Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0779

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ Ottubru 2024.
Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Front populaire pour la libération de la Saguia el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario).
Appell – Azzjoni esterna – Ftehimiet internazzjonali – Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra – Ftehim dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 ta’ dan il-Ftehim – Att ta’ konklużjoni – Allegazzjonijiet dwar ksur tad-dritt internazzjonali minħabba l-applikabbiltà tat-tieni ftehim għat-territorju tas-Saħara tal-Punent – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi in judicio – Locus standi – Kundizzjoni li rikorrent għandu, f’ċerti każijiet, ikun direttament u individwalment ikkonċernat mill-miżura kontenzjuża – Prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati – Prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni – Territorji mhux awtonomi – Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Dritt konswetudinarju internazzjonali – Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Kunsens tal-poplu ta’ territorju mhux awtonomu detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni bħala terz għal ftehim internazzjonali.
Kawżi magħquda C-779/21 P u C-799/21 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:835

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Appell – Azzjoni esterna – Ftehimiet internazzjonali – Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra – Ftehim dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 ta’ dan il-Ftehim – Att ta’ konklużjoni – Allegazzjonijiet dwar ksur tad-dritt internazzjonali minħabba l-applikabbiltà tat-tieni ftehim għat-territorju tas-Saħara tal-Punent – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Locus standi in judicio – Locus standi – Kundizzjoni li rikorrent għandu, f’ċerti każijiet, ikun direttament u individwalment ikkonċernat mill-miżura kontenzjuża – Prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati – Prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni – Territorji mhux awtonomi – Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Dritt konswetudinarju internazzjonali – Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – Kunsens tal-poplu ta’ territorju mhux awtonomu detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni bħala terz għal ftehim internazzjonali”

Fil-Kawżi magħquda C‑779/21 P u C‑799/21 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl‑14 ta’ Diċembru 2021 u fis‑16 ta’ Diċembru 2021, rispettivament

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Bouquet, F. Castillo de la Torre, F. Clotuche-Duvieusart u B. Eggers, bħala aġenti, sussegwentement minn A. Bouquet, D. Calleja Crespo, F. Clotuche-Duvieusart u B. Eggers, bħala aġenti,

appellanti fil-kawża C‑779/21 P,

sostnuta minn:

Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

intervenjent fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Front populaire pour la libération de la Saguia-el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario), irrappreżentat minn G. Devers, avukat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

konvenut fl-ewwel istanza,

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn J.-L. Carré, A.-L. Desjonquères u T. Stéhelin, bħala aġenti, sussegwentement minn G. Bain, B. Herbaut, M. Stéhelin u B. Travard, bħala aġenti,

Confédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (Comader), irrappreżentata minn N. Angelet, G. Forwood u A. Hublet, avukati, kif ukoll N. Forwood, BL,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn F. Naert u V. Piessevaux, bħala aġenti, sussegwentement minn F. Naert, A. Nowak-Salles u V. Piessevaux, bħala aġenti,

appellant fil-kawża C‑799/21 P,

sostnut minn:

Ir‑Renju tal‑Belġju, irrappreżentat inizjalment minn J.-C. Halleux, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, sussegwentement minn C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

L‑Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

Ir‑Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn P. Barros da Costa u A. Pimenta, bħala aġenti,

Ir‑Repubblika tas‑Slovakkja, irrappreżentata inizjalment minn B. Ricziová, bħala aġent, sussegwentement minn S. Ondrášiková, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Front populaire pour la libération de la Saguia-el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario), irrappreżentat minn G. Devers, avukat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

Ir‑Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn J.-L. Carré, A.-L. Desjonquères u T. Stéhelin, bħala aġenti, sussegwentement minn G. Bain, B. Herbaut, T. Stéhelin u B. Travard, bħala aġenti,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn A. Bouquet, F. Castillo de la Torre, F. Clotuche-Duvieusart u B. Eggers, bħala aġenti, sussegwentement minn A. Bouquet, D. Calleja Crespo, F. Clotuche-Duvieusart u B. Eggers, bħala aġenti,

Confédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (Comader), irrappreżentata minn N. Angelet, G. Forwood u A. Hublet, avukati, kif ukoll N. Forwood, BL,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen (Relatur), M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 u tal‑24 ta’ Ottubru 2023,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Marzu 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea (Kawża C‑779/21 P) u il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Kawża C‑799/21 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑279/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:639), li permezz tagħha hija annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta’ Jannar 2019 dwar il‑konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal‑Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l‑oħra (ĠU 2019, L 34, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2

Fil-Kawża C‑799/21 P, il-Kunsill jitlob ukoll, sussidjarjament, li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża għal perjodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

Il‑Karta tan‑Nazzjonijiet Uniti

3

L-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945 (iktar ’il quddiem il-“Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”), jistabbilixxi:

“L-għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti huma s-segwenti:

[…]

2.

L-iżvilupp bejn in-nazzjonijiet ta’ relazzjonijiet ta’ ħbiberija bbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ drittijiet tal-popli u tad-dritt tagħhom li jiddeċiedu għalihom infushom, u jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex tiġi kkonsolidata l-paċi fid-dinja;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4

Il-Kapitolu XI tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Dikjarazzjoni dwar it-territorji mhux awtonomi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jinkludi l-Artikolu 73 tagħha, li jipprevedi:

“Il-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew li jassumu r-responsabbiltà sabiex jamministraw territorji li l-popolazzjonijiet tagħhom għadhom ma jamministrawx lilhom infushom kompletament għandhom jirrikonoxxu l-prinċipju ta’ supremazija tal-interessi tal-abitanti ta’ dawn it-territorji. Huma għandhom jaċċettaw bħala missjoni sagra l-obbligu li jiffavorixxu b’kull mod possibbli l-prosperità tagħhom, fil-kuntest tas-sistema ta’ paċi u ta’ sigurtà internazzjonali stabbilita minn din il-karta […]

[…]”

Il‑Konvenzjoni ta’ Vjenna

5

Skont it-termini tal-aħħar paragrafu tal-Preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-Trattati, konkluża fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), il-partijiet għal din il-konvenzjoni “jsostnu li r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali għandhom ikomplu jirregolaw kwistjonijiet li ma humiex irregolati mid-dispożizzjonijiet [tal-imsemmija] konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6

L-Artikolu 3 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Ftehimiet internazzjonali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jistipula:

“Il-fatt li din il-konvenzjoni ma tapplikax għal ftehimiet internazzjonali konklużi bejn Stati u suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali jew bejn tali suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali, jew għal ftehimiet internazzjonali li ma jkunux f’forma miktuba, ma għandux jaffettwa:

[…]

b)

l-applikazzjoni għal dawn il-ftehimiet ta’ kwalunkwe regoli li huma stabbiliti f’din il-konvenzjoni li kienu jkunu suġġetti għalihom taħt id-dritt internazzjonali b’mod indipendenti mill-Konvenzjoni

[…]”

7

L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ trattati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi:

“Sakemm intenzjoni differenti ma tirriżultax mit-trattat jew ma tkunx stabbilita b’mod ieħor, trattat jorbot lil kull Parti fir-rigward tat-territorju kollu tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8

L-Artikolu 34 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Regola ġenerali dwar Stati terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jistipula:

“Trattat la joħloq obbligi u lanqas drittijiet għal Stat terz mingħajr il-kunsens tiegħu”.

9

L-Artikolu 35 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Trattati li jipprevedu obbligi għal Stati terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa fformulat kif ġej:

“Dispożizzjoni ta’ trattat tagħti lok għal obbligu għal Stat terz jekk għall-Partijiet fit-trattat din id-dispożizzjoni tkun intiża li tistabbilixxi l-obbligu u jekk l-Istat terz jaċċetta b’mod espress dan l-obbligu bil-miktub”.

10

Skont l-Artikolu 36 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Trattati li jipprevedu drittijiet għal Stati terzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]:

“1.   Dispożizzjoni ta’ trattat tagħti lok għal dritt għal Stat terz jekk għall-Partijiet fit-trattat din id-dispożizzjoni tkun intiża li tagħti dan id-dritt lil Stat terz, lil grupp ta’ Stati li jagħmel parti minnu, jew lill-Istati kollha, u jekk dan l-Istat terz jagħti l-kunsens tiegħu għal dan. Sakemm it-trattat ma jipprovdix mod ieħor, il-kunsens tiegħu għandu jiġi preżunt sakemm ma jkunx indikat l-oppost.

2.   Stat li jeżerċita dritt konformement mal-paragrafu 1 għandu josserva l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tiegħu previsti fit-trattat jew stabbiliti konformement mat-trattat”.

Il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

11

Fl‑1 ta’ Marzu 2000 daħal fis-seħħ il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis‑26 ta’ Frar 1996 (ĠU 2000, L 70, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

12

L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan il-ftehim jistipula:

“1.   Hija stabbilita assoċjazzjoni bejn il-[Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-faħam u tal-azzar] u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Marokk, min-naħa l-oħra.

2.   L-għanijiet ta’ dan il-ftehim huma:

li jiġi pprovdut qafas adegwat għad-djalogu politiku bejn il-partijiet sabiex ikunu jistgħu jissaħħu r-relazzjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha li huma jqisu rilevanti għal tali djalogu,

li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-liberalizzazzjoni b’mod gradwali tal‑kummerċ ta’ oġġetti, servizzi u kapital,

li jiġi żviluppat il-kummerċ u jiġi żgurat it-titjib ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali ekwilibrati bejn il-partijiet, permezz tad‑djalogu u l-kooperazzjoni b’mod partikolari, sabiex jiġu promossi l-iżvilupp u l-prosperità tal-Marokk u tal-poplu Marokkin,

li tiġi inkoraġġita l-integrazzjoni tal-Maghreb billi jiġu promossi l-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Marokk u l-pajjiżi tar-reġjun,

li tiġi promossa l-kooperazzjoni fl-oqsma ekonomiċi, soċjali, kulturali u finanzjarji. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13

L-Artikolu 16 tal-imsemmi ftehim jistipula:

“Il-[Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-faħam u tal-azzar] u l-Marokk għandhom jimplimentaw b’mod gradwali liberalizzazzjoni dejjem ikbar tal-kummerċ reċiproku tagħhom ta’ prodotti agrikoli u ta’ prodotti tas-sajd. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

14

L-Artikolu 94 tal-istess ftehim jipprevedi:

“Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għat-territorji fejn jiġu applikati t‑Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u skont il-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fl-imsemmija trattati u, min‑naħa l-oħra, għat-territorju tar-Renju tal‑Marokk. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

15

Għall-finijiet tal-proċeduri preżenti, il-fatti li wasslu għall-kawża, kif stabbiliti b’mod partikolari fil-punti 1 sa 53 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

Il‑kuntest internazzjonali

16

Is-Saħara tal-Punent hija territorju li jinsab fil-Majjistral tal-Afrika li kien ikkolonizzat mir-Renju ta’ Spanja fi tmiem is-seklu XIX qabel sar provinċja Spanjola. Fl‑1963, ġie inkluż mill-ONU fuq il-“lista preliminari tat-territorji li għalihom tapplika d‑Dikjarazzjoni dwar l‑għoti tal-Indipendenza lill-pajjiżi u lill-popli kolonjali [Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti]”, bħala territorju mhux awtonomu amministrat mir-Renju ta’ Spanja, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Sa llum għadu fuq il-lista tat-territorji mhux awtonomi stabbilita mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti abbażi ta’ informazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 73(e) ta’ din il-Karta.

17

Fl‑20 ta’ Diċembru 1966, matul l‑1500 seduta plenarja, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 2229 (XXI) dwar il-kwistjoni tal-Ifni u tas-Saħara Spanjola, li fiha “[r]eġa’ ġie [rrepetut] id-dritt inaljenabbli [tal-poplu] […] tas‑Saħara Spanjol għall‑awtodeterminazzjoni skont ir‑Riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali” u talbet lir-Renju ta’ Spanja, fil-kapaċità tiegħu bħala poter amministrattiv, “sabiex kemm jista’ jkun malajr […] jistabbilixxi l-modalitajiet tal‑organizzazzjoni ta’ referendum li għandu jinżamm taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex il‑popolazzjoni awtoktona tat-territorju tkun tista’ teżerċita liberament id‑dritt tagħha għall‑awtodeterminazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18

Fl‑24 ta’ Ottubru 1970, matul l‑1883 seduta plenarja, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir‑Riżoluzzjoni 2625 (XXV), li permezz tagħha approvat id‑“Dikjarazzjoni dwar il-prinċipji tad-dritt internazzjonali relatati mar‑relazzjonijiet ta’ ħbiberija u l‑kooperazzjoni bejn l-Istati skont il‑[K]arta tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li t-test tagħha huwa anness ma’ din ir‑riżoluzzjoni. Din id-dikjarazzjoni “tipproklama solennement”, b’mod partikolari, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza tad-drittijiet tal‑popli u tad-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

19

Il-Front populaire pour la libération de la Saguia-el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario) huwa organizzazzjoni maħluqa fl‑10 ta’ Mejju 1973 fis-Saħara tal-Punent. Fl-Artikolu 1 tal-Istatuti tiegħu, huwa ddefinit bħala “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali” li l-membri tiegħu “jiġġieldu għall-indipendenza totali u għall-kisba tas-sovranità tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fuq it-territorju kollu tar‑Repubblika Għarbija Demokratika tas‑Saħara”.

