This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022CJ0737
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 13 June 2024.#Staten og Kommunernes Indkøbsservice A/S v BibMedia A/S.#Request for a preliminary ruling from the Østre Landsret.#Reference for a preliminary ruling – Award of public works, public supply and public service contracts – Directive 2014/24/EU – Article 18 – Principles of equal treatment and transparency – Article 46 – Division of a contract into lots – Opportunity for the tenderer which submitted the second most economically advantageous tender to be awarded a lot on the terms of the most economically advantageous tender.#Case C-737/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2024.
Staten og Kommunernes Indkøbsservice A/S vs BibMedia A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 18 – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza – Artikolu 46 – Qsim ta’ kuntratt f’lottijiet – Possibbiltà mogħtija lill-offerent li jkun ippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament li jingħata lott bil-kundizzjonijiet tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament.
Kawża C-737/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2024.
Staten og Kommunernes Indkøbsservice A/S vs BibMedia A/S.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Østre Landsret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 18 – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza – Artikolu 46 – Qsim ta’ kuntratt f’lottijiet – Possibbiltà mogħtija lill-offerent li jkun ippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament li jingħata lott bil-kundizzjonijiet tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament.
Kawża C-737/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:495
*A9* Østre Landsret, kendelse af 11/11/2022 (BS-46831/2021-OLR)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 18 – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza – Artikolu 46 – Qsim ta’ kuntratt f’lottijiet – Possibbiltà mogħtija lill-offerent li jkun ippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament li jingħata lott bil-kundizzjonijiet tal-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament”
Fil-Kawża C‑737/22,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Diċembru 2022, fil-proċedura
Staten og Kommunernes Indkøbsservice A/S
vs
BibMedia A/S,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei, J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Staten og Kommunernes Indkøbsservice A/S, minn J. Bødtcher-Hansen u R. Holdgaard, advokater, |
|
– |
għal BibMedia A/S, minn H. Holtse, advokat, |
|
– |
għall-Gvern Estonjan, minn M. Kriisa, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, C. Vang u G. Wils, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68 u fil-ĠU L, 2023/90063). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Staten og Kommunernes Indkøbsservice A/S (iktar ’il quddiem “SKI”) u BibMedia A/S dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ materjal ta’ librerija u ta’ servizzi preparatorji f’dan ir-rigward. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji tal-akkwist”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.” |
|
4 |
L-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċedura miftuħa”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fil-proċeduri miftuha, kwalunkwe operatur ekonomiku interessat jista’ jissottometti offerta fir-rigward ta’ sejha għall-kompetizzjoni. […]” |
|
5 |
L-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura ristretta”, jipprevedi li: “1. Fi proċeduri ristretti, kwalunkwe operatur ekonomiku jista’ jisottometti talba sabiex jieħu sehem b’rispons għal sejħa għall-kompetizzjoni […], billi jipprovdi l-informazzjoni għall-għażla kwalitattiva rikjesta mill-awtorità kontraenti […] 2. Huma biss dawk l-operaturi ekonomiċi mistiedna jagħmlu dan mill-awtorità kontraenti wara l-valutazzjoni tagħha tal-informazzjoni mogħtija jistgħu jissottomettu offerta. […] […]” |
|
6 |
