Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62019CJ0662
Judgment of the Court (Third Chamber) of 14 October 2021.#NRW. Bank v Single Resolution Board (SRB).#Appeal – Economic and monetary union – Banking union – Recovery and resolution of credit institutions and investment firms – Single resolution mechanism for credit institutions and certain investment firms (SRM) – Single Resolution Board (SRB) – Single Resolution Fund (SRF) – Setting of the 2016 ex ante contribution – Action for annulment – Time limit for bringing an action – Lateness – Challengeable act – Confirmatory act.#Case C-662/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2021.
NRW. Bank vs Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Appell – Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Irkupru u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ impriżi ta’ investiment – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi tal-investiment (SRM) – Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Iffissar tal-kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016 – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Tardività – Att li jista’ jiġi kkontestat – Att konfermattiv.
Kawża C-662/19 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2021.
NRW. Bank vs Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Appell – Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Irkupru u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ impriżi ta’ investiment – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi tal-investiment (SRM) – Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Iffissar tal-kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016 – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Tardività – Att li jista’ jiġi kkontestat – Att konfermattiv.
Kawża C-662/19 P.
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2021:846
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
14 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )
“Appell – Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Irkupru u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ impriżi ta’ investiment – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi tal-investiment (SRM) – Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Iffissar tal-kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016 – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Tardività – Att li jista’ jiġi kkontestat – Att konfermattiv”
Fil-Kawża C‑662/19 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-4 ta’ Settembru 2019,
NRW. Bank, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Seitz, J. Witte u D. Flore, Rechtsanwälte,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn H. Ehlers kif ukoll minn J. Kerlin u P. A. Messina, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, S. Schelo, T. Klupsch u S. Ianc, Rechtsanwälte,
konvenut fl-ewwel istanza,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Sikora‑Kalėda u J. Bauerschmidt, bħala aġenti,
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn D. Triantafyllou u K.‑P. Wojcik kif ukoll minn A. Steiblytė, sussegwentement minn D. Triantafyllou u A. Steiblytė, bħala aġenti,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, A. Prechal, F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, NRW. Bank titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Ġunju 2019, NRW. Bank vs SRB (T‑466/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:445), li permezz tagħha hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal‑15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (SRB/ES/SRF/2016/06) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tas-SRB fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal‑20 ta’ Mejju 2016 dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2016 għas-SRF, li tissupplimenta l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża (SRB/ES/SRF/2016/13) (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kontenzjuża”), u, flimkien mal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), sa fejn dawn jikkonċernawha. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014
2 |
L-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1) jipprevedi: “[Is-SRB], fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu:
|
3 |
L-Artikolu 67(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi: “Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 69, 70 u 71 għandhom jinġabru mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u għandhom jiġu ttrasferiti li[s-SRF] f’konformità mal-Ftehim [bejn l-Istati Membri parteċipanti].” |
4 |
L-Artikolu 69 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Livell immirat”, jipprovdi, fil‑paragrafu 1 tiegħu: “Sal-aħħar ta’ perijodu inizjali ta’ tmien snin mill-1 ta’ Jannar 2016 jew, inkella, mid-data li fiha dan il-paragrafu jkun applikabbli permezz tal-Artikolu 99(6), il-mezzi finanzjarji disponibbli [tas-SRF] għandhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Mebri parteċipanti kollha.” |
