passiġġieri jistgħu jiġu eżentati mill-iskrinjar b’tagħmir ta’ LEDS mad-dħul fl-SRA:

    (a)

    jekk l-LAG ikun jinsab f’kontenituri individwali b’kapaċità ta’ mhux aktar minn 100 millilitru jew l-ekwivalenti f’borża tal-plastik trasparenti li tista’ tiġi ssiġillata mill-ġdid b’kapaċità li ma taqbiżx litru (1), fejn il-kontenut tal-borża tal-plastik ikun joqgħod tajjeb fil-borża u l-borża tkun magħluqa kompletament; jew

    (b)

    jekk l-LAG jiġi ssiġillat f’STEB apposta malli jinxtara fiż-żona tal-ajru ta’ dak l-ajruport;

    (c)

    jekk l-LAG f’STEB joriġina minn ajruport ieħor tal-UE jew inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-UE u jiġi ssiġillat mill-ġdid f’STEB apposta qabel joħroġ miż-żona ristretta tas-sigurtà tal-ajruport;

    (d)

    jekk l-LAG jiġi skrinjat f’dak l-ajruport b’tagħmir ta’ LEDs fiż-żona tal-ajru u mbagħad jiġi ssiġillat f’STEB apposta.

    L-eżenzjonijiet imsemmija taħt il-punti c) u d) għandhom jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2015.

    4.1.3.2.

    L-STEBs apposta msemmija taħt il-punti b) sa d) tal-punt 4.1.3.1 għandhom:

    (a)

    ikunu identifikabbli b’mod ċar bħala STEB ta’ dak l-ajruport;

    (b)

    juru fihom prova ta’ akkwist jew siġillar mill-ġdid f’dak l-ajruport matul it-tliet sigħat ta’ qabel;

    (c)

    ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet addizzjonali stipulati f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni separata.

    4.1.3.3.

    L-iskrinjar tal-LAGs għandu wkoll ikun soġġett għad-dispożizzjonijiet addizzjonali stipulati f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni separata.”

    (c)

    Id-Dokument Mehmuż 4-D għandu jitħassar.


    Top