L-Artikolu 46 tal-istess direttiva, intitolat “Qsim ta’ kuntratti f’lottijiet”, jipprovdi: “1. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu kuntratt fil-forma ta’ lottijiet separati u jistgħu jiddeterminaw id-daqs u s-suġġett ta’ tali lottijiet. […] 2. Fl-avviż dwar il-kuntratt jew fl-istedina għall-konferma tal-interess, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw jekk l-offerti jistgħux jiġu ppreżentati għal lot wieħed, għal diversi lottijiet jew għall-lottijiet kollha. Anki fejn jistgħu jiġu ppreżentati offerti għal diversi lottijiet jew għall-lottijiet kollha, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jillimitaw in-numru ta’ lottijiet li jistgħu jingħataw lil offerent wieħed, sakemm in-numru massimu ta’ lottijiet għal kull offerent ikun iddikkjarat fl-avviż dwar il-kuntratt jew fl-istedina għall-konferma tal-interess. Fid-dokumenti tal-akkwist, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jindikaw l-objettiv u l-kriterji jew ir-regoli nondiskriminatorji li huma għandhom l-intenzjoni li japplikaw biex jiddeterminaw liema lottijiet ser jingħataw fejn l-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti tirriżulta fl-għoti lil offerent wieħed ta’ aktar lottijiet min-numru massimu. 3. Fejn jista’ jingħata aktar minn lott wieħed lill-istess offerent, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti li jikkombinaw diversi lottijiet jew il-lottijiet kollha fejn ikunu speċifikaw fl-avviż tal-kuntratt jew fl-istendina għall-konferma tal-interess li huma jirriservaw il-possibbiltà li jagħmlu dan u jindikaw il-lottijiet jew il-gruppi li jistgħu jiġu kkombinati. […]” |
Id‑dritt Daniż
|
7 |
L-Artikolu 2 tal-Udbudsloven (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) jipprovdi: “1. Fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi […], l-entità kontraenti għandha tikkonforma mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità. 2. Proċedura miftuħa ma tistax titfassal bl-intenzjoni li l-kuntratt jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jew bl-intenzjoni li l-kompetizzjoni tiġi ristretta b’mod artifiċjali. Il-kompetizzjoni għandha titqies ristretta b’mod artifiċjali meta l-proċedura titfassal bl-intenzjoni li operatur ekonomiku speċifiku wieħed jew iktar jitqiegħed jew jitqiegħdu indebitament f’pożizzjoni vantaġġuża jew żvantaġġuża.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 49(3) ta’ din il-liġi: “Fl-avviż tal-kuntratt, l-entità kontraenti għandha tindika:
|
|
9 |
L-Artikolu 56 tal-imsemmija liġi jipprevedi: “Fi proċedura miftuħa, kull operatur ekonomiku jista’ jissottometti offerta bi tweġiba għall-avviż ta’ kuntratt. […]” |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
10 |
SKI hija korp ċentrali għall-akkwisti u hija l-proprjetà tal-Istat Daniż u tal-Kommunernes Landsforening (il-Federazzjoni tal-Muniċipalitajiet tar-Renju tad-Danimarka). Din l-entità nħolqot sabiex jiġi rrazzjonalizzat l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi permezz, b’mod partikolari, tal-għoti u tal-ġestjoni ta’ ftehimiet qafas f’isem l-Istat u l-muniċipalitajiet. |
|
11 |
Fl‑4 ta’ Frar 2020, SKI nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti bl-għan li jiġi konkluż ftehim qafas dwar il-provvista ta’ materjal ta’ librerija u ta’ servizzi preparatorji. Il-kriterju għall-għoti ta’ dan il-kuntratt kien l-iktar prezz baxx. |
|
12 |
Dan il-kuntratt kien maqsum fi tmien lottijiet. Il-lottijiet 1 u 2, li huma s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kienu intitolati rispettivament “Kotba u mużika Daniżi (Lvant)” u “Kotba u mużika Daniżi (Punent)”, u kellhom valuri stmati rispettivi ta’ 253 miljun krona Daniża (DKK) (madwar EUR 34 miljun) u ta’ DKK 475 miljun (madwar EUR 63 miljun). |
|
13 |
Il-punt 3.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt relatati ma’ din is-sejħa għal offerti kien jipprovdi: “Il-lottijiet 1 u 2 huma interdipendenti (ara l-punt 3.1.1) u, jekk offerent jippreżenta offerta għal wieħed minn dawn il-lottijiet, din titqies awtomatikament li ġiet ippreżentata għat-tnejn li huma. […] Bla ħsara għal dak li ntqal hawn fuq, ma hemm l-ebda limitu minimu jew massimu fir-rigward tan-numru ta’ lottijiet li għalihom tista’ jew għandha tiġi ppreżentata offerta. SKI tipprevedi għoti lil fornitur wieħed għal kull lott. L-istess fornitur jista’ jingħata diversi lottijiet. Is-suq tal-materjal tal-librerija huwa kkaratterizzat mill-fatt li hemm ftit fornituri speċjalizzati u offerenti potenzjali. Għall-offerenti potenzjali, il-kotba u l-mużika Daniżi huma l-ikbar grupp ta’ prodotti f’termini ta’ dħul mill-bejgħ u huma kummerċjalment importanti. Sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni futura f’dan is-settur, il-kuntratti dwar il-kotba u l-mużika Daniżi huma mqassma ġeografikament f’żewġ lottijiet. Il-klijenti affiljati jinqasmu konsegwentement f’żewġ kategoriji, rispettivament ‘Lvant’ u ‘Punent’. […]” |
