This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0400
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 16 January 2025.#Criminal proceedings against VB.#Request for a preliminary ruling from the Sofiyski gradski sad.#Reference for a preliminary ruling – Judicial cooperation in criminal matters – Directive (EU) 2016/343 – Right to be present at the trial – Article 8(2) – Trial resulting in a decision imposing a conviction in absentia or a decision of acquittal in absentia – Conditions – Article 8(4) – Obligation to inform the person tried in absentia of the legal remedies available – Article 9 – Right to a new trial or to another legal remedy which allows a fresh determination of the merits of the case and which may lead to the original decision being reversed – Article 10(1) – Right to an effective remedy – National legislation making the recognition of the right to a new trial subject to the submission of a request to reopen criminal proceedings to a judicial authority before which the person tried in absentia must appear.#Case C-400/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Jannar 2025.
Sofiyska gradska prokuratura vs VB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski gradski sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt li persuna tkun preżenti fil-proċess tagħha – Artikolu 8(2) – Proċess li jwassal għal deċiżjoni ta’ kundanna jew ta’ liberazzjoni fil-kontumaċja – Kundizzjonijiet – Artikolu 8(4) – Obbligu li l-persuna ġġudikata fil-kontumaċja tiġi informata bir-rimedji legali disponibbli – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali – Artikolu 10(1) – Dritt għal rimedju effettiv – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tad-dritt għal proċess ġdid għat-tressiq ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem awtorità ġudizzjarja li quddiemha l-persuna ġġudikata fil-kontumaċja għandha tidher.
Kawża C-400/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-16 ta’ Jannar 2025.
Sofiyska gradska prokuratura vs VB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski gradski sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt li persuna tkun preżenti fil-proċess tagħha – Artikolu 8(2) – Proċess li jwassal għal deċiżjoni ta’ kundanna jew ta’ liberazzjoni fil-kontumaċja – Kundizzjonijiet – Artikolu 8(4) – Obbligu li l-persuna ġġudikata fil-kontumaċja tiġi informata bir-rimedji legali disponibbli – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali – Artikolu 10(1) – Dritt għal rimedju effettiv – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tad-dritt għal proċess ġdid għat-tressiq ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem awtorità ġudizzjarja li quddiemha l-persuna ġġudikata fil-kontumaċja għandha tidher.
Kawża C-400/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2025:14
*A9* Sofiyski gradski sad, opredelenie ot 29/06/2023 (2260)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
16 ta’ Jannar 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Dritt li persuna tkun preżenti fil-proċess tagħha – Artikolu 8(2) – Proċess li jwassal għal deċiżjoni ta’ kundanna jew ta’ liberazzjoni fil-kontumaċja – Kundizzjonijiet – Artikolu 8(4) – Obbligu li l-persuna ġġudikata fil-kontumaċja tiġi informata bir-rimedji legali disponibbli – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali – Artikolu 10(1) – Dritt għal rimedju effettiv – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-rikonoxximent tad-dritt għal proċess ġdid għat-tressiq ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali quddiem awtorità ġudizzjarja li quddiemha l-persuna ġġudikata fil-kontumaċja għandha tidher”
Fil-Kawża C‑400/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ġunju 2023, fil-proċeduri kriminali kontra
VB,
fil-preżenza ta’:
Sofiyska gradska prokuratura,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4), tal-Artikolu 9 u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra VB fir-rigward ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati suġġetti għal pieni li jċaħħdu l-libertà. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2016/343
|
3 |
Il-premessi 9, 10, 12, 33, 39, 44, 47 u 48 tad-Direttiva 2016/343 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:
|
|
5 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”: “Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.” |
|
6 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt li persuna tkun preżenti waqt il-proċess”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti fil-proċess tagħhom. 2) L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jirriżulta f’deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata jista’ jsir fl-assenza tiegħu jew tagħha, sakemm:
3. Deċiżjoni li tingħata skont il-paragrafu 2 tista’ tiġi esegwita kontra l-persuna kkonċernata. 4. Fejn l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà ta’ proċessi fl-assenza ta’ persuni suspettati jew akkużati iżda ma tkunx possibbli l-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu minħabba li persuna suspettata jew akkużata ma tistax tinstab minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li xorta waħda tista’ tingħata deċiżjoni u tiġi esegwita. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuni suspettati jew akkużati jiġu infurmati bid-deċiżjoni, b’mod partikolari meta dawn jinqabdu, huma jiġu wkoll infurmati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar [għal] rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9. […]” |
|
7 |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Id-dritt għal proċess mill-ġdid” huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn persuni suspettati jew akkużati ma kinux preżenti fil-proċess tagħhom u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ma ġewx sodisfatti, huma jkollhom id-dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ evidenza ġdida, u li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni oriġinali. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt li jkunu preżenti, jipparteċipaw b’mod effikaċi, f’konformità mal-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża.” |
|
8 |
L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rimedji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva ma jiġux rispettati.” |
Id‑Deċiżjoni Qafas 2002/584
|
9 |
L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”) jipprovdi: “1. L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti: […]
