Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE1052

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u segwitu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali” (opinjoni esploratorja)

    ĠU C 191, 29.6.2012, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 191/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u segwitu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali” (opinjoni esploratorja)

    2012/C 191/01

    Relatur: is-Sur RIBBE

    Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Presidenza Daniża tal-Kunsill iddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    is-Seba' Programm ta’ Azzjoni Ambjentali u segwitu tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali

    (opinjoni esploratorja).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ April 2012.

    Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'129 vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

    1.1   L-aħħar sitt Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) qdew rwol importanti fit-tfassil tal-politika ambjentali Ewropea, madanakollu ma ppermettewx li tinstab soluzzjoni għall-ħafna problemi ambjentali fl-Ewropa li għadhom pendenti. Ir-raġuni għal dan mhix nuqqas ta’ għarfien dwar x'qed jikkawża l-problemi jew in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet iżda n-nuqqas ta’ rieda politika favur l-implimentazzjoni.

    1.2   Is-sitt EAP (li japplika sa nofs l-2012) tfassal fl-2001 bħala rispons prattiku ta’ politika ambjentali għall-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli; l-Istrateġija ta’ Lisbona kienet il-pilastru tal-politika ekonomika tiegħu. Il-Kummissjoni tal-UE, mingħajr deċiżjoni korrispondenti min-naħa tal-Kunsill, ħalliet l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli tintesa bil-mod. Hija issa tqis l-Istrateġija Ewropa 2020 bħala l-istrument politiku u strateġiku l-ġdid tagħha u tqis li l-politika ambjentali għandha tiġi kkoordinata fil-qafas ta’ dan l-istrument permezz tal-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi”.

    1.3   Il-KESE ma jara l-ebda sens li, flimkien mal-inizjattiva ewlenija, jiġi implimentat strument ieħor tal-politika ambjentali fil-forma tas-seba' EAP li fih ser jiġu integrati s-setturi ambjentali li mhumiex indirizzati b'mod adegwat fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-rabta ta’ dan is-seba' EAP mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” mhix ċara.

    1.4   Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-PE li jagħtu ħajja ġdida lill-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli, li jagħżlu s-seba' EAP komprensiv u orjentat fuq l-implimentazzjoni sabiex ikun l-istrateġija tal-politika ambjentali li tiġi implimentata, li l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” tiġi integrata fl-inizjattivi separati kollha u li jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib bejn il-kunsiderazzjonijiet tal-politika ambjentali u dik ekonomika. F'dan il-kuntest, l-Istrateġija Ewropa 2020 ikollha r-rwol importanti li tħejji u timplimenta l-orjentazzjonijiet ta’ politika ekonomiċi u finanzjarji fil-perjodu qasir u medju, li huma meħtieġa fit-triq lejn żvilupp sostenibbli fit-tul.

    2.   Ir-rwol tal-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) preċedenti tal-UE

    2.1   Matul is-summit ta’ Pariġi fl-1972, il-Kunsill Ewropew iddeċieda dwar miżuri li jtejjbu l-istandard, il-kwalità u l-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-Ewropa. B'riżultat ta’ dan, fl-1973, il-Komunità Ekonomika Ewropea ta’ dak iż-żmien adottat l-ewwel Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (perjodu: 1974-75). Is-suċċess partikolari tal-ewwel EAP kien ġej mill-fatt li huwa stabbilixxa l-prinċipju tal-prekawzjoni. Dan jagħti prijorità lill-prevenzjoni tat-tniġġis ambjentali iktar milli l-ġlieda tal-konsegwenzi tiegħu.

    2.2   It-tieni EAP (perjodu: 1977-1981) żied ħames prinċipji gwida mal-għanijiet tal-ewwel EAP. Dawn kienu: a) il-kontinwità tal-politika ambjentali, b) il-ħolqien ta’ mekkaniżmi għal azzjoni ta’ prevenzjoni b'mod partikolari fejn jidħol it-tniġġis, l-użu tal-art, il-ġestjoni tal-iskart, c) il-ħarsien u l-ġestjoni razzjonali tal-ispazju, d) il-prijoritizzazzjoni tal-miżuri tal-protezzjoni tal-ilma frisk u l-ilma tal-baħar u l-ġlieda kontra t-tniġġis fl-atmosfera u l-istorbju u e) il-kunsiderazzjoni tal-aspetti ambjentali fil-politika ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

    2.2.1   It-tieni EAP għalhekk kien l-ewwel bażi importanti għall-oqsma iktar mifruxa tal-politika ambjentali li għadhom rilevanti sal-lum, bħall-ħarsien tal-ilmijiet, il-politika tal-iskart u l-kooperazzjoni internazzjonali.

