EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0619

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012.
Trade Agency Ltd vs Seramico Investments Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Eżekuzzjoni — Motivi ta’ kontestazzjoni — Assenza ta’ notifika tal-att promotur — Stħarriġ mill-qorti mitluba — Portata — Valur tal-informazzjoni li tidher fiċ-ċertifikat — Ksur tal-ordni pubbliku — Deċiżjoni ġudizzjarja mingħajr motivazzjoni.
Kawża C-619/10.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:531

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Eżekuzzjoni — Motivi ta’ kontestazzjoni — Assenza ta’ notifika tal-att promotur — Stħarriġ mill-qorti mitluba — Portata — Valur tal-informazzjoni li tidher fiċ-ċertifikat — Ksur tal-ordni pubbliku — Deċiżjoni ġudizzjarja mingħajr motivazzjoni”

Fil-Kawża C-619/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

Trade Agency Ltd

vs

Seramico Investments Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Trade Agency Ltd, minn V. Tihonovs, zvērināts advokāts,

għal Seramico Investments Ltd, minn J. Salims, zvērināts advokāts,

għall-Gvern Latvjan, minn M. Borkoveca u A. Nikolajeva, kif ukoll minn I. Kalniņš, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha u N. Rouam, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Krasuckaitė, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u M. Arciszewski, kif ukoll minn B. Czech, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn A. Henshaw, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Trade Agency Ltd (iktar ’il quddiem “Trade Agency”) u Seramico Investments Ltd (iktar ’il quddiem “Seramico”) dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fil-Latvja u skont ir-Regolament Nru 44/2001, ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Il-premessi 16 sa 18 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:

“(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)

Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.

(18)

B’dana kollu, rispett għad-drittijiet tal-konvenut għandu jfisser illi l-konvenut għandu jkun jista’ jappella fi proċedura avversarja, kontra d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni, jekk jikkonsidra wieħed mir-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni li jkunu preżenti. Proċeduri ta’ rimedju għandhom ikunu disponibbli wkoll għal min iressaq il-każ meta l-applikazzjoni tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet miċħuda.”

4

L-Artikolu 34(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika [l-ordni pubbliku] ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

2)

meta jkun b’nuqqas ta’ dehra, jekk il-konvenut ma kienx ġie servut [notifikat] bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm id-difensur ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk”.

5

L-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jew tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II, jew fil-każ li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 72.

2.   Fl-eżami tal-bażi tas-sentenza msemmija fil-paragrafu ta’ qabel, il-qorti jew l-awtorità għandha tkun marbuta bis-sejbiet dwar il-fatt li fuqhom il-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

3.   Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika [ordni pubbliku] msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”

6

L-Artikolu 36 tal-istess regolament jipprovdi:

“Sentenza barranija taħt l-ebda ċirkostanzi ma’ tista’ tiġi reveduta fuq is-sustanza tagħha.”

7

L-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa fformulat kif ġej:

“Is-sentenza għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli immedjatament mat-twettieq tal-formalitajiet fl-Artikolu 53 mingħajr xi reviżjoni permezz ta’ l-Artikoli 34 u 35. Il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni m’għandiex f’dan l-istadju tal-proċeduri tkun intitolata li tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.”

8

L-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għandha tkun miġjuba immedjatament għall-attenzjoni ta’ l-applikant skond il-proċedura rikjesta bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fih tkun imfittxija l-eżekuzzjoni.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għandha tiġi servuta [notifikata] fuq il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni, akkumpanjata mis-sentenza, jekk dan [din] ma jkunx [tkunx] diġa ġie[t] servut [innotifikata] fuq dik il-parti.”

9

L-Artikolu 43 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun appellata minn kull parti.

2.   L-appell għandu jkun ippreżentat fil-qorti indikata fil-lista ta’ l-Anness III.

3.   L-appell għandu jkun ittrattat skond ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri f’materji kontradittorji.

4.   Jekk il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni tonqos milli tidher quddiem il-qorti ta’ l-appell fil-proċedimenti li jikkonċernaw appell imressaq mill-applikant, l-Artikolu 26(2) sa (4) għandu japplika anki meta l-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni ma jkunx domiċiljat f’xi wieħed mill-Istati Membri.

