Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009TN0038

    Kawża T-38/09: Rikors ippreżentat fit- 30 ta' Jannar 2009 — El Corte Inglés vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU C 69, 21.3.2009, p. 52–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 69/52


    Rikors ippreżentat fit-30 ta' Jannar 2009 — El Corte Inglés vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    (Kawża T-38/09)

    (2009/C 69/113)

    Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrenti: El Corte Inglés, S.A. (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: P. Muñiz u M. Baz, abogados)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata,

    tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6317 finali tat-3 ta' Novembru 2008, li permezz tagħha ġie kkonstatat li għandhom jiġu rkuprati a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni u li mhijiex ġustifikata l-eżenzjoni ta' dawn id-dazji f'każ partikolari (Każ REM 03/07).

    Ir-rikorrenti importat prodotti tat-tessuti mill-Ġamajka, importazzjoni li kienet suġġetta għas-sistema preferenzjali prevista fil-Fteħim ta' Assoċjazzjoni UE-AKP, bil-kundizzjoni li dawn jiġu importati flimkien ma' ċertifikat ta' ċirkulazzjoni mudell EUR 1, mibgħut mill-awtoritajiet kompetenti Ġamajkani. Dan iċ-ċertifikat kien mehmuż bħala prova ta' oriġini Ġamajkana tal-merkanzija. Madankollu, missjoni tal-OLAF fil-Ġamajka kkonkludiet li l-merkanzija ma kellhiex oriġini preferenzjali fil-Ġamajka bil-konsegwenza li ma setgħetx tibbenefika minn trattament preferenzjali.

    Bi tweġiba għat-talba ta' eżenzjoni minn dejn fiskali ppreżentata mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, id-deċiżjoni kkontestata ddikjarat li l-awtoritajiet Ġamajkani ma kinux wettqu żball fost dawk previsti fl-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, u li r-rikorrenti ma kinitx tinsab f'sitwazzjoni speċjali minħabba l-preżentazzjoni żbaljata tal-fatti mwettqa mill-esportaturi.

    Ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija nulla minħabba l-motivi li ġejjin:

    il-proċedura amministrattiva għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata minn ksur sostanzjali ta' forma. B'mod konkret, id-deċiżjoni kkontestata naqset milli tapplika l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u ġew miksura b'mod gravi d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti peress li ma jeżistix fajl amminsitrattiv dwar kif ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata.

    Id-deċiżjoni kkontestata twettaq żball ta' evalwazzjoni peress li tipprovdi li r-rikorrenti ma kienx jinsab f'sitwazzjoni speciali. Fil-fatt, fil-każ in eżami, tesisti sitwazzjoni partikolari peress illi:

    l-awtoritajiet Ġamajkani kienu jafu jew kellhom ikunu jafu li l-merkanzija ma setgħetx tibbenefika minn trattament preferenzjali; u dan ukoll meta l-esportaturi kienu taw informazzjoni żbaljata,

    l-awtoritajiet Ġamajkani naqsu b'mod gravi milli jwettqu l-obbligi tagħhom.

    Ir-rikorrenti ma wettqitx l-obbligu tagħha li tapplika b'mod korrett il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni AKP-KE.


    Top