Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0063

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Ġunju 2016.
Mehrdad Ghezelbash vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 12 – Ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew ta’ viżi – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.
Kawża C-63/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:409

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) Nru 604/2013 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Artikolu 12 — Ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew ta’ viżi — Artikolu 27 — Rimedju ġudizzjarju — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑63/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag (qorti distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Mehrdad Ghezelbash

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen (Relatur), J. L. Da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev, C. Toader, D. Šváby u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, M. Safjan, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Ghezelbash, minn Y. G. F. M. Coenders, P. J. Schüller u A. Eikelboom, avukati,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, H. Stergiou u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn F. X. Bréchot u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, kif ukoll minn R. Troosters u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, p. 31).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Mehrdad Ghezelbash, ċittadin Iranjan u l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (segretarju tal-Istat għas-sigurtà u għall-ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“segretarju tal-Istat”) rigward id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad it-talba għal permess ta’ residenza temporanju li M. Ghezelbash kien ressaq skont id-dritt għall-ażil.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 343/2003

3

L-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109) kien jipprovdi:

“1.   Fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.

2.   Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. [...] Din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal appell u reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoi tat-trasferiment sakemm il-qrati u l-korpi kompetenti ma jiddeċidux li jsir hekk fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tippermetti dan.”

Ir-Regolament Nru 604/2013

4

Il-premessi 1, 4, 5, 9, 19 u 40 tar-Regolament Nru 604/2013 jipprovdu:

“(1)

Numru ta’ bidliet sostanzjali se jsiru lir-Regolament [Nru 343/2013]. [...]

[...]

(4)

Il-konklużjonijiet [.tal-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999] ddikjaraw ukoll li [s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[...]

(9)

Fid-dawl tar-riżultati tal-valutazzjonijiet magħmula tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ewwel fażi, huwa xieraq, f’dan l-istadju, li jkunu kkonfermati l-prinċipji sottostanti għar-Regolament [Nru 343/2003], waqt li jsir it-titjib neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza, għall-effettività tas-sistema ta’ Dublin u l-protezzjoni mogħtija lill-applikanti skont dik is-sistema. [...]

[...]

(19)

Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.

[...]

(40)

Ladarba l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment tal-kriterji u mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarita kif iddikjarat fl-Artikolu 5 [TFUE]. [...]”

5

L-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.”

6

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Malli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata fis-sens tal-Artikolu 20(2) fi Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’ mod partikulari li:

[...]

b)

il-kriterji sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli„ il-ġerarkija ta’ tali kriterji fil-passi differenti tal-proċedura u t-tul tagħhom, inkluż il-fatt li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata fi Stat Membru wieħed tista’ tirriżulta, li dak l-Istat Membru jsir responsabbli skont dan ir-Regolament anki jekk tali responsabbilità ma tkunx abbażi ta’ dawk il-kriterji;

c)

l-intervista personali skont l-Artikolu 5 u l-possibbiltà li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar il-preżenza ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra fl-Istati Membri, inklużi l-mezzi li bihom l-applikant jista’ jippreżenta tali informazzjoni;

d)

il-possibbiltà li tiġi kontestata deċiżjoni ta’ trasferiment u, fejn applikabbli, li ssir applikazzjoni għas-sospensjoni tat-trasferiment;

[...]”

7

L-Artikolu 5(1) u (6) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Biex jiffaċilita l-proċess biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru determinanti għandu jagħmel intervista personali mal-applikant. L-intervista għandha tippermetti wkoll li tinftiehem tajjeb l-informazzjoni mogħtija lill-applikant skont l-Artikolu 4.

2.   L-intervista personali tista’ ma ssirx jekk:

a)

l-applikant ikun ħarab; jew

b)

wara li jkun irċieva l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 l-applikant ikun diġà pprovda l-informazzjoni rilevanti biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli b’mezz ieħor. L-Istat Membru li ma jagħmilx l-intervista għandu jagħti l-opportunità lill-applikant li jippreżenta l-informazzjoni kollha li tkun rilevanti biex jiġi determinat l-Istat Membru responabbli qabel ma tittieħed deċiżjoni li l-applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 26(1).

3.   L-intervista personali għandha ssir fi żmien xieraq u, f’kull każ, qabel tittieħed xi deċiżjoni biex applikant ikun trasferit lejn l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 26(1).

