Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0394

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014.
Ministerstvo práce a sociálních věcí vs B.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti ‑ Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KE) Nru 883/2004 ‑ Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ‑ Determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja ‑ Sitwazzjoni fejn il-ħaddiem migrant kif ukoll il-familja tiegħu jgħixu fi Stat Membru fejn huma għandhom iċ-ċentru ta’ interess tagħhom u fejn ġie riċevut benefiċċju tal-familja ‑ Talba għal benefiċċju tal-familja fl-Istat Membru ta’ oriġini wara t-tmiem tad-dritt għall-benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza ‑ Leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini li tipprevedi l-għoti ta’ tali benefiċċji lil kull persuna li għandha domiċilju rreġistrat f’dan l-Istat.
Kawża C‑394/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2199

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolamenti (KEE) Nru 1408/71 u (KE) Nru 883/2004 — Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli — Determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja — Sitwazzjoni fejn il-ħaddiem migrant kif ukoll il-familja tiegħu jgħixu fi Stat Membru fejn huma għandhom iċ-ċentru ta’ interess tagħhom u fejn ġie riċevut benefiċċju tal-familja — Talba għal benefiċċju tal-familja fl-Istat Membru ta’ oriġini wara t-tmiem tad-dritt għall-benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza — Leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini li tipprevedi l-għoti ta’ tali benefiċċji lil kull persuna li għandha domiċilju rreġistrat f’dan l-Istat”

Fil-Kawża C‑394/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

Ministerstvo práce a sociálních věcí

vs

B.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal B., minn V. Soukup, advokát,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-Artikolu 87 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 284, p. 43, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ministerstvo práce a sociálních věcí (Ministeru tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali) u B. dwar deċiżjoni li tirtiralha l-benefiċċji tal-familja minħabba li r-Repubblika Ċeka ma hijiex kompetenti sabiex tagħti dawn il-benefiċċji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1408/71

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Definizzjonijiet”, fil-punt (h) tiegħu jipprovdi li “residenza tfisser dar fejn normalment joqogħdu”.

4

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

[...]

f)

persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat [Membru] ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

5

Fil-Kapitolu 7, taħt it-Titolu III tal-istess regolament, l-Artikolu 76 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Regoli jew prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprovdi:

“Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.”

Ir-Regolamenti Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009

6

Ir-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004. Dan l-aħħar regolament isir applikabbli, skont l-Artikolu 91 tiegħu, fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tiegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU L 284, p. 1), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2010.

7

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-punt (j) tiegħu, li “‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha”.

8

L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, fil-paragrafi (1) u (3)(e) jipprovdi:

“1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[...]

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

[...]

e)

kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”

9

L-Artikolu 87 tal-istess regolament, intitolat “Disposizzjonijiet transitorji”, jipprovdi fil-paragrafi (1), (3) u (8) tiegħu:

“1.   L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb taħt dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni tiegħu.

[...]

3.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, dritt għandu jinkiseb taħt dan ir-Regolament anki jekk dan jitratta kontinġenza li tqum qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru konċernat.

[...]

8.   Jekk, bħala riżultat ta’ dan ir-Regolament, persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra minn dak determinat skont it-Titolu II tar-Regolament [Nru 1408/71], dik il-leġiżlazzjoni għandha tkompli tapplika sakemm is-sitwazzjoni relevanti tibqa’ ma nbidlitx u fi kwalunkwe każ għal perijodu mhux anqas minn 10 snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm il-persuna kkonċernata ma titlobx li hija ssir suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli taħt dan ir-Regolament. [...]”