5.   Appell kontra id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni għandu jiġi ippreżentat fi żmien xahar mis-servizz [notifika] tagħha. Jekk il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni jkun domiċiljat fi Stat Membru apparti minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni, iż-żmien ta’ l-appell għandu jkun ta’ xahrejn u għandu jibda jgħodd mid-data tas-servizz [notifika], jew fuqu jew inkella fir-residenza tiegħu. L-ebda estenzjoni taż-żmien ma tista’ tingħata minħabba distanza.”

10

L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“1.   Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.

2.   Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.”

11

L-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta’ Stat Memnru [Membru] fejn kienet ingħatat is-sentenza għandha toħroġ, fuq it-talba ta’ xi parti interessata, ċertifikat li juża l-formola normali f’L-Anness V ta’ dan ir-Regolament.”

12

L-Artikolu 55 tal-istess regolament jistabbilixxi:

“1.   Jekk ma jiġix prodott iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 54, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista’ tispeċifika żmien għal preżentazzjoni tiegħu jew taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk tikkunsidra li jkollha informazzjoni suffiċjenti quddiemha, teżenta mil-produzzjoni tiegħu.

2.   Jekk il-qorti jew l-awtorità kompetenti tkun teħtieġ, għandha tiġi prodotta traduzzjoni ta’ dawk id-dokumenti. It-traduzzjoni għandha tkun iċċertifikata minn persuna kwalifikata biex tagħmel hekk fl-Istat Membru.”

13

L-Anness V tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi, fil-punt 4.4 [2.10] tiegħu, li ċ-ċertifikat maħruġ mill-qrati tal-Istat Membru li fih ingħatat deċiżjoni għandu jindika d-“[d]ata tas-servizz [notifika] tad-dokument li jibda l-proċeduri fejn is-sentenza ġie[t] mogħti[ja] mingħajr dehra l-qorti”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Seramico ressqet, quddiem il-High Court of Justice, azzjoni intiża sabiex Trade Agency u Hill Market Management LLP jiġu kkundannati jħallsu s-somma ta’ GBP 289 122.10.

15

Hekk kif jirriżulta mill-proċess u skont l-informazzjoni mogħtija mill-High Court of Justice, l-att promotur ta’ din l-azzjoni kien ġie nnotifikat lill-konvenuti fl-10 ta’ Settembru 2009.

16

Madankollu, peress li Trade Agency ma kienet ippreżentat l-ebda risposta, il-High Court of Justice tat, fit-8 ta’ Ottubru 2009, deċiżjoni fil-kontumaċja fejn ikkundannat lill-imsemmija kumpannija abbażi tar-raġunijiet segwenti: “inti ma tajtx risposta għat-talba nnotifikata lilek. Għal din ir-raġuni, inti kkundannata tħallas lill-attriċi s-somma ta’ GBP 289 122.10 bħala debiti, bl-interessi, sad-data tad-deċiżjoni, kif ukoll GBP 130 bħala spejjeż. B’kollox, is-somma li għandek tħallas lill-attriċi tammonta għal GBP 293 582.98”.

17

Fit-28 ta’ Ottubru 2009, Seraminco ressqet talba quddiem ir-Rīgas pilsētas Ziemeļu rajona tiesa (qorti distrettwali tat-tramuntana u tal-belt ta’ Riga) (il-Latvja) intiża sabiex tikseb ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, fil-Latvja, tad-deċiżjoni mogħtija mill-High Court of Justice. Kopja tal-imsemmija deċiżjoni, flimkien maċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat”), ġiet mehmuża ma’ din it-talba.

18

Ir-Rīgas pilsētas Ziemeļu rajona tiesa laqgħet din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2009.

19

Fit-3 ta’ Marzu 2010, ir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (sezzjoni tal-kawżi ċivili tal-qorti reġjonali ta’ Riga) (il-Latvja) caħdet l-appell ippreżentat minn din id-deċiżjoni minn Trade Agency.