5 |
L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, intitolat “Kontribuzzjonijiet ex ante” jipprovdi li: “1. Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull istituzzjoni għandha tinġabar mill-inqas kull sena u għandha tiġi kkalkolata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha. 2. Kull sena, il-Bord, wara li jikkonsulta l-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira. Kull sena l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal istituzzjonijiet individwali għandu jkun ibbażat fuq:
Ir-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjonijiet aġġustati skont ir-riskju għandha tikkunsidra distribuzzjoni bbilanċjata tal-kontribuzzjonijiet bejn tipi differenti ta’ banek. Fi kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet individwali mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha, ikkalkolat skont il-punti (a) u (b), ma għandux jaqbeż annwalment it‑12,5 % tal-livell fil-mira.” |
Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63
6 |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva [2014/59] tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44) jipprevedi: “Il-kontribuzzjonijiet msemmija fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva [2014/59] tiġi kkalkulata billi jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
7 |
L-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, intitolat “Proċedura għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet”, jesponi l-formula, il-proċeduri u l-passi tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Il-pass 6 ta’ dan il-kalkolu, intitolat “Kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali”, huwa ddettaljat kif ġej: “1. L-awtorità tar-riżoluzzjoni tirrigrada l-indikatur maħdum finali li jirriżulta minn Pass 5, FCIn, fil-firxa definita fl-Artikolu 9 billi tapplika l-formula li ġejja: fejn l-argumenti tal-funzjonijiet minimi u massimi jkunu l-valuri tal-istituzzjonijiet kollha li jikkontribixxu fl-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, li għalihom jiġi kkalkulat l-indikatur maħdum finali. 2. L-awtorità tar-riżoluzzjoni tikkalkula l-kontribuzzjoni annwali ta’ kull istituzzjoni, n ħlief fir-rigward ta’ istituzzjonijiet li huma soġġetti għall-Artikolu 10 u minbarra l-porzjon tal-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet f’somma f’daqqa li l-Istati Membri japplikaw għalih l-Artikolu 20(5), peress li: fejn: p, q istituzzjonijiet indiċi; Target hija livell annwali fil-mira kif determinat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 4(2), mingħajr is-somma tal-kontribuzzjonijiet ikkalkulata skont l-Artikolu 10 u mingħajr is-somma ta’ kwalunkwe somma f’daqqa li tista’ titħallas skont l-Artikolu 20(5); Bn huwa l-ammont ta’ obbligazzjonijiet (esklużi l-fondi proprji) li minnhom jitnaqqsu d-depożiti koperti ta’ istituzzjoni, kif aġġustat skont l-Artikolu 5 u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(5).” |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81
8 |
L-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall‑applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (ĠU 2015, L 15, p. 1), jipprovdi li: “1. [Is-SRB] għandu jikkomunika lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni rilevanti d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorji rispettivi tagħhom. 2. Wara li tirċievi l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kull awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandha tinnotifika lil kull istituzzjoni awtorizzata fl-Istat Membru tagħha bid-deċiżjoni [tas-SRB] dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali dovuta minn dik l-istituzzjoni.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
9 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-ħtiġiet tal-kawża preżenti, jitqassru kif ġej. |
10 |
NRW. Bank hija l-bank ta’ żvilupp tal-Land Nordrhein‑Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja). Hija essenzjalment teżerċita tliet tipi ta’ attivitajiet, jiġifieri attivitajiet ta’ żvilupp, attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp u attivitajiet oħra. |
11 |
Matul l-2015, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 806/2014 u b’applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59, kif ikkomplementata bir-Regolament ta’ Delega 2015/63, l-awtorità regolatorja Ġermaniża, il-Bundesanstalt für Finanzmarktstabilisierung (l-Awtorità Federali ta’ Stabbilizzazzjoni tas-Swieq Finanzjarji, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“FMSA”), iffissat il-kontribuzzjoni ex ante tal-appellanti għas-sena 2015 abbażi tal-Artikolu 103 ta’ din id-direttiva, filwaqt li kkunsidrat li mill-kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni kellhom jiġu esklużi kemm l-attivitajiet ta’ żvilupp tal-appellanti kif ukoll l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha. |
12 |