[…] 3. F’każ li persuna tiġi kkonsenjata skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u huwa jew hija tkun talbet għal proċess ġdid jew appell, id-detenzjoni ta’ dik il-persuna li tkun qed tistenna dan il-proċess ġdid jew l-appell għandha, sakemm jintemmu dawn il-proċedimenti, tiġi riveduta skond il-liġi tal-Istat Membru emittenti, fuq bażi regolari jew fuq talba tal-persuna konċernata. Reviżjoni bħal din għandha b’mod partikolari tinkludi l-possibbiltà tas-sospensjoni jew l-interruzzjoni tad-detenzjoni. Il-proċess ġdid jew l-appell għandu jibda fi żmien dovut wara ċ-ċediment.” |
Id‑dritt Bulgaru
|
10 |
L-Artikolu 15(2) u (3) tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), (DV Nru 86, tat‑28 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprevedi: “(2) Il-persuni akkużati u l-persuni l-oħra li jipparteċipaw fil-proċeduri kriminali għandu jkollhom il-mezzi proċedurali neċessarji kollha għad-difiża tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tagħhom. (3) L-imħallef, il-prosekutur u l-korpi ta’ investigazzjoni għandhom jgħarrfu lill-persuni msemmija fil-paragrafu 2 bid-drittijiet proċedurali tagħhom u jiżgurawlhom il-possibbiltà li jeżerċitawhom.” |
|
11 |
L-Artikolu 423(1) sa (4) tan-NPK, jipprovdi: “(1) F’terminu ta’ sitt xhur minn meta tieħu konjizzjoni tal-kundanna kriminali definittiva […], il-persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-[proċeduri] kriminali billi tinvoka l-assenza tagħha matul [dawn il-proċeduri]. Din it-talba għandha tintlaqa’, sakemm il-persuna kkundannata, wara li jkunu ġew ikkomunikati lilha l-kapi tal-akkuża matul l-istruttorja, ma tkunx ħarbet, b’mod li l-proċedura prevista fl-Artikolu 247c(1) ma setgħetx tiġi eżegwita, jew saħansitra, wara li din il-proċedura tal-aħħar tkun ġiet eżegwita, hija ma tkunx dehret fis-seduta mingħajr raġuni valida. (2) L-imsemmija talba ma tissospendix l-eżekuzzjoni tal-kundanna kriminali, ħlief jekk il-qorti tipprovdi mod ieħor. (3) Il-proċedura għall-ftuħ mill-ġdid ta’ [proċeduri] kriminali tingħalaq fil-każ li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja ma tidhirx mingħajr raġuni valida. (4) Meta persuna kkundannata fil-kontumaċja titqiegħed taħt detenzjoni b’eżekuzzjoni ta’ kundanna definittiva u l-qorti tiftaħ mill-ġdid il-proċeduri kriminali, hija għandha tiddeċiedi wkoll dwar il-miżura ta’ detenzjoni fid-deċiżjoni tagħha.” |
|
12 |
L-Artikolu 424(1) u (2) tan-NPK jipprovdi: “(1) It-talba għal ftuħ mill-ġdid ta’ [proċeduri] kriminali konformement mal-punt 5 tal-Artikolu 422(1) għandha tiġi eżaminata mill-Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell, il-Bulgarija) kompetenti, meta l-att imsemmi fl-Artikolu 419 ikun ingħata minn Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali, il-Bulgarija) jew minn Okrazhen sad (il-Qorti Reġjonali, il-Bulgarija) bħala qorti tal-appell, bl-eċċezzjoni ta’ sentenzi ġodda. (2) Barra mill-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid ta’ [proċeduri] kriminali għandha tiġi eżaminata mill-Varhoven kasatsionen sad [il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija].” |
|
13 |
L-Artikolu 425(2) tan-NPK jipprovdi: “Fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 423(1), il-proċedura terġa’ tinfetaħ u l-kawża titmexxa għall-istadju li fih il-proċedura fil-kontumaċja tkun inbdiet.” |
Il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
14 |
Inbdew proċeduri kriminali fil-Bulgarija kontra VB. Dan tal-aħħar huwa akkużat, minn naħa, li pparteċipa f’organizzazzjoni kriminali li għandha bħala għan il-kultivazzjoni u t-traffikar ta’ drogi narkotiċi kif ukoll il-pussess ta’ armi u, min-naħa l-oħra, li huwa stess żamm id-drogi narkotiċi u l-armi. Dawn il-fatti jikkostitwixxu reati punibbli b’pieni li jċaħħdu l-libertà. |
|
15 |
VB ma rċieva ebda notifika formali tal-akkużi miġjuba kontrih. Barra minn hekk, huwa la ġie informat bil-fatt li l-każ tiegħu tressaq quddiem qorti, u lanqas, a fortiori, bid-data u l-lok tas-seduta jew bil-konsegwenzi li jġarrab jekk ma jidhirx. Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma rnexxielhomx jillokalizzaw lil VB, peress li dan kien ħarab matul il-fażi istruttorja, qabel l-operazzjoni tal-pulizija li kienet intiża li tarresta lill-persuni ssuspettati. VB ġie ddikjarat bħala “mfittex”, b’mod partikolari b’mandat ta’ arrest Ewropew, imma ma nstabx. |
|
16 |
Matul is-sena 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), inizjalment adita bi proċeduri kriminali miftuħa kontra VB, ressqet talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343. Dawn it-talbiet kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk din id-direttiva tirrikjedix li qorti li timponi kundanna fil-kontumaċja, minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma jkunux issodisfatti, għandha tindika espressament, fid-deċiżjoni ta’ kundanna, l-eżistenza tad-dritt għal proċess ġdid. |
|
17 |
Permezz tas-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, VB (Informazzjoni tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja) (C‑430/22 u C‑468/22, iktar ’il quddiem is-sentenza VB, EU:C:2023:458), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv għal din id-domanda. |
|
18 |
Skont is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li ħadet lura, wara t-tneħħija tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), il-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, u li hija l-qorti tar-rinviju, is-sentenza VB tista’ tinftiehem fis-sens li l-leġiżlazzjoni Bulgara hija konformi mad-Direttiva 2016/343 u li ebda sforz tal-qorti li tikkundanna persuna fil-kontumaċja minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti ma huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva tiġi kkomunikata lil din il-persuna. |
|
19 |
Madankollu, tali qari tas-sentenza VB ma huwiex evidenti. Huwa neċessarju li jinkisbu preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar il-portata tad-Direttiva 2016/343, sabiex jiġi ċċarat, b’mod partikolari, il-punt dwar f’liema mument l-informazzjoni msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li hija għandha bżonn ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet sabiex tevalwa jekk hija tistax tkompli, fil-kontumaċja, il-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali. Peress li teżisti ċerta probabbiltà li VB jiġi kkundannat, huwa indispensabbli li jiġi żgurat li l-informazzjoni li VB ser jirċievi, sussegwentement, dwar id-deċiżjoni ta’ kundanna u dwar id-drittijiet proċedurali tiegħu jkunu suffiċjenti fid-dawl tar-regoli minimi komuni stabbiliti mid-Direttiva 2016/343. |