20

Sussegwentement, din il-kumpannija appellat quddiem l-Augstākās tiesas Senāts [Senat tal-Qorti Suprema (istanza ta’ kassazzjoni)], fejn sostniet li t-talba intiża għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, fil-Latvja, tad-deċiżjoni tal-High Court kellha tiġi miċħuda, peress li, minn naħa, kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura fir-Renju Unit, billi hija ma kinitx ġiet informata bil-kawża mressqa quddiem il-High Court of Justice, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni adottata minn din l-aħħar qorti kienet tmur manifestament kontra l-ordni pubbliku Latvjan, sa fejn din ma kinitx motivata.

21

F’dan ir-rigward, l-Augstākās tiesas Senāts osservat, l-ewwel nett, li huwa minnu li mir-ratio tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 44/2001 jidher li, meta deċiżjoni barranija hija akkumpanjata miċ-ċertifikat, il-qorti li quddiemha tressqet it-talba għal eżekuzzjoni għandha tillimita ruħha, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja stabbilita fil-premessi 16 u 17 tal-imsemmi regolament, li tirreferi għall-informazzjoni li tinsab f’dan iċ-ċertifikat għal dak li jirrigwarda n-notifika tal-konvenut, mingħajr ma titlob provi ulterjuri.

22

Madankollu, billi tagħmel riferiment għas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C-283/05, Ġabra p. I-12041, punt 29), din il-qorti tosserva li tali konstatazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li aċċettat, fir-rigward tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 44/2001, li r-rispett tad-drittijiet tal-konvenut fin-nuqqas huwa żġurat permezz ta’ stħarriġ doppju, imwettaq ukoll mill-qorti li quddiemha tressqet it-talba għal rikonoxximent jew għal eżekuzzjoni tad-deċiżjoni barranija.

23

Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-ksur tal-ordni pubbliku Latvjan, l-Augstākās tiesas Senāts ikkonstatat l-eżistenza ta’ relazzjoni bejn dan u d-drittijiet fundamentali protetti kemm mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

24

B’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li għalih jikkorrispondi l-Artikolu 47 tal-Karta, ġie interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala li jimponi fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li jindikaw fid-deċiżjonijiet tagħhom il-motivi għaliex dawn tal-aħħar ġew adottati, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jkun possibbli, fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni barranija li tikser tali obbligu. Madankollu, jissussistu inċertezzi inkwantu għall-kwistjoni jekk deċiżjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tesponi ebda argument fuq il-fondatezza tat-talba, tmurx effettivament kontra l-imsemmi Artikolu 47.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Meta deċiżjoni ta’ qorti barranija tkun akkumpanjata mill-formola [ċertifikat] […], iżda minkejja dan il-konvenut jikkontesta li ma ġiex innotifikat bl-azzjoni ġudizzjarja mressqa fl-Istat Membru ta’ oriġini tad-deċiżjoni, il-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija kompetenti, meta tanalizza raġuni għal rifjut ta’ rikonoxximent prevista fl-Artikolu 34(2), tar-Regolament Nru 44/2001, li tivverifika hija stess jekk l-informazzjoni li tinsab fil-formola [ċertifikat] hijiex konformi mal-provi? Ġurisdizzjoni daqshekk wiesgħa tal-qorti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja stabbilit fil-premessi 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001?

2)

Deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, li permezz tagħha l-kwistjoni dwar il-mertu tiġi deċiża mingħajr ma jiġu eżaminati la s-suġġett tat-talba u lanqas il-bażi tagħha u li ma tesponi ebda argument fuq il-fondatezza tar-rikors fir-rigward tal-mertu, hija konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta u tirrispetta d-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq, kif stabbilit minn din id-dispożizzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, l-Augstākās tiesas Senāts tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li għalih jirreferi l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessi 16 u 17 tal-imsemmi regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konvenut jappella mid-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fl-Istat Membru ta’ oriġini u akkumpanjata miċ-ċertifikat, billi jikkontesta li huwa ma ġiex innotifikat bl-att promotur, il-qorti tal-Istat Membru mitlub, li quddiemha ġie ppreżentat l-imsemmi appell, hija kompetenti li tivverifika jekk l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi ċertifikat hijiex konformi mal-provi.