|
14 |
Il-punt 3.1.1 ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jippreċiża: “Il-kuntratti dwar il-kotba u l-mużika Daniżi huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti skont il-mudell imsejjaħ ‘Lvant/Punent’, li jimplika li huwa previst li jintgħażel fornitur għal-Lvant tad-Danimarka u fornitur ieħor għall-Punent, iżda li huma l-istess prezzijiet proposti li ser japplikaw għall-klijenti kollha, kemm jekk dawn ikunu jinsabu fil-Lvant jew fil-Punent tad-Danimarka. […] L-offerent li jippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament ser jingħata l-kuntratt bħala fornitur għal-lott 2 – Kotba u mużika Daniżi (Punent). L-offerent li jippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament ser jingħata l-kuntratt bħala fornitur għal-lott 1 – Kotba u mużika Daniżi (Lvant). Madankollu, dan l-offerent għandu jaċċetta li l-għoti lilu tal-kuntratt bħala fornitur għal-Lvant tad-Danimarka jimplika li huwa ser ikollu jipprovdi lill-klijenti tal-Lvant il-prodotti u s-servizzi koperti mill-ftehim qafas bl-istess prezzijiet eżattament bħal dawk li ġew proposti u li ser jiġu applikati fil-Punent tad-Danimarka mill-offerent li ppreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Jekk l-offerent li jkun issottometta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament ma jaċċettax li jkun il-fornitur għal-Lvant tad-Danimarka, din il-possibbiltà ser tingħata lill-offerent li jkun ippreżenta t-tielet offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, li għandu jaċċetta wkoll li l-għoti lilu tal-kuntratt bħala fornitur għal-Lvant tad-Danimarka jimplika li huwa għandu jipprovdi lill-klijenti tal-Lvant il-prodotti u s-servizzi koperti mill-ftehim qafas bl-istess prezzijiet eżattament bħal dawk li ġew proposti u li ser jiġu applikati fil-Punent tad-Danimarka mill-offerent li ppreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Jekk dan l-offerent lanqas ma jaċċetta li jkun il-fornitur għal-Lvant tad-Danimarka, din il-possibbiltà ser tingħata lill-offerent li jmiss fil-lista, u l-istess għall-bqija. Jekk il-lista tal-offerenti li l-offerti tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti tkun eżawrita u ma jkun instab ebda fornitur għal-Lvant tad-Danimarka minn fosthom, il-fornitur li jkun rebaħ il-kuntratt għall-Punent tad-Danimarka ser jingħata wkoll il-kuntratt għal-Lvant. […] […]” |
|
15 |
Mal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, SKI kienet irċeviet sottomissjonijiet minn Audio Visionary Music A/S (iktar ’il quddiem “AVM”) u minn BibMedia, li, it-tnejn li huma, ippreżentaw offerta għal-lottijiet kollha. |
|
16 |
Peress li kkunsidrat li BibMedia kienet ippreżentat l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, SKI attribwixxiet lil din tal-aħħar il-lott 2 (Punent) u pproponiet li tattribwixxi lil AVM il-lott 1 (Lvant), bil-kundizzjoni li din taċċetta li tikkunsinna l-provvisti u li tipprovdi s-servizzi previsti f’dan il-lott bil-prezz propost minn BibMedia, li AVM kienet ġiet informata bih. |
|
17 |
Peress li AVM aċċettat, SKI bagħtet, fil‑21 ta’ April 2020, komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt. |
|
18 |
Fit‑30 ta’ April 2020, AVM ippreżentat appell quddiem il-Klagenævnet for Udbud (il-Bord tal-Appell fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, id-Danimarka) (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”). |
|
19 |
Fl‑14 ta’ Jannar 2021, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li SKI kienet kisret l-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi billi rrikorriet għal proċedura ta’ għoti tal-lottijiet 1 u 2 li l-modalitajiet tagħha kienu jimplikaw, essenzjalment, li l-offerent li jkun ippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jista’ jbiddel l-offerta tiegħu wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, sabiex jingħata l-lott 1 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2021”). |
|
20 |