[...]

6.   L-Istat Membru li jagħmel l-intervista personali għandu jagħmel taqsira bil-miktub tagħha li għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni prinċipali mogħtija mill-applikant fl-intervista. Din it-taqsira tista’ tkun f’għamla ta’ rapport jew għamla standard. L-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant u/jew il-konsulent legali jew kunsillier ieħor li qed jirrappreżenta lill-applikant ikollu aċċess f’waqtu għat-taqsira.”

8

Sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013, il-Kapitolu III tiegħu jipprovdi lista ta’ kriterji oġġettivi u fil-forma ta’ ġerarkija.

9

L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.”

10

L-Artikolu 12(1) u (4) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Fejn applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

[...]

4.   Fejn l-applikant ikun fil-pussess biss ta’ dokument ta’ residenza wieħed jew aktar li jkunu skadew inqas minn sentejn qabel jew viża waħda jew aktar li jkunu skadew inqas minn sitt xhur qabel u li ppermettwelu jew ippermettwelha biex attwalment jidħol/tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għal tali żmien li l-applikant ma jkunx ħareġ mit-territorji tal-Istati Membri.

[...]”

11

Il‑Kapitolu IV tal-istess regolament jistabbilixxi r-regoli relatati mal-persuni dipendenti li jingħaqdu flimkien u l-klawżoli diskrezzjonali.

12

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 604/2013 huwa għalhekk redatt kif ġej:

“1.   Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.

[...]

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, it-talba li jittieħed inkarigu minn Stat Membru ieħor għandha ssir billi tintuża formola standard u tinkludi prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi relevanti mid-dikjarazzjoni tal-applikant, li jagħmlu possibbli għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jikkontrollaw jekk hux responsabbli fuq il-bażi tal-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

[...]”

13

L‑Artikolu 22(2) sa (5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“2.   Fil-proċedura biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali għandhom ikunu użati.

[...]

4.   Ir-rekwiżit ta’ prova m’għandux jeċċedi dak li hu meħtieġ għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament.

5.   Jekk m’hemmx prova formali, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jirrikonoxxi r-responsabbiltà tiegħu jekk ix-xhieda ċirkostanzjali tkun koerenti, verifikabbli u ddettaljata suffiċjentement biex tistabbilixxi responsabbiltà.”

14

L-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“1.   Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant [...], l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali [...]

2.   Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, inkluż id-dritt ta’ applikazzjoni għal effett sospensiv, fejn applikabbli, u dwar il-limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji u biex ikun eżegwit it-trasferiment [...]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni dwar persuni jew entitajiet li jistgħu jipprovdu assistenza legali lill-persuna kkonċernata tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata flimkien mad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, meta dik l-informazzjoni ma tkunx diġà ġiet ikkomunikata.

3.   Meta l-persuna kkonċernata ma tkunx assistita jew rappreżentata minn konsulent legali jew kunsillier ieħor, l-Istat Membri għandhom jinfurmawha bl-elementi prinċipali tad-deċiżjoni, li għandhom dejjem jinkludu informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli u ż-żmien limitu applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji, f’lingwa li l-persuna kkonċernata tifhem jew li tkun raġonevolment mistennija li tifhem.”

15

L-Artikolu 27 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-applikant [...] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-applikant jew il-persuna kkonċernata jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1.

3.   Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

a)

l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

b)

it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; jew

c)

il-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti jew tribunal biex jissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew reviżjoni tiegħu/tagħha. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju effettiv billi jissospendu t-trasferiment sakemm tittieħed deċiżjoni rigward l-ewwel talba għal sospensjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhiex tiġi sospiża għandha tittieħed f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li tippermetti skrutinju mill-qrib u rigoruż tat-talba għal sospensjoni. Deċiżjoni li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tiġix sospiża għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna kkonċernata għandha aċċess għall-assistenza legali u, fejn neċessarju, assistenza lingwistika.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza legali tingħata fuq talba mingħajr ħlas fejn il-persuna kkonċernata ma tistax tħallas l-ispejjeż involuti [...]”

16

L-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprovdi:

“It-trasferiment tal-applikant [...] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit [...] mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[...]”