20

Fl‑20 ta’ Awwissu 1974, ir-Renju ta’ Spanja indirizza ittra lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li fiha ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jorganizza, taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti, referendum intiż li jippermetti lill-poplu tas-Saħara tal-Punent li jeżerċita d-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni.

21

Fis‑16 ta’ Ottubru 1975, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ), fil-kapaċità tagħha ta’ organu ġudizzjarju prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti u wara talba mressqa mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-kuntest tax-xogħlijiet tagħha dwar id-dekolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent, tat opinjoni konsultattiva “is-Saħara tal-Punent” (QIĠ Ġabra 1975, p. 12, iktar ’il quddiem l-“opinjoni konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent”). Fil-punt 162 ta’ din l-opinjoni, il-QIĠ ikkunsidrat is-segwenti:

“Il-provi u l-informazzjoni prodotti quddiem il-[QIĠ] juru l-eżistenza, fil‑mument tal-kolonjalizzazzjoni Spanjola, ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ alleanza bejn is‑sultan tal‑Marokk u xi tribujiet li jgħixu fit-territorju tas-Saħara tal‑Punent. Juru wkoll l‑eżistenza ta’ drittijiet, inklużi ċerti drittijiet relatati mal-art, li jikkostitwixxu rabtiet ġuridiċi bejn it-territorju tal-Mawritanja, fis-sens mifhum mill-[QIĠ], u t‑territorju tas-Saħara tal‑Punent. Min-naħa l-oħra, il-[QIĠ] tikkonkludi li l-provi u l‑informazzjoni prodotti quddiemha ma jistabbilixxu l-eżistenza tal-ebda rabta ta’ sovranità territorjali bejn it-territorju tas-Saħara tal‑Punent minn naħa waħda, u r‑Renju tal-Marokk jew it-territorju tal-Mawritanja, min-naħa l-oħra. Il-[QIĠ] għalhekk ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ rabtiet ġuridiċi ta’ natura li jibdlu l‑applikazzjoni tar‑Riżoluzzjoni 1514 (XV) [tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti] fir‑rigward tad‑dekolonjalizzazzjoni tas-Saħara tal‑Punent u b’mod partikolari tal‑applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni permezz tal‑espressjoni libera u awtentika tar-rieda tal-popolazzjonijiet tat‑territorju […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

22

Fil-punt 163 tal-opinjoni konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent, il-QIĠ iddikjarat, b’mod partikolari:

“[Il-QIĠ hija tal-opinjoni li], [f’]dak li jirrigwarda d-domanda I, […] is‑Saħara tal-Punent (Rio de Oro u Sakiet El Hamra) ma kinitx territorju mingħajr sid (terra nullius) fil-mument tal-kolonjalizzazzjoni minn Spanja; […] f’dak li jirrigwarda d-domanda II, […] it-territorju kellu, mar-Renju tal-Marokk, rabtiet ġuridiċi li għandhom il-karatteristiċi indikati fil‑paragrafu 162 ta’ din l-opinjoni; [u] t‑territorju kellu, mat-territorju tal-Mawritanja, rabtiet ġuridiċi li għandhom il‑karatteristiċi indikati fil‑punt 162 ta’ din l-opinjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23

F’diskors mogħti fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tal-opinjoni konsultattiva dwar is‑Saħara tal-Punent, ir-Re tal-Marokk iddikjara li “d‑dinja kollha [kienet] irrikonoxxiet li s-Saħara [tal-Punent] kienet fil‑pussess” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tar-Renju tal-Marokk u li “kien l-obbligu tiegħu li jirkupra b’mod paċifiku dan it-territorju”, filwaqt li appella, għal dan il-għan, li tiġi organizzata mixja.

24

Fis‑6 ta’ Novembru 1975, matul l‑1854 seduta, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 380 (1975) dwar is-Saħara tal-Punent, li fiha huwa “[ddeplora l-organizzazzjoni ta’ din i]l-mixja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “[talab] lir-[Renju tal‑]Marokk jirtira immedjatament mit-territorju tas-Saħara tal-Punent lill‑parteċipanti kollha f’[din] il‑mixja”.

25

Fis‑26 ta’ Frar 1976, ir-Renju ta’ Spanja informa lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li, b’effett minn dik id-data, huwa kien qiegħed itemm il-preżenza tiegħu fit-territorju tas-Saħara tal-Punent u li kien qiegħed iqis ruħu ħieles minn kull responsabbiltà ta’ natura internazzjonali relatata mal-amministrazzjoni ta’ dan it-territorju.

26

Sadanittant, żviluppa kunflitt armat f’dan ir-reġjun bejn ir-Renju tal-Marokk, ir‑Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja u l-Front Polisario. F’dan il-kuntest, parti mill-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent, fil-maġġoranza membri tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, ħarbet minn dan it-territorju u sabet kenn f’kampijiet fit-territorju Alġerin, qrib il-fruntiera mas-Saħara tal-Punent.

27

L-għada tat-tmiem tal-preżenza tar-Renju ta’ Spanja mis-Saħara tal-Punent, il-Front Polisario ddikjara l-ħolqien tar-Repubblika Għarbija Demokratika tas-Saħara (iktar ’il quddiem ir-“RGħDS”). La l-Unjoni Ewropea u lanqas ebda wieħed mill-Istati Membri tagħha ma jirrikonoxxu, sa llum, lir-RGħDS.

28

Fl‑14 ta’ April 1976, ir-Renju tal-Marokk ikkonkluda mar-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja trattat dwar it-tqassim tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, u annessa l-parti minn dan it-territorju li kienet ġiet allokata lilu permezz ta’ dan it-trattat. Fl‑10 ta’ Awwissu 1979, ir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja kkonkludiet ftehim ta’ paċi mal-Front Polisario, li permezz tiegħu hija rrinunzjat għal kull pretensjoni territorjali fis-Saħara tal-Punent. Wara din il-konklużjoni, ir‑Renju tal‑Marokk assuma l-kontroll tat‑territorju evakwat mill-forzi tal-Mawritanja.

29

Fil‑21 ta’ Novembru 1979, matul il‑75 seduta plenarju, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 34/37 dwar il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, li fiha “rriaffermat id‑dritt inaljenabbli tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall‑awtodeterminazzjoni u għall-indipendenza, b’mod konformi mal‑Karta [tan-Nazzjonijiet Uniti] […] u mal-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1514 (XV) [tagħha]”, hija “ddeplora[t] bil-qawwa l‑aggravazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta mill-persistenza tal‑okkupazzjoni tas-Saħara tal-Punent mill‑Marokk”, “talbet immedjatament lill‑Marokk biex jinvolvi ruħu hu wkoll fid-dinamika tal-paċi u jtemm l‑okkupazzjoni tat-territorju tas‑Saħara tal-Punent” u “rrakkomandat għal dan il‑għan li l-[Front Polisario], rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, jipparteċipa bis-sħiħ f’kull tiftixa ta’ soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u definittiva tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, skont ir-riżoluzzjonijiet u d‑dikjarazzjonijiet tal-[Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din ir‑riżoluzzjoni ġiet segwita bir‑Riżoluzzjoni 35/19, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti matul is‑56 seduta plenarja tagħha, li nżammet fil‑11 ta’ Novembru 1980. Fil-punt 10 ta’ din ir-riżoluzzjoni, l‑Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti “[talbet] b’urġenza […] lill-Marokk u lill-[Front Polisario], rappreżentant tal-poplu tas‑Saħara tal-Punent, jibdew negozjati diretti sabiex il-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent tiġi rregolata b’mod definittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

30

Il-kunflitt bejn ir-Renju tal-Marokk u l-Front Polisario baqa’ għaddej sakemm, fit‑30 ta’ Awwissu 1988, il-partijiet aċċettaw, fil‑prinċipju, proposti ta’ regolament li ħarġu b’mod partikolari mis‑Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u li jipprevedu b’mod partikolari t‑tħabbir ta’ waqfien mill-ġlied kif ukoll l‑organizzazzjoni ta’ referendum għall‑awtodeterminazzjoni taħt il-kontroll tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, fl-assenza ta’ soluzzjoni politika, l-ostilitajiet tkomplew fl‑2020.

31

Sabiex, b’mod partikolari, jissorvelja l-waqfien mill-ġlied u jgħin fl-organizzazzjoni ta’ dan ir-referendum, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilixxa, fix-xahar ta’ April 1991, il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-organizzazzjoni ta’ referendum fis-Saħara tal-Punent (Minurso), li l-mandat tagħha jiġi estiż kull sena u li għadu jeżisti sa’ llum. Ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fakkru regolarment li kull soluzzjoni politika għandha tippermetti “l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fil-qafas ta’ arranġamenti kompatibbli mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (ara, reċentement, ir-Riżoluzzjoni 2703 (2023) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑30 ta’ Ottubru 2023, punt 4).

32

Sa llum, tali referendum għadu ma sarx u r-Renju tal-Marokk jikkontrolla l-parti l-kbira tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, li ħajt tar-ramel mibni u kkontrollat mill-armata tiegħu jisseparah mill-bqija ta’ dan it-territorju, ikkontrollat mill-Front Polisario.

Il‑Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il‑Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni u l‑konsegwenzi legali tagħhom

33

Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fl‑1 ta’ Marzu 2000, ġew konklużi u emendati diversi protokolli għalih. Għalhekk, fit‑13 ta’ Diċembru 2010 ġie ffirmat, fi Brussell, il-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l‑Unjoni Ewropea u r‑Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal‑Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal‑annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2012, L 241, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni”). Dan il-ftehim ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/497/KE tat‑8 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 241, p. 2).

34

Fid‑19 ta’ Novembru 2012 il-Front Polisario ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, billi allega, b’mod partikolari, ċertu numru ta’ istanzi ta’ ksur, mill-Kunsill, tal-obbligi tiegħu fir-rigward tad-dritt internazzjonali, minħabba li kien approva, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Permezz tas-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2012/497 inkwantu kienet tapprova l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni fis-Saħara tal-Punent, minħabba li l-Kunsill kien naqas mill-obbligu tiegħu li jeżamina, qabel l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, l-elementi kollha tal-każ inkwistjoni, billi ma vverifikax jekk l-użu tal-prodotti li joriġinaw minn dan it-territorju esportati lejn l-Unjoni Ewropea kienx isir għad-detriment tal-popolazzjoni tal-imsemmi territorju u kienx jinvolvi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

35

Adita b’appell ippreżentat mill-Kunsill fid‑19 ta’ Frar 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), annullat is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), u ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tal-Front Polisario ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tal-locus standi ta’ Front Polisario u, b’mod iktar partikolari, l-ilment ibbażat fuq l-aspett li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-Ftehim ta’ Liberalizzazzjoni kien japplika għas-Saħara tal-Punent. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod partikolari li, konformement mal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, u mad-dritt għall-awtodeterminazzjoni li jirriżulta minnu għall-poplu tas-Saħara tal-Punent, li huwa territorju mhux awtonomu, fis-sens tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-imsemmi territorju jgawdi minn status separat u distint meta mqabbel ma’ dak ta’ kwalunkwe Stat, inkluż meta mqabbel ma’ dak tar-Renju tal-Marokk. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn dan li l-kliem “territorju tar-Renju tal-Marokk”, li jinsab fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ma setax jiġi interpretat b’tali mod li s-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan il-ftehim.

36

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha wkoll, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), fuq iċ-ċirkustanza li l-poplu tas-Saħara tal-Punent kellu jitqies bħala “terz”, fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-Trattati. Fil-fatt, il-kunsens ta’ dan it-terz kien meħtieġ sabiex l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni tkun tista’ taffettwah fil-każ li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, u dan mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk tali implimentazzjoni hijiex ta’ natura li tippreġudikah jew, għall-kuntrarju, tkun ta’ benefiċċju għalih. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑512/12, EU:T:2015:953), ma wrietx li l-poplu tas-Saħara tal-Punent wera tali kunsens fir-rigward tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Il‑ftehim kontenzjuż u d‑deċiżjoni kontenzjuża

37

Wara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), il-Kunsill, permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2017, awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, mar-Renju tal-Marokk, bl-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali li jemenda l-Protokoll Nru 1, dwar l-arranġamenti applikabbli għall-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Marokk, u għall-Protokoll Nru 4, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fil-qafas tal-awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu negozjati mogħtija mill-Kummissjoni, il-Kunsill talab lil din tal-aħħar, minn naħa, sabiex tiżgura li l-popolazzjonijiet ikkonċernati mill-ftehim internazzjonali propost jiġu involuti b’mod adegwat u, min-naħa l-oħra, li jiġu evalwati r-riperkussjonijiet potenzjali tal-imsemmi ftehim fuq l-iżvilupp sostenibbli tas-Saħara tal-Punent, b’mod partikolari l-vantaġġi għall-popolazzjonijiet lokali u l-impatt tal-isfruttament tar-riżorsi naturali fuq it-territorji kkonċernati.

38

Wara li l-Kummissjoni rreferiet għall-konsultazzjonijiet u għall-analiżi li hija wettqet fir-rapport tagħha tal‑11 ta’ Ġunju 2018 dwar il-benefiċċji għall-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent, u dwar il-konsultazzjoni ta’ din il-popolazzjoni, tal-estensjoni ta’ preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, ġie ffirmat, fil‑25 ta’ Ottubru 2018, fi Brussell, ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 34, p. 4, iktar ’il quddiem il-“ftehim kontenzjuż”).