|
21 |
Din il-qorti tixtieq, b’mod partikolari, tiżgura ruħha li, fil-mument tal-arrest possibbli tiegħu, VB jiġi informat mhux biss bil-fatt li huwa ġie kkundannat, iżda wkoll bid-drittijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li għalih tagħmel riferiment it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tagħha. |
|
22 |
Peress li dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 għandhom, konformement mal-punt 28 tas-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401), effett dirett u l-qrati Bulgari huma obbligati, skont l-Artikolu 15(3) tan-NPK, jinformaw lill-persuni akkużati bid-drittijiet proċedurali tagħhom, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf liema miżuri hija tista’ jew għandha tieħu sabiex tiggarantixxi li din id-direttiva tiġi osservata wara l-kundanna li hija tiddikjara fil-kontumaċja. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis, qabelxejn, li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja għandu jkollha għarfien sħiħ tar-raġunijiet li għalihom hija tkun ġiet ikkundannata. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċċara jekk dan ifissirx, b’mod partikolari, li kopja sħiħa tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja għandha tingħata lill-persuna kkonċernata mill-mument li din tiġi arrestata. |
|
24 |
Fir-rigward, sussegwentement, tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkundannata fil-kontumaċja, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb interpretazzjoni ta’ ċerti espressjonijiet li jinsabu fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, b’mod partikolari tal-espressjonijiet “possibbiltà li jikkontestaw [din] id-deċiżjoni”, “dritt għal proċess mill-ġdid” u “rimedju legali ieħor”. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-Bulgarija, it-terminu previst għall-appell minn deċiżjoni ta’ kundanna fil-kontumaċja huwa ta’ ħmistax-il jum u jibda jiddekorri mingħajr interruzzjoni mid-data tal-għoti ta’ din id-deċiżjoni ta’ kundanna, anki jekk il-persuna kkonċernata tibqa’ ma tinstabx. Għaldaqstant, l-Artikolu 423 tan-NPK, dwar eventwali ftuħ mill-ġdid tal-proċedura kriminali, jistabbilixxi l-uniku rimedju legali disponibbli kontra deċiżjoni ta’ kundanna fil-kontumaċja ladarba din tikseb, fis-sittax-il jum wara l-għoti tagħha, l-awtorità ta’ res judicata. |
|
26 |
Madankollu, id-dritt Bulgaru ma jipprevedix li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja għandha tiġi informata b’din il-possibbiltà li titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri. |
|
27 |
It-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali tista’, barra minn hekk, titressaq biss wara li s-sentenza fil-kontumaċja tkun saret res judicata u hija biss il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni), li s-sentenza tagħha ma tistax tiġi appellata, li hija kompetenti sabiex teżamina din it-talba. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-punt jekk tali sistema proċedurali tiggarantixxix l-effettività tad-“dritt għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343. |
|
28 |
L-effettività ta’ dan id-dritt tidher, barra minn hekk, mibdula mill-obbligu li l-persuna tidher quddiem il-qorti li tkun ser teżamina din it-talba, taħt piena li ma tittieħed ebda azzjoni oħra fir-rigward tat-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali. Il-qorti tar-rinviju tosserva li tali rekwiżit ma jinsabx fost l-istandards minimi komuni stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u jista’, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB, ikun inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2016/343. |
|
29 |
Il-konsegwenza tal-elementi msemmija iktar ’il fuq hija li, fil-Bulgarija, id-“dritt għal proċess mill-ġdid, jew għal rimedju legali ieħor, li jippermetti eżami mill-ġdid tal-merti tal-kawża”, fis-sens tad-Direttiva 2016/343, la huwa kkomunikat u lanqas irrikonoxxut fil-mument meta l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tiġi informata bil-kundanna tagħha. Min-naħa l-oħra, din il-persuna tista’ tinvoka dan id-dritt fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni). Għandu jiġi ddeterminat jekk tali sistema hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
|
30 |
Il-qorti tar-rinviju tibża’, barra minn hekk, li, billi ssuġġetta d-dritt għal proċess ġdid għall-ftuħ ta’ proċedura sussegwenti għall-mument li fih id-deċiżjoni fil-kontumaċja ssir res judicata, il-leġiżlatur Bulgaru ħoloq sitwazzjoni li fiha d-dritt għal proċess ġdid jevita li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343, kif iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 12 tagħha. |
|
31 |
Barra minn hekk, il-modalitajiet tas-sistema proċedurali Bulgara kkonċernata jirriskjaw, skont din il-qorti, li jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-konsenja ta’ VB jekk dan tal-aħħar kellu jinstab u jiġi arrestat fi Stat Membru ieħor. Mill-Artikolu 4a(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew jekk dan il-mandat jindika li l-persuna kkonċernata ser tirċievi mingħajr dewmien, wara l-konsenja tagħha, in-notifika tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja kif ukoll l-informazzjoni tad-dritt tagħha għal proċess ġdid jew għal proċedura ta’ appell. Issa, din l-informazzjoni ma hijiex prevista fid-dritt Bulgaru. |
|
32 |
L-imsemmija qorti tistaqsi wkoll skont liema modalitajiet proċedurali hija tista’ tiddetermina hija stess jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ġewx osservati. Hija tixtieq, b’mod partikolari, tkun taf jekk huwiex il-kompitu tagħha, qabel ma tiddeċiedi dwar dan l-aspett fid-deċiżjoni li hija tagħti fil-kontumaċja, li tisma’ lill-avukat li jiddefendi lill-persuna assenti. |
|
33 |
Fl-aħħar nett, peress li f’dan l-istadju ma jistax jiġi eskluż li VB jinħeles, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2016/343 humiex rilevanti f’każ bħal dan. Il-formulazzjoni ta’ din id-direttiva ma hijiex ċara f’dan ir-rigward, peress li tirreferi għal “deċiżjoni” mogħtija fil-kontumaċja u mhux speċifikament għal deċiżjoni ta’ kundanna fil-kontumaċja. Ċerti siltiet tal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, bħat-termini “deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza”, jissuġġerixxu li kull deċiżjoni hija koperta, filwaqt li oħrajn, bħat-termini “b’mod partikolari meta dawn jinqabdu”, jagħtu x’jifhmu li huma biss id-deċiżjonijiet ta’ kundanna fil-kontumaċja li huma kkonċernati. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq il-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda, fuq il-punti (a) u (b) tat-tieni domanda, kif ukoll fuq it-tielet u l-ħames sas-seba’ domanda
