This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015TJ0011
Judgment of the General Court (Fourth Chamber) of 20 July 2016.#Internet Consulting GmbH v European Union Intellectual Property Office.#EU trade mark — Proceedings for a declaration of invalidity — EU word mark SUEDTIROL — Article 7(1)(c) and Article 52(1)(a) of Regulation (EC) No 207/2009 — Absolute ground for refusal — Geographical indication of origin — Descriptive character.#Case T-11/15.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Lulju 2016.
Internet Consulting GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea SUEDTIROL – Artikolu 7(1)(c) u Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Raġuni assoluta għal rifjut – Indikazzjoni ġeografika tal-oriġini – Karattru deskrittiv.
Kawża T-11/15.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Lulju 2016.
Internet Consulting GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea SUEDTIROL – Artikolu 7(1)(c) u Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Raġuni assoluta għal rifjut – Indikazzjoni ġeografika tal-oriġini – Karattru deskrittiv.
Kawża T-11/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:422
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ Lulju 2016 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea SUEDTIROL — Artikolu 7(1)(c) u Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Raġuni assoluta għal rifjut — Indikazzjoni ġeografika tal-oriġini — Karattru deskrittiv”
Fil-Kawża T‑11/15,
Internet Consulting GmbH, stabbilita f’Brunico (l-Italja), irrappreżentata minn L. Miori u A. Bertella, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Schifko, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Provincia Autonoma di Bolzano-Alto Adige (l-Italja), irrappreżentata minn C. Volkmann, avukat
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż tal-EUIPO tal-10 ta’ Ottubru 2014 (Każ R 574/2013-G), marbuta ma’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn il-Provincia Autonoma di Bolzano-Alto Adige u Internet Consulting,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Prek (Relatur), President, I. Labucka u V. Kreuschitz, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2015,
wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ġunju 2015,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Ġunju 2015,
wara li rat il-karenza ta’ talba għall-organizzazzjoni ta’ seduta min-naħa tal-partijiet prinċipali fit-terminu ta’ tliet ġimgħat li jibda jiddekorri min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u billi ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fid-19 ta’ Awwissu 2002, ir-rikorrenti, Internet Consulting GmbH, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. |
2 |
It-trade mark li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħha hija s-sinjal verbali SUEDTIROL. |
3 |
Is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 35, 38 u 41 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
4 |
L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 83/2003, tal-24 ta’ Novembru 2003. It-trade mark ġiet irreġistrata fis-16 ta’ Diċembru 2011, taħt ir-reġistrazzjoni Nru 2826931. |
5 |
Fit-3 ta’ Jannar 2012, l-intervenjenti, il-Provincia Autonoma di Bolzano-Alto Adige (Provinċja awtonoma ta’ Bolzano-Haut-Adige, L-Italja) talbet id-dikjarazzjoni ta’ nullità tat-trade mark ikkontestata, għas-servizzi kollha li hija kienet tkopri. Hija bbażat it-talba tagħha fuq l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan l-istess regolament, sa fejn it-trade mark ikkontestata kienet tikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika tal-oriġini, li ssemmi r-reġjun awtonomu ta’ Trentino-Alto Adige/Südtirol (iktar ’il quddiem ir-“reġjun ta’ Tirol tas-sud”), li jinsab fl-Italja tan-nord. |
6 |
B’deċiżjoni tal-15 ta’ Frar 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata. |
7 |
L-intervenjenti appellat minn din id-deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 207/2009. |
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ April 2014, l-Ewwel Bord tal-Appell irrinvija l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell Estiż. |
9 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) il-Bord tal-Appell Estiż laqa’ r-rikors tal-intervenjenti billi ddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata, abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq il-bażi li din tal-aħħar kienet ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(c) u (2) tal-istess regolament. |