Matul is-sena 2016, fil-formola intitolata “Kontribuzzjonijiet ex ante għas-[SRF] – Formola ta’ dikjarazzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016”, stabbilita mis-SRB u mibgħuta mill-FMSA lill-appellanti, din tal-aħħar l-ewwel iddikjarat li għandha tiġi eskluża mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-sena 2016, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63, is-somma tal-impenji tagħha kollha marbuta mal-attivitajiet ta’ żvilupp tagħha u mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tagħha. Madankollu, wara li ġiet informata li, skont is-SRB, l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp ma kellhomx jiġu esklużi minn dan il-kalkolu, hija ppreżentat formola ta’ dikjarazzjoni korretta li tgħid li huwa biss il-valur totali tal-impenji marbuta mal-attivitajiet ta’ żvilupp tagħha li kellu jiġi eskluż. |
13 |
Permezz tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-15 ta’ April 2016, is-SRB iddeċieda, skont l-Artikolu 54(1)(b) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull entità prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, fosthom l-appellanti, għas-sena 2016. |
14 |
Permezz ta’ avviż għall-ħlas tat-22 ta’ April 2016, irċevut mill-appellanti fil-25 ta’ April 2016, il-FMSA informat lil din tal-aħħar li s-SRB kien iffissa l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2016 u indikatilha l-ammont li għandha tħallas. |
15 |
Permezz tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, is-SRB ipproċeda sabiex fis-sessjoni eżekuttiva tal-20 ta’ Mejju 2016, jagħmel aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena finanzjarja 2016 lis-SRF u żied il-kontribuzzjoni tal-appellanti. |
16 |
Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal-10 ta’ Ġunju 2016, irċevut mill-appellanti fit-13 ta’ Ġunju 2016, il-FMSA informa lil din tal-aħħar li hija kellha tħallas l-ammont taż-żieda msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u li tirriżulta mit-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
17 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Awwissu 2016, l-appellanti ppreżentat rikors intiż sabiex tikkontesta l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2016 sa fejn l-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp ma kinux ġew ipprivileġġjati u li, konsegwentement, il-kontribuzzjoni tagħha kienet ġiet stabbilita f’livell eċċessiv. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat, essenzjalment, il-ksur tal-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59, tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni ta’ dawn it-testi kif ukoll l-illegalità ta’ dawn tal-aħħar. |
18 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 u l-11 ta’ Jannar 2017, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea insostenn tas-SRB. |
19 |
Permezz tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tat deċiżjoni dwar il-motivi invokati mill-appellanti, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli u kkundannat lil din tal-aħħar għall-ispejjeż. |
It-talbiet tal-partijiet
20 |
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
21 |
Is-SRB jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
22 |
Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla s-sentenza appellata, tikkonstata li ebda element ma jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità jew il‑validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. |
23 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
24 |
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ. |
L-argumenti tal-partijiet
25 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha meta ddeċidiet li hija ma kinitx osservat it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament. Dan l-aggravju jinkludi erba’ partijiet, l-ewwel waħda mressqa b’mod prinċipali u t-tlieta l-oħra sussidjarjament. |
26 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ġie osservat indipendentement mill-evalwazzjoni magħmula fuq it-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
27 |
F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni, minn naħa, li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi deċiżjoni ġdida fuq il-mertu u ma hijiex purament konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. Id-deċiżjonijiet kontenzjużi jiddeterminaw għall-appellanti kontribuzzjonijiet annwali li ma humiex l-istess b’tali mod li s-sitwazzjoni legali tagħha ġiet mibdula permezz tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, din l-aħħar deċiżjoni hija bbażata fuq elementi ġodda, bħall-evalwazzjoni modifikata ta’ indikatur parzjali essenzjali, u ma tikkostitwixxix ir-rettifika ta’ sempliċi żball ta’ kalkolu. |
28 |
Min-naħa l-oħra, l-appellanti ssostni li, anki jekk jitqies li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża ma ssostitwixxietx kompletament l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, iżda emendatha, ir-rikors tagħha kontra t-tieni deċiżjoni kontenzjuża ma kienx tardiv. F’dan il-kuntest, hija tikkritika b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali li ma analizzatx l-effett tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608), li tirrigwarda l-emenda tar-regolamenti, u lanqas ma indikat ir-raġunijiet li għalihom il-prinċipji li jirriżultaw minnu ma humiex applikabbli f’dan il-każ, filwaqt li minn dan jirriżulta li l-emenda ta’ att, anki jekk definittiva, tagħti bidu għad-dekorrenza ta’ terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors kemm fir-rigward tad-dispożizzjoni emendata kif ukoll għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-att. |
