Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62023CJ0066

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-12 ta’ Settembru 2024.
Elliniki Ornithologiki Etaireia et vs Ypourgos Esoterikon et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Klassifikazzjoni ta’ territorju bħala żona ta’ protezzjoni speċjali – Speċi imsejħa ta’ ‘klassifikazzjoni’ – Miżuri orizzontali temporanji applikati b’mod uniformi għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali kollha – Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni individwalizzati.
Kawża C-66/23.

Identificador Europeo de Jurisprudencia: ECLI:EU:C:2024:733

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Klassifikazzjoni ta’ territorju f’żona ta’ protezzjoni speċjali – Speċi imsejħa ta’ ‘klassifikazzjoni’ – Miżuri orizzontali temporanji applikati b’mod uniformi għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali kollha – Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni individwalizzati”

Fil-Kawża C‑66/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

Elliniki Ornithologiki Etaireia,

Syllogos Diktyo Oikologikon Organoseon Aigaiou,

Perivallontikos Syllogos Rethymnou,

Politistikos Syllogos Thronos Kleisidiou,

KX,

u partijiet oħra

vs

Ypourgos Esoterikon,

Ypourgos Oikonomikon,

Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon,

Ypourgos Perivallontos kai Energeias,

Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Elliniki Ornithologiki Etaireia u s-Syllogos Diktyo Oikologikon Organoseon Aigaiou, minn P. Fokas-Pagoulatos, dikigoros,

għall-Perivallontikos Syllogos Rethymnou, la Politistikos Syllogos Thronos Kleisidiou, KX, u l-partijiet oħra, minn D. Bousmpouras u V. Kounelis, dikigoroi,

għall-Ypourgos Esoterikon, l-Ypourgos Oikonomikon, l-Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon, l-Ypourgos Perivallontos kai Energeias, l-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon u l-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou, M. Tassopoulou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn J. Benešová, L. Langrová u M. Smolek, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn E.M.M. Besselink, K. Bulterman u C. S. Schillemans u, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u I. Zervas, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”), tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-habitats”), u tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/92”)

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Elliniki Ornithologiki Etaireia (is-Soċjetà Ornitoloġika Ellenika), is-Syllogos Diktyo Oikologikon Organoseon Aigaiou (in-Network Assoċjattiv ta’ Organizzazzjonijiet Ekoloġiċi tal-Baħar Eġew), il-Perivallontikos Syllogos Rethymnou (l-Assoċjazzjoni Ambjentali ta’ Rethymno), il-Politistikos Syllogos Thronos Kleisidiou (l-Assoċjazzjoni Kulturali Thronos Kleisidi), KX u partijiet oħra u, min-naħa l-oħra, l-Ypourgos Esoterikon et (il-Ministru għall-Intern, il-Greċja), il-Ypourgos Oikonomikon (il-Ministru għall-Finanzi, il-Greċja), il-Ypourgos Anaptyxis kai Ependyseon (il-Ministru għall-Iżvilupp u għall-Investiment, il-Greċja), il-Ypourgos Perivallontos kai Energeias (il-Ministru għall-Ambjent u għall-Enerġija, il-Greċja) u l-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon (il-Ministru għall-Iżvilupp Rurali u għall-Ikel, il-Greċja) dwar il-legalità ta’ digriet ministerjali, adottat fl‑2012, li għandu l-għan li jemenda u jikkompleta l-att ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-għasafar fid-dritt Elleniku.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva dwar l‑għasafar

3

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva dwar l-għasafar tikkonċerna l-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat FUE. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

(a)

ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

(b)

ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

(c)

ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

(d)

ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

[…]

4.   Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

Id‑Direttiva dwar il‑habitats

5

Skont l-Artikolu 1(l) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-espressjoni “żona speċjali ta’ konservazzjoni” tfisser “sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att regolatorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u/jew tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom is-sit ġie nnominat”.