Il-Bord tal-Appell immotiva din id-deċiżjoni billi sostna li dan l-offerent kellu l-possibbiltà li jbiddel terminu essenzjali tal-offerta tiegħu, jiġifieri l-prezz, u dan b’mod li kien ta’ benefiċċju għall-awtorità kontraenti u li jagħti lill-imsemmi offerent il-possibbiltà li jtejjeb l-offerta tiegħu sabiex jirbaħ lott tal-kuntratt. Tali approċċ imur kontra l-projbizzjoni ta’ negozjati, li tirriżulta mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza. |
|
21 |
Fid‑9 ta’ Lulju 2021, SKI ppreżentat rikors ġudizzjarju quddiem ir-Retten i Glostrup (il-Qorti Muniċipali ta’ Glostrup, id-Danimarka) kontra d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2021. |
|
22 |
Fis‑7 ta’ Diċembru 2021, dan ir-rikors intbagħat quddiem l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), li qiegħda taġixxi bħala qorti tal-ewwel istanza u li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
23 |
Dik il-qorti tqis li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat il-portata tal-projbizzjoni ta’ negozjati li tirriżulta mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24 f’dak li jirrigwarda r-riżervi inklużi f’offerta, is-subappalt u l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni addizzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppreċiżatx jekk, fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa dwar kuntratt maqsum f’lottijiet skont l-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, il-projbizzjoni ta’ negozjati tipprekludix li offerent li ma jkunx ippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jingħata lott bil-kundizzjoni li jaċċetta, fil-kuntest ta’ dan il-lott, li jikkunsinna l-provvisti u li jipprovdi s-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt bl-istess prezz bħal dak propost mill-offerent li jkun ippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. |
|
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament sanċiti fl-Artikolu 18 tad-[Direttiva 2014/24] u l-projbizzjoni konsegwenti tan-negozjati jipprekludu offerent li jkun ressaq it-tieni offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża b’rabta ma’ proċedura miftuħa għal lottijiet separati (ara l-Artikoli 27 u 46 [tad-Direttiva 2014/24]) milli jingħata l-opportunità, wara li l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerta tkun skadiet, u skont it-termini ddeterminati minn qabel fl-ispeċifikazzjonijiet, li jipprovdu [jipprovdi] s-servizzi proposti f’lott taħt l-istess termini bħal offerent li jkun issottometta l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża u li, għaldaqstant, jingħata lott ieħor li jinħareġ għall-offerti fl-istess ħin?” |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
25 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom bżonn għas-soluzzjoni tat-tilwim li huma jkunu mistennija jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex marbuta mal-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda hija marbuta mal-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja),C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari teħtieġ, b’mod partikolari, li jkun hemm tilwima effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha dawn tal-aħħar ikunu mistennija jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza mogħtija fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
F’dan il-każ, fit‑13 ta’ Ottubru 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju sabiex din tiċċara jekk, minkejja l-fatt, imsemmi fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ BibMedia, li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni ma tkomplietx wara d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Jannar 2021, iżda ġiet issostitwita bi proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti, SKI kienx għad għandha, skont id-dritt Daniż, interess ġuridiku fit-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
27 |
Fis‑27 ta’ Novembru 2023, il-qorti tar-rinviju wieġbet fl-affermattiv għal din it-talba għal informazzjoni, billi rreferiet, b’mod partikolari, għall-ġurisprudenza Daniża dwar l-interess ġuridiku fil-qasam tad-dritt amministrattiv. |
|
28 |
Peress li dik il-qorti b’hekk esponiet li kien għad hemm, skont id-dritt nazzjonali, interess ġuridiku fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha l-imsemmija qorti hija mistennija tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza mogħtija fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari, id-domanda magħmula ma hijiex ta’ natura ipotetika u għandha titqies li hija ammissibbli. |
Fuq id‑domanda preliminari
|