|
35 |
Permezz tal-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda, il-punti (a) u (b) tat-tieni domanda, kif ukoll it-tielet u l-ħames sas-seba’ domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li:
|
|
36 |
Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2016/343 hija intiża, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti elementi tal-proċeduri kriminali, fosthom id-“dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess”. Hekk kif tikkonferma espressament il-premessa 33 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jagħmel parti integrali mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 25). |
|
37 |
L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jimponi fir-rigward tal-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw ir-rispett ta’ dan id-dritt. Madankollu, skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprevedu li l-proċeduri jinżammu fil-kontumaċja (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 26). |
|
38 |
Dawn il-paragrafi 2 u 4 jipprevedu, essenzjalment, li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati li ma setgħux jiġu informati li kien ser jinżamm proċess kontrihom jew li, filwaqt li jkunu ġew informati biż-żamma ta’ dan il-proċess, ma jkunux ġew informati bil-konsegwenzi li jirriżultaw jekk ma jidhrux u lanqas ma jkunu rrappreżentati minn avukat b’mandat, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja u eżekuttiva, iżda għandhom, meta jiġu informati b’din id-deċiżjoni, “b’mod partikolari meta dawn jinqabdu”, jiġu informati wkoll bir-rimedji legali kollha li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
39 |
Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, il-persuni li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma kinux issodisfatti, għandhom jiġu informati dwar “il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9”. |
|
40 |
Il-portata ta’ din it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) għandha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni u l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti l-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-istess dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-kliem “b’mod partikolari meta dawn jinqabdu” jirriżulta li, minkejja li ma jistax jiġi eskluż li persuna kkundannata fil-kontumaċja għal piena li ċċaħħad il-libertà tista’ tiġi informata b’din il-kundanna mingħajr ma tinqabad bl-għan tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, din il-persuna għandha, fil-każ ta’ arrest, tiġi informata, fil-mument ta’ din l-arrest, bl-eżistenza tal-imsemmija kundanna jekk din l-informazzjoni ma tkunx ġiet ipprovduta lilha qabel. |
|
42 |
It-tieni nett, mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta wkoll li, meta tiġi informata bl-eżistenza ta’ kundanna fil-kontumaċja mogħtija fil-konfront tagħha, il-persuna kkonċernata, fis-sitwazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, li hija dik li fiha tkun ingħatat deċiżjoni fil-kontumaċja minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma kinux issodisfatti, għandha wkoll tiġi informata “dwar il-possibbiltà li [tikkontesta]d-deċiżjoni u dwar id-dritt għal proċess mill-ġdid jew dwar rimedji legali oħra, f’konformità mal-Artikolu 9 [tal-imsemmija direttiva]”. |
|
43 |
Minn din il-formulazzjoni jistgħu jinsiltu żewġ indikazzjonijiet konkordanti. Minn naħa, ir-riferiment għall-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, li hija ppreżentata bħala element proċedurali distint u awtonomu mid-“dritt għal proċess mill-ġdid jew għal rimedji legali oħra”, jindika li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu proċedura li tippreċedi ż-żamma ta’ proċess ġdid jew l-eżerċizzju tar-rimedju legali l-ieħor previst fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343. Tali proċedura tista’ tkun intiża sabiex tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma kinux issodisfatti u li, konsegwentement, huwa meħtieġ proċess ġdid jew l-eżerċizzju ta’ “rimedju legali ieħor”. |
|
44 |
Min-naħa l-oħra, mill-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”, fil-frażi “dritt għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor”, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jipprevedu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali fil-forma taż-żamma ta’ proċess ġdid jew li jipprevedu “rimedju legali ieħor”, li, konformement mal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, għandu jkun ekwivalenti għal proċess ġdid, sa fejn dan għandu jippermetti evalwazzjoni ġdida fil-mertu tal-kawża, inkluż l-eżami ta’ provi ġodda, u li dan għandu jkun jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 59). |
|
45 |
It-tielet nett, mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni naqas milli jippreċiża skont liema modalitajiet l-informazzjoni dwar id-“dritt għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor” għandha tingħata (sentenza VB, punt 27). B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix li din l-informazzjoni għandha tissemma fid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja. Lanqas ma jidher li l-qorti li tagħti din id-deċiżjoni hija obbligata, skont din id-direttiva, tippreċiża, fl-imsemmija deċiżjoni jew f’ordni mehmuża magħha, liema awtorità għandha tikkomunika l-imsemmija informazzjoni u b’liema mod. |
|
46 |
Id-Direttiva 2016/343 għalhekk ma tipprekludix li Stat Membru jistabbilixxi sistema proċedurali li ma twassalx awtomatikament għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, iżda teżiġi mill-persuni kkundannati fil-kontumaċja u interessati f’tali ftuħ mill-ġdid li jressqu talba għal dan l-għan quddiem qorti oħra, distinta minn dik li tkun tat id-deċiżjoni fil-kontumaċja, sabiex din il-qorti l-oħra tivverifika li l-kundizzjoni li minnha jiddependi d-dritt għal proċess ġdid kienet issodisfatta, jiġifieri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma kinux issodisfatti. Tali sistema hija kompatibbli mal-imsemmija direttiva, sa fejn, minn naħa, il-proċedura ta’ talba għal dan il-ftuħ mill-ġdid effettivament tippermetti ż-żamma ta’ proċess ġdid fil-każijiet kollha fejn jiġi stabbilit, wara verifika, li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva ma kinux issodisfatti u li, min-naħa l-oħra, il-persuna kkundannata fil-kontumaċja, meta tiġi informata bil-kundanna tagħha, tiġi informata wkoll bl-eżistenza ta’ din il-proċedura. |