6

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. […]

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni [Ewropea] dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

[…]”

7

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [tal-Kunsill 79/409/KEE tat‑2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

Id‑dritt Elleniku

8

In-Nomos 1650/1986 gia tin prostasia tou perivallontos (il-Liġi 1650/1986 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent) (FEK Α’ 160/16.10.1986), kif emendata bin-Nomos 3937/2011 (l-Liġi 3937/2011) (FEK Α’ 60/31.3.2011) u bin-Nomos 4685/2020 (il-Liġi 4685/2020) (FEK Α’ 92/7.5.2020), tirregola ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”) fil-Greċja. Il-Liġi 1650/1986, kif emendata, timponi, essenzjalment, it-tfassil ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni għall-ispeċi kkonċernati u għaż-ŻPS wara evalwazzjoni ambjentali speċjali.

9

In-Nomos 4014/2011 gia tin perivallontiki adeiodotisi ergon kai drastitriotiton, rithmisi afthereton se sinartisi me dimiourgia perivallontikou isozigiou ki alles diatakseis armodiotitas Ypourgeiou Perivallontos, Energeias kai Klimatikis Alllagis (il-Liġi 4014/2011 dwar l-Awtorizzazzjoni Ambjentali għal Proġetti u Attivitajiet, ir-Regolamentazzjoni ta’ Kostruzzjonijiet Mhux Awtorizzati fil-Kuntest tal-Ħolqien ta’ Bilanċ Ambjentali Kif Ukoll Dispożizzjonijiet Oħra li Jaqgħu Taħt il-Ministeru għall-Ambjent, għall-Enerġija u għall-Bidla fil-Klima) (FEK Α’ 209/21.09.2011), jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ proġetti fiż-ŻPS.

10

L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi jipprevedi li l-evalwazzjoni ambjentali speċjali ta’ proġett ta’ xogħlijiet pubbliċi jew privati tinkludi, minn naħa, ir-reġistrazzjoni tal-ispeċi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ dan il-proġett, b’mod partikolari fuq l-għasafar selvaġġi msemmija fl-Anness I tal-Artikolu 14 tal-Koini Ypourgiki apofasi n 37338/1807/2010 “Kathorismos metron kai diadikasion gia tin diatirisi tis agrias ornithopanidas kai ton oikotopon/endietimaton tis, se simmorfosi me tin Odigia 79/409/ΕΟK, “peri diatiriseos ton agrion ptinon” tou Europaikou Simvouliou tis 2as Apriliou 1979, opws kodikopoiithike me tin Odigia 2009/147/EK”) (id-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 37338/1807/2010 “Determinazzjoni tal-Miżuri u tal-Proċeduri għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u tal-Habitats Tagħhom Skont id-Direttiva 79/409/KEE, Kif Ikkodifikata bid-Direttiva 2009/147/KE”) (FEK Β’ 1495/6.9.2010, iktar ’il quddiem, id-“Digriet Ministerjali tal‑2010”), li ġie adottat sabiex jittrasponi d-Direttiva dwar l-għasafar fid-dritt Elleniku, kif ukoll fuq l-ispeċi migratorji li ma jissemmewx f’dan l-Anness, iżda li jpassu b’mod regolari fit-territorju Grieg.

11

Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Ministerjali tal‑2010, dawn l-għasafar selvaġġi u l-ispeċji migratorji jikkostitwixxu “speċi ta’ klassifikazzjoni”, jiġifieri speċi ta’ għasafar li għalihom iż-żoni kkonċernati ġew ikklassifikati bħala ŻPS, wara evalwazzjoni, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, ta’ kriterji xjentifiċi u ornitoloġiċi speċifiċi li jidhru fl-Anness A ta’ dan id-digriet ministerjali. L-imsemmija għasafar selvaġġi u speċi migratorji jikkostitwixxu, flimkien mal-kriterji ta’ klassifikazzjoni taż-ŻPS, indikaturi determinanti għan-nominazzjoni ta’ territorju bħala ŻPS. L-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet misiterjali joħloq ŻPS, li fihom jittieħdu miżuri speċjali, bħal-limitazzjonijiet ta’ ċerti attivitajiet jew is-superviżjoni jew saħansitra l-projbizzjoni ta’ ċerti interventi li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv iż-żoni kkonċernati.