10

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “L-elementi għad-determinazzjoni tar-residenza”, jistabbilixxi:

“1.   Fejn hemm differenza fl-opinjonijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri jew aktar dwar id-determinazzjoni tar-residenza ta’ persuna li għaliha japplika r-Regolament bażiku, dawn l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu bi ftehim komuni ċ-ċentru ta’ interessi tal-persuna kkonċernata, abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-informazzjoni kollha disponibbli relatata mal-fatti relevanti, li jistgħu jinkludu fejn ikun il-każ:

a)

it-tul ta’ żmien u l-kontinwità tal-preżenza fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati;

b)

is-sitwazzjoni tal-persuna, li tinkludi:

i)

in-natura u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kwalunkwe attività li titwettaq, b’mod partikolari l-post fejn din l-attività normalment titwettaq, l-istabbiltà tal-attività u t-tul ta’ żmien ta’ kwalunkwe kuntratt tax-xogħol;

ii)

l-istatus tal-familja u r-rabtiet tal-familja tagħha;

iii)

it-twettiq ta’ kwalunkwe attività mingħajr ħlas;

iv)

fil-każ ta’ studenti, is-sors tad-dħul tagħhom;

v)

is-sitwazzjoni tad-dar domestika tagħha, partikolarment kemm hi permanenti;

vi)

l-Istat Membru li fih il-persuna hija meqjusa li tirrisjedi għal finijiet ta’ tassazzjoni.

2.   Fejn l-konsiderazzjoni tal-kriterji diversi bbażati fuq il-fatti relevanti kif stabbilit fil-paragrafu 1 ma twassalx għal qbil bejn l-istituzzjonijiet konċernati, l-intenzjoni tal-persuna, kif hi tidher minn tali fatti u ċirkostanzi, speċjalment ir-raġunijiet li wasslu lill-persuna biex tiċċaqlaq, għandhom jiġu kkunsidrati bħala deċiżivi meta jkun qed jiġi stabbilit il-Stat Membru ta’ residenza reali ta’dik il-persuna.”

Id-dritt Ċek

11

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 3 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 31(1) tal-Liġi Nru 117/1995, dwar l-assistenza soċjali (zákon č. 117/1995 Sb., o státní sociální podpoře), kif kienet fis-seħħ fid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kull persuna fiżika li tkun irreġistrat id-domiċilju tagħha fit-territorju Ċek skont l-Artikoli 10 u 10a tal-Liġi Nru 133/2000 dwar ir-reġistru tal-popolazzjoni u dwar in-numru ta’ reġistrazzjoni nazzjonali, li temenda ċerti liġijiet [zákon č. 133/2000 Sb., o evidenci obyvatel a rodných číslech a o změně některých zákonů (zákon o evidenci obyvatel)], tista’ tkun intitolata għall-benefiċċju tal-allowance parentali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

B. hija ċittadina Ċeka li tgħix fi Franza flimkien ma’ żewġha u ma’ bintha minuri, imwielda fi Franza. B. u żewġha madankollu, kull wieħed minnhom għandu dar fir-Repubblika Ċeka li l-indirizz tagħha ġie rreġistrat skont l-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 133/2000 dwar ir-reġistru tal-popolazzjoni u dwar in-numru ta’ reġistrazzjoni nazzjonali, li temenda ċerti liġijiet.

13

B. irċeviet xi allowances tal-qgħad fi Franza u hemmhekk żewġha jeżerċita attività professjonali. Il-familja kollha tibbenefika mill-assigurazzjoni għall-mard fi Franza. Matul il-perijodu ta’ mid-9 ta’ Frar sat-30 ta’ Mejju 2009, B. ħarġet bil-leave tal-maternità u, għal dan l-għan, hija rċeviet, fi Franza, allowance tal-maternità. Sussegwentement, matul il-perijodu ta’ mill-1 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Novembru 2009, B. irċeviet, f’dan l-Istat Membru, allowance tal-familja addizzjonali msejħa “benefiċċju għall-infanzja”, jew “PAJE”, li l-ammont tiegħu jkun skont id-dħul tal-benefiċjarju. Meta d-dritt tagħha għall-imsemmi benefiċċju spiċċa, B. ippreżentat talba fir-Repubblika Ċeka sabiex tikseb benefiċċju tal-familja.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2010, l-Úřad práce (Aġenzija għall-Impjieg) ta’ Ostrava ddeċidiet li tagħtiha l-imsemmija allowance sa mill-1 ta’ Diċembru 2009.