29 |
Is-SRB isostni li l-appellanti essenzjalment tikkontesta l-eżami tal-fatti mill-Qorti Ġenerali u li l-argument tagħha huwa inammissibbli. Huwa jżid li t-tieni deċiżjoni inkwistjoni ma hija bbażata fuq ebda fatt ġdid fir-rigward tas-suġġett tal-kawża, jiġifieri l-esklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-FRU għas-sena 2016. Il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti f’din id-deċiżjoni jirrettifikaw nuqqas ta’ effett aċċidentali fir-rigward tal-indikatur ISP dwar l-appartenenza għal sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali fil-formula ta’ kalkolu, mingħajr ma jimplika l-evalwazzjoni ta’ fatti ġodda u lanqas evalwazzjoni ġuridika ġdida, b’tali mod li l-imsemmija deċiżjoni tikkostitwixxi att konfermattiv f’dak li jirrigwarda s-suġġett tal-kawża. Konsegwentement, il-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati jistabbilixxu ammonti ta’ kontribuzzjoni differenti għall-appellanti ma jbiddilx il-konklużjoni li tgħid li, fir-rigward tas-suġġett tal-kawża, it-tieni deċiżjoni kontenzjuża tikkonferma l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. |
30 |
Fir-rigward tal-argument dwar il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608), is-SRB iqis li dan huwa inammissibbli peress li ma għandux argumenti speċifiċi diretti kontra s-sentenza appellata. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza tirrigwarda att leġiżlattiv ta’ applikazzjoni ġenerali, b’tali mod li ma hijiex rilevanti fir-rigward ta’ deċiżjoni individwali. Fl-aħħar nett, l-appellanti la allegat u lanqas ipprovat li l-partijiet mhux mibdula tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża jifformaw ħaġa waħda mal-partijiet emendati mit-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
31 |
Peress li l-Kunsill u l-Kummissjoni, l-istess bħalma għamlu quddiem il-Qorti Ġenerali, illimitaw l-osservazzjonijiet tagħhom għall-invalidità, għall-interpretazzjoni u għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u, b’mod partikolari, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, illimitaw ruħhom li jsostnu rispettivament li dan ir-regolament u d-deċiżjonijiet tas-SRB ma kienu vvizzjati minn ebda illegalità, mingħajr ma ħadu pożizzjoni fuq l-ewwel aggravju. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
32 |
Għandu jitfakkar, fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li stabbilixxiet li d-deċiżjonijiet kontenzjużi la kienu ġew ippubblikati u lanqas innotifikati lill-appellanti li ma kinitx id-destinatarja tagħhom, indikat li, f’tali każ, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, ma jibdiex jiddekorri ħlief mill-jum li fih il-persuna kkonċernata ssir taf preċiżament bil-kontenut u r-raġunijiet tal-att inkwistjoni, bil-kundizzjoni li titlob it-test integrali f’terminu raġonevoli. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti kienet kisbet konoxxenza tal-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni meta rċeviet l-ewwel avviż għall-ħlas, fil-25 ta’ April 2016, li hija kienet ippreżentat fit-talba tagħha għall-konsultazzjoni tal-fajl tagħha lill-FMSA fit-22 ta’ Awwissu 2016, jiġifieri kważi erba’ xhur mill-jum li fih kienet irċeviet dan l-ewwel avviż għall-ħlas. Il-Qorti Ġenerali żiedet li l-mod kif l-FMSA kienet implimentat id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma setax jagħti x’jifhem li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża kienet issostitwixxiet l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li r-rikors, ippreżentat fit-23 ta’ Awwissu 2016, kien tardiv fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. |
33 |
Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-appellanti kienet ikkritikat, essenzjalment, lis-SRB li kien kiser ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli, billi ma kienx eskluda mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għas-SRF għas-sena 2016, il-passiv tiegħu marbut mal-attivitajiet anċillari ta’ żvilupp tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża ma kienet tinkludi ebda element ġdid dwar dan il-punt, li s-SRB bl-ebda mod ma kien eżamina mill-ġdid l-evalwazzjoni, diġà magħmula fil-kuntest tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, tal-kwistjoni dwar jekk kellux jiġi eskluż jew le mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-appellanti l-passiv marbut mal-attivitajiet anċillari ta’ żvilupp tagħha u li l-appellanti ma kinitx ippreżentat, lis-SRB jew lill-FMSA, talba intiża għall-eżami mill-ġdid tal-imsemmija kwistjoni, li kienet ibbażata fuq fatti ġodda u sostanzjali. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li r-rikors kontra t-tieni deċiżjoni kontenzjuża kien inammissibbli għar-raġuni li din id-deċiżjoni kienet, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima, purament konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża u li l-appellanti ma kienet qajmet ebda motiv jew argument kontra t-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
