Is sliocht ón suíomh gréasáin EUR-Lex atá sa doiciméad seo
Doiciméad 62023CJ0644
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 16 January 2025.#Criminal proceedings against IR.#Request for a preliminary ruling from the Sofiyski gradski sad.#Reference for a preliminary ruling – Judicial cooperation in criminal matters – Directive (EU) 2016/343 – Article 8 – Right to be present at the trial – Information regarding the holding of the trial and the consequences of non-appearance – Inability to locate the accused person notwithstanding the reasonable efforts of the competent authorities – Possibility of a trial and a decision in absentia – Article 9 – Right to a new trial or to another legal remedy which allows a fresh determination of the merits of the case – No such right where the person concerned absconds.#Case C-644/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Jannar 2025.
Sofiyska gradska prokuratura vs IR.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski gradski sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu – Informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra – Impossibbiltà li tiġi llokalizzata l-persuna akkużata minkejja l-isforzi raġonevoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti – Possibbiltà ta’ proċess u ta’ deċiżjoni fil-kontumaċja – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju ġuridiku ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża – Assenza ta’ dan id-dritt meta l-persuna kkonċernata tevita l-azzjoni ġudizzjarja.
Kawża C-644/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Jannar 2025.
Sofiyska gradska prokuratura vs IR.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski gradski sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu – Informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra – Impossibbiltà li tiġi llokalizzata l-persuna akkużata minkejja l-isforzi raġonevoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti – Possibbiltà ta’ proċess u ta’ deċiżjoni fil-kontumaċja – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju ġuridiku ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża – Assenza ta’ dan id-dritt meta l-persuna kkonċernata tevita l-azzjoni ġudizzjarja.
Kawża C-644/23.
Aitheantóir ECLI: ECLI:EU:C:2025:16
*A9* Sofiyski gradski sad, opredelenie ot 26/10/2023 (5546/2023)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu – Informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra – Impossibbiltà li tiġi llokalizzata l-persuna akkużata minkejja l-isforzi raġonevoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti – Possibbiltà ta’ proċess u ta’ deċiżjoni fil-kontumaċja – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju ġuridiku ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża – Assenza ta’ dan id-dritt meta l-persuna kkonċernata tevita l-azzjoni ġudizzjarja”
Fil-Kawża C‑644/23 [Stangalov] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ottubru 2023, fi proċeduri kriminali kontra
IR,
fil-preżenza ta’:
Sofiyska gradska prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Vondung u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra IR fir-rigward ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati fiskali suġġetti għal pieni li jċaħħdu l-libertà. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 33, 35 sa 39, 47 u 48 tad-Direttiva 2016/343 jistabbilixxu:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:
|
|
5 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom. 2. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:
3. Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata. 4. Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il- possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid” huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.” |
Id‑dritt Bulgaru
|
7 |
L-Artikolu 94(1) u (3) tan-Nakazatelno‑protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) (DV Nru 86, tat-28 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprovdi: “1. Il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant fil-proċess kriminali tkun obbligatorja meta […] il-kawża tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata; […] 3. Meta l-intervent ta’ rappreżentant ikun obbligatorju, l-awtorità kompetenti għandha taħtar avukat bħala rappreżentant.” |