17

L-Artikolu 36(1) u (4) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu, fuq bażi bilaterali, jistabbilixxu arranġamenti amministrattivi bejniethom dwar id-dettalji prattiċi tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, biex tkun iffaċilitata l-applikazzjoni tiegħu u tikber l-effikaċja tiegħu. Arranġamenti tali jistgħu jirrigwardaw:

a)

skambji ta’ uffiċjali ta’ liaison;

b)

simplifikazzjoni tal-proċeduri u taqsir tal-limiti ta’ żmien fir-rigward ta’ trasmissjoni u eżami ta’ talbiet biex jittieħed inkarigu ta’ jew jittieħdu lura applikanti;

[...]

4.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 1(b) huma inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament, hija għandha, f’perijodu raġonevoli, tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi adatti kollha biex jemendaw l-arranġament ikkonċernat fi żmien raġonevli b’tali mod li jeliminaw kwalunkwe inkompatibbiltà li tirriżulta.”

18

L-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament jipprovdi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jirrikorru għal proċedura ta’ konċiljazzjoni meta ma jistgħux isolvu tilwima dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni tal-istess regolament.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Wara li nstema’, fit-3 ta’ Marzu 2014, mill-awtoritajiet Olandiżi, M. Ghezelbash ressaq talba għal permess ta’ residenza temporanju fl-4 ta’ Marzu 2014, skont id-dritt għall-ażil, ma’ dawn l-awtoritajiet.

20

Peress li riċerka fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża tal-Unjoni Ewropea (VIS) wriet li r-rappreżentanza esterna tar-Repubblika Franċiża fl-Iran kienet ħarġet lil M. Ghezelbash viża li kienet tkopri l-perijodu mis-17 ta’ Diċembru 2013 sal-11 ta’ Jannar 2014, is-segretarju tal-Istat talab, fis-7 ta’ Marzu 2014, lill-awtoritajiet Franċiżi li jieħdu inkarigu tal-persuna kkonċernata, abbażi tar-Regolament Nru 604/2013.

21

L-awtoritajiet Franċiżi laqgħu din it-talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu fil-5 ta’ Mejju 2014.

22

M. Ghezelbash instema’ mill-ġdid mill-awtoritajiet Olandiżi fil-15 ta’ Mejju 2014, u f’din l-okkażjoni ġie mistoqsi iktar fil-fond. F’nota ta’ osservazzjonijiet tal-20 ta’ Mejju 2014, huwa talab lis-segretarju tal-Istat li jipproċessa l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu fil-kuntest tal-proċedura estiża ta’ applikazzjoni għall-ażil, sabiex jingħata l-possibbiltà li jipproduċi dokumenti oriġinali li kienu jipprovaw li huwa kien mar lura l-Iran mid-19 ta’ Diċembru 2013 sal-20 ta’ Frar 2014, jiġifieri wara li kien mar Franza, li kien jimplika, skont l-applikant, li dan l-Istat tal-aħħar ma huwiex responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2014, is-segretarju tal-Istat ċaħad it-talba għal permess ta’ residenza temporanju, skont id-dritt għall-ażil, imressqa minn M. Ghezelbash.

24

Fit-22 ta’ Mejju 2014, dan tal-aħħar ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni u talab lill-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-Rechtbank Den Haag (qorti distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) li jadotta miżura provviżorja. Minbarra dan, fit-28 ta’ Mejju 2014, huwa pproduċa diversi indizji intiżi sabiex jipprovaw li huwa kien mar lura l-Iran wara s-soġġorn tiegħu fi Franza, jiġifieri dikjarazzjoni mill-persuna li timpjegah, ċertifikat mediku u ftehim ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2014, l-Imħallef għal miżuri provviżorji tar-Rechtbank Den Haag (qorti distrettwali ta’ Den Haag) laqa’ t-talba għal miżura provviżorja mressqa minn M. Ghezelbash u ordna s-sospensjoni tal-effetti legali tad-deċiżjoni tas-segretarju tal-Istat tal-21 ta’ Mejju 2014.