34 |
Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet tas-SRB fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argument tal-appellanti. |
35 |
Għalhekk, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata għandhiex natura purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti tikkostitwixxi operazzjoni ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom u l-konsegwenzi ta’ dritt li nsiltu minnhom (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni, C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
It-tieni, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza jew tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 34, kif ukoll id-digriet tal-31 ta’ Jannar 2019, Iordăchescu vs Il-Parlament et, C‑426/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:89, punt 28). Appell li ma jinkludi ebda argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dan ir-rekwiżit (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2021, Dickmanns vs EUIPO, C‑63/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:406, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-argument tal-appellanti la huwa ġenerali u lanqas impreċiż. Għall-kuntrarju, mill-appell jirriżulta b’mod ċar li hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża bħala purament konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża u, għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tan-natura tardiva tar-rikors u, min-naħa l-oħra, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħha dwar is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608). |
38 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għal annullament, previst fl-Artikolu 263 TFUE, huwa disponibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita jirriżulta li l-atti konfermattivi u l-atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni, sa fejn dawn ma jipproduċux tali effetti legali, ma jaqgħux taħt l-istħarriġ ġudizzjarju previst f’dan l-artikolu (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-appellant, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, għandha tingħata importanza, b’mod partikolari, lis-sustanza stess ta’ dan l-att (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punti 51 u 52, kif ukoll tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Dwar dan il-punt għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, att huwa purament konfermattiv ta’ att preċedenti meta ma jkun fih ebda element ġdid meta mqabbel ma’ dan tal-aħħar (sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Novembru 2018, L-Estonja vs Il‑Kummissjoni, C‑334/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:914, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet kontenzjużi jiddeterminaw l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 806/2014. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għas-sena 2016, wara l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għas-SRF għal kull waħda minn dawn l-entitajiet, is-SRB wettaq kalkolu ġdid ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet sa fejn l-indikatur ISP dwar l-appartenenza għal sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali msemmija fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 kien ġie kkalkolat b’mod żbaljat. Ir-rettifika ta’ dan l-iżball ta’ kalkolu wasslet għal kalkolu ġdid tal-kontribuzzjoni ex ante għas-sena 2016 għall-istituzzjonijiet kollha, anki jekk mhux membri ta’ SPI, u l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF għas-sena 2016 stabbilit fit-tieni deċiżjoni kontenzjuża jirrifletti l-emendi kkawżati minn dan il-kalkolu l-ġdid. |
43 |
Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tieni deċiżjoni kontenzjuża tinkludi element ġdid meta mqabbla mal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-valur tal-indikatur ISP użat fit-tieni deċiżjoni kontenzjuża huwa differenti minn dak użat fl-ewwel deċiżjoni kontenzjuża. |
44 |
Barra minn hekk, minkejja li d-deċiżjonijiet kontenzjużi għandhom identiċità tas-suġġett, sa fejn jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet ex ante lis-SRF għas-sena 2016, is-sustanza ta’ dawn id-deċiżjonijiet hija differenti peress li l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet li huma jistabbilixxu huma differenti. |
45 |
Għaldaqstant, billi imponiet fuq l-appellanti l-ħlas ta’ kontribuzzjoni ex ante lis-SRF fejn l-ammont huwa differenti minn dak stabbilit fl-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, it-tieni deċiżjoni kontenzjuża timmodifika s-sitwazzjoni ġuridika tal-appellanti b’mod li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma huwiex relatat mal-annullament tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB‑Großmärkte vs Il-Kummissjoni, 26/76, EU:C:1977:167, punt 4). |