|
8 |
Il-punt 3 tal-Artikolu 219(3) tan-NPK jipprovdi: “Id-digriet ta’ akkuża […] għandu jispeċifika […] il-fatti li għalihom [il-persuna kkonċernata] tkun akkużata u l-kwalifika legali ta’ dawn il-fatti.” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 246(1) tan-NPK: “Il-Prosekutur Pubbliku għandu jfassal l-att ta’ akkuża meta jkun konvint li jkunu nġabru l-provi neċessarji sabiex […] titressaq l-akkuża quddiem il-qorti […]” |
|
10 |
L-Artikolu 247c(1) tan-NPK jipprovdi: “Kopja tal-att tal-akkuża għandha tintbagħat lill-persuna akkużata fuq ordni tal-Imħallef Relatur. In-notifika tal-att ta’ akkuża għandha tinforma lill-persuna akkużata bid-data ffissata għas-seduta preliminari […] u li l-kawża tista’ tiġi eżaminata u deċiża fl-assenza tagħha, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 269.” |
|
11 |
L-Artikolu 269 tan-NPK jipprevedi: “1. Il-preżenza tal-persuna akkużata waqt il-proċess hija obbligatorja meta din tiġi akkużata b’reat kriminali gravi. […] 3. Meta dan ma jipprekludix li tiġi skoperta l-verità oġġettiva, il-kawża tista’ tiġi eżaminata fl-assenza tal-persuna akkużata jekk:
[…]
|
|
12 |
Skont l-Artikolu 423(1) tan-NPK: “F’terminu ta’ sitt xhur minn meta tieħu konjizzjoni tal-kundanna kriminali definittiva jew mill-konsenja effettiva tagħha lir-Repubblika tal-Bulgarija minn pajjiż ieħor, il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess kriminali billi tinvoka l-assenza tagħha matul il-proċeduri kriminali. It-talba għandha tintlaqa’, ħlief, minn naħa, fil-każ fejn il-persuna kkundannata tkun ħarbet wara l-komunikazzjoni tal-kapijiet ta’ akkuża, fil-kuntest tal-proċedura preliminari, bl-effett li l-proċedura skont l-Artikolu 247b(1) ma tkunx tista’ tiġi eżegwita, jew, min-naħa l-oħra, wara li din il-proċedura tkun ġiet eżegwita, il-persuna kkundannata ma tkunx dehret għas-seduta mingħajr raġuni valida”. |
Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
13 |
Matul is-sena 2016, IR ġie akkużat li pparteċipa fi grupp ta’ organizzazzjoni kriminali bl-għan li jwettaq reati fiskali, li huma suġġetti għal pieni li jċaħħdu l-libertà. |
|
14 |
Fid‑19 ta’ April 2016, IR ġie nnotifikat bl-att ta’ akkuża relatat ma’ dawn ir-reati, maħruġ skont l-Artikolu 219 tan-NPK. |
|
15 |
Wara dan l-att ta’ akkuża, li nħareġ fil-kuntest tal-istruttorja, IR irrikorra għas-servizzi ta’ avukat imqabbad minnu u pprovda indirizz li fih huwa seta’ jiġi kkuntattjat. |
|
16 |
Fit‑8 ta’ Ġunju 2016, l-istruttorja tlestiet u l-fajl intbagħat lill-Prosekutur Pubbliku. |
|
17 |
Fid‑9 ta’ Diċembru 2016, il-Prosekutur Pubbliku stabbilixxa l-att ta’ akkuża skont l-Artikolu 246 tan-NPK u ressaq il-kawża kontra IR quddiem l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija). |
|
18 |
Minkejja t-tentattivi tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) li tħarrek lil IR personalment sabiex dan jidher għas-seduta, IR la seta’ jiġi llokalizzat fl-indirizz li huwa kien ipprovda u lanqas imkien ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-passi previsti fl-Artikolu 247c(1) tan-NPK, fosthom l-għoti lil IR ta’ kopja tal-att ta’ akkuża msemmi fl-Artikolu 246 tan-NPK, ma setgħux jitwettqu. |
|
19 |
Avukat ġie maħtur ex officio sabiex jiddefendi lil IR. Madankollu, dan l-avukat ma rnexxilux jagħmel kuntatt miegħu u rrinunzja milli jiddefendih. L-avukati l-oħra li sussegwentement inħatru ex officio lanqas ma kienu f’pożizzjoni li jistabbilixxu kuntatt ma’ IR. |
|
20 |
Hekk kif irriżulta li l-att ta’ akkuża kien ivvizzjat b’irregolarità, dan l-att ġie ddikjarat null u konsegwentement il-proċedura ngħalqet. Sussegwentement, tfassal att ta’ akkuża ġdid skont l-Artikolu 246 tan-NPK u l-proċeduri nfetħu mill-ġdid. F’din l-okkażjoni, IR reġa’ ġie mfittex, inkluż permezz tal-membri tal-familja tiegħu, tal-persuni li qabel kienu jimpjegawh u tal-operaturi tat-telefonija mobbli, iżda ma setax jiġi llokalizzat. |
|
21 |
Permezz tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2020, l-ispetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