10 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-Bord tal-Appell Estiż ikkunsidra li l-imsemmija talba kienet ammissibbli, peress li l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kien jipprevedi li kull persuna fiżika u ġuridika kellha locus standi u li l-kunċett ta’ persuna ġuridika kien jinkludi il-persuni ġuridiċi suġġetti għad-dritt pubbliku, bħall-intervenjenti. |
11 |
Fir-rigward tal-eżami fuq il-mertu tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-Bord tal-Appell Estiż, irrileva b’mod partikolari li:
|
It-talbiet tal-partijiet
12 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
13 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
14 |
L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
15 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 5 u 56 tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikoli 12 u 52 tar-Regolament Nru 207/2009. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 5 u 56 tar-Regolament Nru 207/2009
16 |
Ir-rikorrenti tikkunsidra li minn qari flimkien tal-Artikoli 5 u 56 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-intervenjenti, entità suġġetta għad-dritt pubbliku, ma kellhiex locus standi sabiex tippreżenta talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Safejn l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 207/2009, marbut mad-dritt għall-proprjetà ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, isemmi espliċitament wara “Kwalunkwe persuna [fiżika jew ġuridika]” l-“[entitajiet] stabbiliti permezz tal-liġi pubblika”, il-fatt li l-Artikolu 56 ta’ dan l-istess regolament isemmi biss il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jeskludi l-possibbiltà li l-entitajiet suġġetti għad-dritt pubbliku jippreżentaw talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
17 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti. |
18 |
L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 207/2009 jinkludi definizzjoni ġenerali tal-persuni li jistgħu jkunu proprjetarji ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Dan jispeċifika li “[k]walunkwe persuna [fiżika jew ġuridika], inklużi l-[entitajiet] stabbiliti permezz tal-liġi pubblika, jistgħu jkunu proprjetarji ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”. |
19 |
Minn dan jirriżulta li l-entitajiet suġġetti għad-dritt pubbliku huma ppreżentati f’dan l-artikolu bħala eżempju ta’ persuni ġuridiċi li jistgħu jkunu proprjetarji ta’ tali trade mark u li dawn ma humiex awtorizzati jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 56(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009. Għall-kuntrarju, ma teżisti l-ebda indikazzjoni li l-Artikolu 56(1)(a) tal-istess regolament, li, b’differenza mill-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, isemmi b’mod partikolari biss, “kull persuna [fiżika jew ġuridika]”, kellu jiġi interpretat bħala li ma jinkludix l-entitajiet suġġetti għad-dritt pubbliku. Fil-fatt, il-kawżi ta’ skadenza u ta’ invalidità u, b’mod partikolari, dawk ta’ invalidità assoluta fis-sens tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009 jistgħu jiġu invokati minn kull persuna, irrispettivament mill-istatus privat jew pubbliku, peress li l-Artikolu 56(1)(a), in fine, tal-istess regolament sempliċiment jeżiġi li l-imsemmija persuna “[jkollha] il-kapaċità li [tfittex] jew li [tiġi] mfittxija [f’isimha] stess”. Għaldaqstant, b’mod kuntrarju għal dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li ma jissemmewx b’mod espliċitu fl-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 l-entitajiet suġġetti għad-dritt pubbliku ma jistax jiġi interpretat bħala li dawn huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
20 |
Konsegwentement, il-Bord tal-Appell Estiż ma kisirx l-Artikoli 5 u 56 tar-Regolament Nru 207/2009, meta ddeċieda li l-intervenjenti kellhom il-locus standi sabiex iressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tat-trade mark ikkontestata. |
21 |
Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur u l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikoli 12 u 52 tar-Regolament Nru 207/2009
22 |
Ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell Estiż, billi kkunsidra li t-trade mark ikkontestata kienet tikkostitwixxi indikazzjoni ġeografika tal-oriġini ta’ post magħruf mill-pubbliku rilevanti li kienet tagħti informazzjoni dwar l-oriġini ġeografika tas-servizzi inkwistjoni, u mhux dwar l-oriġini kummerċjali tagħhom, kiser l-Artikolu 7(1)(c) kif ukoll l-Artikoli 12 u 52 tar-Regolament Nru 207/2009. |