    2.3   Fit-tielet EAP (perjodu: 1982-1986), l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali ġie adottat għall-ewwel darba bħala għan tal-politika ambjentali tal-Ewropa.

    2.4   Ir-raba' EAP (perjodu: 1987-1992) ġie adottat fl-1987, is-Sena Ewropea tal-Ħarsien tal-Ambjent. Kien influwenzat mir-ratifikazzjoni li seħħet ftit żmien qabel tal-Att Uniku Ewropew li espanda s-setgħat tal-Komunità Ewropea fir-rigward tal-politika ambjentali b'mod konsiderevoli filwaqt li l-istandards ambjentali nazzjonali u l-valuri limiti ġew restritti fl-istess ħin bl-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Ewropew. Id-dibattitu dwar il-politika ambjentali kien intensiv ħafna dak iż-żmien u hekk kif kien wasal fi tmiemu r-raba' EAP saret il-konferenza ta’ Rio dwar is-“sostenibbiltà globali”.

    2.4.1   Fir-rapport ippubblikat fl-1992 dwar l-“Istat tal-Ambjent” ġie ċċarat il-fatt li minkejja l-isforzi li saru s'issa u l-erba' Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali, il-maġġoranza tal-oqsma tal-politika ambjentali wrew sinjali ta’ jew potenzjal ta’ deterjorazzjoni sħiħa; l-oqsma msemmija kienu l-kwalità tal-ilma u tal-arja u l-bijodiversità (dak iż-żmien konna nitkellmu dwar id-diversità tal-ispeċi).

    2.5   B'reazzjoni għall-konferenza ta’ Rio u dan l-istat serju tal-ambjent, fil-bidu tal-1993 ġie adottat il-ħames EAP għall-perjodu 1992-2000.

    2.5.1   B'konformità mad-dibattiti ta’ dak iż-żmien tal-konferenza ta’ Rio, l-għan ta’ dan il-programm kien it-“trasformazzjoni tul-mudell tat-tkabbir tal-Komunità b'tali mod li nimxu fit-triq tal-iżvilupp sostenibbli” – għan ta’ dak iż-żmien li qatt ma tilef ir-rilevanza politika tiegħu. Il-ħames EAP jista' jitqies bħala wieħed mill-ewwel inizjattivi tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, hekk kif juri s-sottotitolu tiegħu “Lejn żvilupp sostenibbli u ekoloġiku”

    2.5.2   Il-ħames EAP propona strateġiji għal seba' oqsma:

    it-tisħin globali

    l-aċidifikazzjoni

    il-protezzjoni tal-ispeċi

    il-ġestjoni tal-ilma

    l-ambjent urban

    iż-żoni tal-kosta

    il-ġestjoni tal-iskart.

    Uħud minn dawn l-oqsma kienu diġà ssemmew fl-EAP ta’ qabel.

    2.5.2   Fir-reviżjoni tal-ħames EAP li saret fl-1996 il-Kummissjoni Ewropea identifikat in-nuqqas ta’ miri konkreti u n-nuqqas ta’ impenn mill-Istati Membri bħala l-ikbar dgħufijiet tal-programm. Fl-opinjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2000, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew osserva wkoll li l-“programm produċa numru ta’ riżultati pożittivi” iżda żied jgħid li huwa “kien jinsab inkwetat ħafna fuq id-deterjorazzjoni kontinwa tal-kwalità tal-ambjent fl-Ewropa li huwa jqis bħala l-iktar kriterju importanti għall-evalwazzjoni tal-effettività tal-programmi ta’ azzjoni ambjentali suċċessivi u l-politika ambjentali tal-Ewropa b'mod ġenerali”.

    2.5.3   Il-ħames EAP kien il-programm li witta t-triq politika u strateġika għall-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli li ġiet adottata f'Göteborg fl-2001 mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern.

    2.6   L-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli kellha tieħu l-forma konkreta ta’ politika ambjentali fis-sitt EAP (perjodu: 2002 sa 21.7.2012) u l-forma ta’ politika ekonomika tagħha fl-Istrateġija ta’ Lisbona.

    2.6.1   Is-sitt EAP kellu sottotitolu wkoll (Il-ġejjieni tagħna, l-għażla tagħna). Issemmew erba' temi prijoritarji għall-politika ambjentali Ewropea: 1) il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, 2) il-ħarsien tan-natura u tad-diversità bijoloġika, 3) l-ambjent, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja u 4) l-użu u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-iskart.