39

It-tielet sad-disa’ paragrafu ta’ kull waħda miż-żewġ ittri li l-iskambju tagħhom wassal għall-ftehim kontenzjuż huma fformulati kif ġej:

“Dan il-Ftehim huwa konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi tal-[Unjoni] dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent u r‑Renju tal-Marokk fuq l-imsemmi reġjun.

Iż-żewġ Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-proċess tan‑Nazzjonijiet Uniti u jappoġġaw l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali biex tinkiseb soluzzjoni politika definittiva, skont l-għanijiet u l-prinċipji tal‑[K]arta tan‑Nazzjonijiet Uniti u abbażi tar-Riżoluzzjonijiet tal‑[K]unsill tas-Sigurtà [tan-Nazzjonijiet Uniti].

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li d-dikjarazzjoni konġunta li ġejja tiddaħħal wara l-Protokoll Nru 4 […]:

‘Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal‑[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni]

1. Il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom jibbenefikaw mill-istess preferenzi kummerċjali bħal dawk mogħtija mill-[Unjoni] għall-prodotti koperti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

2. Il-Protokoll Nru 4 għandu japplika mutatis mutandis għall-iskop li jiġi ddefinit il-karattru tal-oriġini tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż fir‑rigward tal-provi tal-oriġini.

3. L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-[Unjoni] u tar‑Renju tal‑Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 4 għal dawn il-prodotti.’

L-[Unjoni] u r-Renju tal-Marokk jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li japplikaw il-protokolli skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.

L-inklużjoni ta’ din id-dikjarazzjoni konġunta hija bbażata fuq is-sħubija privileġġjata stabbilita sew bejn l-[Unjoni] u r-Renju tal-Marokk, kif b’mod partikolari stabbilita permezz tal-istatus avvanzat mogħti lil dan tal-aħħar, kif ukoll fuq l-ambizzjoni komuni tal-Partijiet li japprofondixxu din is-sħubija u jwessgħuha.

F’dan l-ispirtu ta’ sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l‑impatt ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari fuq l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fir‑rigward tal-vantaġġi għall-popolazzjonijiet milqutin u l‑isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati, l-[Unjoni] u r-Renju tal-Marokk qablu b’mod reċiproku li jiskambjaw informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mill-inqas darba fis-sena.

Il-modalitajiet speċifiċi ta’ dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni ser jiġu determinati sussegwentement bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom mill‑Kumitat ta’ Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

40

Fit‑28 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kontenzjuża.

41

Il-premessi 3 sa 10 tad-deċiżjoni kontenzjuża jistipulaw:

“(3)

L-Unjoni ma għandhiex preġudizzju dwar l-eżitu tal-proċess politiku dwar l‑istatus finali tas-Saħara tal-Punent li qed isir taħt l‑awspiċji tan‑Nazzjonijiet Uniti u hi tenniet ripetutament l-impenn tagħha fis‑soluzzjoni tat-tilwima fis-Saħara tal-Punent, li attwalment huwa inkluż min-Nazzjonijiet Uniti fil-lista tat-territorji mhux awtonomi, u li fil-preżent huwa amministrat fil-parti l-kbira mir-Renju tal-Marokk […] […]

(4)

Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent u ċertifikati ta’ oriġini Marokkina ġew importati fl‑Unjoni u bbenefikaw minn preferenzi tariffarji pprovduti skont id‑dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi Ftehim.

(5)

Fis-sentenza tagħha [tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973)], il-Qorti tal‑Ġustizzja madankollu ppreċiżat li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kien ikopri biss it‑territorju tar-Renju tal-Marokk u mhux tas‑Saħara tal-Punent, territorju li mhux awtonomu.

(6)

Huwa importanti li filwaqt li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa għall‑protezzjoni tad-dritt internazzjonali, inkluż id-drittijiet tal‑bniedem u l‑iżvilupp sostenibbli tat-territorji kkonċernati, jiġi żgurat li l-flussi kummerċjali li ġew żviluppati matul is-snin ma jiġux imfixkla. Fid‑29 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lill‑Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar‑Renju tal-Marokk bil‑ħsieb li tiġi stabbilita, f’konformità mas-sentenza [tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973)], bażi ġuridika biex jingħataw preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent. Ftehim bejn l-[Unjoni] u r-Renju tal‑Marokk huwa l‑uniku mezz li jiżgura li l-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ikunu jistgħu jibbenefikaw minn oriġini preferenzjali, peress li l‑awtoritajiet Marokkini biss huma kapaċi jiżguraw konformità mar-regoli meħtieġa għall-għoti ta’ dawn il-preferenzi.

(7)

Il-Kummissjoni vvalutat l-effetti potenzjali ta’ ftehim bħal dan fuq l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal‑preferenzi tariffarji għall-prodotti tas-Saħara tal‑Punent li jirriżultaw fuq il-popolazzjonijiet milqutin u l-effetti tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tat‑territorji kkonċernati. […]

(8)

[…] [M]inn din l-evalwazzjoni jirriżulta li b’mod ġenerali, il‑vantaġġi għall‑ekonomija tas-Saħara tal-Punent, li jirriżultaw mill-għoti tal-preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, u partikolarment l-ingranaġġ ekonomiku b’saħħtu u b’konsegwenza l-iżvilupp soċjali li jġib miegħu, jaqbżu l-iżvantaġġi msemmija fil‑proċess ta’ konsultazzjonijiet, fosthom l-użu estensiv tar‑riżorsi naturali […]

(9)

Ġie stmat li l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ser ikollha impatt ġenerali pożittiv fuq il‑popolazzjonijiet milqutin […]

(10)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar il-kunsens fis-sentenza [tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973)], il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna [(SEAE)], ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex tinvolvi kif xieraq il‑popolazzjonijiet milqutin sabiex tiżgura l-kunsens tagħhom għall-Ftehim. Saru konsultazzjonijiet estensivi u l-biċċa l-kbira tal‑atturi soċjoekonomiċi u politiċi li pparteċipaw fil‑konsultazzjonijiet iddikjaraw li kienu favur l-estensjoni tal‑preferenzi tariffarji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għas-Saħara tal-Punent. Dawk li rrifjutaw l-estensjoni kkunsidraw essenzjalment li tali ftehim jikkonferma l-pożizzjoni tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, xejn jimplika rrikonoxximent tas-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent. L-Unjoni, permezz ta’ sforzi msaħħa, ser tkompli tappoġġa l‑proċess ta’ riżoluzzjoni paċifika tat-tilwima li nbeda u kompla għaddej taħt l-awspiċji tan‑Nazzjonijiet Uniti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

42

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża jistipula li l-ftehim kontenzjuż huwa approvat f’isem l-Unjoni. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fid‑19 ta’ Lulju 2019 (ĠU 2019, L 197, p. 1).

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

43

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ April 2019, Front Polisario ppreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

44

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u ddeċidiet li l-effetti ta’ dik id-deċiżjoni kellhom jiġu miżmuma għal perijodu li ma jistax jeċċedi t-terminu msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar dan l-appell.

45

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat iż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma, prinċipalment, kontra l-imsemmi rikors mill-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Franċiża, mill-Kummissjoni u mill-Konfederazzjoni Marokkina għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali (Comader), ibbażati, waħda minnhom, fuq in-nuqqas ta’ locus standi in judicio ta’ Front Polisario quddiem il-qrati tal-Unjoni u, l-oħra, fuq in-nuqqas ta’ locus standi tiegħu kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u ċaħdithom fil-punti 79 sa 114 u fil-punti 133 sa 238, rispettivament, tas-sentenza appellata.

46

Fit-tieni lok, wara li ċaħdet l-ewwel motiv għal annullament invokat mill-Front Polisario insostenn tat-talbiet tiegħu, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 251 sa 391 tas-sentenza appellata, it-tielet motiv għal annullament, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur, mill-Kunsill, tal-obbligu tiegħu li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti dedotti mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u mill-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, kif ippreċiżati fis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), u tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118). Fil-punt 391 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-elementi rilevanti kollha relatati mas-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent u kien ikkunsidra, b’mod żbaljat, li huwa kellu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jesprimi l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż għalih, bħala terz għal dan il-ftehim, konformement mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati flimkien mal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

47

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Frar 2022, il-Kawżi C‑779/21 P u C‑799/21 P ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

48

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Mejju 2022, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑779/21 P.

49

Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Mejju 2022, ir-Renju ta’ Spanja, l-Ungerija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawża C‑799/21 P.

50

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Ġunju 2022, ir-Renju tal-Belġju ġie wkoll awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawża C‑799/21 P. Madankollu, dan l-Istat Membru sussegwentement ma pparteċipax fil-fażi bil-miktub tal-proċedura.

51

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni (Kawża C‑779/21 P) titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza mill-Front Polisario, jew, jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lil Front Polisario għall-ispejjeż kollha fiż-żewġ istanzi, inklużi dawk tal-appellanti.

52

Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill (Kawża C‑799/21 P) jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell tiegħu u tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Front Polisario;

tikkundanna lil Front Polisario għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell u mal-kawża T‑279/19, u

sussidjarjament, iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża għal perjodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata.

53

Front Polisario jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha sostnuti minn Front Polisario fil-kuntest ta’ din il-kawża, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha sostnuti minn Front Polisario fil-kuntest ta’ din il-kawża u quddiem il-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza.

54

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi definittivament dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dawn l-appelli u tiċħad ir-rikors ta’ Front Polisario, jew, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

sussidjarjament, għar-raġunijiet invokati mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża għal perjodu ta’ tmintax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza li għandha tingħata.

55

Comader titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara r-rikors ta’ Front Polisario inammissibbli jew, tal-inqas, infondat, u

tiddeċiedi li Front Polisario għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

56

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑779/21 P kif ukoll dak tal-Kunsill fil-Kawża C‑799/21 P. Ir-Renju tal-Belġju, l-Ungerija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kunsill.

Fuq l‑appelli

57

Insostenn tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni, l-appellanti fil-Kawża C‑779/21 P, u l-Kunsill, l-appellant fil-Kawża C‑799/21 P, jinvokaw ħames u erba’ aggravji, rispettivament. L-ewwel tliet aggravji fil-Kawża C‑779/21 P u l-ewwel żewġ aggravji tal-appell fil-Kawża C‑799/21 P huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiemha minn Front Polisario, filwaqt li r-raba’ u l-ħames aggravju fil-Kawża C‑779/21 P kif ukoll it-tielet u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑799/21 P huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors.

Fuq l‑ewwel aggravju fil-Kawża C‑779/21 P u l‑ewwel aggravju fil-Kawża C‑799/21 P, ibbażati fuq in‑nuqqas ta’ locus standi in judicio ta’ Front Polisario

L‑argumenti tal‑partijiet

58

Permezz tal-ewwel aggravju rispettiv tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta rrikonoxxiet lil Front Polisario, fil-punti 90 sa 114 tas-sentenza appellata, il-locus standi quddiem il-qorti tal-Unjoni.

59

Dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, bħar-Repubblika Franċiża u Comader, isostnu b’mod partikolari, essenzjalment, li Front Polisario la għandu personalità ġuridika skont id-dritt internazzjonali u lanqas skont id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, huma jipprekludu li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkun jista’ jiġi invokat sabiex tiġi rrikonoxxuta lil Front Polisario l-kapaċità li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jiddefendi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, bir-riskju li kull rikors imressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni, bħala qorti “interna”, isir ammissibbli, minkejja li tali rikors ikun jirrigwarda tilwima internazzjonali, li taqa’ taħt id-dritt internazzjonali u ppreżentata minn suġġett tad-dritt internazzjonali, li ma jistax jitressaq quddiem qorti internazzjonali. Skont il-Kunsill, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jimplikax aċċess universali għall-qorti tal-Unjoni li tinjora l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

60

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, għalkemm Front Polisario jipparteċipa, ċertament, f’ “soluzzjoni politika” tal-kwistjoni tal-istatus definittiv tat-territorju tas-Saħara tal-Punent kif indikat fil-punti 91 u 92 tas-sentenza appellata, l-importanza tar-Riżoluzzjoni 34/37 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, iċċitata mill-Qorti Ġenerali u msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandha titqiegħed fil-perspettiva. Din ir-riżoluzzjoni tirrakkomanda ċertament il-parteċipazzjoni ta’ Front Polisario bħala “rappreżentant” tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fis-soluzzjoni politika tal-kunflitt dwar dan it-territorju. Għalkemm ma għandhiex valur vinkolanti, hija madankollu tippreċedi l-ħolqien ta’ ċerta forma ta’ rappreżentattività lokali tal-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent permezz ta’ elezzjonijiet b’vot dirett universali. L-Unjoni qatt ma rrikonoxxiet lil Front Polisario għajr bħala wieħed mill-“partijiet” fi proċess ta’ paċi mwettaq fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti u l-proporzjon preċiż tal-poplu tas-Saħara tal-Punent li sa’ llum iqis ruħu rrappreżentat minnu għadu inċert.