|
47 |
Ir-riżultat tal-eżami tal-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, kif espost fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, huwa kkorroborat mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li d-dritt għal proċess ġdid għandu neċessarjament, mingħajr eżami ieħor, jiġi rrikonoxxut lill-persuna kkundannata fil-kontumaċja malli din tkun ġiet informata bl-eżistenza tal-kundanna tagħha, tkun irrikonċiljabbli mal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, dan l-artikolu jippreżenta, fil-każ tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, rabta funzjonali mat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 u għalhekk jikkostitwixxi element kuntestwali rilevanti għall-interpretazzjoni tiegħu. Issa, l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi, fil-paragrafu 1(d)(ii) tiegħu, kif ukoll fil-paragrafu 3 tiegħu, il-possibbiltà li tiġi stabbilita proċedura ta’ talba għal proċess ġdid. Din il-possibbiltà tkun għaldaqstant imċaħħda minn effett utli jekk l-Istati Membri jkunu obbligati jirrikonoxxu d-dritt għal proċess ġdid hekk kif il-persuna kkonċernata tkun ġiet informata bl-eżistenza tal-kundanna fil-kontumaċja tagħha. |
|
49 |
Barra minn hekk, interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 fis-sens li din id-dispożizzjoni teżiġi r-rikonoxximent immedjat tad-dritt għal proċess ġdid ma tiħux debitament inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ armonizzazzjoni minima li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni. Peress li d-Direttiva 2016/343 toffri biss preċiżazzjonijiet minimi dwar ir-rimedji legali li għandhom ikunu disponibbli meta deċiżjoni tkun ingħatat fil-kontumaċja mingħajr ma jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, huwa, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina dawn ir-rimedji legali. |
|
50 |
Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jorganizzaw id-dritt proċedurali tagħhom, filwaqt li madankollu s-sistema proċedurali stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali ma għandhiex tkun inqas favorevoli għall-eżerċizzju, mill-partijiet fil-kawża, tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni milli għall-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma għandhiex tkun irregolata b’mod li tirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Provident Polska, C‑321/22, EU:C:2023:911, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Ir-riżultat tal-eżami tal-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 huwa wkoll kompatibbli mal-iskop ta’ din id-direttiva. |
|
52 |
Dan l-iskop jikkonsisti, hekk kif jistabbilixxu l-premessi 9 u 10 tal-imsemmija direttiva, fit-tisħiħ tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’mod li tiżdied il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 36). |
|
53 |
Issa, l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix sistema proċedurali li tikkonsisti mhux f’li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tiġi informata, meta ssir taf bil-kundanna tagħha, bi dritt għal proċess ġdid, iżda f’li din il-persuna tiġi informata bil-possibbiltà li titlob proċess ġdid quddiem qorti li tivverifika jekk il-kundizzjoni għaż-żamma ta’ proċess ġdid, jiġifieri l-assenza ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 hijiex issodisfatta, tista’ tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan relatat mat-tisħiħ tad-dritt għal smigħ xieraq, sakemm din is-sistema proċedurali tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, jiġifieri, b’mod partikolari, li twassal neċessarjament għaż-żamma ta’ proċess ġdid meta l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 8(2) ma jkunux issodisfatti, mingħajr ma l-qorti kompetenti għall-eżami tat-talba għal tali proċess tkun tista’ tirrifjuta li dan iseħħ billi tibbaża ruħha fuq kriterji differenti minn dawk previsti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar. |
|
54 |
Fil-każ ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet preċedenti, is-sistema proċedurali stabbilita mil-leġiżlatur Bulgaru hijiex kompatibbli mad-Direttiva 2016/343. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi indikazzjonijiet utli għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Abbażi tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li, fil-każijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni Bulgara tagħti lill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) ġurisdizzjoni esklużiva sabiex teżamina t-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, peress li dawn jikkostitwixxu, essenzjalment, talbiet għal proċess ġdid. Il-persuni kkundannati fil-kontumaċja f’dan l-Istat Membru jistgħu jippreżentaw tali talba fi żmien sitt xhur minn meta jsiru jafu bid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, fejn dan it-terminu jeċċedi dak li fih jista’ jiġi ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, qabel kollox, li, fil-każ li jinżamm proċess ġdid wara proċedura ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, hija biss id-deċiżjoni mogħtija fi tmiem dan il-proċess il-ġdid li tikkostitwixxi, ladarba tkun saret res judicata, id-deċiżjoni finali intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata wettqitx reat kriminali, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343, moqri fid-dawl tal-premessa 12 tagħha. Minn dan isegwi li proċedura ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, bħal dik prevista fid-dritt Bulgaru, taqa’ taħt l-istadji tal-proċeduri kriminali li għalihom hija applikabbli din id-direttiva. |
|
57 |
Sussegwentement, mill-punti 46 u 50 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-istabbiliment ta’ tali proċedura ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, li ma tinvolvix, fiha nnifisha, proċess ġdid, iżda li tista’ twassal għal tali proċess, ma jmurx kontra d-Direttiva 2016/343, sakemm din il-proċedura ta’ ftuħ mill-ġdid tissodisfa r-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività u tosserva, barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ekwivalenza. |
|
58 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-proċedura ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali prevista fl-Artikolu 423 tan-NPK hija aċċessibbli, skont l-istess modalitajiet, għall-persuni kollha kkundannati fil-kontumaċja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jitqies li l-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa osservat. |