12

Il-Koini Ypourgiki apofasi no 8353/276/Ε103 “Tropopoiisi kai simplirosi tis koinis ypourgikis apofasis no 37338/1807/2010 ‘Kathorismos metron kai diadikasion gia tin diatirisi tis agrias ornithopanidas kai ton oikotopon/endietimaton tis, se simmorfosi me tin Odigia 79/409/ΕΟK, ‘peri diatiriseos ton agrion ptinon’ tou Europaikou Simvouliou tis 2as Apriliou 1979, opws kodikopoiithike me tin Odigia 2009/147/EK’” (id-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 8353/276/Ε103 “Dispożizzjonijiet li Jemendaw u Jikkompletaw id-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 37338/1807/2010, Determinazzjoni tal-Miżuri u tal-Proċeduri għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u tal-Habitats Tagħhom Skont id-Direttiva 79/409/KEE, Kif Ikkodifikata bid-Direttiva 2009/147/KE”) (FEK Β’ 415/23.2.2012, iktar ’il quddiem, id-“Digriet Ministerjali tal‑2012”), jemenda u jikkompleta d-Digriet Ministerjali tal-2010. Huwa jipprevedi miżuri orizzontali applikabbli għaż-ŻPS kollha, innominati b’dan il-mod skont id-Digriet Ministerjali tal‑2010. Huwa għandu bħala effett li jintegra fl-Artikolu 14 ta’ dan tal-aħħar anness li jelenka ż-ŻPS skont l-“ispeċi ta’ klassifikazzjoni” imsemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza u jipprovdi miżuri ta’ protezzjoni speċjali tal-għasafar selvaġġi kkonċernati u tal-habitats tagħhom li jistgħu jiġu kkompletati bi pjanijiet ta’ ġestjoni.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Diversi assoċjazzjonijiet kif ukoll numru kbir ta’ individwi jikkontestaw is-sistema ta’ protezzjoni prevista fid-Digriet Ministerjali tal‑2012. Huma jsostnu b’mod partikolari li dan id-digriet ministerjali ma ttrasponiex korrettament id-Direttiva dwar l-għasafar fl-ordinament ġuridiku Grieg.

14

L-imsemmi digriet ministerjali huwa għalhekk is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja), li huwa l-qorti tar-rinviju. Wieħed huwa intiż sabiex l-istess digriet ministerjali jiġi annullat fl-intier tiegħu. L-ieħor huwa intiża għall-annullament tal-Artikolu 5a(2), tal-Artikolu 5b(3) u (4), tal-Artikolu 5c(1), tal-Artikolu 5d(1) u (3b), kif ukoll tal-Artikolu 5i(4) tiegħu.

15

Insostenn ta’ dawn iż-żewġ rikorsi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, minn naħa, li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti fid-Digriet Ministerjali tal‑2012 jikkonċernaw biss l-“ispeċi tal-klassifikazzjoni”, imsemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, meta dawn jissodisfaw il-kriterji numeriċi stabbiliti fl-Anness A tal-Artikolu 14 tad-Digriet Ministerjali tal‑2010. Din id-dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li jagħmel l-għoti tal-protezzjoni prevista f’din id-direttiva dipendenti fuq il-fatt li l-ispeċi jidhru fl-Anness I tal-imsemmija direttiva u mhux fuq jekk l-ispeċi jidhrux f’lista stabbilita fuq livell nazzjonali.

16

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali josservaw li d-Digriet Ministerjali tal‑2012 jipprevedi miżuri ta’ protezzjoni orizzontali għaż-ŻPS kollha, mingħajr ma huma protetti l-ispeċi kollha msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar kif ukoll l-għasafar migratorji li jpassu b’mod regolari f’kull waħda miż-ŻPS (iktar ’il quddiem l-“ispeċi protetti”).

17

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li dan id-digriet ministerjali jservi bħala “linja gwida għat-tmexxija ta’ attivitajiet fi ħdan iż-ŻPS” u li l-miżuri kkonċernati huma “miżuri kawtelatorji”, adottati sakemm jiġi stabbilit qafas ta’ protezzjoni komplet u speċifiku għal kull ŻPS.