61

Il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta adottat interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “persuna ġuridika” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-limiti tar-rwol u tar-rappreżentattività tal-Front Polisario fid-dritt internazzjonali, u meta ċaħdet, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-Kunsill f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li r-rappreżentattività ta’ Front Polisario fil-kuntest tal-proċess ta’ riżoluzzjoni politika tat-tilwima fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti kienet tiġġustifika l-għoti lil dan tal-aħħar tal-kwalità ta’ “persuna ġuridika”, sabiex ikun jista’ jikkontesta l-validità ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim li ma għandhiex effett fuq ir-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima. Ir-rwol ta’ Front Polisario fil-livell internazzjonali huwa limitat għall-kapaċità tiegħu li jipparteċipa, bħala rappreżentant tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, fin-negozjati mmexxija taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istatus definittiv tas-Saħara tal-Punent konformement mar-Riżoluzzjoni 34/37 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. Il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ tilwima li hija s-suġġett ta’ negozjati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti bl-ebda mod ma jfisser li l-Unjoni jew l-istituzzjonijiet tagħha jirrikonoxxu lil Front Polisario bħala l-interlokutur tagħhom, peress li l-Unjoni ma hijiex parti f’dawn in-negozjati.

62

Front Polisario jiċħad dan l-argument.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

63

Bħalma fakkret, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punti 82 u 83 tas-sentenza appellata, għalkemm, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jikkonċernawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu diġà rrikonoxxiet il-locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni lil entitajiet indipendentement mill-kwistjoni tal-kostituzzjoni tagħhom bħala persuna ġuridika fid-dritt intern.

64

Bħalma kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata, dan kien, b’mod partikolari, il-każ meta, minn naħa, l-entità inkwistjoni kellha rappreżentattività biżżejjed fir-rigward tal-persuni li hija allegatament kienet tiddefendi d-drittijiet tagħhom misluta mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-awtonomija u r-responsabbiltà neċessarji sabiex taġixxi fil-qafas tar-relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti minn dan id-dritt u li, min-naħa l-oħra, hija kienet ġiet irrikonoxxuta mill-istituzzjonijiet bħala interlokutriċi waqt in-negozjati relatati ma’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale–Service public européen et vs Il‑Kunsill, 175/73, EU:C:1974:95, punti 9 sa 17, kif ukoll tat‑8 ta’ Ottubru 1974, Syndicat général du personnel des organismes européens vs Il‑Kummissjoni, 18/74, EU:C:1974:96, punti 5 sa 13).

65

Dan kien ukoll il-każ, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza appellata, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu ttrattaw din l-entità bħala suġġett distint, bi drittijiet u b’obbligi rispettivi tiegħu. Fil-fatt, il-koerenza u l-ġustizzja jeżiġu li tiġi rrikonoxxuta l-locus standi in judicio ta’ tali entità sabiex tikkontesta l-miżuri li jirrestrinġu d-drittijiet tagħha jew id-deċiżjonijiet sfavorevoli meħuda fil-konfront tagħha mill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Ottubru 1982, Groupement des Agences de voyages vs Il‑Kummissjoni, 135/81, EU:C:1982:371, punti 9 sa 11; tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punti 107 sa 112, kif ukoll tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Al-Faqih et vs Il‑Kummissjoni, C‑19/16 P, EU:C:2017:466, punt 40).

66

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma jistax jingħata interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 44).

67

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha, li Front Polisario huwa moviment ta’ liberazzjoni awtoproklamat li nħoloq sabiex jiġġieled għal tip partikolari ta’ mudell ta’ governanza futur tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, jiġifieri dak tal-indipendenza ta’ dan it-territorju, attwalment mir-Renju tal-Marokk, u għall-ħolqien ta’ Stat tas-Saħara sovran. Dan il-moviment ifittex għalhekk li jistabbilixxi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tat-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, Stat indipendenti.

68

Sa fejn l-imsemmi moviment ifittex preċiżament, billi jibbaża ruħu fuq id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, li jistabbilixxi ordinament ġuridiku statali għal dan it-territorju, ma jistax jintalab, sabiex jingħata locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni, li dan ikun ikkostitwit bħala persuna ġuridika konformement ma’ ordinament ġuridiku nazzjonali partikolari.

69

Barra minn hekk, il-Front Polisario huwa wieħed mill-interlokuturi leġittimi fil-qafas tal-proċess immexxi, bl-għan tad-determinazzjoni tal-futur tas-Saħara tal-Punent, taħt il-patroċinju tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmi fil-punt 31 ta’ din is-sentenza u li d-deċiżjonijiet tiegħu jorbtu lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u dan minkejja l-fatt li qatt ma ngħata l-istatus ta’ “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali” min-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha.

70

Minn dan jirriżulta li Front Polisario, li jipparteċipa wkoll f’diversi fora internazzjonali, b’mod partikolari dawk Afrikani, u li għandu relazzjonijiet ġuridiċi bilaterali fil-livell internazzjonali, għandu eżistenza ġuridika suffiċjenti sabiex ikun jista’ jkollu locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni.

71

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din l-entità tistax leġittimament tirrappreżenta l-interessi tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, din il-kwistjoni tikkonċerna l-locus standi tagħha fil-kuntest ta’ rikors għal annullament dirett kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u mhux il-locus standi in judicio tagħha quddiem il-qorti tal-Unjoni.

72

Fl-aħħar nett, l-argument dwar l-assenza ta’ rikonoxximent tal-personalità ġuridika ta’ Front Polisario fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri jew dwar il-fatt li ebda qorti ta’ Stat Membru ma rrikonoxxiet il-locus standi in judicio tiegħu huwa ineffettiv. Fil-fatt, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 83 tas-sentenza appellata, għalkemm il-kunċett ta’ “persuna ġuridika” li jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jimplika, bħala prinċipju, l-eżistenza tal-personalità ġuridika, li għandha tiġi vverifikata fid-dawl tad-dritt nazzjonali li bis-saħħa tiegħu l-persuna ġuridika inkwistjoni hija kkostitwita, dan ma jikkoinċidix neċessarjament ma’ dawk ta’ ordinamenti ġuridiċi differenti tal-Istati Membri. Għandu jiġi rrilevat ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li Stat terz, bħala Stat li għandu l-personalità ġuridika internazzjonali, kellu jitqies bħala “persuna ġuridika”, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Effett fuq Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 53).

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi li Front Polisario kellu locus standi in judicio quddiem il-qrati tal-Unjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

74

Konsegwentement, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑779/21 P u l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑799/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it‑tieni u t‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑779/21 P u t‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑799/21 P, ibbażati fuq iċ‑ċirkustanza li Front Polisario ma huwiex direttament u individwalment ikkonċernat mid‑deċiżjoni kontenzjuża

75

Il-Kummissjoni, permezz tat-tieni u tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑779/21 P, u l-Kunsill, permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑799/21 P, isostnu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 224 tas-sentenza appellata, li l-Front Polisario kien direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u, fil-punt 238 tas-sentenza appellata, li huwa kien ikkonċernat individwalment minn dik id-deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑779/21 P u l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑799/21 P, ibbażati fuq iċ‑ċirkustanza li Front Polisario ma huwiex direttament ikkonċernat mid‑deċiżjoni kontenzjuża

– L‑argumenti tal‑partijiet

76

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-punt 224 tas-sentenza appellata, li Front Polisario kien direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża.

77

Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni meta ddeċidiet li ċerti effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża u tal-ftehim kontenzjuż kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi kkonstatat li Front Polisario kien direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li l-ftehim kontenzjuż, li dik id-deċiżjoni kellha l-għan li tapprova f’isem l-Unjoni, sempliċement, permezz ta’ emenda tar-regoli ta’ oriġini, jagħti aċċess preferenzjali fl-Unjoni għal ċerti prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, filwaqt li ħadet ħsieb li tirrikonoxxi l-istatus separat ta’ dan it-territorju u ħalliet kompletament miftuħ l-eżitu tal-proċess imwettaq fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti li jirrigwarda l-imsemmi territorju mhux awtonomu. Dik l-istituzzjoni tqis, għaldaqstant, li huma l-importaturi li, jekk ikun il-każ, jistgħu jinvokaw id-“drittijiet” mogħtija minn dan il-ftehim u jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet doganali quddiem il-qrati tal-Istati Membri, fil-każ li dawn jiġu miksura. Issa, id-dikjaranti doganali għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu stabbiliti fl-Unjoni. Il-produtturi tal-pajjiż terz kopert mill-imsemmi ftehim jistgħu, ċertament, jibbenefikaw minn ftuħ iktar wiesa’ tas-suq Ewropew, iżda tali benefiċċju jikkostitwixxi effett “ekonomiku” tal-ftehim kontenzjuż. L-effetti “barra mill-Unjoni” għalhekk ma humiex ta’ natura ġuridika u lanqas ma huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni.

78

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad l-argumenti tal-istituzzjonijiet fir-realtà ma huwiex intiż sabiex jistabbilixxi li Front Polisario huwa direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża, iżda pjuttost li l-ftehim kontenzjuż huwa applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent u għalhekk jaffettwa lill-poplu ta’ dan it-territorju. Issa, il-fatt li l-awtoritajiet doganali Marokkini jintalbu jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-ftehim kontenzjuż fir-rigward tal-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ oriġini jew li l-esportaturi għandhom josservaw ċerti kundizzjonijiet sabiex jippermettu lill-importaturi jibbenefikaw minn tariffi preferenzjali jew ukoll li dan il-ftehim ikollu impatt fuq il-prodotti tas-Saħara tal-Punent bl-ebda mod ma jimplika li l-imsemmi ftehim jipproduċi effetti legali f’territorju terz.

79

Il-Kunsill iżid b’mod partikolari li l-konklużjoni, li tinsab fil-punt 171 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tan-natura ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali u l-effetti ġuridiċi tiegħu, l-eżistenza ta’ effetti diretti tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Front Polisario, minħabba l-kontenut tal-ftehim kontenzjuż, ma għandhiex tiġi miċħuda fl-ewwel lok, hija bbażata fuq motivi vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

80

Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punti 150 u 162 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali hija element kostituttiv ta’ dan il-ftehim u tipproduċi effetti legali fil-konfront tal-partijiet l-oħra “sa fejn tifformalizza l-aċċettazzjoni mill-Unjoni tal-impenji fil-konfront tagħhom”. Id-deċiżjoni kontenzjuża ma tipproduċix effetti legali barra mill-ordinament ġuridiku intern tal-Unjoni. Permezz tagħha, l-Unjoni tesprimi l-kunsens tagħha fl-ordinament ġuridiku intern tal-Unjoni, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punt 162 tas-sentenza appellata.

81

Huwa l-att ta’ notifika mill-Unjoni, imsemmi espressament kemm fl-aħħar paragrafu tal-ftehim kontenzjuż kif ukoll fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li Front Polisario kellu jikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali – u dan anki jekk jitqies li l-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissibbiltà huma ssodisfatti. Barra minn hekk, il-Kunsill jikkontesta li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ.

82

Il-Kunsill jikkontesta wkoll il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, li, sa fejn il-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż taffettwa lill-poplu tas-Saħara tal-Punent u għandha tkun suġġetta għall-kunsens tiegħu, id-deċiżjoni kontenzjuża toħloq effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Front Polisario bħala rappreżentant ta’ dan il-poplu.

83

Ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet l-ewwel sensiela ta’ żbalji ta’ liġi dwar l-effetti legali ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. Hija tenfasizza, bħall-Kunsill, li, għalkemm il-konklużjoni, li tinsab fil-punt 150 tas-sentenza appellata, li deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tikkonkretizza l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat b’dan il-ftehim hija eżatta fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hija biss in-notifika tal-ikkompletar tal-proċeduri interni lill-parti kkonċernata li madankollu tesprimi, fuq il-livell internazzjonali, il-kunsens li tkun marbuta bi ftehim. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet it-tieni sensiela ta’ żbalji ta’ liġi meta allegat li s-sitwazzjoni legali ta’ Front Polisario hija mibdula direttament mill-ftehim kontenzjuż innifsu.

84

Bl-istess mod, il-Comader isostni, fl-ewwel lok, l-argumenti tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-iżbalji ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punti 149 sa 159 tas-sentenza appellata, peress li d-deċiżjoni li jiġi konkluż trattat ma timplikax id-dħul fis-seħħ tiegħu. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jistax jestendi d-drittijiet ta’ azzjoni ta’ rikorrent mhux Ewropew sabiex jiddefendi drittijiet kollettivi li joħorġu mid-dritt internazzjonali. Fit-tieni lok, billi kkunsidrat, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, li Front Polisario kien “direttament” ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ħawdet lil Front Polisario mal-poplu tas-Saħara tal-Punent.

85

Front Polisario jiċħad dan l-argument.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

86

Bħalma tfakkar fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jikkonċernawha direttament u individwalment, kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni.

87

Bħalma fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 144 tas-sentenza appellata, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, li ma tħalli ebda setgħa ta’ evalwazzjoni lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplimentawha, peress li hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88

F’dan il-każ, permezz tar-rikors għal annullament tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, Front Polisario ried jipproteġi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, diġà rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 88, 91 u 105 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973). Issa, huwa fid-dawl tal-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, tal-ftehim kontenzjuż fuq is-sitwazzjoni legali ta’ dan il-poplu, irrappreżentat għall-finijiet ta’ dawn il-kawżi minn Front Polisario, li hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan tal-aħħar huwiex direttament ikkonċernat minn dik id-deċiżjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

89

Fil-fatt, filwaqt li ma ġiex uffiċjalment irrikonoxxut bħala r-rappreżentant esklużiv tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, Front Polisario huwa, konformement mar-riżoluzzjonijiet tal-ogħla korpi tan-Nazzjonijiet Uniti, fosthom dawk tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, interlokutur ipprivileġġat fil-qafas tal-proċess immexxi taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-għan tad-determinazzjoni tal-istatus futur tas-Saħara tal-Punent. Huwa jipparteċipa wkoll f’fora internazzjonali oħra sabiex jiddefendi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-imsemmi poplu.