29 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jipprekludu li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku maqsum f’lottijiet, l-offerent li jkun ippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jingħata, konformement mal-modalitajiet iddefiniti fid-dokumenti tal-kuntratt, lott bil-kundizzjoni li jaċċetta li jikkunsinna l-provvisti u li jipprovdi s-servizzi relatati ma’ dan il-lott bl-istess prezz bħal dak propost mill-offerent li ppreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament u li, konsegwentement, ingħata lott ieħor, iktar importanti, ta’ dan il-kuntratt. |
|
30 |
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku u jaqa’ taħt l-essenza stess tar-regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Konformement ma’ dan il-prinċipju, l-offerenti għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod kemm fil-mument meta jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll fil-mument meta dawn l-offerti jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Il-prinċipju ta’ trasparenza, li wkoll joħroġ mill-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, għandu l-għan li jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. Dan il-prinċipju jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-proċedura ta’ għoti għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, b’mod, l-ewwel nett, li jippermetti lill-offerenti raġonevolment informati u normalment diliġenti kollha jifhmu l-portata eżatta tagħhom u jinterpretawhom bl-istess mod u, it-tieni nett, li jqiegħed lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika effettivament jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Casertana Costruzioni,C‑223/16, EU:C:2017:685, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Dawn il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza jipprekludu kull negozjati bejn l-awtorità kontraenti u offerent fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, li jimplika li, bħala prinċipju, offerta ma tistax tiġi emendata wara li tiġi ppreżentata, la fuq inizjattiva tal-awtorità kontraenti u lanqas tal-offerent (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Casertana Costruzioni,C‑223/16, EU:C:2017:685, punt 35, kif ukoll tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 43). |
|
33 |
Issa, modalità ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħal dik esposta fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-kuntratt huwa maqsum f’lottijiet, li l-iktar importanti minnhom ser jingħata lill-offerent li jippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, filwaqt li lott ta’ valur inqas kellu preferibbilment jingħata, bl-għan li tinżamm kompetizzjoni fis-settur ekonomiku kkonċernat, lill-offerent li jippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, bil-kundizzjoni li dan jaċċetta li jeżegwixxi dan il-lott bil-prezz tal-offerent li jkun ippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, ma tinkludi ebda element ta’ negozjati, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali modalità ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tiggarantixxi, għall-għoti tal-lottijiet kollha tal-kuntratt, l-osservanza tal-kriterju tal-iktar prezz baxx mingħajr possibbiltà għall-awtorità kontraenti li tidderoga minn dan il-kriterju jew li tistieden lil offerent jemenda l-offerta tiegħu, peress li din l-awtorità kontraenti għandha tibbaża ruħha fuq il-prezzijiet proposti qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti u għandha tosserva, matul din il-proċedura kollha, l-ordni ta’ klassifikazzjoni li tirriżulta minn dawn l-offerti tal-prezz. |
|
35 |
F’tali proċedura ta’ għoti, huma fil-fatt il-prezzijiet proposti qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti li jiddeterminaw direttament u definittivament il-klassifikazzjoni tal-offerenti. F’din il-klassifikazzjoni, l-offerent li offra l-iktar prezz baxx jokkupa l-ewwel post u l-prezz tiegħu huwa dak li bih il-kuntratt ser jiġi konkluż kollu kemm hu. |
|
36 |
Il-possibbiltà, mogħtija mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt lill-offerent li jkun ippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, li jingħata lott tal-kuntratt toħroġ biss, kif jirriżulta espressament mid-dokumenti tal-kuntratt, mill-fatt li dan l-offerent jokkupa t-tieni post fil-klassifikazzjoni abbażi tal-prezzijiet proposti fl-offerti. |