18

Il-qorti tar-rinviju żżid li, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmi digriet ministerjali, għanijiet ta’ konservazzjoni adegwati kienu għadhom ma ġewx stabbiliti u li l-miżuri ta’ konservazzjoni xierqa ma kinux ittieħdu għal kull ŻPS ikkunsidrata individwalment. Għalhekk, din il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlatur Grieg ittrasponiex b’mod korrett id-Direttiva dwar l-għasafar, b’mod partikolari minħabba ż-żamma fis-seħħ ta’ miżuri “kawtelatorji” orizzontali, li madankollu jirrigwardaw biss il-protezzjoni tal-“ispeċi ta’ klassifikazzjoni” imsemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-[Direttiva dwar l-għasafar], flimkien mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-[Direttiva dwar il-habitats], għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali […], li jipprevedu li l-miżuri speċjali ta’ protezzjoni, konservazzjoni u ripristinar tal-ispeċi u tal-habitat tal-għasafar selvaġġi fiż-[ŻPS] japplikaw biss għall-‘ispeċi kklassifikati’, jiġifieri biss għall-ispeċi ta’ għasafar selvaġġi elenkati fl-Anness I tad-[Direttiva dwar il-habitats] u għall-għasafar migratorji regolarment preżenti ġewwa kull waħda miż-ŻPS li, flimkien mal-kriterji għan-nomina taż-ŻPS li jinsabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma użati bħala indikaturi deċiżivi għan-nomina ta’ territorju bħala ŻPS?

2.

Għall-finijiet ta’ risposta għad-domanda preċedenti huwa rilevanti l-fatt li l-imsemmija miżuri speċjali ta’ protezzjoni, konservazzjoni u ripristinar tal-ispeċi u tal-habitat tal-għasafar selvaġġi fiż-[ŻPS] huma essenzjalment miżuri preventivi bażiċi ta’ protezzjoni (‘miżuri ta’ prekawzjoni’) taż-ŻPS, b’applikazzjoni orizzontali, jiġifieri għaż-ŻPS kollha, u li sal-lum ma ġewx adottati, fl-ordinament ġuridiku Grieg, pjanijiet ta’ ġestjoni għal kull ŻPS speċifika, li jiddefinixxu l-għanijiet u l-miżuri neċessarji sabiex tintlaħaq jew tiġi ggarantita l-konservazzjoni sodisfaċenti ta’ kull waħda miż-ŻPS u tal-ispeċi li jgħixu fiha?

3.

Għall-finijiet ta’ risposta għaż-żewġ domandi preċedenti huwa rilevanti l-fatt li, abbażi tal-obbligu ta’ stima ambjentali ta’ proġetti u ta’ attività fis-sens tad-[Direttiva 2011/92] u tal-‘evalwazzjoni xierqa’ msemmija fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-[Direttiva dwar il-habitats], l-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-[Direttiva dwar l-għasafar] jew l-għasafar migratorji regolarment preżenti f’kull waħda miż-ŻPS ikunu, fl-ambitu ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent ta’ kull wieħed mill-pjanijiet speċifiċi ta’ xogħlijiet pubbliċi jew privati, meħuda inkunsiderazzjoni kollha?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitats, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri ta’ protezzjoni, ta’ manteniment u ta’ ripristinar tal-ispeċi u tal-habitats ta’ għasafar selvaġġi fiż-ŻPS li huwa jipprevedi jkopru biss l-ispeċi li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni taż-żona kkonċernata jew ukoll speċi oħra ta’ għasafar li għandhom jiġu protetti skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats preżenti f’dawn iż-ŻPS.

21

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva dwar l-għasafar tikkonċerna l-konservazzjoni tal-“ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat [FUE]”.

22

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni speċjali li jikkonċernaw l-habitat li għandhom ikunu jistgħu jiżguraw, b’mod partikolari, is-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. Din id-dispożizzjoni timponi wkoll li t-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs jiġu kklassifikati bħala ŻPS għall-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija f’dan l-Anness I.