90

Dawn iċ-ċirkustanzi partikolari jippermettu li jitqies li Front Polisario jista’ jikkontesta quddiem il-qorti tal-Unjoni l-legalità ta’ att tal-Unjoni li jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fil-kwalità tiegħu ta’ detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni meta l-imsemmi att jikkonċerna individwalment lil dan il-poplu jew, fir-rigward ta’ att regolatorju, ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

91

F’tali ċirkustanzi, il-kundizzjoni, prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors tagħha għandha tiġi evalwata, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fid-dawl tas-sitwazzjoni legali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, irrappreżentat għall-finijiet ta’ dawn il-kawżi minn Front Polisario.

92

F’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża u, b’estensjoni, il-ftehim kontenzjuż, jissodisfaw, permezz tal-effett li għandhom fuq id-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni, il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 87 ta’ din is-sentenza. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario, C‑104/16 P, EU:C:2016:973, punt 106).

93

Fil-fatt, minn naħa, bħalma rrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tagħha, dik id-deċiżjoni għandha bħala għan il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li l-applikazzjoni tiegħu hija prevista fuq il-parti l-kbira ta’ territorju li fir-rigward tiegħu l-poplu tas-Saħara tal-Punent għandu d-dritt għall-awtodeterminazzjoni. Għalhekk hija neċessarjament għandha effett fuq id-drittijiet li għandu dan il-poplu fir-rigward ta’ dan it-territorju, inkluż dak li juża r-rikkezzi naturali tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u mill-prinċipju ta’ dritt konswetudinarju internazzjonali ta’ sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali (ara, f’dan is-sens, QIĠ, kawża tal-Attivitajiet Armati fit-territorju tal-Kongo (Repubblika Demokratika tal-Kongo vs Uganda), sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2005, Ġabra 2005, p. 168, punt 244).

94

B’mod partikolari, minkejja li l-Unjoni ma tirrikonoxxix, permezz tal-ftehim kontenzjuż, l-allegazzjonijiet tar-Renju tal-Marokk fir-rigward tas-sovranità fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent, dan il-ftehim madankollu jirrikonoxxi effetti legali, fid-dritt tal-Unjoni, għal atti mwettqa f’dan it-territorju mhux awtonomu mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tal-Marokk, b’mod partikolari l-awtoritajiet doganali, bħal dawk li jirrigwardaw l-għoti ta’ ċertifikati ta’ oriġini għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent.

95

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li l-ftehim kontenzjuż għandu impatt fuq il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ma jimplikax, fid-dritt, “applikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż għat-territorju tas-Saħara tal-Punent”. Fil-fatt, l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim tippreżupponi l-preżenza tal-awtoritajiet Marokkini fit-territorju tas-Saħara tal-Punent u l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet amministrattivi minnhom f’dan it-territorju, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ ċerti atti previsti mill-imsemmi ftehim. Għalhekk, billi tirrikonoxxi lil tali atti tal-awtoritajiet Marokkini effetti legali fid-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjoni kontenzjuża tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fil-kwalità tiegħu ta’ detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, fid-dritt internazzjonali, il-ftehim kontenzjuż jistax jiġi invokat jew le kontra dan il-poplu fid-dawl tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati.

96

Min-naħa l-oħra, wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim kontenzjuż, l-obbligu li jingħata trattament preferenzjali lill-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent u ċċertifikati bħala tali mill-awtoritajiet doganali Marokkini jorbot lill-Unjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi adottat kwalunkwe att supplimentari għad-deċiżjoni kontenzjuża li jimplika setgħa ta’ evalwazzjoni għall-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tal-imsemmi ftehim, peress li din għandha, f’dan ir-rigward, natura purament awtomatika.

97

F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill u tar-Repubblika Franċiża, dirett kontra l-punti 150 u 162 tas-sentenza appellata, li jgħid li r-rikors ta’ Front Polisario quddiem il-Qorti Ġenerali ma kellux jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż, iżda kontra l-att ta’ notifika mill-Unjoni lir-Renju tal-Marokk tal-approvazzjoni minnha ta’ dan il-ftehim.

98

Fil-fatt, id-deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tikkostitwixxi att definittiv fl-ordinament ġuridiku intern tal-Unjoni, li jesprimi r-rieda tal-Unjoni li tintrabat b’dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà) tas‑6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 5). Dik id-deċiżjoni tikkostitwixxi, skont ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 135 tas-sentenza appellata, att li jista’ jiġi kkontestat, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tannulla ftehim internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 45 sa 51). Min-naħa l-oħra, in-notifika tal-approvazzjoni ta’ tali ftehim lill-parti kontraenti l-oħra tikkostitwixxi miżura ta’ implimentazzjoni li, bħala prinċipju, għandha titqies bħala att li ma jistax jiġi kkontestat

99

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 224 tas-sentenza appellata, li Front Polisario kien direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża.

100

Konsegwentement, it-tieni aggravju fil-Kawża C‑779/21 P u l-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑799/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it‑tielet aggravju fil‑Kawża C‑779/21 P u t‑tieni parti tat‑tieni aggravju fil‑Kawża C‑799/21 P, ibbażati fuq iċ‑ċirkustanza li Front Polisario ma huwiex individwalment ikkonċernat mid‑deċiżjoni kontenzjuża

– L‑argumenti tal‑partijiet

101

Il-Kunsill u l-Kummissjoni, bħar-Repubblika Franċiża u l-Comader, iqisu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-punt 238 tas-sentenza appellata, li Front Polisario kien individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża.

102

Il-Kummissjoni tirrileva b’mod partikolari li, fil-punt 230 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement tagħmel riferiment għall-iżviluppi dwar il-kundizzjoni dwar jekk Front Polisario kienx direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża, li, bħalma sostniet fil-kuntest tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑779/21 P, huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Bl-istess mod, il-Kunsill jargumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw ukoll il-konklużjoni li Front Polisario huwa individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża.

103

Barra minn hekk, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jikkontestaw ċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 235 tas-sentenza appellata, tar-rilevanza tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-interess ġenerali li pajjiż jew territorju extra-Ewropew (PTEE), bħala entità kompetenti għall-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali fit-territorju tiegħu, jista’ jkollu sabiex jikseb riżultat favorevoli għall-prosperità ekonomika ta’ dan tal-aħħar ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jitqies bħala individwalment ikkonċernat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

104

Il-Kummissjoni tenfasizza f’dan ir-rigward li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 234 u 235 tas-sentenza appellata, bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217) u dik inkwistjoni f’din il-kawża hija artifiċjali u żbaljata fid-dritt, peress li l-miżura kkontestata fl-imsemmija sentenza tikkonċerna biss il-PTEE, li wħud minnhom huma jew kienu territorji mhux awtonomi. Ma jistax jiġi aċċettat li l-Gvern tal-Antilli Olandiżi ma jistax jikkontesta att tal-Unjoni li jikkonċerna it-territorju tagħha ekonomikament, filwaqt li Front Polisario jista’, ħlief jekk jitqies li movimenti li għandhom bħala għan l-indipendenza ta’ territorju, jew li jinsabu f’kunflitt ma’ Stat, għandhom iktar garanziji minn gvernijiet reġjonali.

105

Il-Kunsill iqis, min-naħa tiegħu, li l-motivi kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali ma jirrispondux għall-argument li huwa kien silet mis-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), u jfakkar li huwa kien sostna, fil-kontroreplika tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, li minn dik is-sentenza kien jirriżulta li, anki jekk jitqies li Front Polisario huwa entità kompetenti għall-kwistjonijiet ekonomiċi li jikkonċernaw is-Saħara tal-Punent, quod non, din il-kwalità ma hijiex suffiċjenti sabiex ikun jista’ jitqies bħala kkonċernat individwalment mill-ftehim kontenzjuż.

106

Front Polisario jiċħad dan l-argument.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

107

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk l-att li huwa mitlub l-annullament tiegħu jikkawżalhom preġudizzju minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak ta’ destinatarju (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Internacional de Productos Metálicos vs Il‑Kummissjoni, C‑145/17 P, EU:C:2018:839, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 88 sa 92 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-poplu tas-Saħara tal-Punent, irrappreżentat f’dawn il-kawżi minn Front Polisario, huwa individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn inklużjoni espressa tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż, li jorbot lill-Unjoni permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, tbiddel is-sitwazzjoni legali ta’ dan il-poplu minħabba l-kwalità tiegħu ta’ detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni fil-konfront ta’ dan it-territorju. Fil-fatt, din il-kwalità tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna jew entità oħra, inkluż meta mqabbel ma’ kull suġġett ieħor tad-dritt internazzjonali.

109

L-argumenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar is-sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Il‑Kummissjoni vs Nederlandse Antillen (C‑142/00 P, EU:C:2003:217), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-interess ġenerali li PTEE, bħala entità kompetenti għall-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali fit-territorju tiegħu, jista’ jkollu sabiex jikseb riżultat favorevoli għall-prosperità ekonomika ta’ dan tal-aħħar ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jitqies bħala kkonċernat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li sar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE), għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjoni tagħha li l-Front Polisario huwa individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kontenzjuża u, b’estensjoni, mill-ftehim kontenzjuż, mhux fuq l-effetti ekonomiċi ta’ dan il-ftehim, iżda pjuttost fuq iċ-ċirkustanza li din l-organizzazzjoni tirrappreżenta lill-poplu tas-Saħara tal-Punent bħala detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni fir-rigward ta’ dan it-territorju.

110

Konsegwentement, it-tielet aggravju fil-Kawża C‑779/21 P għandu jiġi miċħud bħala infondat. Bl-istess mod, it-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑799/21 P għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq ir‑raba’ aggravju fil-Kawża C‑779/21 P u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑799/21 P, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju u tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-ftehim kontenzjuż

L‑argumenti tal‑partijiet

111

Permezz tar-raba’ aggravju rispettiv tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet sensiela ta’ żbalji ta’ liġi marbuta ma’ interpretazzjoni u ma’ applikazzjoni żbaljati tad-dritt internazzjonali, mal-portata tal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent f’dan il-każ, mal-ksur tal-fidi dovut għall-atti, mal-iżnaturament tal-argument tal-Kunsill u mal-ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tiegħu.

112

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 307 sa 392 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, effett assolut u estrem għall-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, moqri flimkien mad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, billi interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), u billi injorat il-ġurisprudenza dwar il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-Kunsill fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt konswetudinarju internazzjonali.

113

Skont il-Kummissjoni, dawn l-iżbalji jirrigwardaw erba’ lmenti prinċipali, jiġifieri, l-ewwel, żbalji ta’ liġi dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, dwar il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet u dwar in-neċessità li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-allegata inkompatibbiltà tagħha mar-regoli tad-dritt internazzjonali, it-tieni, żbalji ta’ liġi bbażati fuq l-assenza, fil-kuntest partikolari tal-kawża, ta’ rekwiżit ta’ kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, it-tielet, anki jekk jitqies li tali kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent huwa neċessarju sabiex tiġi kkonfermata l-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża, żbalji ta’ liġi sa fejn il-kunċett ta’ “kunsens” adottat mill-Qorti Ġenerali huwa wisq strett, u, ir-raba’, żbalji ta’ liġi bbażati fuq l-identifikazzjoni ta’ Front Polisario bħala entità li għandha tesprimi tali kunsens, fid-dawl tal-istatus tiegħu u tar-rappreżentattività limitati tiegħu. Il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest ta’ dawn l-erba’ lmenti, li l-Qorti Ġenerali ma ddeterminatx b’mod korrett id-dritt konswetudinarju internazzjonali, minkejja li kienet marbuta li tagħmel dan fil-kuntest ta’ din il-kawża.

114

Il-Kummissjoni tirrileva li kull deċiżjoni li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim ma’ pajjiż terz timplika li għandhom jiġu evalwati, fl-osservanza tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-azzjoni esterna stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, l-interessi tal-Unjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet mal-pajjiż terz ikkonċernat u li jsiru arbitraġġi bejn l-interessi diverġenti li jaqgħu taħt dawn ir-relazzjonijiet. Il-Kunsill għandu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ sabiex jibbilanċja l-għan li tiġi promossa l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem mal-għanijiet l-oħra li fuqhom hija bbażata l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u l-interessi l-oħra tal-Unjoni. L-istħarriġ ġudizzjarju f’dan ir-rigward għandu neċessarjament ikun limitat għall-punt dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.

115

Issa, il-Qorti Ġenerali xejnet il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill billi tat valur assolut lill-kundizzjoni ta’ kunsens espress ta’ Front Polisario, li l-bażi tiegħu fid-dritt internazzjonali pubbliku ma hijiex stabbilita. Hija injorat il-portata u d-diversità tal-għanijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fil-kuntest tal-Artikolu 21 TUE, billi għamlet riferiment biss, fil-punti 277 u 278 tas-sentenza appellata, għall-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, u mhux għall-paragrafu 2 tiegħu. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

116

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973). Mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni tas-Saħara tal-Punent, ikkonfermat f’din is-sentenza, ma jistax jiġi dedott rekwiżit ta’ kunsens espress tal-poplu ta’ dan it-territorju permezz ta’ Front Polisario biss sabiex ftehim internazzjonali li jagħti preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mill-imsemmi territorju, konkluż mill-Unjoni ma’ Stat li jaġixxi fih bħala awtorità amministrattiva u li għandu l-kompetenza sabiex jagħmel dan, ikun jista’ jkopri tali territorju.