27

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fid-dawl mhux biss tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni iżda wkoll fid-dawl tas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament u tal-għanijiet li huwa jipprova jilħaq.

28

Għal dak li jirrigwarda s-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament, mill-premessa 17 ta’ dan tal-aħħar jirriżulta li l-proċedura intiża sabiex tirrendi eżekuttiva, fl-Istat Membru mitlub, deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tinvolvi biss sempliċi stħarriġ formali tad-dokumenti rikjesti għall-għoti tas-saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru mitlub (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C-139/10, Ġabra p. I-9511, punt 28).

29

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 44/2001, wara t-tressiq ta’ tali talba l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub għandhom, fl-ewwel stadju tal-proċedura, jillimitaw ruħhom li jistħarrġu jekk ġewx sodisfatti dawn il-formalitajiet għall-finijiet tal-għoti tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ din id-deċiżjoni. Konsegwentement, f’din il-fażi tal-proċedura, huma ma jistgħu jwettqu ebda eżami dwar il-punti ta’ fatt u ta’ liġi tal-kawża deċiża permezz tad-deċiżjoni li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba (ara, is-sentenza Prism Investments, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

30

Skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 44/2001, din id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva għandha madankollu tiġi nnotifikata lill-parti li kontriha l-eżekuzzjoni hija mitluba, flimkien, eventwalment, mad-deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru ta’ oriġini jekk din tkun għadha ma ġietx innotifikata lil din il-parti.

31

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001, l-imsemmija dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tista’ tkun is-suġġett, fit-tieni stadju tal-proċedura, ta’ azzjoni ġudizzjarja mressqa mill-konvenut ikkonċernat. Il-motivi ta’ kontestatazzjoni li jistgħu jiġu invokati jissemmew espressament, b’mod eżawrjenti, fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament, li għalihom jirreferi l-Artikolu 45 ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prism Investments, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 33).

32

Għal dak li jirrigwarda preċiżament il-motiv imsemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li għalih jirreferi l-Artikolu 45 ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa intiż sabiex jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-konvenut fin-nuqqas matul il-proċedura miftuħa fl-Istat Membru ta’ oriġini permezz ta’ sistema ta’ stħarriġ doppju (ara, is-sentenza ASML, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). Bis-saħħa ta’ din is-sistema, il-qorti tal-Istat Membru mitlub għandha l-obbligu li tirrifjuta jew li tirrevoka, fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni barranija mogħtija fil-kontumaċja, jekk l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie nnotifikat lill-konvenut fil-ħin u b’mod li dan ikun jista’ jiddefendi ruħu, sakemm ma jkunx appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini meta kien f’pożizzjoni li jagħmel dan.

33

Issa, f’dan il-kuntest, huwa minnu li l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi konvenut ġiex innotifikat bl-att promotur tikkostitwixxi element rilevanti għall-evalwazzjoni globali, ta’ natura fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Klomps, 166/80, Ġabra p. 1593, punti 15 et 18), li għandha ssir mill-qorti tal-Istat Membru mitlub sabiex jiġi vverifikat jekk dan il-konvenut ingħatax iż-żmien neċessarju sabiex jipprepara d-difiża tiegħu jew sabiex jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jevita deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja.

34

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-fatt li d-deċiżjoni barranija hija akkumpanjata miċ-ċertifikat ma jistax jillimita l-portata tal-evalwazzjoni li għandha ssir, bis-saħħa tal-istħarriġ doppju, mill-qorti tal-Istat Membru mitlub, meta hija tanalizza l-motiv ta’ kontestazzjoni msemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

35

Fil-fatt, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ma tipprojbixxi espressament lill-qorti tal-Istat Membru mitlub milli tivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni fattwali li tinsab fiċ-ċertifikat, peress li l-Artikoli 36 u 45(2) ta’ dan ir-regolament jillimitaw il-projbizzjoni ta’ reviżjoni fuq il-mertu biss għad-deċiżjoni ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ oriġini.