26

Il-qorti tar-rinviju tqis li din id-deċiżjoni għandha tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni u ta’ motivazzjoni, ibbażati fuq il-fatt li s-segretarju tal-Istat imissu pproċessa l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M. Ghezelbash fil-kuntest tal-proċedura estiża ta’ applikazzjoni għall-ażil, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni għal kollox dokumenti prodotti minnu. Madankollu, sabiex jiġi stabbilit jekk l-effetti legali tad-deċiżjoni annullata għandhomx jinżammu, din il-qorti tikkunsidra li hija għandha tistabbilixxi wkoll jekk M. Ghezelbash għandux id-dritt li jikkontesta r-responsabbiltà tar-Repubblika Franċiża sabiex teżamina l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu wara li dan l-Istat Membru aċċetta din ir-responsabbiltà.

27

Barra minn hekk, din il-qorti ssostni li, matul l-intervista tat-3 ta’ Marzu 2014, M. Ghezelbash kien ġie infurmat bl-obbligu tiegħu li jipproduċi provi bl-għan tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli f’termini sa dak il-punt tant ġenerali li ma jistax jiġi kkritikat li ma rreferiex, f’dan l-istadju tal-proċedura, għal dokumenti li huwa kien ipproduċa sussegwentement. Għalhekk it-talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu mibgħuta lill-awtoritajiet Franċiżi kienet prematura, jew tal-inqas inkompleta, u dawn l-awtoritajiet kienu għalhekk taw deċiżjoni dwar din it-talba mingħajr ma kellhom għarfien tad-dokumenti pprovduti mill-applikant għall-ażil.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag (qorti distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

X’inhi l-portata tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 604/2013, moqri flimkien jew le mal-premessa 19 tar-Regolament?

Skont dan l-artikolu, f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, huwa biss wara l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà mill-Istat Membru li saritlu t-talba li barrani għandu jiffaċċja talba biex jittieħed inkarigu u jipproduċi provi li possibbilment jippermettu li jiġi konkluż li ma huwiex l-Istat Membru li saritlu t-talba li għandu r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil iżda l-Istat Membru li għamel it-talba, li, sussegwentement, la jeżamina dawn id-dokumenti u lanqas ma jgħaddihom lill-Istat Membru li saritlu t-talba, applikant għall-ażil għandu d-dritt li jeżerċita rimedju (effettiv) kontra l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 604/2013?

2)

Jekk, fir-Regolament Nru 604/2013, bħal qabel mingħajr ħsara għar-Regolament Nru 343/2003, il-barrani, bħala prinċipju, ma jistax jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli meta l-Istat Membru li saritlu t-talba jkun aċċetta talba biex jittieħed inkarigu, huwa preċiż li minn dan il-prinċipju, kif il-konvenut isostni, tista’ ssir eċċezzjoni biss fis-sitwazzjonijiet ta’ familja previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 604/2013 jew jista’ wieħed jikkunsidra fatti u ċirkustanzi partikolari oħra li jippermettu lill-barrani li jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli?

3)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tipprovdi li, minbarra sitwazzjonijiet ta’ familja, ċirkustanzi oħra jistgħu jippermettu wkoll lill-barrani li jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, il-fatti u ċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt [27 ta’ din is-sentenza] jistgħu jikkostitwixxu tali fatti u ċirkustanzi partikolari?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikant għall-ażil jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari tal-kriterju relatat mal-ħruġ ta’ viża, stabbilit fl-Artikolu 12 tal-istess regolament.

30

L‑Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jippreċiża li l-applikant għall-ażil għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

31

Mit-tabella ta’ korrispondenza li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkorrispondi mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003.

32

Issa, fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-aħħar dispożizzjoni kellha tiġi interpretata fis-sens li applikant għall-ażil ma setax jikkontesta r-responsabbiltà ta’ Stat Membru, inkwantu Stat Membru tal-ewwel dħul tal-applikant għall-ażil fit-territorju tal-Unjoni, ħlief billi jinvoka l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi tal-proċedura tal-ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil f’dak l-Istat Membru, li jikkostitwixxu raġunijiet serji u vverifikati li jwasslu għall-konvinzjoni li dan l-applikant ser jgħaddi minn riskju reali li jiġi suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

33

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rilevanza ta’ din is-sentenza sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jikkonċerna d-drittijiet mogħtija lill-applikant għall-ażil, ir-Regolament Nru 604/2013 ivarja fuq punti essenzjali mir-Regolament Nru 343/2003, li kien applikabbli fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813).