23

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw ukoll bħala ŻPS iż-żoni ta’ riproduzzjoni, ta’ tbiddil u ta’ fejn iqattgħu x-xitwa l-ispeċi migratorji li jpassu b’mod regolari mhux imsemmija fl-imsemmi Anness I, kif ukoll iż-żoni ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑240/00, EU:C:2003:126, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprevedi sistema msaħħa li tindirizza speċifikament kemm l-ispeċi msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva u kemm l-ispeċi migratorji li ma jissemmewx f’dan l-anness iżda li jpassu b’mod regolari, sistema li hija ġġustifikata mill-fatt li dawn huma, rispettivament, l-ispeċi l-iktar mhedda u dawk li jikkostitwixxu patrimonju komuni għall-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Din is-sistema tipprevedi żewġ kategoriji ta’ obbligi komplementari.

26

Minn naħa, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikklassifikaw bħala ŻPS it-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċi protetti, li ma jistax jiġi evitat permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri oħra ta’ konservazzjoni speċjali. Għalhekk, meta t-territorju ta’ Stat Membru jospita tali speċi, dan tal-aħħar huwa marbut li jiddefinixxi, għal dawn l-ispeċi, b’mod partikolari ŻPS (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑3/96, EU:C:1998:238, punti 5556 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jevitaw dan l-obbligu meta jqisu li miżuri partikolari oħra ta’ konservazzjoni huma suffiċjenti sabiex jiggarantixxu s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tal-ispeċi protetti, l-għan li jitwaqqaf network koerenti ta’ ŻPS, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva dwar l-għasafar, jirriskja li ma jintlaħaqx (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑3/96, EU:C:1998:238, punt 58).

28

B’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jagħtu liż-ŻPS status legali ta’ protezzjoni li jista’ jiżgura, b’mod partikolari, is-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tagħha, kif ukoll ir-riproduzzjoni, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa l-ispeċi migratorji li jpassu b’mod regolari mhux imsemmija fl-imsemmi anness (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Minn dan isegwi li ż-ŻPS huma nnominati għal speċi ta’ għasafar speċifiċi, imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar kif ukoll għall-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-anness li jpassu b’mod regolari. Kull waħda minn dawn iż-żoni ta’ protezzjoni hija għalhekk ikkaratterizzata minn ċerti speċi protetti.

30

Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni speċjali li jikkonċernaw il-habitat.

31

Dawn il-miżuri ma jistgħux ikunu limitati sabiex jiġu evitati l-ħsara u d-disturbi esterni kkawżati mill-bniedem, iżda għandhom ukoll, skont is-sitwazzjoni partikolari, jinkludu miżuri pożittivi maħsuba sabiex jinżamm u jittejjeb l-istat tas-sit ikkonċernat (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 209 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li ġiet issostitwita bl-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw, fiż-ŻPS, it-tniġġis jew id-deterjorament tal-habitats kif ukoll id-disturbi li jaffettwa “l-għasafar”, sakemm dawn jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu 4.

33

Għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet l-Avukata Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, li, għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti ta’ protezzjoni, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar ma jagħmilx distinzjoni skont jekk iż-ŻPS ikkonċernata ġietx innominata għall-ispeċi ta’ għasafar protetti skont din id-dispożizzjoni, jew jekk tali speċi huma “preżenti” fiha bħala speċi oħra li għandhom jiġu protetti, mingħajr ma din iż-żona kienet ġiet ikklassifikata bħala ŻPS għal dawn tal-aħħar.

34

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dan l-Artikolu 4 għandu bħala għan l-adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għall-manteniment ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi protetti li huma preżenti fiż-ŻPS innominati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża, C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 210).

35

Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitats, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva jissostitwixxu l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar għal dak li jirrigwarda ż-żoni kklassifikati skont l-Artikolu 4(1) ta’ din l-aħħar direttiva jew irrikonoxxuti b’mod simili skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija l-aħħar direttiva.