117

Il-kunċett ta’ “poplu” u l-kunċett ta’ “kunsens” f’dan il-każ għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u fattwali madwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż, li minnu jirriżulta li s-soluzzjoni finalment adottata hija konformi mar-regoli kollha tad-dritt internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari mal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti intiż sabiex jippromwovi l-prosperità tal-abitanti tat-territorji mhux awtonomi, kif ukoll mal-Artikolu 21(2)(d) u (e) TUE. Għalkemm il-punti 311 u 312 tas-sentenza appellata jikkonfermaw li d-dritt applikabbli għat-territorji mhux awtonomi għadu sa llum indeterminat f’ċerti aspetti, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 313 sa 390 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sussegwentement wettqet sensiela ta’ żbalji, miġbura fil-qosor fil-punti 112, 113, 115 u 116 ta’ din is-sentenza.

118

Il-Kunsill isostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 391 tas-sentenza appellata, il-konsultazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet Marokkini, minn naħa, u mill-Kummissjoni u mis-SEAE, min-naħa l-oħra, ippermettew li jinkiseb il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Huwa jqis li dan il-punt, kif ukoll il-punti 307 sa 390 tas-sentenza appellata, li jsostnu l-konklużjoni stabbilita fl-imsemmi punt 391, huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali żbaljat fir-rigward tal-kontenut tal-kunċett ta’ “kunsens” ta’ poplu ta’ territorju mhux awtonomu, jew anki fir-rigward tan-neċessità li jinkiseb dan il-kunsens, u li, barra minn hekk, hija kisret il-bona fide dovuta għas-sottomissjonijiet tal-Kunsill jew żnaturat l-argumenti li huwa ppreżenta. Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

119

Front Polisario jitlob li dawn l-aggravji jiġu miċħuda.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

– Osservazzjonijiet preliminari

120

Bħalma jsegwi mill-punt 251 tas-sentenza appellata, Front Polisario sostna, fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, li, billi kkonkluda mar-Renju tal-Marokk ftehim internazzjonali espliċitament applikabbli għat-territorju tas-Saħara tal-Punent mingħajr il-kunsens tiegħu, il-Kunsill kien kiser l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-inklużjoni impliċita ta’ dan it-territorju fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk kienet ġuridikament impossibbli, skont il-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati. Minn dan isegwi li, a fortiori, applikazzjoni espliċita ta’ tali ftehimiet għall-imsemmi territorju kienet eskluża. Front Polisario sostna, b’mod partikolari, li l-konklużjoni tal-ftehim kontenzjuż kienet kuntrarja għall-ġurisprudenza sa fejn ma kinitx tosserva l-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent kif ukoll ir-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu ta’ dan it-territorju.

121

Bħalma kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 298 tas-sentenza appellata, dan il-motiv kien jinvolvi, essenzjalment, tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-impossibbiltà, għall-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, li jikkonkludu ftehim applikabbli għas-Saħara tal-Punent, it-tieni waħda, fuq il-ksur tal-istatus separat u distint ta’ dan it-territorju, bi ksur tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, u, it-tielet waħda, fuq il-ksur tar-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu tal-imsemmi territorju, bħala terz għall-ftehim kontenzjuż, fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati.

122

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tat-tielet motiv, iżda laqgħet it-tielet parti ta’ dan il-motiv. Għalhekk, hija qieset li kien hemm lok, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-imsemmi motiv u l-motivi l-oħra tar-rikors, li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata.

123

Il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor kif ġej, fil-punt 391 tas-sentenza appellata, ir-raġunament tagħha bi tweġiba għat-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors ta’ Front Polisario:

“[…] meta adotta d-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l‑elementi rilevanti kollha relatati mas-Saħara tal-Punent u kkunsidra, b’mod żbaljat, li huwa kellu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jesprimi l‑kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-ftehim ikkontestat għalih, bħala terz fir‑rigward tiegħu, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati flimkien mal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni. B’mod partikolari, kien żbaljat li l-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw li s-sitwazzjoni attwali [tal-imsemmi] territorju ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ dan il-kunsens u, b’mod partikolari, permezz [ta’ Front Polisario]. It-tieni, billi kkunsidra li l-konsultazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni u mis‑SEAE, li ma kellhomx bħala għan li jiksbu tali kunsens u ma kellhomx bħala għan li jindirizzaw lil “awtoritajiet rappreżentattivi” tal-imsemmi poplu, ippermettewlu li jikkonforma ruħu mal-prinċipju tal-effett relattiv tat‑trattati kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 106 tas‑sentenza [tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973)], il-Kunsill interpreta b’mod żbaljat kemm il-portata ta’ dawn il‑konsultazzjonijiet kif ukoll dik tar‑rekwiżit imsemmi f’dan il-punt. It-tielet, huwa żbaljat li l-Kunsill ikkunsidra li seta’ jibbaża ruħu fuq l-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal‑konsulent legali[, assistent Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem l-‘ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-Konsultent Legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti’)] sabiex jissostitwixxi dan ir-rekwiżit bil‑kriterji allegatament stipulati f’din l-ittra”.

124

Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent permezz ta’ konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-popolazzjonijiet tas-Saħara tal-Punent kif ukoll il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kontenzjuża u, b’estensjoni, tal-ftehim kontenzjuż fir-rigward tal-imsemmi kunsens, inkluż l-argument tagħhom dwar il-portata tal-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tagħhom dwar in-neċessità ta’ tali kunsens u l-identifikazzjoni ta’ Front Polisario bħala entità li fuqha jaqa’ l-kompitu li tesprimi dan il-kunsens.

– Fuq l‑ilmenti dwar il‑kunsens tal‑poplu tas‑Saħara tal‑Punent permezz ta’ konsultazzjonijiet mar‑rappreżentanti tal‑popolazzjonijiet tas‑Saħara tal‑Punent u l‑portata tal‑istħarriġ ġudizzjarju tad‑deċiżjoni kontenzjuża

125

Għandu jitfakkar li, fil-punt 106 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kliem “territorju tar-Renju tal-Marokk” li jinsab fl-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li l-poplu tas-Saħara tal-Punent kellu jitqies bħala “terz”, fis-sens tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, u li, bħala tali, dan it-terz seta’ jiġi affettwat mill-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fil-każ ta’ inklużjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi ddeterminat jekk tali implimentazzjoni kinitx ta’ natura li tippreġudikah jew għall-kuntrarju li tkun ta’ benefiċċju għalih. Fil-fatt, hija qieset li, f’kull każ, l-imsemmija implimentazzjoni kellha tirċievi l-kunsens ta’ tali terz. Issa, is-sentenza appellata fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), ma wrietx li l-poplu tas-Saħara tal-Punent wera tali kunsens.

126

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 10 tad-deċiżjoni kontenzjuża tindika dan li ġej:

“Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar il-kunsens fis-sentenza [tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973)], il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna [(SEAE)], ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex tinvolvi kif xieraq il‑popolazzjonijiet milqutin sabiex tiżgura l-kunsens tagħhom għall-Ftehim. Saru konsultazzjonijiet estensivi u l-biċċa l-kbira tal‑atturi soċjoekonomiċi u politiċi li pparteċipaw fil‑konsultazzjonijiet iddikjaraw li kienu favur l-estensjoni tal‑preferenzi tariffarji tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għas-Saħara tal-Punent. Dawk li rrifjutaw l-estensjoni kkunsidraw essenzjalment li tali ftehim jikkonferma l-pożizzjoni tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, xejn jimplika rrikonoxximent tas-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent”.

127

F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, bħalma ġie rrilevat fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, wara l-bidu tal-kunflitt armat bejn b’mod partikolari r-Renju tal-Marokk u Front Polisario fis-snin sebgħin, parti kbira tal-popolazzjoni tas-Saħara tal-Punent ħarbet minn dan il-kunflitt u sabet kenn fit-territorju Alġerin. Ir-rappreżentant ta’ Front Polisario indika f’dan ir-rigward waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma ġie kontradett, li, sa llum, minn total ta’ madwar 500000 persuna tas-Saħara tal-Punent, madwar 250000 jgħixu f’kampijiet tar-refuġjati fl-Alġerija, kwart fiż-żona tas-Saħara tal-Punent taħt il-kontroll Marokkin u madwar kwart ieħor imxerrdin madwar id-dinja.

128

Minn dan isegwi li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni attwali tas-Saħara tal-Punent ma tagħmilx parti mill-poplu detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, jiġifieri l-poplu tas-Saħara tal-Punent. Issa, dan tal-aħħar, li fil-parti l-kbira tiegħu ċċaqlaq, huwa l-uniku detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni meta mqabbel mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Fil-fatt, id-dritt għall-awtodeterminazzjoni jappartjeni lill-poplu kkonċernat, u mhux lill-popolazzjoni ta’ dan it-territorju b’mod ġenerali, li minnhom, skont l-istimi pprovduti waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni, 25 % biss huma ta’ oriġini tas-Saħara tal-Punent.

129

Bħalma rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 123 u 124 tal-konklużjonijiet tagħha, f’dan ir-rigward teżisti differenza bejn il-kunċett ta’ “popolazzjoni” ta’ territorju mhux awtonomu u dak ta’ “poplu” ta’ dan it-territorju. Dan tal-aħħar jagħmel riferiment għal unità politika, detentriċi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni, filwaqt li l-kunċett ta’ “popolazzjoni” jirreferi għall-abitanti ta’ territorju.

130

F’dan il-każ, il-Kummissjoni u s-SEAE wettqu konsultazzjonijiet mal-“popolazzjonijiet milqutin”, li, bħalma kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 337 tas-sentenza appellata, jinkludu essenzjalment il-popolazzjonijiet li jinsabu attwalment fit-territorju tas-Saħara tal-Punent, indipendentement minn jekk jappartjenux jew le għall-poplu ta’ dan it-territorju. Bħalma ddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 373 tas-sentenza appellata, dawn il-konsultazzjonijiet ma jistgħux għalhekk ikunu ekwivalenti għall-kisba tal-kunsens tal- “poplu” tat-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent.

131

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fost ir-regoli rilevanti li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet għal ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż terz, hemm il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali ġenerali tal-effett relattiv tat-trattati, li jgħid li t-trattati la għandhom jippreġudikaw u lanqas jiffavorixxu lil suġġetti terzi (pacta tertiis nec nocent nec prosunt). Dan il-prinċipju ta’ dritt internazzjonali ġenerali jingħata espressjoni partikolari fl-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jgħid li Trattat la joħloq obbligi u lanqas drittijiet għal Stat terz mingħajr il-kunsens tiegħu (sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 44).

132

L-imsemmi prinċipju, imsemmi wkoll fil-punt 106 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), għandu portata usa’ minn dik ta’ sempliċi regola ta’ interpretazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali. Fil-fatt, anki jekk, kif ġustament isostnu l-appellanti, ftehim li jaffettwa drittijiet jew obbligi ta’ terz jibqa’, fin-nuqqas tal-kunsens ta’ dan tal-aħħar, ma jistax jiġi infurzat fil-konfront tiegħu fid-dritt internazzjonali konvenzjonali, dan it-terz jista’ madankollu jiġi affettwat mill-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fil-każ tal-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ta’ territorju li fir-rigward tiegħu l-imsemmi terz huwa sovran jew detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni. Tali implimentazzjoni tista’, f’dan ir-rigward, tikser alternattivament, fir-rigward ta’ Stat, is-sovranità tiegħu fit-territorju tiegħu u, fir-rigward ta’ poplu, id-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni fit-territorju li miegħu huwa marbut l-imsemmi dritt. Għalhekk, bħalma rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmi punt 106, l-implimentazzjoni ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk dwar it-territorju tas-Saħara tal-Punent għandha tirċievi l-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent.

133

Minn dan isegwi li l-assenza ta’ kunsens ta’ dan il-poplu għal tali ftehim, li l-implimentazzjoni tiegħu testendi fuq l-imsemmi territorju, tista’ taffettwa l-validità tal-att tal-Unjoni, bħad-deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 21(1) TUE, l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tikkontribwixxi, b’mod partikolari, għall-osservanza stretta u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari għall-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u li, konformement mal-Artikolu 207(1) TFUE, il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punti 142 sa 147).

134

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-Kunsill. Fil-fatt, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 349 tas-sentenza appellata, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni huwa rregolat ġuridikament, minn naħa, mill-obbligu, dedott mill-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, li jiġi osservat, fil-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk, l-istatus separat u distint tas-Saħara tal-Punent u, min-naħa l-oħra, mir-rekwiżit, dedott mill-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li ser jiġi implimentat fl-imsemmi territorju.

135

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, ġustament, fl-imsemmi punt 349, li huwa, ċertament, il-Kunsill li kellu jevalwa jekk is-sitwazzjoni attwali tal-istess territorju kinitx tiġġustifika adattament tal-modalitajiet tal-espressjoni ta’ dan il-kunsens u jekk il-kundizzjonijiet kinux issodisfatti sabiex jiġi kkunsidrat li l-poplu tas-Saħara tal-Punent kien esprima tali kunsens, iżda li dik l-istituzzjoni ma kinitx libera li tiddeċiedi jekk setax jiġi evitat dan il-kunsens, ħlief bi ksur tar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jagħti l-kunsens tiegħu għal tali ftehim.

136

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt l-azzjoni esterna tagħha fid-dawl tad-dritt konswetudinarju internazzjonali, kif stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-neċessità tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent.