35

Il-portata tal-appell previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandha għalhekk tiġi stabbilita fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, tal-istruttura ġenerali tiegħu, tal-għanijiet tiegħu u tal-kuntest tiegħu, partikolarment tal-iżvilupp li għadda minnu b’konnessjoni mas-sistema li jaqa’ taħtha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi, C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 51).

36

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-rimedju previst f’din id-dispożizzjoni għandu jkun effettiv u jirrigwarda l-kwistjonijiet kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi. Minbarra dan, din il-formulazzjoni ma ssemmi ebda limitazzjoni tal-argumenti li jistgħu jiġu invokati mill-applikant għall-ażil fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju. L-istess japplika fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(d) tal-istess regolament, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-applikant mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment.

37

B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex rabta speċifika jew, a fortiori, esklużiva bejn ir-rimedji ġudizzjarji stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 604/2013 u r-regola, li issa hija stabbilita fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, li tillimita l-possibbiltajiet li applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru inizjalment indikat bħala responsabbli, f’każ ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikant għall-ażil f’dan l-Istat Membru, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

38

Minbarra dan, il-portata tar-rimedju miftuħ għal applikant għall-ażil kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu hija ppreċiżata fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 604/2013, li l-kontenut tagħha ma kienx jinsab fir-Regolament Nru 343/2003.

39

Din il-premessa tindika li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit bir-Regolament Nru 604/2013 kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jirrigwarda, minn naħa, l-eżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li lejh jiġi ttrasferit l-applikant.

40

Jekk it-tieni eżami msemmi f’din il-premessa jirreferi unikament għall-istħarriġ tas-sitwazzjoni prevalenti fl-Istat Membru li l-applikant huwa ttrasferit lejh u huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiżgura li ma huwiex impossibbli li jsir it-trasferiment ta dan l-applikant għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, l-ewwel eżami msemmi fl-istess premessa huwa intiż, b’mod iktar ġenerali, għall-istħarriġ tal-applikazzjoni korretta tal-istess regolament.

41

Issa, mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 604/2013 jirriżulta li l-applikazzjoni tiegħu hija essenzjalment ibbażata fuq it-tmexxija ta’ proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli indikat abbażi ta’ kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament.

42

Għalhekk, skont il-premessi 4, 5 u 40 tar-Regolament Nru 604/2013, dan għandu bħala għan li jistabbilixxi metodu ċar u li jiffunzjona, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli milli jeżamina applikazzjoni għall-ażil. B’mod partikolari, mill-Artikolu 3(1) u mill-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Istat Membru responsabbli bħala prinċipju huwa dak indikat mill-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament. Il‑Kapitolu IV ta’ dan tal-aħħar jidentifika, barra minn hekk, b’mod preċiż, is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jiġi kkunsidrat bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil permezz ta’ deroga minn dawn il-kriterji.

43

In-natura ċentrali, għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013, tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli abbażi ta’ kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament hija kkonfermata mill-fatt li l-Artikolu 21(1) ta’ dan tal-aħħar ma jipprevedix il-possibbiltà, għall-Istat Membru li lilu kienet ġiet ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jitlob lil Stat Membru ieħor li jieħu inkarigu ta’ applikant għall-ażil ħlief meta l-ewwel minn dawn l-Istati Membri jqis li t-tieni minnhom huwa responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni. Minbarra dan, skont l-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-regolament, it-talba li jittieħed inkarigu għandha tinkludi l-elementi li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jikkontrollaw jekk dan huwiex responsabbli fuq il-bażi tal-kriterji ddefiniti fl-istess regolament. Bl-istess mod, mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 604/2013 jirriżulta li t-tweġiba li għandha tingħata għal tali talba għandha tkun ibbażata fuq eżami tal-provi u tal-indizji li jippermettu l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment, li jinsab fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 604/2013, għall-eżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest tal-appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment previst fl-Artikolu 27(1) tiegħu, għandu jinftiehem bħala li huwa intiż, b’mod partikolari, għall-istħarriġ tal-applikazzjoni korretta tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, inkluż il-kriterju ta’ responsabbiltà msemmi fl-Artikolu 12 tal-istess regolament.