36

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi obbligu ġenerali għall-Istati Membri li jieħdu miżuri xierqa sabiex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitats u d-disturbi sinjifikattivi tal-ispeċi “li għalihom ġew nominati ż-żoni” sa fejn dawn id-disturbi jistgħu jkunu sinjifikattivi fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

37

F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew l-applikazzjoni tal-kriterji li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu, la l-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, dwar l-ispeċi msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva, la l-miżuri ekwivalenti previsti fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, dwar l-ispeċi migratorji li jpassu b’mod regolari, u lanqas il-miżuri previsti mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats ma japplikaw għall-ispeċi kollha tal-għasafar inklużi fil-formoli standard ta’ data, stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 1996 dwar format ta’ tagħrif fuq is-siti għas-siti proposti għan-Natura 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 162), u li l-preżenza tagħhom ġiet evalwata b’nota ogħla minn “insinjifikattiva”.

38

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu jinqara fil-kuntest tiegħu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet li jippreċedu din id-dispożizzjoni u ta’ dawk li ġew warajha.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats iqassam il-miżuri li għandhom jiġu adottati fi tliet kategoriji, jiġifieri l-miżuri ta’ konservazzjoni, il-miżuri ta’ prevenzjoni u l-miżuri ta’ kumpens, previsti rispettivament fil-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ dan l-artikolu (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, li ma huwiex applikabbli għaż-ŻPS iżda jikkostitwixxi, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni, jimponi għalhekk fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu miżuri ta’ konservazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats u tal-ispeċi tal-Anness II ta’ din l-aħħar direttiva “li hemm fis-siti”. Il-kriterju rilevanti huwa għalhekk dak tal-preżenza tal-ispeċi fis-sit ikkonċernat.

41

Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom jiġu interpretati bħala totalità koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni intiżi minn din id-direttiva. Fil-fatt, il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu huma intiżi li jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, filwaqt li l-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu jikkostitwixxi biss dispożizzjoni derogatorja għat-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu 3 (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan ir-rigward, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats, li japplikaw ukoll għaż-ŻPS konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, u li permezz tagħhom l-Istati Membri huma obbligati jwettqu evalwazzjoni ex ante u jissuġġettaw għal awtorizzazzjoni minn qabel il-pjanijiet jew proġetti li jistgħu jaffettwaw is-siti kkonċernati b’mod sinjifikattiv, jispeċifikaw li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit jikkostitwixxu punt ta’ riferiment obbligatorju għall-evalwazzjonijiet xierqa meħtieġa.

43

Għaldaqstant, il-livell ta’ protezzjoni previst fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats għandu b’mod partikolari jiġi ddeterminat fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat.

44

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ż-ŻPS huma suġġetti għall-obbligi relatati mal-ġestjoni taż-żoni ta’ protezzjoni fformulati fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, u fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats li, kif tirrileva l-Avukata Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, huma intiżi li jiżguraw protezzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 4(4) u għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats fiż-ŻPS.

45

Fis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 105), dwar id-Direttiva dwar il-habitats, iżda li l-interpretazzjoni tagħha hija trasponibbli għad-Direttiva dwar l-għasafar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni jeżisti għas-siti nnominati skont id-Direttiva dwar il-habitats, minkejja li din tal-aħħar ma ssemmix espliċitament dan l-obbligu.

46

Minn dan jirriżulta li l-obbligi relatati mal-ġestjoni taż-ŻPS, previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l‑għasafar, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats, jimplikaw li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għanijiet ta’ konservazzjoni għal dawn iż-żoni. Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-istatus legali ta’ ŻPS għandu jinkludi tali għanijiet ta’ konservazzjoni.

47

Issa, kif ikkonstatat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, waqt id-definizzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċi protetti, jiġifieri kemm l-ispeċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar kif ukoll l-ispeċi migratorji li ma jissemmewx f’dan l-anness u li jpassu b’mod regolari, peress li dawn l-ispeċi huma protetti mis-sistema speċifikament immirata u msaħħa prevista mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

48

Barra minn hekk, l-obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti magħżula japplika għall-ispeċi kkonċernati skont il-preżenza sinjifikattiva tagħhom fis-siti kkonċernati, mingħajr ma jkun limitat biss għall-ispeċi li fuqhom kienet ibbażata l-għażla tas-siti.