22 |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401), li d-dispożittiv tagħha huwa fformulat kif ġej: “L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva [2016/343] għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna akkużata li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, minkejja l-isforzi raġonevoli tagħhom, ma jkunux irnexxilhom jillokalizzaw u li lilha dawn l-awtoritajiet, minħabba f’hekk, ma jkunux irnexxilhom jagħtu l-informazzjoni dwar il-proċess imressaq kontriha tista’ tkun is-suġġett ta’ proċess u, jekk ikun il-każ, ta’ kundanna fil-kontumaċja, iżda f’dan il-każ għandu jkollha, bħala prinċipju, il-possibbiltà, wara l-komunikazzjoni ta’ din il-kundanna, li tinvoka direttament id-dritt, mogħti minn din id-direttiva, li tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess jew l-aċċess għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-kawża. Madankollu l-imsemmija persuna tista’ tiġi mċaħħda minn dan id-dritt jekk minn indizji preċiżi u oġġettivi jirriżulta li tkun irċeviet informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf li kien ser jinżamm proċess kontriha u, permezz ta’ atti deliberati u bl-intenzjoni li tevita l-azzjoni ġudizzjarja, tkun ipprekludiet lill-awtoritajiet milli jinformawha uffiċjalment dwar iż-żamma ta’ dan il-proċess.” |
|
23 |
Is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li, wara t-tneħħija tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata), kompliet il-proċeduri kriminali mibdija kontra IR u li, għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, tikkonstata li, mill-għoti tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħruba) (C‑569/20, EU:C:2022:401), il-ġurisprudenza Bulgara dwar l-Artikolu 423 tan-NPK baqgħet ma nbidlitx. B’mod partikolari, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex teżamina t-talbiet ta’ proċess ġdid, tkompli tapplika l-Artikolu 423 tan-NPK fis-sens li kull persuna li ħarbet wara li rċeviet id-digriet ta’ akkuża msemmi fl-Artikolu 219 tan-NPK tkun, fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja, imċaħħda mid-dritt għal proċess ġdid. |
|
24 |
Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li, fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja ta’ IR, l-eventwali talba sussegwenti tiegħu intiża għaż-żamma ta’ proċess ġdid, tkun iddestinata li ma tirnexxix. |
|
25 |
Skont din il-qorti, IR għandu, skont id-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta u rifless fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, jibbenefika mid-dritt għal proċess ġdid. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-digriet ta’ akkuża personalment irċevut minn IR fid‑19 ta’ April 2016 kien jaqa’ taħt il-fażi tal-investigazzjoni, li tippreċedi t-trażmissjoni tal-fajl lill-Prosekutur Pubbliku. Dan l-att ta’ akkuża preliminari jinkludi biss espożizzjoni fil-qosor tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi, sabiex il-persuna ssuspettata tiġi informata li hija akkużata bit-twettiq ta’ reat speċifiku u sabiex tingħatalha l-possibbiltà li tipprovdi spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward. |
|
27 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-mument meta l-persuna kkonċernata tirċievi dan l-att ta’ akkuża preliminari, il-provi kollha inkriminanti u skaġunanti ma jkunux għadhom magħrufa. Id-deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku li jistabbilixxi l-att ta’ akkuża msemmi fl-Artikolu 246 tan-NPK u li jressaq il-kawża quddiem il-qorti kompetenti lanqas ma hija magħrufa waqt l-istruttorja. |
|
28 |
Għalhekk huwa biss meta tirċievi l-att ta’ akkuża stabbilit skont l-Artikolu 246 NPK li l-persuna kkonċernata tifhem għall-ewwel darba li ser ikun hemm proċess. Huwa wkoll f’dan l-istadju li dan tal-aħħar jiġi informat bil-possibbiltà li l-kawża tiġi deċiża fl-assenza tiegħu. |
|
29 |