23 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika tal-oriġini unikament meta s-sinjal jindika post li jippreżenta attwalment, jew li jista’ jippreżenta fil-futur, rabta mal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi msemmija, u mhux il-post fejn is-servizzi huma pprovduti, peress li jsir riferiment għal “oriġini ġeografika”. Barra minn hekk, b’differenza mill-prodotti, is-servizzi ma kellhomx ġeneralment il-karatteristiċi tat-territorju fejn dawn jiġu pprovduti jew li fihom tinsab is-sede tal-impriża li tipprovdihom. B’hekk, l-uniċi elementi li jistgħu jikkaratterizzaw is-servizzi huma l-mod kif dawn jiġu pprovduti jew il-kwalità tal-fornitur tagħhom, iktar milli l-oriġni ġeografika tagħhom, bl-eċċezzjoni tas-servizzi “tipiċi” ta’ ċertu reġjun. Peress li s-sede tal-impriża fornitriċi jew il-post tal-provvista tas-servizzi jistgħu jvarjaw, dawn ma jistgħux jikkostitwixxu rabta indissovibbli bejn is-servizz u t-territorju. Fl-aħħar, il-probabbiltà raġjonevoli ta’ assoċjazzjoni bejn is-servizz u post kellha tkun teżisti fil-mument tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, fatt li ma ġiex muri mill-intervenjenti. |
24 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell Estiż naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-effett tal-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li kien jippermetti lil terz li jinserixxi t-terminu “suedtirol” fl-isem tiegħu jew fl-isem kummerċjali tiegħu, fin-nuqqas tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Din id-dispożizzjoni kienet tippermetti li tiġi żgurata preżervazzjoni suffiċjenti tad-disponibbiltà tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-oriġini fil-kummerċ. |
25 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jsostnu li dawn l-argumenti ma humiex fondati. |
26 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu rrifjutati trade marks li “jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”. |
27 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2), tal-imsemmi regolament, jistabbilixxi li “l-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trademark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-[Unjoni]”. |
28 |
Skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament 207/2009, “Trade mark tal-[Unjoni Ewropea] għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-[EUIPO] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, […] meta t-trade mark tal-[Unjoni Ewropea] tkun ġiet irreġistrata kuntrarju tad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 7; […]” |
29 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu għan ta’ interess ġenerali li jirrikjedi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi ta’ karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni jistgħu liberament jintużaw minn kulħadd. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi, għalhekk, li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark [ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2003, Nordmilch vs UASI (OLDENBURGER), T‑295/01, EU:T:2003:267, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
30 |
Fir-rigward b’mod iktar partikolari tas-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex tiġi indikata l-oriġini ġeografika tal-kategoriji ta’ prodotti li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, b’mod partikolari l-ismijiet ġeografiċi, jeżisti interess ġenerali sabiex tiġi ppreservata d-disponibbiltà tagħhom minħabba, b’mod partikolari, l-kapaċità tagħhom mhux biss li jirrilevaw eventwalment il-kwalità u proprjetatjiet oħra tal-kategoriji tal-prodotti kkonċernati, iżda wkoll li jinfluwenzaw diversament il-preferenzi tal-konsumaturi, pereżempju billi jorbtu il-prodotti ma’ post li jista’ jagħti lok għal sentimenti pożittivi [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 26, u tat-13 ta’ Settembru 2013, Fürstlich Castell’sches Domänenamt vs UASI – Castel Frères (CASTEL), T‑320/10, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2013:424, punt 43]. |
31 |
B’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-ġurisprudenza, hija applikabbli wkoll għas-servizzi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft vs UASI (MunichFinancialServices), T‑316/03, EU:T:2005:201, punt 32]. |
32 |
Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li huma esklużi, minn naħa, ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ġeografiċi bħala trade marks meta dawk ikunu jsemmu postijiet ġeografiċi determinati li għandhom diġà reputazzjoni għal jew magħrufa għall-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati u li, għaldaqstant, jippreżentaw rabta ma’ dawn tal-aħħar mill-perspettiva tal-persuni ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni tal-ismijiet ġeografiċi li jistgħu jintużaw mill-impriżi li għandhom ukoll jitħallew disponibbli għal dawn tal-aħħar bħala indikazzjonijiet ġeografiċi tal-oriġini tal-kategorija tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2003, OLDENBURGER, T‑295/01, EU:T:2003:267, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Jannar 2015, MEM vs UASI (MONACO), T‑197/13, EU:T:2015:16, punt 48]. |
33 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni rriżerva, b’deroga mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjali li jistgħu jintużaw sabiex tiġi indikata l-oriġini ġeografika bħala trade mark kollettiva skont l-Artikolu 66(2) tal-imsemmi regolament u, għal ċerti prodotti, meta dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji, bħala indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ oriġini jew denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4) (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2003, OLDENBURGER, T‑295/01, EU:T:2003:267, punt 32). |
34 |
Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, bħala prinċipju, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li ma humiex magħrufa fost il-persuni kkonċernati jew, tal-inqas, mhux magħrufa bħala isem ta’ post ġeografiku, jew inkella ta’ ismijiet ġeografiċi li fir-rigward tagħhom mhux probabbli, minħabba l-karatteristiċi tal-post imsemmi, li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jimmaġinaw li l-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati għandha l-oriġini tagħha f’dan il-post (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2003, OLDENBURGER, T‑295/01, EU:T:2003:267, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Jannar 2015, MONACO, T‑197/13, EU:T:2015:16, punt 49). |
35 |
L-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa waħda, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-mod kif jinftiehem mill-pubbliku rilevanti (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2003, OLDENBURGER, T‑295/01, EU:T:2003:267, punt 34). |
36 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, jeħtieġ li tiġi kkonfermata d-definizzjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell Estiż ipprovduta fil-punti 36 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn naħa, it-trade mark ikkontestata hija s-sinjal verbali SUEDTIROL, li jista’ jinftiehem mill-pubbliku Taljan kif ukoll mill-pubbliku tal-Unjoni li jħaddan il-lingwa Ġermaniża. It-terminu “suedtirol” u t-terminu Ġermaniż “südtirol”, użati sabiex jiġi identifikat ir-reġjun tat-Tirol tas-sud, huma ekwivalenti, fejn l-ewwel wieħed jinkludi dittong li jissostitwixxi normalment l-ittra tal-alfabett Ġermaniż “ü”. Min-naħa l-oħra, ċerti servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata, jiġifieri s-servizzi ta’ ġestjoni tal-kummerċ, ta’ amministrazzjoni kummerċjali, il-funzjonijiet ta’ uffiċċju, is-servizzi xjentifiċi u teknoloġiċi, is-servizzi ta’ analiżi u ta’ riċerka industrijali, id-disinn u l-iżvilupp ta’ ħardwer u softwer tal-kompjuter, huma intiżi għall-impriżi attivi fi kwalunkwe settur ekonomiku u li jikkostitwixxu konsumatur speċjalizzat. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li dawn is-servizzi huma intiżi wkoll għal kummerċjanti individwali, dawn tal-aħħar għandhom ukoll jitqiesu bħala kummerċjanti u għaldaqstant bħala li jifformaw parti minn pubbliku speċjalizzat. Fir-rigward tas-servizzi legali (klassi 42) kif ukoll ta’ ippakkajr u ta’ ħażna ta’ oġġetti (klassi 39), dawn huma intiżi għall-konsumatur medju kif ukoll speċjalizzat. L-ikbar parti mill-pubbliku rilevanti hija b’hekk ikkostitwita minn pubbliku iktar attent. |
37 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà iddeċidiet li huwa suffiċjenti, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) jew (c) tar-Regolament Nru 207/2009, li tkun teżisti raġuni għal rifjut inkonnessjoni ma’ parti mill-pubbliku mmirat u li ma kienx neċessarju, f’dan ir-rigward, li jiġi eżaminat jekk il-konsumaturi l-oħra li jifformaw parti mill-pubbliku rilevanti jafux ukoll bl-imsemmi sinjal [ara s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2015, bd breyton‑design vs UASI (RACE GTP), T‑520/14, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2015:884, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