36

Sussegwentement, għandu jiġi osservat, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, li sa fejn il-qorti jew l-awtorità kompetenti għall-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat ma tikkorrispondix neċessarjament għal dik li tkun tat id-deċiżjoni li l-eżekuzzjoni tagħha hija mitluba, din l-istess informazzjoni jista’ biss ikollha natura purament indikattiva, b’valur ta’ sempliċi tagħrif. Dan jirriżulta wkoll min-natura unikament ipotetika tal-preżentazzjoni tal-imsemmi ċertifikat, li fin-nuqqas tagħha, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tal-Istat Membru mitlub, li hija kompetenti sabiex tagħti d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, tista’ taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk tqis li ngħatat biżżejjed informazzjoni, tista’ ma titlobx din il-preżentazzjoni.

37

Fl-aħħar nett, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi ppreċiżat li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Anness V tal-imsemmi regolament, l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat hija limitata għall-indikazzjoni tad-“[d]ata tas-servizz [notifika] tad-dokument li jibda l-proċeduri fejn is-sentenza ġie[t] mogħti[ja] mingħajr dehra l-qorti”, mingħajr madakollu ma tirreferi għal indikazzjonijiet utli oħra sabiex jiġi vverifikat jekk il-konvenut ingħatax il-possibbiltà li jiddefendi ruħu, bħal b’mod partikolari l-metodi ta’ notifika jew l-indirizz ta’ dan tal-aħħar.

38

Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-analiżi tal-motiv ta’ kontestazzjoni msemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li għalih jirreferi l-Artikolu 45(1) tiegħu, il-qorti tal-Istat Membru mitlub hija kompetenti sabiex tagħmel evalwazzjoni awtonoma tal-provi kollha u sabiex tivverifika b’hekk, skont il-każ, jekk teżistix konkordanza bejn dawn il-provi u l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat, sabiex tevalwa, l-ewwel nett, jekk il-konvenut fin-nuqqas irċeviex in-notifika tal-att promotur, u, it-tieni nett, jekk din in-notifika saritx fi żmien xieraq u b’tali mod li jkun jista’ jiddefendi ruħu.

39

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

40

Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward li, kif jirriżulta mill-premessi 16 u 17 tal-imsemmi regolament, is-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni prevista fih hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Tali fiduċja teħtieġ li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru jkunu mhux biss rikonoxxuti b’mod sħiħ fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li l-proċedura intiża sabiex tirrendi lil dawn id-deċiżjonijiet eżegwibbli f’dan l-aħħar Stat Membru tkun effettiva u rapida (ara s-sentenza Prism Investments, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

41

F’dan il-kuntest, il-funzjoni mogħtija liċ-ċertifikat tikkonsisti preċiżament f’li tiġi ffaċilitata l-adozzjoni, fl-ewwel stadju tal-proċedura, tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tad-deċiżjoni adottata fl-Istat Membru ta’ oriġini, li tirrendi l-għoti tagħha kważi awtomatika, kif huwa stabbilit espressament fil-premessa 17 tar-Regolament Nru 44/2001.

42

Madankollu, kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, dan l-għan ma jistax jintlaħaq billi jiddgħajfu, bi kwalsijasi mod, id-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ASML, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 u 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-premessi 16 sa 18 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta espressament li s-sistema ta’ kontestazzjoni prevista kontra r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni hija intiża sabiex tistabbilixxi bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jitlob li l-konvenut jkun jista’, skont il-każ, jippreżenta appell, eżaminat fi proċedura kontradittorja, mid-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, jekk iqis li wieħed mill-motivi għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ġie stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Apostolides, C-420/07, Ġabra p. I-3571, punt 73).

44

Issa, huwa f’dan it-tieni stadju tal-proċedura miftuħa fl-Istat Membru mitlub, li tibda biss jekk il-konvenut jippreżenta appell kontra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, li r-Regolament Nru 44/2001 stabbilixxa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, mekkaniżmu ta’ stħarriġ doppju, intiż sabiex jiġi żgurat, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tal-konvenut fin-nuqqas mhux biss matul il-proċedura inizjali fl-Istat Membru ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ASML, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30), iżda wkoll fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru mitlub (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ASML, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