Skont il-qorti tar-rinviju, kemm l-Artikolu 423(1) tan-NPK kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) dwar din id-dispożizzjoni huma inkompatibbli mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, sa fejn dawn iċaħħdu mid-dritt għal proċess ġdid persuni li kienu s-suġġett ta’ proċess fil-kontumaċja minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma kinux issodisfatti. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tixtieq, qabel ma tipproċedi, jekk ikun il-każ, għall-kundanna fil-kontumaċja ta’ IR, tikseb preċiżazzjonijiet addizzjonali mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dritt għal proċess ġdid. Jekk jirriżulta effettivament minn dawn il-preċiżazzjonijiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-Artikolu 423(1) tan-NPK, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk il-qorti tar-rinviju tistax, jew saħansitra għandhiex, tirrifjuta li tiddeċiedi fil-kawża fil-kontumaċja pendenti kontra IR, sabiex jiġi evitat li dan ikun, sussegwentement, suġġett għal ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li hija għandha informazzjoni ċerta li minnha jirriżulta li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tirrifjuta li tirrikonoxxi d-dritt ta’ IR għal proċess ġdid. Din l-informazzjoni hija marbuta mal-fatt li din il-qorti suprema ma adattatx il-ġurisprudenza tagħha wara l-għoti tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401) u tirrifjuta b’mod persistenti li tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2016/343. |
|
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
33 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li taħrab wara li tkun irċeviet att ta’ akkuża preliminari stabbilit kontriha matul il-fażi ta’ investigazzjoni ta’ proċedura kriminali, li tipprekludi għalhekk lill-awtoritajiet milli jinformawha personalment bl-att ta’ akkuża definittiv kif ukoll bid-data u bil-post taż-żamma tal-proċess tagħha, li hija difiża matul dan il-proċess minn avukat maħtur ex officio li ma għandux kuntatt magħha u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiġi kkundannata fil-kontumaċja, ma jkollhiex, jekk tiġi lokalizzata u arrestata bl-għan tal-eżekuzzjoni tal-piena tagħha, dritt għal proċess ġdid. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li d-Direttiva 2016/343 hija intiża, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti elementi tal-proċeduri kriminali, fosthom id-“dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess”. Kif tikkonferma espressament il-premessa 33 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jagħmel parti integrali mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 25). |
|
35 |
L-Istati Membri jistgħu madankollu, konformement mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343, jipprovdu, taħt ċerti kundizzjonijiet, iż-żamma ta’ proċess fil-kontumaċja, peress li, meta jseħħ tali proċess minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux ssodisfatti, il-persuna kkonċernata jkollha dritt “għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża […] u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali” (iktar ’il quddiem id-“dritt għal proċess ġdid”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punti 26 sa 28). |
|
36 |
Minn dan jirriżulta li persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ tiċċaħħad mid-dritt għal proċess ġdid biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ikunu ssodisfatti (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 31). |
|
37 |
Għaldaqstant, meta l-persuna kkonċernata ma tkunx ġiet informata, fi żmien xieraq, biż-żamma tal-proċess tagħha jew meta, filwaqt li tkun ġiet informata biż-żamma tiegħu, din il-persuna ma tkunx ġiet informata bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra u lanqas ma tkun ġiet irrappreżentata minn avukat inkarigat f’dan il-proċess, l-imsemmija persuna tibbenefika, bħala prinċipju, minn meta ssir taf bid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, mid-dritt għal proċess ġdid. Id-Direttiva 2016/343 tipprekludi, għalhekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal proċess ġdid għas-sempliċi raġuni li l-persuna kkonċernata tkun ħarbet u l-awtoritajiet ma jkunux irnexxilhom jillokalizzawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punti 41 sa 47). |
|
38 |
