EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0063

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Ġunju 2016.
Mehrdad Ghezelbash vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Artikolu 12 – Ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew ta’ viżi – Artikolu 27 – Rimedju ġudizzjarju – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.
Kawża C-63/15.

Court reports – general

Kawża C‑63/15

Mehrdad Ghezelbash

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) Nru 604/2013 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Artikolu 12 — Ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew ta’ viżi — Artikolu 27 — Rimedju ġudizzjarju — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Ġunju 2016

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkanizmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Appell eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward ta’ applikant għall-ażil – Possibbiltà ta’ invokazzjoni tal-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju relatat mal-ħruġ ta’ viża

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, premessa 19 u l-Artikoli 12, 21(1) u (3), 22 u 27(1))

L‑Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 604/2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għall-ażil jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari tal-kriterju relatat mal-ħruġ ta’ viża, stabbilit fl-Artikolu 12 tal-istess regolament.

Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-rimedju previst f’din id-dispożizzjoni għandu jkun effettiv u jirrigwarda l-kwistjonijiet kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi. Minbarra dan, din il-formulazzjoni ma ssemmi ebda limitazzjoni tal-argumenti li jistgħu jiġu invokati mill-applikant għall-ażil fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju. L-istess japplika fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(d) tal-istess regolament, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-applikant mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment. In-natura ċentrali, għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013, tal-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli abbażi ta’ kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament hija kkonfermata mill-fatt li l-Artikolu 21(1) ta’ dan tal-aħħar ma jipprevedix il-possibbiltà, għall-Istat Membru li lilu kienet ġiet ippreżentata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li jitlob lil Stat Membru ieħor li jieħu inkarigu ta’ applikant għall-ażil ħlief meta l-ewwel minn dawn l-Istati Membri jqis li t-tieni minnhom huwa responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni. Minbarra dan, skont l-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-regolament, it-talba li jittieħed inkarigu għandha tinkludi l-elementi li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jikkontrollaw jekk dan huwiex responsabbli fuq il-bażi tal-kriterji ddefiniti fl-istess regolament. Bl-istess mod, mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 604/2013 jirriżulta li t-tweġiba li għandha tingħata għal tali talba għandha tkun ibbażata fuq eżami tal-provi u tal-indizji li jippermettu l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment, li jinsab fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 604/2013, għall-eżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest tal-appell mid-deċiżjoni ta’ trasferiment previst fl-Artikolu 27(1) tiegħu, għandu jinftiehem bħala li huwa intiż, b’mod partikolari, għall-istħarriġ tal-applikazzjoni korretta tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, inkluż il-kriterju ta’ responsabbiltà msemmi fl-Artikolu 12 tal-istess regolament. Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-iżvilupp ġenerali li għaddiet minnha s-sistema ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri mill-fatt tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 604/2013, kif ukoll mill-għanijiet intiżi minn dan ir-regolament. Il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tar-Regolament Nru 604/2013, ma limitax lilu nnifsu sabiex jistabbilixxi regoli organizzattivi li jirregolaw unikament ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, iżda ddeċieda li jassoċja ma’ dan il-proċess l-applikanti għall-ażil, billi jobbliga lill-Istati Membri sabiex jinfurmawhom bil-kriterji ta’ responsabbiltà u li joffrulhom il-possibbiltà li jipprovdu l-informazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji, kif ukoll billi jiżgurawlhom dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment eventwalment meħuda mal-eżitu tal-proċess.

Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni eventwali ta’ żball fil-kuntest ta’ tali eżami ma tistax tippreġudika l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fuqu tibbaża s-sistema Ewropea komuni tal-ażil, peress li din il-konstatazzjoni tfisser sempliċement li l-Istat Membru li l-applikant għandu jiġi ttrasferit lejh ma huwiex l-Istat Membru responsabbli, fis-sens tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 604/2013.

(ara l-punti 36, 43-45, 51, 55, 61 u d-dispożittiv)

Top