45

Għaldaqstant, il-fatt li tiġi limitata l-portata tas-setgħa ta’ eżami li l-qorti tal-Istat Membru mitlub għandha f’din il-fażi, minħabba biss il-fatt li jkun ġie prodott iċ-ċertifikat, irendi mingħajr ebda effett utli l-istħarriġ li din l-istess qorti għandha twettaq, u, għalhekk, jipprekludi milli jintlaħaq l-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża koperti minn dan ir-regolament u msemmija fil-premessa 18 tiegħu.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li għalih jirreferi l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessi 16 u 17 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konvenut jippreżenta appell mid-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fl-Istat Membru ta’ oriġini u akkumpanjata miċ-ċertifikat, billi jikkontesta li huwa ma ġiex innotifikat bl-att promotur, il-qorti tal-Istat Membru mitlub, li quddiemha ġie ppreżentat l-imsemmi appell, hija kompetenti li tivverifika jekk l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi ċertifikat hijiex konformi mal-provi.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li għalih jirreferi l-Artikolu 45(1) tiegħu, jippermettix lill-qorti tal-Istat Membru mitlub li tirrifjuta, fid-dawl tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-kontumaċja u li tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu, li ma jkun fiha evalwazzjoni la tas-suġġett u lanqas tal-bażi tar-rikors u li hija nieqsa minn kull argument dwar il-fondatezza tiegħu, minħabba li hija tikser id-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta.

48

Qabelxejn, għandu jitfakkar li billi l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod strett peress li jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-imsemmi regolament, l-użu tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku li tinsab f’dan l-Artikolu 34(1) għandu jsir biss f’każijiet eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Apostolides, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-kuntest, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza wkoll stabbilita, għalkemm l-Istati Membri, bħala prinċipju, jibqgħu ħielsa, bis-saħħa tar-riżerva fl-imsemmi Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jiddeterminaw, skont il-kunċetti nazzjonali tagħhom, l-eżiġenzi tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach, C-7/98, Ġabra p. I-1935, punt 22; tal-11 ta’ Mejju 2000, Renault, C-38/98, p. I-2973, punt 27, u Apostolides, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, iżda għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru jista’ jkollha rikors għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krombach, punt 23, Renault, punt 28, u Apostolides, punt 57).

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi jipprojbixxu l-istħarriġ tal-mertu ta’ deċiżjoni barranija, l-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxu lill-qorti tal-Istat Membru mitlub milli tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat Membru mitlub kieku ġiet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krombach, punt 36, Renault, punt 29, u Apostolides, punt 57).

51

Għalhekk, għandu jsir użu mill-klawżola dwar l-ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-każ biss li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor jolqot b’mod inaċċettabbli l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub, peress li jippreġudika prinċipju fundamentali. Il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola ta’ dritt meqjusa bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krombach, punt 37, Renault, punt 30, u Apostolides, punt 59).

52

Għal dak li jirrigwarda d-dritt għal smigħ xieraq, li għalih tagħmel riferiment id-domanda magħmula, għandu jitfakkar li dan id-dritt jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u ġie kkonfermat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet li jirrgwardaw dan l-artikolu, għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 32).

53

Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq jirrikjedi li kull deċiżjoni ġudizzjarja tkun motivata, u dan sabiex il-konvenut ikun jista’ jifhem ir-raġunijiet għall-kundanna tiegħu u jappella minn tali deċiżjoni b’mod utli u effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ASML, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

54

Minn dan jirriżulta li qorti tal-Istat Membru mitlub tista’ tqis, bħala prinċipju, li deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja u nieqsa minn evalwazzjoni għal dak li jirrigwarda s-suġġett, il-bażi kif ukoll il-fondatezza tar-rikors, tikkostitwixxi restrizzjoni ta’ dritt fundamentali fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru.

55

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet madankollu li d-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jkollhom restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jikkorrispondu għal għanijiet ta’ interess ġenerali li jridu jintlaħqu mill-miżuri inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, ksur manifest u sproporzjonat tad-drittijiet kif garantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’Ġunju 2006, Dokter et, C-28/05, Ġabra p. I-5431, punt 75; tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi, C-394/07, Ġabra p. I-2563, punt 29, kif ukoll tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini, C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punt 63).