|
59 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, huwa importanti, fl-ewwel lok, li jiġi ggarantit li l-proċedura ta’ talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali twassal għar-rikonoxximent tad-dritt għal proċess ġdid fil-każijiet kollha fejn il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma kinux issodisfatti. Fil-fatt, persuna kkundannata fil-kontumaċja tista’ tiċċaħħad mid-dritt għal proċess ġdid biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 31). |
|
60 |
Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 44 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑644/23, Stangalov, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li proċedura ta’ talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali bħal dik stabbilita mil-leġiżlatur Bulgaru fil-każ ineżami ma toffrix tali garanzija. |
|
61 |
Għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fit-tieni lok, jekk id-dritt proċedurali Bulgaru jiggarantixxix li l-persuna kkundannata fil-kontumaċja tirċievi, fil-mument li hija tiġi informata bl-eżistenza ta’ din il-kundanna jew malajr wara, kopja sħiħa tad-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja u l-komunikazzjoni tad-drittijiet proċedurali tagħha, inkluż fir-rigward tal-possibbiltà li tressaq talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali kif ukoll dwar il-qorti li quddiemha għandha titressaq din it-talba u t-terminu li fih għandu jsir dan. |
|
62 |
Issa, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dritt Bulgaru ma jinkludi ebda dispożizzjoni li timponi speċifikament li tali informazzjoni għandha tiġi trażmessa lill-persuni kkundannati fil-kontumaċja. |
|
63 |
Fit-tielet lok, kull proċedura ta’ talba għal proċess ġdid għandha tiġi organizzata b’mod li din it-talba tiġi pproċessata b’ħeffa, sabiex jiġi ddeterminat mill-iktar fis possibbli jekk il-proċess fil-kontumaċja jkun seħħx mingħajr ma jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 8(4) u mill-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, l-eżistenza stess tad-dritt għal proċess ġdid tiddependi mill-konstatazzjoni li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti. Meta Stat Membru jistabbilixxi sistema proċedurali li fiha jkun għadu ma ġiex iddeterminat, fil-mument li fih il-persuna kkonċernata tiġi informata bl-eżistenza ta’ kundanna fil-kontumaċja mogħtija fil-konfront tagħha, jekk din il-kundanna tkunx ingħatat mingħajr ma jkunu ġew issodisfatti l-imsemmija kundizzjonijiet, huwa dan l-Istat Membru, taħt piena li jippreġudika l-prinċipju ta’ effettività, li għandu jiżgura li dan l-eżami jseħħ malajr wara t-tressiq tat-talba għal proċess ġdid. |
|
64 |
Dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa huwa iktar u iktar importanti peress li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343 jipprevedi, bħall-premessa 39 tagħha, li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kontumaċja mingħajr ma jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jistgħu jkunu eżekuttivi. Fid-dawl ta’ din il-possibbiltà li jiġu eżegwiti l-pieni imposti fil-kontumaċja, huwa neċessarju, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tat-talbiet ta’ proċess ġdid, li l-ipproċessar ta’ dawn it-talbiet iseħħ flimkien ma’ evalwazzjoni tan-neċessità li l-applikant jinżamm f’detenzjoni, peress li tali obbligu ta’ eżami huwa barra minn hekk imsemmi fl-Artikolu 4a(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
|
65 |
Fil-każ ineżami, l-Artikolu 423(2) u (4) tan-NPK jidher li jipprevedi tali eżami, li r-riżultat tiegħu madankollu jinsab biss fid-deċiżjoni dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali. Fil-kuntest ta’ tali organizzazzjoni tad-dritt proċedurali nazzjonali, l-adozzjoni bl-ikbar ħeffa tad-deċiżjoni dwar din it-talba għal ftuħ mill-ġdid hija indispensabbli sabiex il-prinċipju ta’ effettività jiġi osservat. |
|
66 |
Il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi, fir-raba’ lok, li l-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tesprimi ruħha, personalment jew permezz ta’ avukat, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-proċess fil-kontumaċja seħħx minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ma kinux issodisfatti. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-osservazzjonijiet ifformulati kemm mill-akkuża kif ukoll mid-difiża jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni u għalhekk ikunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura ta’ talba għal proċess ġdid. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ possibbiltà għall-persuna kkundannata fil-kontumaċja li tippreżenta l-kawża tagħha f’dan ir-rigward, ikun hemm ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u, għalhekk, tal-effettività tal-proċedura ta’ talba għal proċess ġdid, li l-għan tagħha huwa preċiżament li jiġi żgurat ir-rispett ta’ dan id-dritt fundamentali. |
|
67 |
Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-possibbiltà għall-persuna kkundannata fil-kontumaċja li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 kinux issodisfatti jew le ma tistax tinftiehem bħala li timplika l-obbligu għall-persuna kkonċernata li tidher personalment quddiem il-qorti li teżamina din it-talba. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif indikat fil-punt 41 tas-sentenza preżenti, ma jistax jiġi eskluż li persuna kkundannata fil-kontumaċja tkun saret taf b’din il-kundanna mingħajr ma tkun inqabdet. F’tali ċirkustanzi, l-obbligu għall-persuna kkonċernata li tidher personalment quddiem il-qorti li quddiemha hija tkun ressqet talba għal proċess ġdid, jammonta, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-ġurisprudenza tagħha għandha, kif jirriżulta mill-premessi 47 u 48 tad-Direttiva 2016/343, tittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2024, FP et (Proċess permezz ta’ vidjokonferenza), C‑760/22, EU:C:2024:574, punti 22 sa 24), għal li persuna li tkun għadha libera tiġi obbligata tagħti ruħha priġuniera sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-dritt tagħha għal proċess ġdid, li jkun inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq (Qorti EDB, 14 ta’ Diċembru 1999, Khalfaoui vs Franza, CE:ECHR:1999:1214JUD003479197, punt 49, u Qorti EDB, 13 ta’ Frar 2001, Krombach vs Franza, CE:ECHR:2001:0213JUD002973196, punt 87). |
|
69 |