46 |
Madankollu, is-SRB isostni li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkonferma l-ewwel deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima, peress li l-appellanti ssostni li s-SRB wettaq żball meta ma eskludiex l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tiegħu għas-SRF għas-sena 2016, filwaqt li, fil-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ma nbidilx. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta dispożizzjoni ta’ att tiġi emendata, ir-rikors jerġa’ jinfetaħ, mhux biss kontra din l-unika dispożizzjoni, iżda wkoll kontra dawk kollha li, anki jekk mhux modifikati, jifformaw ħaġa waħda magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑299/05, EU:C:2007:608, punti 29 u 30). |
48 |
Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni s-SRB, l-elementi mhux emendati tal-kalkolu li ta lok, fl-ewwel deċiżjoni kontenzjuża, għall-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF għas-sena 2016 jifformaw ħaġa waħda mal-element emendat ta’ dan il-kalkolu, jiġifieri l-indikatur ISP, għall-finijiet tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kontenzjuża. |
49 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF jiddependi minn żewġ elementi. Minn naħa, l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet individwali jiddependi fuq il-livell fil-mira ddefinit fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Min-naħa l-oħra, b’konformità mal-Artikolu 70(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, il-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jiddependi għal kull stabbiliment tad-daqs tiegħu, stabbilit skont il-passiv tiegħu, u l-livell ta’ riskju tal-attivitajiet tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punti 77 sa 79). F’dan il-kuntest, l-Artikoli 6 sa 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-passiv tal-istabbilimenti u tal-profil ta’ riskju tagħhom. |
50 |
Mill-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali li jinsabu fl-Anness I ta’ dan ir-regolament u, b’mod partikolari, mill-Pass 6 ta’ dan il-kalkolu, jirriżulta li, wara li jkun iddetermina l-passiv u l-fattur ta’ riskju ta’ istituzzjoni fid-dawl tad-diversi indikaturi previsti mil-leġiżlazzjoni, is-SRB jaqsam l-ammont li jikkorrispondi għal-livell fil-mira annwali bejn id-diversi istituzzjonijiet. |
51 |
Konsegwentement, għalkemm huwa minnu li ċerti indikaturi bħall-indikatur ISP japplikaw biss għal ċerti istituzzjonijiet sa fejn dawn għandhom influwenza fuq id-determinazzjoni tal-passiv jew tal-fattur ta’ riskju ta’ dawn l-istituzzjonijiet bl-esklużjoni ta’ istituzzjonijiet oħra, xorta jibqa’ l-fatt li, peress li l-livell fil-mira huwa maqsum bejn l-istituzzjonijiet kollha, l-emenda ta’ tali indikatur tbiddel l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet ikkonċernati minn dan l-indikatur u neċessarjament taffettwa l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet kollha. |
52 |
Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-bidla ta’ wieħed mill-elementi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante lis-SRF, bħall-indikatur ISP, toħloq terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors li jippermetti mhux biss li dan l-element tal-kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni jiġi kkontestat, iżda wkoll l-elementi l-oħra kollha ta’ dan il-kalkolu. |
53 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata min-natura mhux intenzjonali tal-iżball fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-indikatur ISP. Fil-fatt, in-natura intenzjonali jew le tal-iżball li wassal għall-adozzjoni ta’ att li jemenda att preċedenti hija irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 39, 40 u 41 ta’ din is-sentenza, jekk dan l-att emendatorju jinkludix element ġdid fir-rigward ta’ dan l-att preċedenti u jipproduċix effetti legali. |
54 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-tieni deċiżjoni kontenzjuża kienet purament konfermattiva tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl tas-suġġett tal-kawża u li, għal din ir-raġuni, ir-rikors kien inammissibbli. |
55 |
Konsegwentement, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandhom jintlaqgħu u, fuq din il-bażi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata kollha kemm hi, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-partijiet l-oħra ta’ dan l-aggravju u lanqas fuq it-tieni aggravju. |
Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata
56 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
57 |
F’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti bħala inammissibbli u, konsegwentement, ma eżaminatx il-motivi invokati minn din tal-aħħar insostenn tar-rikors tagħha, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Peress li l-kawża ġiet mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.