    2.6.2   Barra minn hekk bħal ma sar fil-qafas tal-ħames EAP ġew iddikjarati u wara adottati seba' strateġiji tematiċi dwar:

    it-tniġġis tal-arja,

    l-ambjent marittimu,

    il-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ,

    l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali,

    l-ambjent urban,

    il-ħarsien tal-ħamrija u

    l-użu sostenibbli tal-pestiċidi.

    2.6.3   Fis-sitt EAP ukoll dehru temi li kienu ġà dehru fl-EAP preċedenti.

    3.   Il-qagħda tal-politika ambjentali/tad-dibattitu dwar is-sostenibbiltà fl-Ewropa fi tmiem is-sitt EAP

    3.1   L-ewwel u qabel kollox huwa ċar li anki fi tmiem is-sitt EAP bosta oqsma tal-politika ambjentali li kienu ilhom fuq l-aġenda tal-EAP għal numru ta’ snin ġew indirizzati b'mod inadegwat jew ma ġewx indirizzati. Dawn huma żewġ eżempji:

    il-“ħarsien tal-ħamrija” ilu żmien tema prijoritarja f'diversi programmi ta’ azzjoni ambjentali iżda l-ebda “azzjoni” ġenwina ma ttieħdet f'dan ir-rigward fil-livell tal-UE; waħda mir-raġunijiet għal dan hija li ma ntlaħaqx kunsens fil-Kunsill dwar l-abbozz ta’ Direttiva propost mill-Kummissjoni.

    it-tema tal-“protezzjoni tal-ispeċi/bijodiversità” hija element komuni tal-EAP kollha. Fl-2001 il-Kunsill Ewropew wiegħed li sal-2010 iwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, iżda anki l-Programm ta’ Azzjoni għall-Bijodiversità li fih 160 miżura ma kienx biżżejjed biex jintlaħaq dan l-għan. Fl-2011 ħarġet strateġija dwar il-bijodiversità ġdida bil-għan li tikseb l-għan oriġinali għaxar snin wara.

    3.2   Fl-opinjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2012 (NAT/528, CESE 152/2012: “Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità – Valutazzjoni Finali”), il-KESE indirizza mill-ġdid ir-riżultati tas-sitt EAP. L-opinjoni tiddiskuti wkoll rapport ġdid dwar l-“Istat tal-Ambjent” li essenzjalment jagħti riżultat xejn pożittiv dwar il-politika ambjentali tal-UE.

    3.3   L-UE għadha la rrispondiet u lanqas tat spjegazzjoni għalfejn bosta problemi ambjentali għadhom ma ġewx solvuti minkejja l-ħafna EAP matul is-snin. Fil-fehma tal-KESE ir-risposta hija ċara: mhijiex nuqqas ta’ għarfien dwar il-problemi jew is-soluzzjonijiet possibbli iżda nuqqas ta’ rieda li tittieħed azzjoni deċiżiva. Hemm nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-għarfien, kultant anki ta’ deċiżjonijiet politiċi. Ir-raġuni għal dan tista' tkun li meta jinqalgħu kunflitti bejn il-miżuri politiki ambjentali u l-interessi ekonomiċi fuq perjodu qasir, dawn tal-aħħar jirbħu fuq ta’ qabel.

    3.4   Fi tmiem il-perjodu tas-sitt EAP, il-KESE jqis importanti l-osservazzjoni li l-Kummissjoni qisha abbandunat l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli li l-pilastru tal-politika ambjentali tagħha kien is-sitt EAP.

    3.5   Filwaqt li preċedentement il-Kummissjoni u l-Kunsill kienu jirreferu għall-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli bħala l-qafas tal-istrateġiji l-oħra kollha inkluż l-Istrateġija ta’ Lisbona, issa jeżisti silenzju kbir dwar il-kwistjoni. M'għadhiex tidher fil-programmi ta’ ħidma tal-Kummissjoni (minkejja li l-Kunsill Ewropew ma ħariġx deċiżjoni formali dwar dan). Il-KESE kemm-il darba kritika din il-kwistjoni. Huwa jerġa' jressaq il-kritika tiegħu għal darba oħra hawnhekk u jiċċara l-fatt li huwa jqis bħala żball li l-Istrateġja għal Żvilupp Sostenibbli tiġi kważi integrata fl-Istrateġija Ewropa 2020. Huwa kemm-il darba ressaq ir-raġunijiet tiegħu għal dan mingħajr l-ebda risposta min-naħa tal-Kummissjoni, il-Kunsill jew tal-Parlament.