Issa, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, mill-Artikolu 423(3) tan-NPK jirriżulta li, fil-każ ta’ li l-persuna kkonċernata ma tidhirx personalment quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni), ma tittiħidx azzjoni ulterjuri fir-rigward tat-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali mressqa minnha, sakemm ma jkunx hemm “raġuni valida” sabiex tiġġustifika l-fatt li ma dehritx personalment. Għandu jitqies li tali obbligu li wieħed jidher personalment jista’ jirrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-“dritt għal proċess ġdid jew [għal] rimedju legali ieħor, skont l-Artikolu 9 [tad-Direttiva 2016/343]”, imsemmi fl-Artikolu 8(4) tagħha. |
|
70 |
Fi tmiem l-eżami tagħha tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 423 tan-NPK mad-Direttiva 2016/343 fid-dawl tad-diversi rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ effettività, hija, fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju kif ukoll kwalunkwe qorti nazzjonali kompetenti oħra, fil-każ li l-preżenza ta’ nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi kkonfermata f’dan ir-rigward, li għandha tevalwa jekk huwiex madankollu possibbli li din il-leġiżlazzjoni, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 423 tan-NPK, tiġi interpretata f’sens li tippermetti li jiġu osservati dawn ir-rekwiżiti. |
|
71 |
Għaldaqstant, huma l-qrati nazzjonali, hekk kif ġie espost fil-punt 45 tas-sentenza mogħtija llum fil-Kawża C‑644/23, Stangalov, li għandhom jeżaminaw jekk l-Artikolu 423(1) tan-NPK jistax jiġi interpretat f’sens li jippermetti li l-esklużjoni tad-dritt għal proċess ġdid li hija prevista fih tiġi limitata biss għall-każijiet li fihom il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 kienu ssodisfatti. |
|
72 |
Huma wkoll dawn il-qrati nazzjonali li għandhom jeżaminaw jekk dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali Bulgaru, bħall-Artikolu 15 tan-NPK, moqri flimkien ma’ dispożizzjonijiet iktar speċifiċi, jistgħux jiġu interpretati f’sens li jippermetti li jiġi konkluż li minn dan id-dritt jirriżulta imperattivament li l-persuni kkundannati fil-kontumaċja għandhom, fil-mument li fih jiġu informati bl-eżistenza ta’ kundanna fil-kontumaċja mogħtija fil-konfront tagħhom jew malajr wara, jiġu informati bid-drittijiet proċedurali tagħhom, b’mod partikolari bil-possibbiltà li jressqu talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali. |
|
73 |
L-imsemmija qrati nazzjonali jistgħu, barra minn hekk, jeżaminaw jekk l-eċċezzjoni, prevista fl-Artikolu 423(3) tan-NPK, marbuta mal-eżistenza ta’ “raġuni valida”, tistax tiġi interpretata f’sens li jippermetti li jiġi ggarantit li t-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali jiġu eżaminati meta l-persuna li tagħmel it-talba ma tidhirx personalment, iżda jiddefendi l-kawża tagħha permezz ta’ avukat. |
|
74 |
Fil-każ li jkun impossibbli li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Bulgara li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, l-istess qrati nazzjonali jkunu obbligati ma japplikawx kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li għandhom effett dirett (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 28), mingħajr ma jkollhom jitolbu jew jistennew it-tħassir minn qabel tad-dispożizzjoni leġiżlattiva li tkun inkompatibbli ma’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, ZX (Regolarizzazzjoni tal-att ta’ akkuża), C‑282/20, EU:C:2021:874, punti 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
75 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda, għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda, kif ukoll għat-tielet u għall-ħames sas-seba’ domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mal-Artikolu 9 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li:
|
Fuq il‑punt (c) tal‑ewwel domanda
|
76 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda, għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda, kif ukoll għat-tielet u l-ħames sas-seba’ domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punt (c) tal-ewwel domanda, peress li din tal-aħħar saret mill-qorti tar-rinviju biss fil-każ ta’ risposta negattiva għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda. |
Fuq il‑punti (c) u (d) tat‑tieni domanda, kif ukoll fuq ir‑raba’ domanda
|
77 |
Permezz tal-punti (c) u (d) tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mal-Artikolu 9 u mal-Artikolu 10(1) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti imposti minn din id-direttiva jkunu osservati meta l-qorti li tiddeċiedi fil-kontumaċja teżamina hija stess jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva humiex issodisfatti u tindika, jekk ikun il-każ, fid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, li kopja sħiħa tagħha għandha tingħata lill-persuna kkonċernata ladarba tinqabad, li din tal-aħħar għandha dritt għal proċess ġdid. |
|
78 |
Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, essenzjalment, jekk huwiex neċessarju, fil-kuntest ta’ sistema li fiha l-qorti li tmexxi l-proċess fil-kontumaċja teżamina jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti, li tisma’, f’dan ir-rigward, kemm l-akkuża kif ukoll id-difensur tal-persuna akkużata, li f’dan il-każ tkun assenti. |
|
79 |
Issa, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, tali sistema proċedurali ma hijiex fis-seħħ fil-Bulgarija, peress li l-leġiżlatur ta’ dan l-Istat Membru stabbilixxa sistema li fiha l-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex teżamina t-talbiet għal proċess ġdid u, f’dan il-kuntest, sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 kinux issodisfatti. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minħabba l-karatteristiċi ta’ din is-sistema proċedurali u minkejja l-konvinzjoni tagħha li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti fil-każ ineżami, ma huwiex il-kompitu tagħha li tiddeċiedi f’dan ir-rigward. |
|
80 |
Hekk kif jirriżulta, barra minn hekk, mir-risposta mogħtija għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda, għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda, kif ukoll għat-tielet u l-ħames sas-seba’ domanda, id-Direttiva 2016/343 ma tipprekludix sistema proċedurali li ma tagħtix lill-qorti li tmexxi proċess fil-kontumaċja, iżda lil qorti distinta l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva kinux issodisfatti. |
|
81 |
Madankollu, hekk kif jirriżulta wkoll minn din ir-risposta, huwa importanti li tali sistema la tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas kontra l-prinċipju ta’ effettività. |