137

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-portata tal-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tar-rekwiżit tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

138

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat essenzjalment, fil-punt 385 tas-sentenza appellata, li din l-ittra ma tikkostitwixxix sors tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi invokat quddiem il-qorti tal-Unjoni, peress li ma hijiex simili, bħala tali, la għal regola tad-dritt internazzjonali konvenzjonali li torbot lill-Unjoni u lanqas għal regola tad-dritt konswetudinarju internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tal-Kummissjoni dwar l-approssimazzjoni, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 338 u 339 tas-sentenza appellata, bejn il-konsultazzjonijiet inkwistjoni mwettqa mill-Kummissjoni u s-SEAE, minn naħa, u konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati, imsemmija fl-Artikolu 11(3) TUE u fl-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, fi kwalunkwe każ, kif indikat essenzjalment il-Qorti Ġenerali, tali konsultazzjonijiet, li għandhom jippreċedu b’mod partikolari l-preżentazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni, huma fundamentalment distinti, minħabba n-natura u l-għan tagħhom, mir-rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt konswetudinarju internazzjonali, li poplu detentur tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni jagħti l-kunsens għall-applikazzjoni, fit-territorju li għalih jirreferi l-imsemmi dritt, ta’ ftehim internazzjonali li fir-rigward tiegħu huwa għandu l-kwalità ta’ terz.

140

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi, fil-punt 391 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-Kunsill, billi qies li l-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni u mis-SEAE kienu ppermettew li jkun hemm konformità mal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 106 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), kien interpreta b’mod żbaljat kemm il-portata ta’ dawn il-konsultazzjonijiet kif ukoll dik tar-rekwiżit stabbilit f’dan il-punt 106 u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill żbalja meta qies li huwa seta’ jibbaża ruħu fuq l-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2002 tal-konsulent legali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jissostitwixxi dan ir-rekwiżit bil-kriterji allegatament stabbiliti f’din l-ittra.

– Fuq l‑ilmenti dwar in‑neċessità tal‑kunsens tal‑poplu tas‑Saħara tal‑Punent u l‑identifikazzjoni ta’ Front Polisario bħala entità li għandha tesprimi dan il‑kunsens

141

Bħalma tfakkar fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 391 tas-sentenza appellata, li, meta adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kunsill ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-elementi rilevanti kollha relatati mas-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent u kien qies, b’mod żbaljat, li huwa kellu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit li l-poplu ta’ dan it-territorju kellu jesprimi l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż għalih, bħala terz għall-imsemmi ftehim, konformement mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati flimkien mal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni. B’mod partikolari, hija qieset li kien żbaljat li l-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw li s-sitwazzjoni attwali tat-territorju tas-Saħara tal-Punent ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ dan il-kunsens.

142

B’mod iżjed preċiż, hija rrilevat, fil-punt 321 tas-sentenza appellata, li, għalkemm il-ftehim kontenzjuż jista’ joħloq drittijiet fil-konfront tal-esportaturi stabbiliti fis-Saħara tal-Punent, dawn l-effetti jikkonċernaw biss l-individwi u mhux suġġett terz fil-konfront tiegħu, li jista’ jagħti l-kunsens għalih. Barra minn hekk, hija qieset li, fir-rigward tal-benefiċċji li jistgħu jinkisbu mill-imsemmi ftehim għall-popolazzjoni ta’ dan it-territorju kollu kemm hu, dawn kellhom, fi kwalunkwe każ, jitqiesu bħala “effetti purament soċjo-ekonomiċi u mhux legali” u li “dawn il-benefiċċji, barra minn hekk indiretti, għalhekk ma għandhomx ikunu assimilati ma’ drittijiet mogħtija lil terz, fis-sens tal-effett relattiv tat-trattati”. Hija kompliet billi indikat dan li ġej fil-punt 322 tas-sentenza appellata:

“Għall-kuntrarju, il-ftehim ikkontestat għandu l-effett li jimponi obbligu fuq it-terz inkwistjoni, inkwantu jagħti lil waħda mill-partijiet tiegħu kompetenza fit‑territorju tiegħu, li huwa għalhekk ma għandux dritt jeżerċita hu stess jew, jekk ikun il-każ, li jiddelega l-eżerċizzju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 52). Il-fatt allegat mill-Kunsill li, f’dan l-istadju, huwa ma huwiex f’pożizzjoni li jeżerċita dawn il-kompetenzi, fid-dawl tal‑istatus bħala territorju mhux awtonomu tat-territorju inkwistjoni u tas‑sitwazzjoni li attwalment tapplika għalih, ma għandux jikkontesta din il‑konstatazzjoni, u lanqas il-ħtieġa, għal dan it-terz, li jagħti l-kunsens tiegħu għal dan l-obbligu”.

143

Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan, fil-punt 323 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju espress fl-Artikolu 36(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li l-kunsens ta’ terz għal Trattat jista’ jiġi preżunt meta jinsilet dritt minn dan it-Trattat fil-konfront tiegħu, sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni kuntrarja, ma kienx applikabbli f’dan il-każ u li l-espressjoni ta’ dan il-kunsens kellha għalhekk tkun espliċita.

144

Madankollu, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali espost fil-punti 322 sa 323 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

145

F’dan ir-rigward, ċertament, bħalma ġie kkonstatat fil-punti 132 sa 135 u 140 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament, essenzjalment, li, abbażi tal-prinċipji tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u tal-effett relattiv tat-trattati, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-implimentazzjoni tal-ftehim kontenzjuż f’dan it-territorju kien kundizzjoni ta’ validità tad-deċiżjoni kontenzjuża u li l-konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mis-SEAE ma setgħux jistabbilixxu tali kunsens ta’ dan il-poplu.

146

Min-naħa l-oħra, hija interpretat il-ftehim kontenzjuż b’mod żbaljat meta kkonstatat essenzjalment, fil-punt 322 tas-sentenza appellata, li dan il-ftehim għandu l-effett li jimponi obbligu fuq il-poplu tas-Saħara tal-Punent, billi ta lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Marokk ċerti kompetenzi li l-eżerċizzju tagħhom huwa previst fit-territorju tas-Saħara tal-Punent.

147

Fil-fatt, għalkemm l-implimentazzjoni tal-ftehim kontenzjuż timplika li l-atti tal-awtoritajiet Marokkini mwettqa fit-territorju tas-Saħara tal-Punent għandhom effetti legali bħal dawk deskritti fil-punti 94 sa 96 ta’ din is-sentenza, li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tal-poplu ta’ dan it-territorju, iċ-ċirkustanza li dan il-ftehim jirrikonoxxi lil dawn l-awtoritajiet ċerti kompetenzi amministrattivi eżerċitati fl-imsemmi territorju ma tippermettix madankollu li jitqies li l-imsemmi ftehim joħloq obbligi legali fuq dan il-poplu, bħala suġġett tad-dritt internazzjonali.

148

F’dan ir-rigward, bħalma ġie enfasizzat fil-ftehim kontenzjuż, dan tal-aħħar ma jimplikax ir-rikonoxximent mill-Unjoni tal-allegata sovranità tar-Renju tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, il-poplu tas-Saħara tal-Punent ma huwiex id-destinatarju taċ-ċertifikati ta’ oriġini jew ta’ atti amministrattivi oħra stabbiliti mill-awtoritajiet Marokkini fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim, li huwa obbligat jirrikonoxxi, u lanqas tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-konfront tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn mill-ftehim kontenzjuż isegwi li dan japplika biss għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk, il-konklużjoni tiegħu ma tipprekludix lill-Unjoni milli tipprevedi, jekk ikun il-każ, modalitajiet distinti li japplikaw għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li ma humiex suġġetti għall-kontroll ta’ dawn l-awtoritajiet, b’mod partikolari għall-prodotti li joriġinaw mill-parti tat-territorju tas-Saħara tal-Punent ikkontrollata minn Front Polisario.

149

Minn dan isegwi li huwa billi bbażat ruħha fuq premessa żbaljata li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 323 tas-sentenza appellata, li l-espressjoni tal-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-ftehim kontenzjuż kellha tkun espliċita.

150

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jimplika l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni u jkun hemm lok li ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn dan annulla d-deċiżjoni kontenzjuża, jidhirx li huwa fondat għal motivi legali differenti minn dawk ivvizzjati bl-iżball identifikat fil-punti 146 sa 149 ta’ din is-sentenza.

152

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt konswetudinarju internazzjonali ma jipprevedix forma partikolari għall-espressjoni tal-kunsens ta’ persuna terza għal ftehim li jagħtiha dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali tas‑7 ta’ Ġunju 1932, kawża taż-“Żoni Ħielsa tal-Haute-Savoie u tal-Pays de Gex”, Ġabra CPJI 1927, serje A/B, Nru 46, p. 148). Minn dan isegwi li dan l-istess dritt ma jeskludix li tali kunsens ikun jista’ jingħata b’mod impliċitu f’ċerti ċirkustanzi. Għalhekk, fis-sitwazzjoni partikolari ta’ poplu ta’ territorju mhux awtonomu, kunsens ta’ dan il-poplu għal ftehim internazzjonali li fir-rigward tiegħu għandu l-kwalità ta’ terz u li l-applikazzjoni tiegħu hija prevista fit-territorju li għalih jirreferi d-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni jista’ jiġi preżunt sakemm jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet.

153

Minn naħa, il-ftehim inkwistjoni ma għandux joħloq obbligu impost fuq l-imsemmi poplu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi ftehim għandu jipprevedi li l-poplu kkonċernat innifsu, li jista’ ma jkunx adegwatament irrappreżentat mill-popolazzjoni tat-territorju li għalih jirreferi d-dritt għall-awtodeterminazzjoni li għandu dan il-poplu, jirċievi vantaġġ preċiż, konkret, sostanzjali u verifikabbli li jirriżulta mill-użu tar-riżorsi naturali ta’ dan it-territorju, u proporzjonali għall-importanza ta’ dan l-użu. Dan il-vantaġġ għandu jkun akkumpanjat minn garanziji fir-rigward tal-fatt li l-imsemmi użu jsir f’kundizzjonijiet konformi mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi naturali mhux rinnovabbli jibqgħu disponibbli b’mod estensiv u li r-riżorsi naturali rinnovabbli, bħall-istokkijiet tal-ħut, jiġu rrikostitwiti b’mod permanenti. Fl-aħħar nett, il-ftehim inkwistjoni għandu jipprevedi wkoll mekkaniżmu ta’ kontroll regolari li jippermetti li tiġi vverifikata r-realtà tal-vantaġġ mogħti bl-applikazzjoni tiegħu lill-poplu kkonċernat.

154

L-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà ta’ tali ftehim mal-prinċipju, li jirriżulta mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u stabbilit fid-dritt konswetudinarju internazzjonali, ta’ supremazija tal-interessi tal-popli tat-territorji mhux awtonomi. Dan jikkontribwixxi għalhekk sabiex l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali tkun ibbażata, bħalma jipprevedi l-Artikolu 21(1) TUE, fuq il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

155

Fl-ipoteżi fejn iż-żewġ kundizzjonijiet esposti fil-punt 153 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti, il-kunsens tal-poplu kkonċernat għandu jitqies bħala miksub. Iċ-ċirkustanza li moviment li jippreżenta ruħu bħala r-rappreżentant leġittimu ta’ dan il-poplu jopponi għal dan il-ftehim ma tistax, bħala tali, tkun suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ tali kunsens preżunt.

156

Din il-preżunzjoni ta’ kunsens tista’ madankollu tiġi kkonfutata meta rappreżentanti leġittimi tal-imsemmi poplu jistabbilixxu li s-sistema ta’ vantaġġ mogħti lill-istess poplu mill-ftehim inkwistjoni, jew inkella l-mekkaniżmu ta’ kontroll regolari li għandu jkun suġġett għalih, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet esposti fil-punt 153 ta’ din is-sentenza. Jekk ikun il-każ, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tiddeċiedi din il-kwistjoni, sabiex tevalwa, b’mod partikolari, jekk l-imsemmi ftehim jippreżervax b’mod adegwat id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu kkonċernat jew is-sovranità permanenti fuq ir-riżorsi naturali li jirriżulta minn dan id-dritt kif ukoll mill-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u kull Stat Membru jistgħu wkoll jiksbu, saħansitra qabel ma jiġi ffirmat jew konkluż ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk li jipprevedi tali skema ta’ vantaġġ, l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim previst mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) TUE.

157

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, din għandha titqies li hija ssodisfatta. Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 147 u 148 tal-istess sentenza, il-ftehim kontenzjuż, minkejja li jbiddel is-sitwazzjoni legali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni li huwa għandu f’dan it-territorju, ma joħloqx obbligi ġuridiċi fuq dan il-poplu, bħala suġġett tad-dritt internazzjonali.

158

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li vantaġġ favur il-poplu tas-Saħara tal-Punent, li jissodisfa l-karatteristiċi msemmija fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, huwa manifestament nieqes fil-ftehim kontenzjuż, bħalma jsegwi b’mod partikolari mit-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta quddiemha.