Kif jirriżulta mill-premessa 38 ta’ din id-direttiva, hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonċernata tkunx ġiet informata biż-żamma tal-proċess tagħha, li tingħata attenzjoni partikolari, minn naħa, għad-diliġenza li jkunu eżerċitaw l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jinformaw lill-persuna kkonċernata biż-żamma ta’ dan il-proċess u, min-naħa l-oħra, għad-diliġenza li użat din il-persuna sabiex tirċievi l-informazzjoni relatata miegħu. Konsegwentement, għandu jitqies li l-imsemmija persuna ma tibbenefikax mid-dritt għal proċess ġdid meta minn indizji preċiżi u oġġettivi jirriżulta li din il-persuna, filwaqt li tkun ġiet informata uffiċjalment li hija akkużata li wettqet reat kriminali u, meta b’hekk kienet taf li proċess kien ser jiġi organizzat kontriha, deliberatament tevita li tirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar id-data u l-post ta’ dan il-proċess. L-eżistenza ta’ tali indizji preċiżi u oġġettivi tista’, pereżempju, tiġi kkonstatata meta l-imsemmija persuna tkun ikkomunikat volontarjament indirizz żbaljat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam kriminali jew ma tkunx għadha tinsab fl-indirizz li hija tkun ikkomunikat (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punti 48 sa 50). |
|
39 |
F’dan il-każ, jekk jirriżulta li l-att ta’ akkuża definittiv stabbilit skont l-Artikolu 246 tan-NPK, kif ukoll id-dokument li jsemmi d-data u l-post tal-proċess previst, intbagħtu u effettivament inħarġu fl-indirizz li IR kien ikkomunika lill-awtoritajiet inkarigati mill-istruttorja wara li rċevew l-att ta’ akkuża preliminari msemmi fl-Artikolu 219 tan-NPK, tali ċirkustanzi jistgħu, jekk il-kontenut ta’ dan l-att ta’ akkuża definittiv jikkorrispondi, fir-rigward tal-fatti kkritikati u tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom, mal-kontenut ta’ dan l-att ta’ akkuża preliminari, jikkostitwixxu indizji preċiżi u oġġettivi li jippermettu li jitqies li IR, peress li ġie informat bl-akkuża miġjuba kontrih u, għaldaqstant, peress li kellu informazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jaf li kien ser jiġi organizzat proċess kontrih, ipprekluda lil dawn tal-aħħar milli jinformawh uffiċjalment dwar iż-żamma ta’ dan il-proċess billi telaq, bl-intenzjoni li jevita l-azzjoni ġudizzjarja, mill-indirizz li huwa kien ikkomunika lill-awtoritajiet (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 58). |
|
40 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li għadu ma huwiex ċert, matul il-fażi ta’ investigazzjoni tal-proċedura kriminali, li l-att ta’ akkuża preliminari, li l-persuna kkonċernata saret taf bih, ser ikun segwit minn att ta’ akkuża definittiv u għalhekk minn proċess. Fil-fatt, minn naħa, mill-formulazzjoni stess tal-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li r-regoli minimi komuni stabbiliti minn dawn l-artikoli japplikaw kemm għall-“persuni suspettati” kif ukoll għall-“persuni akkużati”. Għaldaqstant, il-persuni li huma ssuspettati li wettqu reat jaqgħu taħt dawn ir-regoli, anki jekk ma jkunux għadhom formalment akkużati. |
|
41 |
Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li, kif jirriżulta mill-premessi 47 u 48 tad-Direttiva 2016/343, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-Direttiva, huwa biżżejjed, għall-finijiet li jiġi konkluż li l-persuna kkonċernata deliberatament evitat l-azzjoni ġudizzjarja billi ħarbet minkejja li kellha informazzjoni li tippermettilha tkun taf li proċess kien ser jiġi organizzat kontra tagħha, li miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li l-persuna kkonċernata ħarbet wara li kellha għarfien li l-kawża tagħha probabbilment ser titressaq quddiem qorti (Qorti EDB, 26 ta’ Jannar 2017, Lena Atanasova vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2017:0126JUD005200907, punt 48). |
|
42 |