15

Billi qieset li d-dritt ta’ B. għal benefiċċju tal-familja kellha tkun suġġetta għal evalwazzjoni ġdida sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2010, il-Krajský úřad Moravskoslezského kraje (Awtorità Reġjonali tar-Reġjun ta’ Moravie-Silésie), li s-setgħat tagħha ġew ittrasferiti lill-Ministerstvo práce a sociálních věcí, permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2010 ddeċidiet li tneħħilha l-benefiċċju inkwistjoni, sa mill-1 ta’ Mejju 2010, minħabba li r-Repubblika Ċeka ma kinitx għadha l-Istat Membru kompetenti peress li ċ-ċentru ta’ interess ta’ B. u tal-familja tagħha kien jinsab fi Franza.

16

Il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar il-kompetenza tar-Repubblika Ċeka fil-qasam tal-għoti ta’ benefiċċji tal-familja lil B.. Hija tqis li, fl-ipoteżi fejn jitqies li r-Repubblika Ċeka kienet kompetenti sabiex jagħti tali benefiċċji tal-familja, huwa dubjuż li din baqgħet kompetenti wara l-1 ta’ Mejju 2010, minħabba r-regoli l-ġodda dwar ir-residenza li jissemmew fir-Regolament Nru 987/2009.

17

F’dan il-kundizzjonijiet, in-Nejvyšší správní soud (Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 76 tar-Regolament [Nru 1408/71], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri li r-rikorrenti, ir-raġel tagħha u binha jgħixu fi Franza, fejn jaħdem ir-raġel tagħha, fejn hemm iċ-ċentru tal-interessi tagħhom u fejn ir-rikorrenti rċiviet, b’mod sħiħ fi Franza, il-benefiċċju tal-familja PAJE (prestation d’accueil du jeune enfant) (benefiċċju għall-infanzja), ir-Repubblika Ċeka hija l-Istat [Membru] kompetenti għall-għoti ta’ benefiċċju tal-familja-allowance parentali?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

[I]d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament [Nru 883/2004], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq ir-Repubblika Ċeka l-għoti ta’ benefiċċju tal-familja wara t-30 ta’ April 2010, minkejja li l-kompetenza ta’ Stat tista’ tkun influwenzata, mill-1 ta’ Mejju 2010, mid-definizzjoni l-ġdida ta’ residenza pprovduta mir-Regolament [Nru 987/2009] (Artikoli 22 et seq)?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

3)

[I]r-Regolament [Nru 883/2004][, b’mod partikolari l-Artikolu 87,] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka hija, mill-1 ta’ Mejju 2010, l-Istat [Membru] kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja?”

Fuq l-ammissibbiltà

18

B. issostni li d-domandi ma humiex rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali minħabba li dawn jirrigwardaw id-dritt tagħha għall-benefiċċji tal-familja sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, filwaqt li ma huwiex ikkontestat li dawn il-benefiċċji huma dovuti lilha għall-perijodu mill-1 ta’ Diċembru 2009 sal-1 ta’ Mejju 2010, u din il-kawża tikkonċerna biss it-telf ta’ dan id-dritt sa minn din l-aħħar data.

19

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun adita bil-kawża u li għandha tieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju hija obbligata li tagħti deċiżjoni. Il-preżunzjoni ta’ rilevanza li d-domandi magħmula b’mod preliminari mill-qrati nazzjonali għandhom tista’ biss titwarrab b’mod eċċezzjonali, u dan jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Iberdrola Distribución Eléctrica, C-300/13, EU:C:2014:188, punt 16).