159

B’mod partikolari, bħalma kkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 318 u 319 tas-sentenza appellata, il-ftehim kontenzjuż ma huwiex intiż sabiex jagħti drittijiet lill-poplu tas-Saħara tal-Punent, bħala terz fil-konfront tiegħu. Huwa r-Renju tal-Marokk, bħala parti fil-ftehim kontenzjuż, li huwa detentur tal-preferenzi tariffarji mogħtija mill-Unjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent skont dan il-ftehim. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-effett tal-imsemmi ftehim kien li jinkludi l-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u li b’hekk ipoġġihom fuq l-istess livell, f’dak li jirrigwarda l-preferenzi tariffarji, mal-prodotti Marokkini, kif ukoll mal-prodotti li joriġinaw mill-Alġerija u mill-Mawritanja, li jgawdu wkoll minn preferenzi tariffarji.

160

Minn dan isegwi li l-poplu tas-Saħara tal-Punent ma jistax jiġi preżunt li ta l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-ftehim kontenzjuż f’dan it-territorju.

161

Hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-possibbiltà ta’ kunsens preżunt konformement mal-punti 152 sa 155 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-fatt li l-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, dwar it-territorji mhux awtonomi, jirreferi għall-“popolazzjonijiet” u għall-“abitanti” ta’ dawn it-territorji u jiddefinixxi bħala “missjoni sagra” l-obbligu li tiġi ffavorita sa fejn possibbli l-prosperità tagħhom, u b’hekk ikopri, fil-każ tas-Saħara tal-Punent, parti mill-“popolazzjoni” ta’ dan it-territorju li ma hijiex inkluża mill-“poplu” tas-Saħara tal-Punent. F’dan ir-rigward, huwa kkunsidrat bħala essenzjali fir-Riżoluzzjoni 2703 (2023) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li n-negozjati javvanzaw sabiex il-kwalità tal-ħajja tal-abitanti tas-Saħara tal-Punent titjieb fl-oqsma kollha. Issa, li kieku ftehim kellu, fil-futur, jibbenefika lill-poplu tas-Saħara tal-Punent konformement mar-rekwiżiti esposti fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, il-possibbiltà li dan il-ftehim jibbenefika wkoll lill-abitanti ta’ dan it-territorju b’mod ġenerali ma tkunx tista’ tipprekludi l-konstatazzjoni ta’ kunsens preżunt ta’ dan il-poplu.

162

Fid-dawl, barra minn hekk, tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, li l-konsultazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni u mis-SEAE ma setgħux jistabbilixxu tali kunsens tal-imsemmi poplu, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 391 tas-sentenza appellata, li tgħid li, billi adotta d-deċiżjoni kontenzjuża, minn naħa, il-Kunsill ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-elementi rilevanti kollha relatati mas-sitwazzjoni tas-Saħara tal-Punent u, min-naħa l-oħra, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu kkunsidraw, b’mod żbaljat, li s-sitwazzjoni attwali ta’ dan it-territorju ma kinitx tippermetti li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-ftehim kontenzjuż, għandha titqies li hija fondata.

163

Ir-raba’ aggravju fil-Kawża C‑779/21 P u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑799/21 P għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq il‑ħames aggravju fil-Kawża C‑779/21 P u t‑tielet aggravju fil-Kawża C‑799/21 P, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi fir‑rigward tal‑invokabbiltà tad‑dritt internazzjonali

L‑argumenti tal‑partijiet

164

Il-Kummissjoni, permezz tal-ħames aggravju tagħha, u l-Kunsill, permezz tat-tielet aggravju tiegħu, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-invokabbiltà ta’ regoli tad-dritt internazzjonali fil-kuntest ta’ rikors dwar il-validità ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni. Dawn l-aggravji jirrigwardaw is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 297 tagħha, li Front Polisario seta’ jinvoka l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni kif ukoll il-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati u li t-tielet motiv imqajjem quddiemha għalhekk ma kienx ineffettiv.

165

Dawn l-istituzzjonijiet ifakkru b’mod partikolari l-ġurisprudenza li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jistgħu jiġu invokati minn parti fil-kawża, għall-finijiet tal-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-validità ta’ att tal-Unjoni, biss jekk ikunu jistgħu jqegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni li tadotta att u jekk l-att inkwistjoni jkun jista’ jaffettwa drittijiet li l-parti fil-kawża tislet mid-dritt tal-Unjoni jew ikun joħloq obbligi fir-rigward ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 107).

166

Il-Kunsill jenfasizza wkoll li, għalkemm regoli tad-dritt internazzjonali jistgħu jiġu invokati, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat, fi kwalunkwe każ, għall-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli konformement mas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 107). F’dan il-każ, il-prinċipji ta’ awtodeterminazzjoni u tal-effett relattiv tat-trattati ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat impliċitament li d-dritt internazzjonali ma jeskludix li trattat jista’, b’deroga mir-regola ġenerali, jorbot Stat fil-konfront ta’ territorju ieħor, aspett li l-Qorti Ġenerali kkonfermat espliċitament billi ċaħdet il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill sabiex jikkonkludi l-ftehim kontenzjuż. Fi kwalunkwe każ, l-effett relattiv tat-trattati ma jikkonċernax il-validità ta’ ftehim, iżda l-infurzabbiltà tiegħu.

167

Ir-Repubblika Franċiża tindika f’dan ir-rigward li, anki jekk il-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati seta’ jiġi invokat u kien miksur f’dan il-każ, tali ksur ma jwassalx għan-nullità tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn, skont l-imsemmi prinċipju, il-kunsens ta’ terz ma jikkundizzjonax il-validità tat-trattat ikkonċernat.

168

Front Polisario jiċħad dan l-argument.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

169

Il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 284 tas-sentenza appellata, li, fil-punt 107 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ddeċidiet li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju msemmija fil-punt 103 tal-istess sentenza setgħu jiġu invokati minn parti f’kawża għall-finijiet tal-eżami, minnha, tal-validità ta’ att tal-Unjoni biss jekk, minn naħa, dawn il-prinċipji setgħu jikkontestaw il-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta l-imsemmi att u jekk, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni seta’ jaffettwa drittijiet li l-parti fil-kawża kienet tislet mid-dritt tal-Unjoni jew joħloq fil-konfront tagħha obbligi fir-rigward ta’ dan id-dritt. Il-Qorti Ġenerali indikat li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza tal-aħħar, inkwistjoni kien hemm il-prinċipju li kull Stat għandu sovranità sħiħa u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru tiegħu, sovranità skont liema ebda Stat ma jista’ leġittimament jippretendi li jissuġġetta xi parti tal-ibħra internazzjonali għas-sovranità tiegħu u l-prinċipju ta’ titjir liberu fuq l-ibħra internazzjonali.

170

Hija kkonstatat b’mod partikolari, fil-punt 276 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward tal-invokabbiltà tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, qabelxejn, il-qorti tal-Unjoni kienet kompetenti sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ma’, b’mod partikolari, ir-regoli tad-dritt internazzjonali, peress li l-Unjoni għandha teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza ta’ dawn ir-regoli, li jorbtuha bis-saħħa tat-trattati. Fil-punt 279 tas-sentenza appellata, hija sussegwentement fakkret li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat, fil-punti 88 u 89 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973), li “d-dritt għall‑awtodeterminazzjoni [kien] jikkostitwixxi dritt li jista’ jiġi kkontestat erga omnes bħala wieħed mill-prinċipji essenzjali tad-dritt internazzjonali u li, b’dan il-mod, dan il-prinċipju [kien] jagħmel parti mir‑regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli fir‑relazzjonijiet bejn l‑Unjoni u r-Renju tal-Marokk, li t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu [kien] jaqa’ fuq il-qrati tal-Unjoni”.

171

Hija kkonkludiet, fil-punt 291 tas-sentenza appellata, li, “f’dan il-każ, l‑invokabbiltà tal-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u tal-prinċipju tal‑effett relattiv tat-trattati ma għandhiex tkun evalwata permezz tal‑kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil‑punti 107 sa 109 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864), sa fejn dawn il‑kunsiderazzjonijiet [kienu] bbażati fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, relatati man-natura tal‑prinċipji tad-dritt internazzjonali invokati u tal-att ikkontestat kif ukoll fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ma humiex komparabbli ma’ dawk ta’ din il-kawża”. B’mod partikolari, skont il-Qorti Ġenerali, “l-invokabbiltà taż-żewġ prinċipji hawn fuq imsemmija ma għandhiex tkun limitata, f’dan il-każ, għall-kontestazzjoni tal‑kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni [kontenzjuża], peress li, minn naħa waħda, [Front Polisario] jinvoka obbligi ċari, preċiżi u inkundizzjonali imposti fuq l-Unjoni fil-qafas tal-adozzjoni ta’ din id‑deċiżjoni u li, min-naħa l-oħra, din l-invokazzjoni hija intiża sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet ta’ suġġett terz fir-rigward tal-ftehim li jistgħu jiġu affettwati mill-ksur ta’ dawn l-obbligi”.

172

Dan ir-raġunament ma huwiex ivvizzjat bi żbalji ta’ liġi.

173

Fil-fatt, l-Unjoni għandha l-obbligu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, li teżerċita l-kompetenzi tagħha b’osservanza tad-dritt internazzjonali kollu kemm hu, li jinkludi kemm ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali ġenerali u konswetudinarju, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtuha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

174

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, sabiex tevalwa jekk ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni huwiex kompatibbli mar-regoli tad-dritt internazzjonali li, konformement mat-Trattati, jorbtu lill-Unjoni. L-istħarriġ tal-validità li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha twettaq fir-rigward tal-att li permezz tiegħu l-Unjoni kkonkludiet tali ftehim internazzjonali jista’ jirrigwarda l-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 48 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tikkunsidra li l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati kienu invokabbli fil-kuntest tal-istħarriġ tal-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

176

Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864) għandu jiġi dedott li dawn il-prinċipji ma jistgħux jiġu invokati fil-kuntest tal-istħarriġ tal-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża, ma jistax jintlaqa’.

177

Fir-rigward tal-ilment imressaq mill-Kunsill li l-istħarriġ, mill-qorti tal-Unjoni, tal-konformità ta’ att tal-Unjoni ma’ tali regoli tad-dritt internazzjonali għandu jkun limitat għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, dan jikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dak, imressaq fil-kuntest tar-raba’ aggravji, ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-Kunsill fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni. Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 134 ta’ din is-sentenza.

178

Konsegwentement, il-ħames aggravju fil-Kawża C‑779/21 P u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑799/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

179

Peress li ebda wieħed mill-aggravji mqajma mill-Kummissjoni u mill-Kunsill insostenn tal-appelli fil-Kawżi C‑779/21 P u C‑799/21 P ma ntlaqa’, hemm lok li dawn jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq it‑talbiet imressqa sussidjarjament mill‑Kunsill u mill‑Kummissjoni

L‑argumenti tal‑partijiet

180

Sussidjarjament, il-Kunsill, filwaqt li jenfasizza r-riskju, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, ta’ konsegwenzi negattivi serji fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni u ta’ tqegħid inkwistjoni taċ-ċertezza legali tal-impenji internazzjonali li din tat il-kunsens għalihom u li jorbtu lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri, iqis neċessarju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell mis-sentenza appellata, li hija tordna ż-żamma tal-effetti ta’ dik id-deċiżjoni għal perijodu ta’ tnax-il xahar.

181

Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li jkun mixtieq li jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża għal sena u nofs, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni huwa ġġustifikat għal raġunijiet differenti minn dawk indikati fis-sentenza appellata u fejn ikun possibbli li mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi dedotta possibbiltà realistika li ftehim li jkopri s-Saħara tal-Punent jista’ madankollu jiġi konkluż mar-Renju tal-Marokk, sabiex jippermetti n-negozjati neċessarji għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ tali ftehim.

182

Front Polisario joġġezzjona għal dawn it-talbiet.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

183

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

184

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, fid-dawl tal-motivi relatati maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji għall-partijiet ikkonċernati (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Ftehim mar-Repubblika tal-Korea), C‑275/20, EU:C:2022:142, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

185

F’dan il-każ, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma l-effetti tagħha jinżammu għal perijodu limitat, jista’ jkollu konsegwenzi negattivi serji fuq l-azzjoni esterna tal-Unjoni u jimmina ċ-ċertezza legali tal-obbligi internazzjonali li għalihom tkun tat il-kunsens u li jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri. Fil-fatt, id-deċiżjoni kontenzjuża kellha bħala għan l-approvazzjoni tal-ftehim kontenzjuż f’isem l-Unjoni, liema ftehim daħal fis-seħħ fid‑19 ta’ Lulju 2019.

186

Konsegwentement, hemm lok li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża jinżammu għal perijodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

Fuq l‑ispejjeż

187

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

188

Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

189

F’dan il-każ, peress li Front Polisario talab il-kundanna tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u dawn tal-aħħar tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti minn Front Polisario fil-qafas ta’ dawn l-appelli.

190

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

191

F’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju, l-Ungerija, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka, intervenjenti fl-appell fil-Kawża C‑799/21, ir-Renju ta’ Spanja, intervenjenti fl-appell fil-Kawżi C‑779/21 u C‑799/21, kif ukoll ir-Repubblika Franċiża, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

192

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa wkoll applikabbli għall-proċedura tal-appell abbażi tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi b’mod partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti li ma hijiex Stat Membru jew istituzzjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

193

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li Comader għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat‑28 ta’ Jannar 2019 dwar il‑konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal‑Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro‑Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l‑Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l‑oħra, għandhom jinżammu għal perijodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti minn Front populaire pour la libération de la Saguia-el-Hamra et du Rio de oro (Front Polisario) fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

 

4)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju ta’ Spanja, l-Ungerija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika Franċiża u l-Confédération marocaine de l’agriculture et du développement rural (Comader) għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top