49

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit għandhom jiġu ddefiniti billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-“ispeċi ta’ klassifikazzjoni” kif ukoll l-ispeċi l-oħra ta’ għasafar li għandhom jiġu protetti skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l‑għasafar preżenti fi kwantitajiet sinjifikattivi fiż-ŻPS ikkonċernata, mingħajr ma dan is-sit ikun ġie nnominat bħala ŻPS għal dawn tal-aħħar.

50

Interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar, li tgħid li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-“ispeċi ta’ klassifikazzjoni” ma hijiex konformi mal-għan ta’ dawn id-direttivi. Fil-fatt, skont tali interpretazzjoni kuntrarja, l-Istat Membru kkonċernat ma huwa obbligat, fir-rigward ta’ ŻPS, la li jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni li jinkludu l-għan speċifiku għall-popolazzjoni u għall-habitat ta’ speċi protetta minn dan l-Artikolu 4, minbarra dik li ġġustifikat il-klassifikazzjoni bħala ŻPS, u lanqas li jadotta u jimplimenta miżuri ta’ konservazzjoni li jissodisfaw speċifikament il-bżonnijiet ekoloġiċi ta’ din l-ispeċi, kif jipprevedi madankollu l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Dan l-Istat Membru lanqas ma huwa obbligat jadotta l-miżuri, previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il‑habitats, sabiex jevita d-deterjorament tal-habitats naturali jew id-disturbi sinjifikattivi li jaffettwaw l-imsemmija speċi, jew li jagħmel evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ proġetti fuq il-popolazzjoni u fuq il-habitat tal-istess speċi.

51

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni kuntrarja ma tippermettix li l-ispeċi protetti jibbenefikaw mis-“sistema speċifikament immirata u msaħħa” ta’ protezzjoni meħtieġa għal dawn l-ispeċi kollha fl-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Issa, kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, din is-sistema għandha imperattivament tiġi adottata u implimentata sa fejn tkopri l-“iktar speċi mhedda u speċi li jikkostitwixxu patrimonju komuni” tal-Unjoni.

52

Għandu jingħad ukoll li, għalkemm huma għalhekk l-Istati Membri li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċi kollha ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l‑għasafar preżenti f’ŻPS kif ukoll il-habitat tagħhom, sa fejn din id-dispożizzjoni timponi l-adozzjoni ta’ miżuri skont ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ispeċi, li jiddependu mis-sitwazzjoni fiż-ŻPS ikkonċernata, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu prijoritajiet għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi.

53

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati, skont l-imsemmija dispożizzjoni, li jistabbilixxu l-preżenza ta’ speċi ta’ għasafar li għandhom jiġu protetti f’ŻPS, il-kontribuzzjoni tal-popolazzjonijiet ikkonċernati għall-għanijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar kif ukoll ir-riskji u t-theddid li għalihom huma esposti dawn il-popolazzjonijiet.

54

F’dan il-kuntest, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ispeċi u l-habitats li għalihom sit ikun ġie kklassifikat bħala ŻPS jibbenefikaw naturalment minn status ta’ prijorità għal dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali li għandhom jiġu adottati u implimentati f’dan is-sit. Madankollu, il-preżenza ta’ speċi oħra, bħal speċi ta’ għasafar rari, vulnerabbli jew speċi ta’ għasafar li jevolvu b’mod naturali u b’mod iżolat fis-sit ikkonċernat ma tistax tiġi injorata u l-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ konservazzjoni fir-rigward tagħhom tista’ tkun utli jew neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni rilevanti.