45

Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-iżvilupp ġenerali li għaddiet minnha s-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ Dublin”) mill-fatt tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 604/2013, kif ukoll mill-għanijiet intiżi minn dan ir-regolament.

46

Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward ta’ dan l-iżvilupp, hemm lok li jiġi kkonstatat li, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien stabbilixxa jew saħħaħ drittijiet u mekkaniżmi differenti li jiggarantixxu l-implikazzjoni tal-applikanti għall-ażil fil-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, ir-Regolament Nru 604/2013 ivarja, fil-parti l-kbira, mir-Regolament Nru 343/2003, li kien applikabbli fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813).

47

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 604/2013 jistabbilixxi dritt għall-informazzjoni tal-applikant li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u l-ġerarkija ta’ dawn il-kriterji, inkluż il-fatt li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mressqa fi Stat Membru tista’ twassal għall-indikazzjoni ta’ dan l-Istat Membru bħala Stat responsabbli, anki jekk din ir-responsabbiltà ma hijiex ibbażata fuq dawn il-kriterji.

48

Fit-tieni lok, l-Artikolu 5(1), (3) u (6) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-Istat Membru li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jagħmel, fi żmien xieraq u, f’kull każ, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment, intervista individwali mal-applikant għall-ażil, fejn l-aċċess għas-sunt ta’ din l-intervista għandu jiġi żgurat lill-applikant jew lill-konsulent li jirrappreżentah. Skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, din l-intervista tista’ ma sseħħx meta l-applikant ikun diġà pprovda l-informazzjoni rilevanti sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli u, f’dan il-każ, l-Istat Membru inkwistjoni jagħti lill-applikant il-possibbiltà li jipprovdi l-informazzjoni rilevanti l-oħra kollha sabiex jiġi stabbilit korrettament l-Istat Membru responsabbli qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment.

49

Fit-tielet lok, it-Taqsima IV tal-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 604/2013, intitolata “Salvagwardji proċedurali”, tiżviluppa fit-tul il-modalitajiet ta’ notifika tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment u r-regoli applikabbli għar-rimedji ġudizzjarji miftuħa kontra dawn id-deċiżjonijiet, filwaqt li dawn l-aspetti ma humiex suġġetti għal tali preċiżazzjonijiet fir-Regolament Nru 343/2003.

50

Mill-Artikolu 27(3) sa (6) tar-Regolament Nru 604/2013 jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjarji, l-applikant għall-ażil għandu, b’mod partikolari, jibbenefika minn possibbiltà li jitlob f’perijodu ta’ żmien raġonevoli lil qorti biex tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell tiegħu, u huwa għandu jkollu assistenza legali.

51

Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tar-Regolament Nru 604/2013, ma llimitax lilu nnifsu sabiex jistabbilixxi regoli organizzattivi li jirregolaw unikament ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, iżda ddeċieda li jassoċja ma’ dan il-proċess l-applikanti għall-ażil, billi jobbliga lill-Istati Membri sabiex jinfurmawhom bil-kriterji ta’ responsabbiltà u li joffrulhom il-possibbiltà li jipprovdu l-informazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji, kif ukoll billi jiżgurawlhom dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment eventwalment meħuda mal-eżitu tal-proċess.

52

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-għanijiet intiżi mir-Regolament Nru 604/2013, jirriżulta mill-premessa 9 tiegħu li dan ir-regolament, filwaqt li jikkonferma l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 343/2003, huwa intiż li jġib it-titjib neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza, mhux biss għall-effettività tas-sistema ta’ Dublin, iżda wkoll għall-protezzjoni mogħtija lill-applikanti, fejn din hija b’mod partikolari żgurata mill-protezzjoni ġudizzjarja li jibbenefikaw minnha.

