This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CN0372
Case C-372/11 P: Appeal brought on 14 July 2011 by Power-One Italy SpA against the order of the General Court (Sixth Chamber) of 24 May 2011 in Case T-489/08 Power-One Italy SpA v European Commission
Kawża C-372/11 P: Appell ippreżentat fl- 14 ta’ Lulju 2011 minn Power-One Italy SpA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl- 24 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-489/08, Power-One Italy SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea
Kawża C-372/11 P: Appell ippreżentat fl- 14 ta’ Lulju 2011 minn Power-One Italy SpA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl- 24 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-489/08, Power-One Italy SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea
ĠU C 282, 24.9.2011, p. 12–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.9.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 282/12 |
Appell ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2011 minn Power-One Italy SpA mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl-24 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-489/08, Power-One Italy SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-372/11 P)
2011/C 282/23
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Power-One Italy SpA (rappreżentanti: A. Giussani u R. Giuffrida, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
— |
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-Kawża T-489/08, mogħti fl-24 ta’ Mejju 2011, u, b’hekk:
|
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti ssostni, fl-ewwel lok, ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-aspettattivi leġittimi, u motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ użu ħażin ta’ proċedura.
Il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punt 47 tad-digriet ikkontestat, li r-rikorrenti setgħet tiġbed mill-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni vantaġġ ikbar rigward l-ammonti mogħtija lura, li jikkorrispondu għall-irkupru tal-għajnuna finanzjarja sħiħa pprovduta għall-proġett inkwistjoni, u li “jista’ jiġi kkunsidrat li l-ħlas ta’ din is-somma bħala kumpens għad-danni huwa marbut mill-qrib mal-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni” u din hija l-motivazzjoni, b’hekk, tal-konstatazzjoni dwar l-użu ħażin tal-proċedura. Il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, arbitrarjament, taqsam it-talba magħmula mir-rikorrenti, tal-unità sostanzjali tal-atti li wasslu għall-aġir dannuż, kif ukoll l-avveniment dannuż, irrappreżentat mill-ispejjeż totali sostnuti. L-aċċettazzjoni tal-eċċezzjoni, magħmula mill-Kummissjoni, ma hijiex, għaldaqstant, motivata b’mod adwegwat.
It-tieni aggravju li fuqu huwa bbażat l-appell jirrigwarda ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt dwar l-aspettattivi leġittimi u applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u tal-ksib tal-provi, kif ukoll motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja tal-allegazzjonijiet dwar id-dannu residwu.
Fid-digriet tal-Qorti Ġenerali, jingħad, fil-punt 55, li “r-rikors ma jindikax in-natura u l-firxa tad-dannu residwali li r-rikorrenti ġarrbet” u li “r-rikors bl-ebda mod ma jindika r-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti ssostni li d-dannu residwali huwa dovut għall-kanċellazzjoni tal-finanzjament tal-proġett ikkontestat mill-Kummissjoni.” Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li d-dannu mġarrab mill-kumpannija esponenti jista’ jiġi individwat biss in re ipsa, meta l-finanzjament inkwistjoni jkollu għan funzjonali preċiż, individwat fil-proġett imwettaq, u l-kanċellament tagħhom tista’ tikkoinċidi biss mas-sosteniment ta’ spiża li fin-nuqqas tal-kontribuzzjoni l-kumpannija esponenti ma setgħetx tiffaċċja l-argumenti msemmija hawn fuq, diġà żviluppati fil-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fformulata mill-Kummissjoni (l-osservazzjonijiet li magħhom, barra minn hekk, ġie mehmuż il-bilanċ tal-kumpannija appellanti), ma kinux ġew evalwati mill-Qorti Ġenerali li qed tisma’ l-kawża, li din tal-aħħar sempliċement ikkontestat in-nuqqas ta’ allegazzjoni dwar id-dannu mġarrab.
L-appellanti tilmenta, fl-aħħar nett, ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt fuq l-aspettattivi leġittimi u applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u tal-ksib ta’ provi, kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ evalwazzjoni ta’ fatti deċiżivi tal-kwistjoni b’riferiment għar-rabta kawżali.
Fil-punt 57 tad-digriet appellat, fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar ir-rabta kawżali, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-kumpannija rikorrenti “ma tat l-ebda indikazzjoni dwar l-effett tal-aġir inkwistjoni fuq il-fatt li r-rikorrenti sostniet l-ispejjeż tal-proġett ikkontestat li jaqbżu l-ammont massimu li għalih il-Kummissjoni kienet impenjat ruħha.” Skont l-appellanti, jidher ċar li f’din il-kawża l-Qorti Ġenerali wettqet ineżattezza materjali fl-evalwazzjoni tal-fatti li jirriżultaw mill-fajl ippreżentat fil-kawża. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi miksuba billi ċaħdet l-eżistenza ta’ rabta kawżali ċara bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu mġarrab mill-kumpannija rikorrenti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx, meta mmotivat id-digriet tagħha, ċirkustanzi diġà magħmula permezz tar-rikors li fl-ewwel istanza, kif ukoll l-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati wara. Mill-allegazzjonijiet tal-kumpannija appellanti tirriżulta, b’mod partikolari, in-natura aċċessorja, u mhux essenzjali, tal-allegat ksur tal-istess, li jikkonsisti fid-dewmien tal-integrazzjoni tad-dokumentazzjoni, meta mqabbel ma’ proġett imwettaq b’mod sħiħ.
(1) Regolament (KE) Nru 1655/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Lulju 2000, dwar l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 121)
(2) Regoli amministrattivi standard mehmuża mal-Grant Agreement iffirmat