    3.6   Konsegwentement l-isforzi li għamlet l-UE fil-passat sabiex tikkoordina t-tliet pilastri tal-ekonomija, l-ekoloġija u l-kooperazzjoni soċjali fi ħdan l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli ġew sospiżi. B'hekk tqum il-mistoqsija dwar taħt liema qafas il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament jixtiequ jikkoordinaw il-politika tas-sostenibbiltà u tal-ambjent fil-futur.

    4.   L-Istrateġija Ewropa 2020 u l-prospett tas-seba' EAP

    4.1   L-Istrateġija Ewropa 2020 tagħti idea ftit jew wisq ċara tal-pożizzjoni li mid-dehra adottat il-Kummissjoni, li tikkunsidra din l-Istrateġija bħala l-iktar element importanti tal-ippjanar u l-governanza politika tagħha.

    4.2   L-Istrateġija Ewropa 2020 tispeċifika seba' inizjattivi ewlenin:

    Unjoni ta’ Innovazzjoni

    Żgħażagħ mobbli

    Aġenda diġitali għall-Ewropa

    Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi

    Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni

    Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda

    Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar.

    4.3   Bla dubju ta’ xejn, il-Kummissjoni tħares lejn l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” bħala l-EAP il-“ġdid” u l-fatt li s'issa għad ma jeżistix abbozz tas-seba' EAP, minkejja li s-sitt EAP ser jiskadi f'Lulju, huwa probabbilment riżultat ta’ dan.

    4.4   Għalhekk mhix koinċidenza li l-Kummissjoni Ewropea bdiet tipprepara s-seba' EAP wara li l-Kunsill (Ambjent) u l-PE ressqu l-kritika tagħhom dwar xi rwol ser ikollu s-seba' EAP.

    4.5   Il-Kummissjoni għamlet l-Istrateġija Ewropa 2020 l-“arkitettura l-ġdida” tagħha tal-pjanifikazzjoni politika u l-programmazzjoni, għażlitha bħala l-istrateġija suprema tagħha fejn l-implimentazzjoni għandha tiġi żgurata mis-seba' inizjattivi ewlenin u fejn il-politika ambjentali ser tiġi indirizzata taħt l-inizjattiva “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi”.

    4.6   Jidher iktar u iktar ċar li

    minn naħa ċerti setturi prinċipali partikolari li qabel kienu koperti mill-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli (pereżempju t-tema tal-ugwaljanza globali u bejn il-ġenerazzjonijiet) mhumiex indirizzati biżżjjed fl-Istrateġija Ewropa 2020 u li

    min-naħa l-oħra, temi partikolari tal-politika ambjentali mhumiex indirizzati fl-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi”.

    4.7   Fost l-20 inizjattiva ta’ politika ambjentali individwali li għandhom jagħtu l-ħajja lill-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” hemm bosta elementi li diġà dehru fl-EAP ta’ qabel bħall-politika favur il-bijodiversità, il-politika tal-ilma u l-politika tal-ġlieda kontra t-tniġġis tal-atmosfera (inkluż il-politika tat-trasport) iżda tema bħal “l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem” ftit li xejn hija kkunsidrata, l-istess bħall-politika tal-prodotti kimiċi jew in-nanoteknoloġija.

    4.8   Il-KESE kkummenta kemm dwar l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” kif ukoll dwar il-pjan direzzjonali tagħha u rrefera b'mod espliċitu għan-nuqqasijiet tal-EAP preċedenti: bosta għanijiet u wegħdiet, ftit miżuri tanġibbli, kwazi l-ebda indikatur u ftit implimentazzjoni konkreta.

    4.9   Huwa talab lill-Kummissjoni sabiex “fl-għoxrin inizjattiva individwali mħabbra jiġi deskritt bir-reqqa:

    x'inhu intiż b'effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

    x'jista' jinkiseb bit-titjib teknoloġiku;

    f'liema setturi għandha ssir ‘ir-riforma strutturali’, x'xeħta għandha tieħu u b'liema għodda għandha tintlaħaq;

    liema bidliet fl-imġiba huma kkunsidrati bħala meħtieġa fost il-produtturi u l-konsumaturi u kif dawn il-bidliet jistgħu jiġu aċċellerati.”  (1)

    Madanakollu, il-Kummissjoni ma tatx risposta għal dan iżda żammet ma’ lingwaġġ vag u mhux vinkolanti.