53

Interpretazzjoni restrittiva tal-portata tar-rimedju previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013 b’mod partikolari tista’ tfixkel it-twettiq ta’ dan l-għan billi ċċaħħad id-drittijiet l-oħra tal-applikant għall-ażil stabbiliti mir-Regolament Nru 604/2013 minn effett utli. Għalhekk, l-obbligi, stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li l-applikanti għall-ażil jiġu offerti l-possibbiltà li jipprovdu l-informazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni korretta tal-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti minn dan ir-regolament u li jiġi żgurat l-aċċess ta’ dawn l-applikanti għas-sunti tal-intervisti mwettqa għal dan il-għan jgħaddu minn riskju li jiġu miċħuda minn effett utli jekk jiġi eskluż li applikazzjoni żbaljata ta’ dawn il-kriterji, jekk ikun il-każ billi ma tittiħidx inkunsiderazzjoni informazzjoni pprovduta minn dawn l-applikanti, tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

54

F’dan il-kuntest, il-preżentata ta’ rikors skont ir-Regolament Nru 604/2013 ma tistax tiġi pparagunata, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, mal-forum shopping li s-sistema ta’ Dublin hija intiża li tevita (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 79). Fil-fatt, il-qorti adita b’tali rikors hija mitluba mhux sabiex tafda r-responsabbiltà tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil lil Stat Membru indikat skont il-konvenjenza tar-rikorrent, iżda tassew sabiex tivverifika jekk il-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni ġewx applikati korrettament.

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni eventwali ta’ żball fil-kuntest ta’ tali eżami ma tistax tippreġudika l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fuqu tibbaża s-sistema Ewropea komuni tal-ażil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi, C‑394/12, EU:C:2013:813, punti 52 u 53), peress li din il-konstatazzjoni tfisser sempliċement li l-Istat Membru li l-applikant għandu jiġi ttrasferit lejh ma huwiex l-Istat Membru responsabbli, fis-sens tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 604/2013.

56

Fir-rigward, barra minn hekk, tal-għan li jikkonsisti li jiġi stabbilit metodu li jippermetti d-determinazzjoni malajr tal-Istat Membru responsabbli u li ma jiġix kompromess l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil, imsemmi fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, ċertament għandu jiġi rrilevat li l-eżerċizzju ta’ rimedju ġudizzjarju jista’ eventwalment ivarja l-konklużjoni definittiva tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

57

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tar-Regolament Nru 343/2003, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għall-ażil għar-rekwiżit ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian, C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 48). Din il-konstatazzjoni tapplika, a fortiori, f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 604/2013, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kunsiderevolment żviluppa, permezz ta’ dan ir-regolament, il-garanziji proċedurali offerti lill-applikanti għall-ażil fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-riskju li l-konklużjoni tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli tiġi eċċessivament imdewma minħabba l-istħarriġ tal-applikazzjoni korretta tal-kriterji ta’ responsabbiltà huwa limitat mill-fatt li dan l-istħarriġ għandu jiġi eżerċitat fil-kuntest iddefinit mir-Regolament Nru 604/2013 u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 22(4) u (5) tiegħu, li jipprovdi, minn naħa, li r-rekwiżit tal-prova ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, li, fin-nuqqas ta’ prova formali, ir-responsabbiltà tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandha tiġi ammessa jekk l-indizji huma koerenti, verifikabbli u biżżejjed iddettaljati sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tiegħu.

59

Minbarra dan, fir-rigward tar-riskju ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, mill-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Nru 604/2013 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi jippreċiża li l-Istati Membri jipprevedu li l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà li titlob f’terminu raġonevoli lil qorti biex tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell tagħha, irrikonoxxa li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-preżentata ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ trasferiment ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi sospiż it-trasferiment, li għalhekk jista’ jseħħ mingħajr ma wieħed jistenna l-eżami ta’ dan l-appell, sa fejn is-sospensjoni ma tkunx intalbet jew it-talba għal sospensjoni tkun ġiet miċħuda.

60

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-iżvilupp tas-sistema ta’ Dublin li tirriżulta mir-Regolament Nru 604/2013, il-fatt li r-regoli applikabbli għall-applikazzjonijiet għall-ażil kienu ġew suġġetti għal armonizzazzjoni, effettivament minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 114), ma jistax, waħdu jwassal għal interpretazzjoni li tillimita l-portata tar-rimedju previst fl-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament.

61

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikant għall-ażil jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tal-kriterju relatat mal-ħruġ ta’ viża, stabbilit fl-Artikolu 12 tal-istess regolament.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

62

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, applikant għall-ażil jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tal-kriterju relatat mal-ħruġ ta’ viża, stabbilit fl-Artikolu 12 tal-istess regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top