This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Protecting consumers in respect of timeshare and long-term holiday contracts
Il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti ta’ timeshare u ta’ vaganzi għal perijodu fit-tul
Il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti ta’ timeshare u ta’ vaganzi għal perijodu fit-tul
Informazzjoni ċara
Fi żmien opportun, qabel mal-konsumatur ma jkun marbut b’xi kuntratt, il-kummerċjant għandu jipprovdi informazzjoni ċara, preċiża u suffiċjenti, bla ħlas, u juża formola ta’ informazzjoni standard f’lingwa uffiċjali tal- Istat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) tal-konsumatur.
Il-formola tal-informazzjoni (kif hemm f’mudelli annessi mad-direttiva) għandha notevolment tinkludi informazzjoni dwar il-prodott (f’każ ta’ kuntratt ta’ timeshare, kuntratt ta’ prodott għal vaganza għal perijodu fit-tul jew kuntratt ta’ skambju) jew servizz (fil-każ ta’ kuntratt tal-bejgħ mill-ġdid), id-drittijiet tal-konsumatur u l-ispejjeż kollha li għandhom jħallsu. Għandha tiddikjara li jeżisti d-dritt għall-irtirar u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi eżerċitat t-tali dritt. Din l-informazzjoni hi parti integrali mill-kuntratt.
Kull riklamar għandu jiddikjara fejn tista’ tinstab l-informazzjoni ta’ hawn fuq. Barra minn hekk, prodott ta’ timeshare jew ta’ vaganza fuq perijodu fit-tul m’għandux jiġi kkummerċjalizzat bħala investiment.
Barra minn dan, f’każ ta’ promozzjoni ta’ bejgħ jew attività ta’ bejgħ:
Dritt ta’ rtirar
Qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt, il-kummerċjant għandu jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur b’mod espliċitu għad-dritt għall-irtirar tiegħu, il-perijodu tal-irtirar u l-projbizzjoni fuq ħlasijiet bil-quddiem matul dak il-perijodu. Dawn il-klawżoli huma soġġetti għal firem separati. Il-kuntratt għandu jinkludi formola tal-irtirar standard separata, intiża sabiex tiffaċilita l-irtirar mill-kuntratt.
Il-konsumatur għandu d-dritt li jirtira, mingħajr ma jagħti raġuni, fi żmien14-il jum minn meta jiffirma jew jirċievi l-kuntratt. Dan il-perijodu ta’ tregwa huwa estiż bi tliet xhur meta l-pakkett ta’ informazzjoni ma jkunx ingħata lill-konsumatur, u b’sena jekk il-formola tal-irtirar ma tiġix ipprovduta.
Jekk konsumatur jirtira, kwalunkwe kuntratt relatat mal-kuntratt prinċipali jintemm awtomatikament mingħajr spiża addizzjonali.
Ħlas
Ma huwa permess l-ebda ħlas bil-quddiem, garanzija jew rikonoxximent ta’ dejn lill-kummerċjant jew parti terza qabel jintemm il-perijodu tal-irtirar. Fir-rigward ta’ kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid, ma għandha titħallas ebda tariffa lill-kummerċjant qabel isir il-bejgħ proprju.
Il-ħlasijiet taħt kuntratti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul għandhom isiru fi ħlasijiet parzjali annwali ugwali. Mit-tieni ħlas parzjali ’l quddiem, il-konsumatur jista’ jtemm il-kuntratt mingħajr penali billi jagħti avviż fi żmien 14-il jum minn meta jirċievi t-talba għall-ħlas.
Rimedju
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-mezzi ta’ rimedju (kumpens) stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u jħeġġu soluzzjonijiet barra l-qorti.
Din ilha tapplika mit-23 ta’ Frar 2009 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-23 ta’ Frar 2011.
Għal iktar informazzjoni, ara:
Direttiva 2008/122/KE tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni ta’ konsumaturi fir-rigward ta’ ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti ta’ prodott ta’ vaganza fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU L 33, 3.2.2009, pp. 10–30).
l-aħħar aġġornament 03.02.2022