20

F’dan il-każ ma jidhirx li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u lanqas li l-problema mqajma minnha kienet ta’ natura ipotetika. Għaldaqstant, peress li barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha, dawn, kuntrarjament għal dak li ssostni B., huma ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

B’mod preliminari għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (sentenzi Krüger, C‑334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23, kif ukoll Hewlett-Packard Europe, C‑361/11, EU:C:2013:18, punt 35).

22

F’dan il-każ, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li Stat Membru jitqies li huwa l-Istat kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, lil persuna għas-sempliċi fatt li din tal-aħħar għandha domiċilju rreġistrat fit-territorju tagħha mingħajr ma din u l-membri tal-familja tagħha jaħdmu jew jirrisjedu b’mod abitwali f’dak l-Istat Membru.

23

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament huma intiżi, b’mod partikolari, li l-persuni kkonċernati jkunu, bħala prinċipju, suġġetti għas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li s-sovrappożizzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnha jiġu evitati. Dan il-prinċipju huwa espress, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Hudzinski u Wawrzyniak, C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339, punt 41).

24

F’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ B. f’dak li jikkonċerna d-dritt tagħha għal xi benefiċċji tal-familja hija ddeterminata mill-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, lil persuna li waqqfet kull attività bis-salarju fit-territorju ta’ Stat Membru u li, konsegwentement, ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament u lanqas ma tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament sabiex taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, għandha tapplika, skont l-Artikolu 13(2)(f) tal-istess regolament, il-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn, qabel, din tkun eżerċitat attività bis-salarju jekk hija għad għandha r-residenza tagħha hemmhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kuusijärvi, C-275/96, EU:C:1998:279, punti 29 u 34).

25

B’applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, B. għaldaqstant tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu, qabel, hija eżerċitat attività bis-salarju u li fih għadha tinsab ir-residenza tagħha, jiġifieri, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Franċiża.

26

F’dan ir-rigward, fil-fatt għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 1408/71, il-kelma “residenza” fis-sens ta’ dan ir-regolament tfisser id-dar fejn normalment joqogħdu, jiġifieri l-post fejn il-persuni kkonċernati jirrisjedu b’mod abitwali u fejn jinsab ukoll iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom, u għaldaqstant jikkostitwixxi kunċett awtonomu u partikolari għad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Swaddling, C-90/97, EU:C:1999:96, punti 28 u 29). Issa, mill-fatti stabbiliti mill-qorti tar-rinviju riprodotti fil-punti 12 u 13 tas-sentenza preżenti jirriżulta li r-residenza abitwali u ċ-ċentru abitwali ta’ interess ta’ B. jinsabu fi Franza.

27

Billi B. hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni Franċiża skont l-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, tqum ukoll il-kwistjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tal-istess regolament jipprekludux li l-benefiċċji tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali jingħataw skont id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru kompetenti fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Ċeka, B. tista’ tibbenefika minn dan il-benefiċċju mis-sempliċi fatt li hija rreġistrat domiċilju fit-territorju tar-Repubblika Ċeka.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li Stat Membru mhux kompetenti jżomm il-possibbiltà li jagħti benefiċċji tal-familja jekk tkun teżisti rabta preċiża u partikolarment mill-qrib bejn it-territorju ta’ dan l-Istat u s-sitwazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li l-prevedibbiltà u l-effettività tar-regoli ta’ koordinazzjoni tal-imsemmi regolament ma jkunux affettwati b’mod sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hudzinski u Wawrzyniak, EU:C:2012:339, punti 65 sa 67).