    4.10   Għall-KESE dan jikkonferma li l-approċċ li għażlet il-Kummissjoni sa issa ma jissodisfax l-eżiġenzi kollha tal-politika ambjentali u fuq kollox tal-iżvilupp sostenibbli. X'jista' jġib miegħu s-seba' EAP?

    4.11   Iż-żmien meta l-EAP kienu neċessarji sabiex jiġi determinat u deskritt x'għandu jsir għadda. Dawk li huma responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Ewropa jafu sew x'għandu jsir. Huma ftit l-oqsma l-ġodda li jirrikjedu l-iżvilupp ta’ ideat ġodda, pereżempju n-nanoteknoloġija. Dan madanakollu ma jitlobx EAP separat.

    4.12   Fl-Ewropa l-ewwel u qabel kollox hemm nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-għarfien. Jeżisti defiċit kbir fejn tidħol l-implimentazzjoni fil-livelli kollha (UE, Stati Membri, reġjuni, lokalitajiet u ċittadini). F'dan ir-rigward il-KESE jixtieq li jiċċara dan: il-Kummissjoni tista' tfassal programmi tajbin u tressaq id-dikjarazzjonijiet tagħha, iżda l-biċċa l-kbira tax-xogħol irid isir mill-korpi politiċi tal-Istati Membri li għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw l-azzjoni konkreta.

    4.13   Fil-fehma tal-KESE li jitressaq is-seba' EAP sabiex joffri saqaf għall-oqsma tal-politika ambjentali li mhux koperti mill-inizjattiva “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” mhix soluzzjoni vijabbli. Ir-rabta bejn is-seba' EAP u a) l-inizjattiva ewlenija iżda wkoll b) l-Istrateġija Ewropa 2020 għadha mhix ċara.

    4.14   Madanakollu l-Kumitat lest jaqbel mat-tnedija tas-seba' EAP jekk ikun ċar x'mistenni jikseb, kif jista' jiġi żgurat li jintemm b'iktar suċċess mill-programmi preċedenti u, ferm importanti, jekk jiġi ċċarat liema politika prinċipali ser ikun qed jaqdi.

    4.15   Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-PE li jagħtu ħajja ġdida lill-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli, li jagħżlu s-seba' EAP komprensiv u orjentat fuq l-implimentazzjoni sabiex ikun l-istrateġija tal-politika ambjentali li tiġi implimentata, li l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi” tiġi integrata fl-inizjattivi separati kollha u li jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib bejn bejn il-kunsiderazzjonijiet tal-politika ambjentali u dik ekonomika. F'dan il-kuntest, l-Istrateġija Ewropa 2020 ikollha r-rwol importanti li tħejji u timplimenta l-orjentazzjonijiet ta’ politika ekonomiċi u finanzjarji fil-perjodu qasir u medju li huma meħtieġa fit-triq lejn żvilupp sostenibbli fit-tul.

    4.16   Fil-fehma tal-KESE is-seba' EAP għandu jiffoka wkoll fuq l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet assolutament vinkolanti dwar kwistjonijiet li ħafna drabi ilhom miftuħin bosta snin.

    4.17   Il-kwistjoni issa hija jekk l-Ewropa hix lesta u kapaċi tagħmel dan. Ma jistax jiġi injorat il-fatt li fil-politika ripetutament jiġu stabbiliti għanijiet ambizzjużi u inizjattivi. Meta dan isir, pereżempju mill-Kummissjoni, ikunu mbagħad l-istess politiċi li jsibu r-raġunijiet kontra l-adozzjoni jew l-implimentazzjoni tagħhom. Il-lista ta’ eżempji ta’ dan hija twila. Kemm jekk hija d-Direttiva dwar l-Użu Effiċjenti tal-Enerġija li waqfet għand il-Kunsill jew il-fatt li l-wegħdiet li saru fil-passat ma mmaterjalizzawx (elenkati fl-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli) bħal li titfassal lista tas-sussidji li huma ta’ ħsara ambjentali u li dawn jiġu eliminati: jeżistu lakuni kbar bejn il-kelma u l-att u l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament huma mitluba jispjegaw lill-pubbliku kif ser jeliminawhom.

    Brussell, 25 ta’ April 2012.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Ara l-opinjoni ĠU C 376 tat-22/12/2011, p. 97, Punt 1.2.


    Top