Konsegwentement, l-Istati Membri jistgħu jqisu, fil-preżenza ta’ tali ċirkustanzi, li t-trażmissjoni fi żmien xieraq, mill-awtoritajiet kompetenti, tad-dokument uffiċjali li jsemmi d-data u l-post ta’ proċess fl-indirizz li l-persuna kkonċernata tkun ikkomunikat lil dawn l-awtoritajiet matul l-istruttorja tal-kawża u l-prova prodotta li dan id-dokument effettivament inħareġ f’dan l-indirizz huma ekwivalenti għall-fatt li din il-persuna, li tkun ħarbet, tiġi informata dwar din id-data u dan il-post, konformement mal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343. Madankollu, dan jista’ jkun il-każ biss bil-kundizzjoni li l-imsemmija awtoritajiet ikunu għamlu sforzi raġonevoli sabiex isibu l-imsemmija persuna u jħarrku lil din tal-aħħar personalment jew sabiex jinformawha uffiċjalment, b’mezzi oħra, dwar id-data u l-post ta’ dan il-proċess, kif previst fil-premessa 36 ta’ din id-direttiva. Il-persuna kkonċernata tkun, f’dan il-każ, meqjusa li ġiet informata biż-żamma tal-imsemmi proċess u li rrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku li teżerċita d-dritt tagħha li tkun preżenti għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 48). |
|
43 |
Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, anki meta jitqies li tkun ġiet informata biż-żamma tal-proċess tagħha u li tkun irrinunzjat volontarjament u b’mod inekwivoku li teżerċita d-dritt tagħha li tkun preżenti għalih, jeħtieġ ukoll, sabiex il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ikunu ġew issodisfatti kollha, li l-persuna kkonċernata, konformement mal-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 8(2), tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra jew li tkun, konformement mal-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 8(2), irrappreżentata minn avukat inkarigat. |
|
44 |
F’dan il-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-Artikolu 423(1) tan-NPK għandu l-effett li jċaħħad mid-dritt għal proċess ġdid lill-persuni li ħarbu wara li jkunu rċevew att ta’ akkuża preliminari, maħruġ skont l-Artikolu 219 tan-NPK, mingħajr ma dan l-Artikolu 423(1) jeżiġi li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punti 39 u 42 ta’ din is-sentenza, il-persuna kkonċernata tista’ titqies li ġiet informata mill-awtoritajiet kompetenti biż-żamma tal-proċess tagħha u, min-naħa l-oħra, jekk din ġiet informata minn dawn l-awtoritajiet bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra jew kienet irrappreżentata f’dan il-proċess minn avukat inkarigat. |
|
45 |
Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jeżaminaw jekk l-Artikolu 423(1) tan-NPK jistax madankollu jiġi interpretat f’sens li jippermetti li l-esklużjoni tad-dritt għal proċess ġdid li prevista fih tiġi limitata biss għall-każijiet li fihom il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ikunu ssodisfatti. Fil-każ li jkun impossibbli li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Bulgara li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, u peress li, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva għandhom effett dirett, dawn il-qrati jkunu obbligati li ma japplikawx kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu jew jistennew it-tħassir minn qabel tad-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li hija inkompatibbli magħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, ZX (Regolarizzazzjoni tal-att ta’ akkuża), C‑282/20, EU:C:2021:874, punti 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tista’, kif jirriżulta mill-punti 82 sa 85 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑400/23, VB II, tintalab teżamina hija stess jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti jew le f’dan il-każ. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-punt dwar jekk IR jistax jitqies li ġie informat biż-żamma tal-proċess tiegħu u li rrinunzja volontarjament u b’mod inekwivoku li jeżerċita d-dritt tiegħu li jkun preżenti għalih, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tibbaża ruħha fuq l-indikazzjonijiet ipprovduti fil-punt 58 tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401), li huma mfakkra u ppreċiżati fil-punti 39 u 42 ta’ din is-sentenza. |
|
48 |
Għall-kumplament, mill-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li IR huwa rrappreżentat, waqt il-proċess fil-kontumaċja tiegħu, minn avukat maħtur ex officio li ma għandu ebda kuntatt miegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif ġie rrilevat fil-punt 56 tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401), jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li IR ma huwiex irrappreżentat minn “avukat inkarigat”, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2016/343. Għaldaqstant, il-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva humiex issodisfatti għandu, f’dan il-każ, jiġi eżaminat fid-dawl tal-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 8(2). |