38 |
Għaldaqstant kien b’mod ġust li l-Bord tal-Appell Estiż iddeċieda li l-pubbliku rilevanti li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kien ikkostitwit mill-pubbliku Taljan u tal-Unjoni Ewropea li jħaddan il-lingwa Ġermaniża kif ukoll mill-pubbliku tal-Italja li jħaddan il-lingwa Taljana li għandu livell ta’ attenzjoni pjuttost għolja. |
39 |
Fit-tieni lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 26 sa 35 iktar ’il fuq, sabiex jiġi evalwat il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, jeħtieġ li jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk it-terminu ġeografiku li jikkostitwixxi t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha huwiex mifhum bħala tali u magħruf mill-pubbliku rilevanti u, min-naħa l-oħra, jekk dan it-terminu ġeografiku jippreżentax, attwalment, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, rabta mas-servizzi koperti mill-applikazzjoni jew jekk tali rabta tistax raġjonevolment tiġi stabbilita fil-futur. |
40 |
Issa, fl-ewwel lok, kif jirrileva ġustament il-Bord tal-Appell Estiż fil-punti 15 sa 19 u 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu “Suedtirol”, li jekwivali għall-kelma Ġermaniża “Südtirol”, huwa perċepit mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ġeografika li tirreferi għar-reġjun tat-Tirol tas-sud, li huwa reġjun li ilu magħruf għal ħafna żmien qabel ma tressqet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, minħabba l-istorja tiegħu, il-pożizzjoni ġeografika tiegħu, l-awtonomija tiegħu, is-sistema lingwistika partikolari tiegħu u l-importanza ekonomika tiegħu. Skont il-Bord tal-Appell Estiż, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn l-elementi jikkostiwixxu fatt notorju, jiġifieri li jista’ jkun magħruf minn kull persuna jew li jista’ jsir magħruf minn sorsi ġeneralment aċċessibbli [sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T‑185/02, EU:T:2004:189, punt 29], li kienet teżisti ferm qabel ma tressqet l-imsemmija applikazzjoni. |
41 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta bejn l-isem ġeografiku u s-servizzi msemmija, jeħtieġ li jiġi rrilevat li kien ukoll b’mod ġust li l-Bord tal-Appell Estiż enfasizza, b’mod partikolari fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li r-reġjun ta’ Tirol tas-sud ilu, għal żmien twil, ġeneralment ipperċepit bħala reġjun affluwenti, b’ekonomija dinamika, kif ġie rrilevat fil-punt 40 iktar ’il fuq. Il-Qorti Ġenerali tqis li ċ-ċirkustanza li r-reġjun ta’ Tirol tas-sud huwa reġjun ekonomikament affluwenti, b’ekonomija dinamika, hija wkoll ta’ natura notorja. Barra minn hekk, huwa wkoll magħruf, kif irrilevat ġustament mill-Bord tal-Appell Estiż fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi, bħas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata, huma bħala prinċipju proposti f’kull reġjun li jkollu ċerta importanza ekonomika. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni ma ġietx ikkontestata, fil-kuntest ta’ din il-kawża, mill-kritika ġenerali tar-rikorrenti, li barra minn hekk ma ġietx sostnuta. |
42 |
Barra minn hekk, huwa veru li l-pubbliku rilevanti jista’ jipperċepixxi t-trade mark ikkontestata bħala riferiment għal kwalità speċifika tal-imsemmija servizzi, pereżempju, għall-fatt li dawn is-servizzi huma adatti għar-rekwiżiti partikolari tal-impriżi li joperaw f’dan ir-reġjun, li għandu kuntest politiku, amministrattiv u lingiwstiku partikolari (punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, l-użu ta’ tali indikazzjoni ġeografika tal-oriġini jista’ jagħti lill-persuni kkonċernati idea jew immaġni pożittiva ta’ kwalità partikolari ta’ dawn is-servizzi, fis-sens tal-ġurisprudenza [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Mövenpick vs UASI (PASSIONATELY SWISS), T‑377/09, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:753, punti 44 u 45] u jista’ jnissel sentimenti pożittivi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq meta l-imsemmija indikazzjoni tintuża flimkien mal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata. |
43 |