56

F’dan il-każ, il-Gvern tar-Renju Unit ippreċiża li deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja, bħal dik tal-High Court of Justice fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi adottata biss meta, minn naħa, ir-rikorrent jinnotifika u jippreżenta t-talba inizjali (“claim form”) kif ukoll sunt dettaljat tat-talbiet (“particulars of claim”) li jkun fih preżentazzjoni dettaljata tal-motivi u tal-fatti li wasslu għall-kawża, li għalih tirreferi b’mod impliċitu d-deċiżjoni stess, u, min-naħa l-oħra, il-konvenut, għalkemm ikun ġie informat regolarment bil-kawża mressqa kontrih, ma jippreżentax jew juri l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta risposta fit-terminu stabbilit.

57

F’din is-sistema proċedurali, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni fil-kontumaċja għandha bħala għan li jiġi żgurat li l-proċeduri mibdija għall-irkurpu ta’ debiti mhux ikkontestati jimxu b’ħeffa, b’mod effikaċji u b’inqas spejjeż, u dan fid-dawl ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

58

Issa, għandu jingħad li tali għan jista’, fih innifsu, jiġġustifika restrizzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq, peress li dan id-dritt jirrikjedi li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jkunu motivati.

59

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fir-rigward taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża prinċipali, jekk ir-restrizzjoni stabbilita mis-sistema proċedurali tar-Renju Unit hijiex manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-għan li jrid jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambazzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

60

Minn din il-perspettiva, għandu jiġi kkonstatat, kif osservat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tista’ tvarja skont in-natura tad-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni u għandha tiġi analizzata, fir-rigward tal-proċedura kkunsidrata fit-totalità tagħha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji proċedurali involuti f’din id-deċiżjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn tal-aħħar jiżgurawx lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jappellaw b’mod utli u effettiv mill-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C-341/04, Ġabra p. I-3813, punt 66, kif ukoll Gambazzi, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40, 45 u 46).

61

Dan jimplika, fil-kawża prinċipali, li l-qorti tar-rinviju tista’ tevalwa, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 88 u 89 tal-konklużjonijiet tagħha, b’mod partikolari jekk, u sa fejn, Trade Agency kinitx taf dwar is-sunt dettaljat tat-talbiet ta’ Seramico Investments, kif ukoll ir-rimedji li Trade Agency użat, wara l-għoti tal-imsemmija deċiżjoni, sabiex titlob il-modifika jew ir-revoka tagħha.

62

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li għalih jirreferi l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tirrifjuta, fid-dawl tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-kontumaċja u li tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu, li ma jkun fiha evalwazzjoni la tas-suġġett u lanqas tal-bażi tar-rikors u li hija nieqsa minn kull argument dwar il-fondatezza tiegħu, ħlief meta jidhrilha, wara evalwazzjoni globali tal-proċedura u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li din id-deċiżjoni tikser manifestament u b’mod sproporzjonat id-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq, imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba l-impossibbiltà li jappella b’mod utli u effettiv mill-imsemmija deċiżjoni.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li għalih jirreferi l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-premessi 16 u 17 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-konvenut jippreżenta appell mid-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja fl-Istat Membru ta’ oriġini u akkumpanjata miċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 54 tal-istess regolament, billi jikkontesta li huwa ma ġiex innotifikat bl-att promotur, il-qorti tal-Istat Membru mitlub, li quddiemha ġie ppreżentat l-imsemmi appell, hija kompetenti li tivverifika jekk l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi ċertifikat hijiex konformi mal-provi.

 

2)

L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li għalih jirreferi l-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tirrifjuta, fid-dawl tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku, l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fil-kontumaċja u li tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu, li ma jkun fiha evalwazzjoni la tas-suġġett u lanqas tal-bażi tar-rikors u li hija nieqsa minn kull argument dwar il-fondatezza tiegħu, ħlief meta jidhrilha, wara evalwazzjoni globali tal-proċedura u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li din id-deċiżjoni tikser manifestament u b’mod sproporzjonat id-dritt tal-konvenut għal smigħ xieraq, imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-impossibbiltà li jappella b’mod utli u effettiv mill-imsemmija deċiżjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top