29

Madankollu, is-sempliċi reġistrazzjoni, minn B., ta’ domiċilju fir-Repubblika Ċeka, mingħajr ma hija tgħix f’dan l-Istat Membru, filwaqt li jidher li hija tirrisjedi b’mod abitwali fi Franza flimkien mal-familja tagħha, fejn hija rċeviet benefiċċji għall-qgħad, allowance tal-maternità sa mid-9 ta’ Frar 2009, u sussegwentement benefiċċju tal-familja li jixbah lil dak li sussegwentement hija talbet lir-Repubblika Ċeka, ma jidhirx, bla ħsara għall-verifikazzjonijiet finali tal-qorti tar-rinviju, ta’ natura li joħolqu tali rabta bejn B. u r-Repubblika Ċeka.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li r-Regolament Nru 1408/71, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li Stat Membru jitqies li huwa l-Istat kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja lil persuna għas-sempliċi fatt li din tal-aħħar għandha domiċilju rreġistrat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma din u l-membri tal-familja tagħha jaħdmu jew jirrisjedu b’mod abitwali fl-imsemmi Stat Membru. L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi wkoll li Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti fir-rigward ta’ persuna kkunsidrata jagħti benefiċċji tal-familja lil din, sakemm ma tkunx teżisti rabta preċiża u partikolarment mill-qrib bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni u t-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru.

Fuq it-tieni domanda

31

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

32

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li Stat Membru jitqies, sa mill-1 ta’ Mejju 2010, bħala l-Istat kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, lil persuna għas-sempliċi fatt li din tal-aħħar għandha domiċilju fit-territorju tiegħu mingħajr ma din u l-membri tal-familja tagħha jaħdmu jew jirrisjedu b’mod abitwali f’dan l-Istat Membru.

33

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 21 tal-preżenti sentenza, f’dan il-każ qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, li l-kliem tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, jipprevedi li l-persuni li għalihom japplika r-Regolament Nru 883/2004 huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, jiġifieri l-Istat kompetenti. Issa, skont l-Artikolu 11(3)(e) ta’ dan l-aħħar regolament, u għal raġunijiet analogi għal dawk sostnuti fil-punti 24 sa 26 tal-imsemmija sentenza, B. tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “residenza” huwa ddefinit, fl-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004, bħala l-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha. L-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 987/2009 jassimila r-residenza maċ-ċentru ta’ interess tal-persuna kkonċernata. Dan l-artikolu jikkodifika wkoll l-elementi mfassla mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-imsemmi ċentru ta’ interess, bħat-tul u l-kontinwità tal-preżenza fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati jew is-sitwazzjoni familjari u r-rabtiet familjari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wencel, C‑589/10, EU:C:2013:303, punt 50).

35

F’dawn il-kundizzjonijiet, u mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 883/2004, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ir-regolament ma introduċa ebda bidla rilevanti fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71 f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet relattivi għall-ħatra tal-Istat Membru kompetenti u l-kunċett ta’ residenza, li huma ta’ importanza prinċipali għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, ir-Repubblika Ċeka ma hijiex, f’din il-kawża, l-Istat kompetenti skont ir-regoli rilevanti tar-Regolament Nru 883/2004.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li r-Regolament Nru 883/2004, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li Stat Membru jitqies li huwa l-Istat kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja lil persuna għas-sempliċi fatt li din tal-aħħar għandha domiċilju rreġistrat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru mingħajr ma hija u l-membri tal-familja tagħha jaħdmu jew jirrisjedu b’mod abitwali fl-imsemmi Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li Stat Membru jitqies li huwa l-Istat kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja lil persuna għas-sempliċi fatt li din tal-aħħar għandha domiċilju rreġistrat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma din u l-membri tal-familja tagħha jaħdmu jew jirrisjedu b’mod abitwali fl-imsemmi Stat Membru. L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi wkoll li Stat Membru, li ma huwiex l-Istat kompetenti fir-rigward ta’ persuna kkunsidrata, jagħti benefiċċji tal-familja lil din, sakemm ma tkunx teżisti rabta preċiża u partikolarment mill-qrib bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni u t-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru.

 

2)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li Stat Membru jitqies bħala l-Istat kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja lil persuna għas-sempliċi fatt li din tal-aħħar għandha domiċilju rreġistrat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru mingħajr ma hija u l-membri tal-familja tagħha jaħdmu jew jirrisjedu b’mod abitwali fl-imsemmi Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top