Minn dan jirriżulta li t-trade mark ikkontestata tinftiehem mill-pubbliku rilevanti mhux biss bħala riferiment għal reġjun ġeografiku, li jnissel sentimenti pożittivi, iżda wkoll, fid-dawl tal-affluwenza u l-evoluzzjoni dinamika tal-ekonomija tal-imsemmi reġjun, bħala indikazzjoni li s-servizzi koperti minnha joriġinaw minn dan ir-reġjun. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiżdied li l-intervenjenti pprovat quddiem il-Bord tal-Appell Estiż li diversi impriżi, stabbiliti f’dan ir-reġjun, effettivament joffru servizzi tal-istess natura bħas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata (punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata) u li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tikkontesta tali evalwazzjoni. Konsegwentement, meta tali servizzi jiġu kkummerċjalizzati taħt it-trade mark ikkontestata, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi lil din tal-aħħar bħala indikazzjoni tal-oriġini tagħhom. |
44 |
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-isem ġeografiku ma jistax jiddeskrivi l-karatteristiċi tas-servizzi inkwistjoni, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu l-għan li jiġi evitat li xi operatur ekonomiku jimmonopolizza indikazzjoni ġeografika tal-oriġini b’detriment għall-kompetituri tiegħu. Għalkemm huwa veru li l-Bord tal-Appell Estiż huwa bħala prinċipju marbut li jeżamina r-rilevanza tal-indikazzjoni ġeografika tal-oriġini għal dawn ir-relazzjonijiet kompetittivi billi jeżamina ir-rabta bejn din l-oriġini u l-prodotti u s-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal trade mark, qabel ma jkun jista’ jirrifjuta r-reġistrazzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, xorta jibqa’ l-fatt li l-intensità ta’ dan l-obbligu tista’ tvarja skont diversi fatturi, bħall-portata, ir-reputazzjoni jew in-natura tal-indikazzjoni ġeografika tal-oriġini inkwistjoni. Fil-fatt, il-probabbiltà li indikazzjoni ġeografika tal-oriġini tista’ tinfluwixxi r-relazzjonijiet kompetittivi tkun qawwija meta din tkun marbuta ma’ reġjun kbir b’reputazzjoni għall-kwalità ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi, u tkun dgħajfa meta din tkun marbuta ma’ post iddeterminat sewwa li r-reputazzjoni tiegħu hija limitata għal numru limitat ta’ prodotti jew ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, PASSIONATELY SWISS, T‑377/09, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:753, punt 41). |
45 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li din il-probabbiltà għandha tiġi kkunsidrata bħala qawwija, fid-dawl tas-sentimenti pożittivi li jista’ jnissel ir-riferiment għat-Tirol tas-sud fl-okkażjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi inkwistjoni. L-obbligu tal-EUIPO li jeżamina r-rabta bejn l-oriġini u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata għandu, għaldaqstant, jiġi kkunsidrat bħala inqas intens. |
46 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża odjerna, fejn l-indikazzjoni ġeografika tal-oriġini hija diġà magħrufa jew għandha reputazzjoni, l-EUIPO jista’ sempliċement jikkonstata l-eżistenza ta’ tali rabta, minflok iwettaq eżami konkret dwar l-eżistenza ta’ din ir-rabta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, PASSIONATELY SWISS, T‑377/09, li ma ġietx ippubblikata, EU:T:2011:753, punt 43). |
47 |
Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell Estiż, fil-punti 51 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, wettaq eżami konkret tar-rabta li tista’ teżisti bejn l-indikazzjoni ġeografika tal-oriġini u kull waħda mill-kategoriji ta’ servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata u li dan l-eżami ma huwiex ivvizzjat b’xi żball. |
48 |
Barra minn hekk, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell Estiż fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata, is-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ma huma tal-ebda kwalità partikolari li tista’ twassal lill-pubbliku rilevanti sabiex ma jassoċjax l-indikazzjoni ġeografika mal-oriġini ġeografika tal-imsemmija servizzi. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza invokata fil-punt 34 iktar ’il fuq, li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludi r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni, magħrufa mill-persuni kkonċernati bħala indikazzjoni ta’ reġjun ġeografiku, sa fejn huwa probabbli li l-persuni kkonċernati jistgħu jimmaġinaw li s-servizzi kkonċernati joriġinaw minn dan ir-reġjun (ara l-punt 57 tad-deċiżjoni kkontestata). |
49 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi stabbilit li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. |