|
82 |
Mill-punti 60, 62 u 69 tas-sentenza preżenti jirriżulta li s-sistema proċedurali fis-seħħ fil-Bulgarija tista’ tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività u, konsegwentement, tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tista’, għaldaqstant, tkun fil-preżenza ta’ sitwazzjoni li fiha l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tiggarantixxix ir-rispett tad-“dritt għal proċess mill-ġdid jew [għal] rimedju legali ieħor”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li għandhom effett dirett (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 28). |
|
83 |
Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 tas-sentenza preżenti, fil-każ li jkun impossibbli li tingħata interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Bulgara li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tkun obbligata ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tad-dispożizzjoni leġiżlattiva li tkun inkompatibbli ma’ din id-direttiva. |
|
84 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-punti (c) u (d) tat-tieni domanda kif ukoll għar-raba’ domanda, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, tista’, jekk ikun il-każ, tkun determinanti għas-segwitu tal-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali. |
|
85 |
Għalkemm id-Direttiva 2016/343 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq il-qorti li tagħti deċiżjoni fil-kontumaċja li tiddeċiedi, fid-deċiżjoni tagħha, dwar id-dritt għal proċess ġdid (sentenza VB, punt 31), hija tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħha u għalhekk lanqas ma tista’ tiġi interpretata fis-sens li hija tipprojbixxi lil din il-qorti milli teżamina, matul proċess fil-kontumaċja, jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva humiex issodisfatti u, meta dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, li tindika fid-deċiżjoni tagħha li l-persuna kkonċernata għandha dritt li jinżamm proċess ġdid. |
|
86 |
Peress li, hekk kif ġie espost fil-punt 66 tas-sentenza preżenti, l-osservazzjonijiet ifformulati kemm mill-akkuża kif ukoll mid-difiża jistgħu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 humiex issodisfatti, huwa importanti, fil-kuntest tal-eżami mwettaq f’dan ir-rigward mill-qorti li tmexxi proċess fil-kontumaċja, li din tisma’ lill-avukat li jirrappreżenta lill-persuna kkonċernata, peress li din tal-aħħar tkun, f’dan il-każ, assenti. |
|
87 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-punti (c) u (d) tat-tieni domanda, kif ukoll tar-raba’ domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, moqrija flimkien mal-Artikolu 9 u mal-Artikolu 10(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li r-rekwiżiti imposti minn din id-direttiva huma osservati meta l-qorti li tmexxi proċess fil-kontumaċja teżamina hija stess, wara li tkun semgħet kemm l-akkuża kif ukoll id-difiża dwar dan is-suġġett, jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva humiex issodisfatti u, fil-każ li ma jkunux, tindika fid-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, li kopja sħiħa tagħha għandha tingħata lill-persuna kkonċernata hekk kif din tiġi informata b’din id-deċiżjoni jew malajr wara, li hija għandha dritt għal proċess ġdid. |
Fuq it‑tmien domanda
|
88 |
Permezz tat-tmien domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li japplikaw mhux biss fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja, iżda wkoll fil-każ ta’ liberazzjoni fil-kontumaċja. |
|
89 |
Fil-fatt, skont din il-qorti, ma jistax jiġi eskluż li VB jiġi lliberat. L-imsemmija qorti tixtieq għalhekk tkun taf, qabel ma tkompli l-proċess fil-kontumaċja kontra VB u li tiddeċiedi dwar il-ħtija jew l-innoċenza tiegħu, jekk id-dritt għal smigħ xieraq huwiex adegwatament protett f’każ ta’ liberazzjoni fil-kontumaċja. |
|
90 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-dritt għal smigħ xieraq, li d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu jikkostitwixxi element essenzjali minnu, japplika f’kull proċedura kriminali li tista’ tagħti lok għal deċiżjoni li tikkonstata l-innoċenza jew il-ħtija tal-persuna akkużata. Fid-dawl tal-premessi 47 u 48 tad-Direttiva 2016/343, li minnhom jirriżulta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fl-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-KEDB, wieħed għandu jibbaża ruħu, għar-risposta għat-tmien domanda, fuq il-ġurisprudenza ta’ din il-qorti, li tgħid li persuna akkużata għandha d-dritt fundamentali li tkun preżenti waqt il-proċess tagħha f’kull ċirkustanza, anki jekk ir-riżultat finali jkun favorevoli għaliha (Qorti EDB, 15 ta’ Diċembru 2005, Vanyan vs Ir-Russja, CE:ECHR:2005:1215JUD005320399, punti 20 sa 25 u 67). |
|
91 |
Dan il-kamp wiesa’ ta’ applikazzjoni tad-dritt li wieħed ikun preżenti għall-proċess tiegħu huwa enfasizzat mill-kliem stess tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343, li jsemmi d-“deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta’ persuna suspettata jew akkużata”. |
|
92 |
Din il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 għandha bħala konsegwenza li t-terminu “deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 8(4) u fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, jirreferi għal kull deċiżjoni, li tirriżulta minn proċeduri kriminali, dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna akkużata. |
|
93 |
Il-portata tal-Artikolu 8(4) u tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva ma tistax, fil-fatt, tiġi sseparata minn dik tal-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva, peress li l-assenza ta’ sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 8(2) hija bbażata preċiżament fuq id-“dritt għal proċess mill-ġdid jew għal rimedju legali ieħor”, imsemmi fl-Artikolu 8(4) u fl-imsemmi Artikolu 9. |
|
94 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata bil-preżenza, fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2016/343, tal-kliem “meta dawn jinqabdu”. Fil-fatt, dawn il-kelmiet huma akkumpanjati mill-espressjoni “b’mod partikolari”, li minnha jirriżulta li l-arrest ma huwiex l-uniku każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni. |
|
95 |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw mhux biss fil-każ ta’ kundanna fil-kontumaċja, iżda wkoll fil-każ ta’ liberazzjoni fil-kontumaċja. |
Fuq l‑ispejjeż
|
96 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.