|
49 |
Konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk IR ġiex informat fi żmien xieraq bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, jidher, bla ħsara għal verifika minn din il-qorti, li, għalkemm mill-Artikolu 247c(1) tan-NPK jirriżulta li n-notifika tal-att ta’ akkuża msemmi fl-Artikolu 246 tan-NPK hija intiża b’mod partikolari sabiex il-persuna akkużata tiġi informata li l-kawża tista’ tiġi deċiża fl-assenza tagħha, b’mod partikolari jekk hija ma tkunx tinsab fl-indirizz li hija indikat jew jekk hija tkun biddlitu mingħajr ma informat lill-awtoritajiet kompetenti, tali obbligu ma huwiex previst fir-rigward tal-att ta’ akkuża preliminari msemmi fl-Artikolu 219 tan-NPK. |
|
51 |
Li kieku kellu jiġi stabbilit li IR ma ġiex informat li, jekk huwa jaħrab mill-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni jew jekk jikkomunika indirizz żbaljat lil dawn l-awtoritajiet għall-finijiet tan-notifika eventwali ta’ att ta’ akkuża msemmi fl-Artikolu 246 tan-NPK, huwa jesponi ruħu għaż-żamma ta’ proċess fl-assenza tiegħu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonkludi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. |
|
52 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li taħrab wara li tkun irċeviet att ta’ akkuża preliminari stabbilit kontriha matul il-fażi ta’ investigazzjoni ta’ proċedura kriminali, u b’hekk l-awtoritajiet kompetenti jiġu preklużi milli jinformawha personalment bl-att ta’ akkuża definittiv kif ukoll bid-data u bil-post taż-żamma tal-proċess tagħha u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiġi kkundannata fil-kontumaċja, ma jkollhiex, jekk tiġi llokalizzata u arrestata bl-għan tal-eżekuzzjoni tal-piena tagħha, dritt għal proċess ġdid, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun tillimita din l-esklużjoni mid-dritt għal proċess ġdid għall-persuni li, minn naħa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jistgħu jitqiesu bħala li ġew informati biż-żamma tal-proċess tagħhom u li, min-naħa l-oħra, kienu rrappreżentati, matul il-proċess fil-kontumaċja, minn avukat inkarigat minnhom jew, fin-nuqqas ta’ tali rappreżentazzjoni, kienu ġew informati fi żmien xieraq li, jekk jaħarbu mill-azzjoni tal-ġustizzja, kienu ser jesponu lilhom infushom għaż-żamma ta’ proċess fl-assenza tagħhom. |
Fuq it-tieni domanda
|
53 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tar-rifjut tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) li tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2016/343, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti kriminali tista’, jew saħansitra għandha, tastjeni milli tiddeċiedi fuq il-mertu tal-akkuża mressqa kontra l-persuna akkużata u milli tagħti deċiżjoni fil-kontumaċja tagħha, sabiex tevita li din il-persuna sussegwentement ikollha t-talba tagħha għal proċess ġdid miċħuda, b’mod żbaljat, mill-qorti suprema tal-kassazzjoni kkonċernata, li hija esklużivament kompetenti sabiex teżamina t-talbiet għal proċess ġdid f’każijiet bħal dak tal-kawża prinċipali. |
|
54 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, fil-każ li jkun impossibbli li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, il-qrati nazzjonali huma obbligati ma japplikawx kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jkollhom jitolbu jew jistennew it-tħassir minn qabel tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni. |
|
55 |
F’din is-sitwazzjoni, il-qrati nazzjonali, fosthom il-qorti suprema ta’ kassazzjoni kkonċernata fil-każ ta’ tressiq ta’ talba għal proċess ġdid, huma għalhekk obbligati jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli minimi komuni stabbiliti fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għandhom effett dirett. |
|
56 |