50 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti. |
51 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-post fejn is-servizzi huma pprovduti jew tal-post tas-sede tal-impriża bħala kriterju ta’ oriġini. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li, għall-kategoriji tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata, l-indikazzjoni ta’ post hija abitwalment użata u mifhuma bħala riferiment għas-sede ta’ impriża li tipprovdi s-servizzi inkwistjoni u, għaldaqstant, għall-post li minnu dawn tal-aħħar, huma bħala prinċipju, ipprovduti. Tifsiriet possibbli oħra ta’ din l-indikazzjoni ġeografika huma irrilevanti, peress li, skont il-ġurisprudenza, huwa suffiċjenti li s-sinjal inkwistjoni ikun ikopri, tal-inqas fit-tifsiriet possibbli tiegħu, karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, MunichFinancialServices, T‑316/03, EU:T:2005:201, punt 33). |
52 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa suffiċjenti sabiex tiġi ppreżervata d-disponibbiltà, b’mod partikolari, tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-oriġini fil-kummerċ, peress li dan jipprekludi lill-proprjetarju tat-trade mark milli jipprojbixxi lil terzi milli jużaw l-imsemmija indikazzjonijiet fl-ismijiet tagħhom jew l-ismijiet kummerċjali tagħhom jew għal finijiet ta’ informazzjoni kummerċjali. |
53 |
L-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li “It-trade mark [tal-Unjon Ewropea] ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ […] indikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi”. |
54 |
Ċertament, din id-dispożizzjoni għandha l-għan, fil-kuntest tal-artikulazzjoni tagħha mal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod partikolari għat-trade marks li ma humiex suġġetti għal din id-dispożizzjoni peress li ma humiex esklużivament deskrittivi, li jiġi permess, b’mod partikolari, li l-użu ta’ indikazzjoni marbuta mal-oriġini ġeografiku li barra minn hekk tikkostitwixxi element ta’ trade mark kumplessa ma jkunx suġġett għall-projbizzjoni li jista’ jitlob il-proprjetarju ta’ tali trade mark abbażi tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, meta l-użu ta’ tali indikazzjoni isir skont b’mod konformi mal-użu ġenwin fil-qasam industrijali jew kummerċjali (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2003, OLDENBURGER, T‑295/01, EU:T:2003:267, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-kawża odjerna, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li l-prinċipju ġurisprudenzjali, prodott fil-punt 30 iktar ’il fuq, li jirrigwarda l-interess ġenerali li fuqu huwa msejjes l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, juri wkoll li l-possibbiltà, inkluża fl-Artikolu 66(2) tal-imsemmi regolament, li, b’deroga mill-imsemmi Artikolu 7(1)(c), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex tiġi indikata l-oriġini ġeografika tal-prodotti jistgħu jikkostitwixxu trade marks kollettivi, ma hijiex kontradetta mill-Artikolu 12(b) tal-imsemmi regolament, fatt li lanqas ma jinfluwenza b’mod determinanti l-interpretazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa intiż li jsolvi problemi li jqumu meta tkun ġiet irreġistrata trade mark komposta totalment jew parzjalment minn isem ġeografiku, ma tagħtix lil terzi l-użu tal-isem bħala trade mark, iżda sempliċement tiżgura li dawn ikunu jistgħu jużawha b’mod deskrittiv, jiġifieri bħala indikazzjoni marbuta mal-oriġini ġeografika, bil-kundizzjoni li l-użu jsir b’mod konformi mal-użu ġenwin fil-qasam industrijali jew kummerċjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punti 26 sa 28). |
56 |
Jeħtieġ li jiġi konkluż li l-interess li tiġi ppreservata d-disponibbiltà tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-oriġini, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwiex suffiċjentement protett mill-kontenut tal-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009. L-argument tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi miċħud. |
57 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
58 |
Dan ifisser li r-rikors kollu għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk tkun saret talba f’dan is-sens. |
60 |
Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla) Taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Prek Labucka Kreuschitz Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Lulju 2016. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.