55

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu wkoll li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-pjanijiet ta’ ġestjoni taż-ŻPS kif ukoll il-miżuri u l-azzjonijiet previsti minn dawn il-pjanijiet sabiex jiġu protetti l-ispeċi ta’ għasafar u l-habitats tagħhom, ma jirrigwardawx l-ispeċi kollha elenkati fil-formoli ta’ informazzjoni ta’ sit propost bħala sit Natura 2000 ikkonċernati. Din is-sitwazzjoni twassal għal nuqqas ta’ protezzjoni tal-ispeċi protetti sa fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura li jillimitaw il-portata tal-obbligu, previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jiġi inkluż sunt tad-data ornitoloġika speċifika fl-evalwazzjoni ambjentali speċjali ta’ proġett skont id-Direttiva 2011/92. Peress li l-ebda data xjentifika preċiża ma hija, minħabba f’hekk, inkluża għall-ispeċi minbarra l-“ispeċi ta’ klassifikazzjoni”, din l-evalwazzjoni ambjentali ma ssirx konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv u permezz ta’ miżuri kompleti, ċari u preċiżi (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑444/21, EU:C:2023:524, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Għandu jiġi ppreċiżat li l-istatus legali ta’ protezzjoni li minnu għandhom jibbenefikaw iż-ŻPS ma jimplikax li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom jiġu speċifikati għal kull speċi kkunsidrata separatament. Barra minn hekk, ma jistax jitqies li dawn l-għanijiet għandhom jissemmew fl-istess att ġuridiku bħal dak li jirrigwarda l-ispeċi u l-habitats protetti ta’ ŻPS partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li d-delimitazzjoni ta’ ŻPS, bħall-identifikazzjoni tal-ispeċi li ġġustifikaw il-klassifikazzjoni taż-żona kkonċernata bħala ŻPS, għandu jkollha forma vinkolanti inkontestabbli. Fil-fatt, kieku dan ma kienx il-każ, l-għan ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar, kif ukoll mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats, jirriskja li ma jintlaħaqx kompletament. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 64).

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar kif ukoll l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiddefinixxu, għal kull ŻPS, ikkunsidrata individwalment, għanijiet u miżuri ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ispeċi protetti kollha kif ukoll il-habitat tagħhom. B’dan il-mod, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-prijoritajiet skont l-importanza ta’ dawn il-miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi kollha.

Fuq it‑tieni domanda

60

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, il-miżuri ta’ protezzjoni, ta’ manteniment u ta’ ripristinar adottati abbażi tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar u tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom, bħala prinċipju, ikunu bbażati fuq ir-rekwiżiti ekoloġiċi speċifiċi għaż-ŻPS differenti u jeħtieġu li jiġu ddeterminati, għal kull ŻPS, ikkunsidrata individwalment u skont ġerarkija ddefinita mill-Istat Membru kkonċernat, għanijiet u miżuri ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ispeċi ta’ għasafar kollha msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar u l-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-anness li jpassu b’mod regolari, kif ukoll il-habitat tagħhom.

61

Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma individwalizzati biss sa fejn huma intiżi li jkunu ta’ benefiċċju għall-ispeċi ta’ għasafar li jiġġustifikaw in-nominazzjoni taż-ŻPS ikkonċernata.

Fuq it‑tielet domanda

62

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar u l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitats għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali ta’ proġett skont id-Direttiva 2011/92 għandu effett fuq il-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

63

Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan il-kuntest, li, fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, titwettaq analiżi tal-effett tal-proġett ikkonċernat fuq l-ispeċi kollha ta’ għasafar li huma elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar, u fuq l-ispeċi migratorji li jpassu b’mod regolari f’kull waħda miż-ŻPS.

64

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-twettiq ta’ tali analiżi jista’ jkun komplementari iżda, fi kwalunkwe każ, huwa irrilevanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-obbligi ta’ konservazzjoni taż-ŻPS li jirriżultaw mid-Direttiva dwar l‑għasafar, moqrija flimkien mad-Direttiva dwar il-habitats.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar u l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali ta’ proġett skont id-Direttiva 2011/92 ma jaffettwax il-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l‑ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, kif ukoll l-Artikolu 6(2) sa (4) tad- Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiddefinixxu, għal kull żona ta’ protezzjoni speċjali, ikkunsidrata individwalment, għanijiet u miżuri ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ispeċi ta’ għasafar kollha msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147 u l-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-anness li jpassu b’mod regolari, kif ukoll l-habitat tagħhom. B’dan il-mod, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-prijoritajiet skont l-importanza ta’ dawn il-miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi kollha.

 

2)

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2009/147 kif ukoll l-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva 92/43

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni ambjentali ta’ proġett skont id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ April 2014, ma jaffettwax il-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Arriba