Sa fejn il-qorti tar-rinviju tesponi, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li mill-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) jirriżulta b’ċertezza li din tal-aħħar tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2016/343, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha, mill-pożizzjoni ċentrali okkupata minn tali konstatazzjoni fit-tieni domanda preliminari, fuq il-premessa, barra minn hekk esposta wkoll fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li mis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401) jirriżulta li d-Direttiva 2016/343 tipprekludi l-Artikolu 423(1) tan-NPK. |
|
57 |
Fil-fatt, skont ir-raġunament espost mill-qorti tar-rinviju, ir-rifjut tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) li tieħu inkunsiderazzjoni din id-direttiva huwa pprovat mill-fatt li din tal-aħħar ma adattatx il-ġurisprudenza tagħha minn meta ngħatat din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tkompli tapplika l-Artikolu 423(1) tan-NPK mingħajr deroga mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni abbażi tar-regoli minimi komuni stabbiliti fl-imsemmija direttiva. |
|
58 |
Fis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2016/343 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 423(1) tan-NPK, li jkollha l-effett li ċċaħħad mid-dritt għal proċess ġdid lill-persuni li ħarbu wara li jkunu rċevew att ta’ akkuża preliminari. Huwa biss f’din is-sentenza, li tinkludi elementi ta’ interpretazzjoni supplimentari meta mqabbla ma’ dawk ipprovduti fis-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401), li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi iktar indikazzjonijiet intiżi sabiex jgħinu lill-qrati Bulgari jiddeterminaw jekk il-modalitajiet speċifiċi tas-sistema proċedurali prevista fin-NPK humiex konformi ma’ din id-direttiva. |
|
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), sal-lum, kompliet tapplika l-Artikolu 423(1) NPK mingħajr deroga, sabiex jiġu ssanzjonati r-regoli minimi komuni stabbiliti fid-Direttiva 2016/343, għall-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tan-NPK, ma jixhidx neċessarjament rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni din id-direttiva, iżda jista’ jirrifletti l-konvinzjoni ta’ din il-qorti suprema, li għandha tiġi eżaminata mill-ġdid fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti f’din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija dispożizzjoni tan-NPK timplimenta korrettament l-imsemmija direttiva. |
|
60 |
Għalhekk jirriżulta li l-qari tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401) imwettaq mill-qorti tar-rinviju, li fuqha hija bbażata l-konstatazzjoni tagħha li l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2016/343, huwa żbaljat. Għaldaqstant, sa fejn din il-konstatazzjoni ta’ din il-qorti hija bbażata fuq premessa żbaljata, it-tieni domanda preliminari hija ta’ natura ipotetika u hija, konsegwentement, inammissibbli (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 69). |
Fuq l-ispejjeż
|
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li taħrab wara li tkun irċeviet att ta’ akkuża preliminari stabbilit kontriha matul il-fażi ta’ investigazzjoni ta’ proċedura kriminali, u b’hekk l-awtoritajiet kompetenti jiġu preklużi milli jinformawha personalment bl-att ta’ akkuża definittiv kif ukoll bid-data u bil-post taż-żamma tal-proċess tagħha u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiġi kkundannata fil-kontumaċja, ma jkollhiex, jekk tiġi llokalizzata u arrestata bl-għan tal-eżekuzzjoni tal-piena tagħha, dritt għal proċess ġdid, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun tillimita din l-esklużjoni mid-dritt għal proċess ġdid għall-persuni li, minn naħa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jistgħu jitqiesu bħala li ġew informati biż-żamma tal-proċess tagħhom u li, min-naħa l-oħra, kienu rrappreżentati, matul il-proċess fil-kontumaċja, minn avukat inkarigat minnhom jew, fin-nuqqas ta’ tali rappreżentazzjoni, kienu ġew informati fi żmien xieraq li, jekk jaħarbu mill-azzjoni tal-ġustizzja, kienu ser jesponu lilhom infushom għaż-żamma ta’ proċess fl-assenza tagħhom. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.