|
37 |
Il-kwistjoni ta’ jekk din il-possibbiltà tintużax jew le tiddependi mid-deċiżjoni tal-imsemmi offerent li jaċċetta jew le li jeżegwixxi l-lott inkwistjoni bil-prezz tal-offerent li jkun ippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Din il-kundizzjoni tagħmel parti mill-modalitajiet tal-proċedura ta’ għoti fformulati fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Fil-każ li l-offerent li jkun ippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament ma jaċċettax li jallinja ruħu ma’ dan il-prezz, ikun l-offerent li jokkupa t-tielet post fil-klassifikazzjoni li tirriżulta mill-prezzijiet proposti fl-offerti li jkollu jieħu pożizzjoni fuq dan il-punt, u l-istess għall-bqija tal-offerenti fl-ordni ta’ klassifikazzjoni tal-offerti sakemm ebda wieħed mill-offerenti ma jaċċetta li jallinja ruħu mal-prezz tal-offerta ppreżentata mill-offerent li jkun ippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Jekk l-offerenti kollha kklassifikati fit-tieni sal-aħħar post jirrifjutaw li jeżegwixxu dan il-lott b’dan il-prezz, l-offerent li jkun ippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jingħata l-lottijiet kollha tal-kuntratt. |
|
38 |
Ebda waħda mid-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-offerenti kklassifikati fit-tieni sal-aħħar post ma timplika bidla tal-offerti li kienu ppreżentaw qabel l-iskadenza tat-terminu previst għal dan l-għan jew negozjati mal-awtorità kontraenti. Fil-fatt, l-ebda offerent ma għandu l-possibbiltà li jibdel, permezz ta’ bidla fl-offerta tiegħu jew permezz ta’ kwalunkwe negozjati, il-pożizzjoni tiegħu fil-klassifikazzjoni jew il-prezz li għalih ser jiġi konkluż il-kuntratt relatat ma’ kwalunkwe lott tal-kuntratt. |
|
39 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li modalità ta’ għoti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, mingħajr ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, taħt il-każ imsemmi fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2014/24, jiġifieri dak li fih awtorità kontraenti tiddeċiedi li tagħti kuntratt fil-forma ta’ lottijiet distinti, filwaqt li tippreċiża fid-dokumenti tal-kuntratt jekk huwiex permess li tiġi sottomessa offerta għal lott wieħed, għal diversi lottijiet jew għal-lottijiet kollha u filwaqt li tindika liema kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji ser jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat l-għoti tal-lottijiet. |
|
40 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt hija, f’dan il-każ, miftuħa, fis-sens tal-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, huwa irrilevanti, peress li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 33 sa 38 ta’ din is-sentenza jistgħu japplikaw ukoll fil-kuntest ta’ proċedura ristretta, fis-sens tal-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, ladarba l-operaturi ekonomiċi mistiedna jissottomettu offerta jkunu ppreżentaw l-offerti ta’ prezz rispettivi tagħhom. |
|
41 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għanda tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma jipprekludux li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku maqsum f’lottijiet, l-offerent li jkun ippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jingħata, konformement mal-modalitajiet iddefiniti fid-dokumenti tal-kuntratt, lott bil-kundizzjoni li jaċċetta li jikkunsinna l-provvisti u li jipprovdi s-servizzi relatati ma’ dan il-lott bl-istess prezz bħal dak propost mill-offerent li ppreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament u li, konsegwentement, ingħata lott ieħor, iktar importanti, ta’ dan il-kuntratt. |
Fuq l-ispejjeż
|
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma jipprekludux li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku maqsum f’lottijiet, l-offerent li jkun ippreżenta t-tieni offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament jingħata, konformement mal-modalitajiet iddefiniti fid-dokumenti tal-kuntratt, lott bil-kundizzjoni li jaċċetta li jikkunsinna l-provvisti u li jipprovdi s-servizzi relatati ma’ dan il-lott bl-istess prezz bħal dak propost mill-offerent li ppreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament u li, konsegwentement, ingħata lott ieħor, iktar importanti, ta’ dan il-kuntratt. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.